Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0153

2008/153/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 13 ta’ Novembru 2007 – Għajnuna mill-Istat C 37/2006 (ex NN 91/2005) – Skema għall-Immodernizzar tal-Bastimenti tas-Sajd implimentata fir-Renju Unit (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 5395) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 48, 22.2.2008, p. 65–70 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/153/oj

22.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 48/65


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta’ Novembru 2007

Għajnuna mill-Istat C 37/2006 (ex NN 91/2005) – Skema għall-Immodernizzar tal-Bastimenti tas-Sajd implimentata fir-Renju Unit

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 5395)

(Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/153/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom skond id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq (2),

Billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

Permezz ta’ ittra li ġġib id-data tal-15 ta’ Ġunju 2004, il-Kummissjoni ġiet mgħarrfa minn ċittadin tar-Renju Unit li l-Kunsill tal-Gżejjer Shetland, li huwa l-awtorità pubblika tal-Gżejjer Shetland fir-Renju Unit, kien implimenta għajnuna għas-settur tas-sajd, li setgħet ikkonċernat għajnuna illegali mill-Istat. Permezz ta’ ittri li jġibu d-dati ta’ l-24 ta’ Awwissu 2004, l-4 ta’ Frar 2005, il-11 ta’ Mejju 2005 u s-16 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni talbet lir-Renju Unit biex jipprovdi informazzjoni dwar għajnuna bħal din. Permezz ta’ ittri li jġibu d-dati ta’ l-10 ta’ Diċembru 2004, tas-6 ta’ April 2005, it-8 ta’ Settembru 2005 u l-31 ta’ Jannar 2006, ir-Renju Unit ipprovda lill-Kummissjoni b'informazzjoni ulterjuri.

(2)

B'ittra datata t-13 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni informat lir-Renju Unit li kienet iddeċidiet li tagħti bidu għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 88(2) tat-Trattat tal-KE fir-rigward ta’ l-għajnuna. Ir-Renju Unit ippreżenta l-kummenti tiegħu dwar l-għajnuna permezz ta’ ittri bid-dati tas-16 ta’ Ottubru 2006 u s-6 ta’ Frar 2007.

(3)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinbeda l-proċedura ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea  (3). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna.

(4)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment mingħand partijiet interessati.

II.   DESKRIZZJONI DETTALJATA

(5)

Il-Kunsill tal-Gżejjer Shetland ta ħlasijiet lis-settur tas-sajd fl-ambitu ta’ żewġ miżuri ta’ għajnuna ġenerali, msejħa “Aid to the Fish Catching and Processing Industry” u “Aid to the Fish Farming Industry”, jiġifieri “għajnuna għall-Industrija tal-qbid u ta’ l-ipproċessar tal-ħut” u “Għajnuna għall-Industrija tat-Trobbija tal-Ħut għall-Ikel”, li fil-fatt kienu jikkonsistu f'diversi tipi ta’ skemi ta’ għajnuna fis-seħħ mill-1970. Skema bħal dawn kienet il-“Fishing Vessel Modernisation Scheme”, jew l-“Iskema għall-Immodernizzar tal-Bastimenti tas-Sajd” (“l-iskema”). Taħt l-iskema, li damet tapplika għallinqas mill-1980 sa l-14 ta’ Jannar 2005, l-għajnuna setgħet tingħata għall-immodernizzar ta’ bastimenti tas-sajd, marbuta ma’ titjib kbir, bħal pereżempju, stivar aħjar tal-qabdiet, sostituzzjoni tal-magna, titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol jew is-sikurezza ta’ l-ekwipaġġ.

(6)

Ngħatat għajnuna sa 10 % ta’ l-ispejjeż totali tal-proġett ta’ titjib, b'ammont massimu ta’ GBP 40 000 kull bastiment. Setgħet titqies biss applikazzjoni waħda fis-sena. Il-proġetti ta’ titjib li qabżu l-50 % ta’ l-ispejjeż ta’ bastiment ġdid ta’ l-istess tip ma kinux eliġibbli, bħalma kien ukoll xogħol fuq bastimenti ta’ inqas minn ħames snin. Ix-xogħlijiet kellhom jissodisfaw l-istandards kollha meħtieġa kif speċifikati mix-Shetland Seafood Quality Control.

(7)

L-applikanti kollha kienu jeħtieġu liċenzja ta’ l-istokkijiet ta’ pressjoni u ċertifikati rilevanti oħra ta’ kompetenza, u l-applikanti kellhom isiru membri tax-“Shetlands Fishermen's Association” (l-Assoċjazzjoni tas-Sajjieda tal-Gżejjer Shetland).

(8)

Il-benefiċjarji ta’ l-għajnuna kellhom jintrabtu li joperaw il-bastiment tagħhom fuq bażi “full-time”, iżommu s-sjieda tal-bastiment u jipprovdu xogħol full-time għall-ekwipaġġ tal-bastiment għal perjodu ta’ mhux inqas minn ħames snin minn meta tingħata l-għajnuna. Finalment, il-benefiċjarji kellhom obbligu ta’ rappurtar ta’ kull sena sabiex jiġi ppruvat li l-kundizzjonijiet kollha kienu ġew irrispettati u l-iskema kien fiha dispożizzjoni għall-ħlas lura ta’ l-għajnuna fil-każ ta’ nonkonformità ma’ kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet.

Raġunijiet għall-bidu tal-proċedura

(9)

Il-Kummissjoni kellha dubji serji jekk l-għajnuna mogħtija fil-kuntest ta’ l-iskema wara l-1 ta’ Lulju 2001 setgħetx titqies bħala kompatibbli mar-rekwiżiti tal-Linjigwida għall-Eżaminar ta’ l-Għajnuna mill-Istat għas-Sajd u l-Akkwakultura ta’ l-2001 (4) (“Il-Linjigwida ta’ l-2001”) flimkien ma’ l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2792/1999 tas-17 ta’ Diċembru 1999 li jippreskrivi r-regoli u l-arranġamenti dettaljati rigward l-għajnuna Komunitarja strutturali fis-settur tas-sajd (5), b'mod partikolari mal-kundizzjoni li ma tista’ tingħata l-ebda għajnuna għall-immodernizzar ta’ bastimenti tas-sajd jekk din tirrigwarda l-kapaċità f'termini ta’ tunnellaġġ jew ta’ qawwa.

III.   KUMMENTI MIR-RENJU UNIT

(10)

Fl-ittri tiegħu tas-16 ta’ Ottubru 2006 u s-6 ta’ Frar 2007, ir-Renju Unit ipprovda aktar tagħrif dwar l-għajnuniet individwali mogħtija fil-kuntest ta’ l-iskema wara l-1 ta’ Lulju 2001. Fil-perjodu minn Awwissu 2002 sa Ġunju 2005 ngħataw 23 għajnuna għall-immodernizzar tal-bastimenti, li kienu jirrigwardaw, fost affarijiet oħra, sistemi għat-trattament tal-ħut, tagħmir għat-tifi tan-nar, għajnuniet għall-vinċijiet jew krejnijiet ta’ fuq il-gverta u għas-sostituzzjoni tal-magni. L-ammont ta’ għajnuna li ngħatat kienet tvarja bejn GBP 403 u GBP 7 090 kull benefiċjarju.

(11)

Fir-rigward tal-konformità mal-kundizzjoni ta’ l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 2792/1999 li l-ebda għajnuna ma tista’ tingħata meta l-immodernizzar jirrigwarda kapaċità f'termini ta’ tunnellaġġ jew ta’ qawwa, ir-Renju Unit iddikjara li l-ebda titjib li ġie ffaċilitat mill-għotjiet ta’ l-għajnuna ma affettwa t-tunnellaġġ gross jew il-qawwa, ta’ kwalunkwe bastiment.

(12)

Barra minn hekk, ir-Renju Unit ipprovda tagħrif li wera li l-ebda waħda mill-għotjiet ta’ l-għajnuna ma qabżet l-40 % ta’ l-ispejjeż eliġibbli.

(13)

Finalment, ir-Renju Unit esprima l-fehma li jekk il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni negattiva, m'għandux ikun meħtieġ l-irkupru ta’ l-għajnuna mogħtija qabel it-3 ta’ Ġunju 2003 peress li dan imur kontra l-prinċipju tal-ħarsien ta’ l-istennijiet leġittimi. F'dak ir-rigward, ir-Renju Unit irrifera għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/612/KE tat-3 ta’ Ġunju 2003 dwar self għax-xiri ta’ kwoti tas-sajd fil-Gżejjer Shetland (ir-Renju Unit) (6) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/226 tas-7 ta’ Diċembru 2005 dwar Investimenti ta’ Twellija u Żvilupp tal-Proprjetà fuq il-Gżejjer Shetland (ir-Renju Unit) (7) (traduzzjonijiet mhux uffiċjali), fejn stqarret li sat-3 ta’ Ġunju 2003, il-Kunsill tal-Gżejjer Shetland qies b'mod leġittimu li l-fondi użati għal għajnuna bħal din kienu privati u mhux pubbliċi.

IV.   VALUTAZZJONI TA’ L-GĦAJNUNA

(14)

L-ewwelnett għandu jiġi ddeterminat jekk il-miżura tistax titqies bħala għajnuna mill-Istat u jekk dan huwa l-każ, jekk hijiex kompatibbli mas-suq komuni. L-għajnuna ngħatat lil għadd limitat ta’ kumpaniji fi ħdan is-settur tas-sajd, u b'hekk hija ta’ natura selettiva. L-għajnuna ngħatat mill-Kunsill tal-Gżejjer Shetland mir-riżorsi ta’ l-istat. L-għajnuna kienet ta’ benefiċċju għal reċipjenti li kienu f'kompetizzjoni diretta ma’ kumpaniji oħra fis-settur tas-sajd, kemm fi ħdan ir-Renju Unit, kif ukoll fi Stati Membri oħra. Għalhekk il-miżuri jgħawġu jew jheddu li jgħawġu l-kompetizzjoni u għandhom jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat fl-ambitu ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE.

(15)

Fir-rigward ta’ l-għajnuna mill-Istat għas-settur tas-sajd, l-għajnuna mill-Istat titqies bħala kompatibbli mas-suq komuni jekk tkun konformi mal-kundizzjonijiet tal-Linjigwida għall-eżaminar ta’ l-għajnuna mill-Istat għas-Sajd u l-akkwakultura (8) ta’ l-2004 (“il-linjigwida 2004”). Skond it-tieni paragrafu tal-punt 5.3 tal-Linjigwida 2004:“‘għajnuna illegali’ fil-kuntest ta’ l-Artikolu 1(f) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 tiġi vvalutata skond il-linjigwida applikabbli fil-ħin li l-att amministrattiv li jistabbilixxi l-għajnuna jkun daħal fis-seħħ”. Dan huwa wkoll f'konformità mar-regoli ġenerali espressi fl-avviż mill-Kummissjoni dwar id-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għall-valutazzjoni ta’ għajnuna illegali mill-Istat (9). L-għajnuna għalhekk għandha tiġi vvalutata fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mal-Linjigwida ta’ l-2001 u mal-Linjigwida ta’ l-2004.

Kompatibbiltà ta’ l-iskema

Il-Kundizzjonijiet tal-Linjigwida

Il-Linjigwida ta’ l-2001

(16)

Skond il-punt 2.2.3.2 tal-Linjigwida 2001, applikabbli għall-għajnuna eżistenti mill-1 ta’ Lulju 2001, l-għajnuna għall-immodernizzar ta’ bastimenti kummissjonati tista’ titqies bħala kompatibbli mas-suq komuni sakemm din tkun konformi mar-rekwiżiti rilevanti stipulati fir-Regolament (KE) Nru 2792/1999.

Ir-Regolament 2792/1999

(17)

L-Artikoli 6, 7, 9 u 10 tar-Regolament (KE) Nru 2792/1999 u l-Anness III tiegħu jesiġu li kwalunkwe dħul ta’ kapaċità ġdida għandha tkun ikkumpensata bl-irtirar ta’ kapaċità eżistenti mingħajr għajnuna pubblika li tkun minn ta’ l-inqas ugwali għall-kapaċità ġdida introdotta fis-setturi kkonċernati. Sal-31 ta’ Diċembru 2001, meta l-għanijiet għad-daqs tal-flotta kienu għadhom mhux irrispettati, l-irtirar tal-kapaċità kellu jkun għallinqas 30 % aktar mill-kapaċità ġdida li ġiet introdotta.

(18)

L-għajnuna tista’ tingħata biss meta l-Istat Membru jkun ippreżenta l-informazzjoni li tirrigwarda l-applikazzjoni tal-Programm ta’ Gwida multijannwali (“MAGP”), ikun konformi ma’ l-obbligi tiegħu skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2930/86 tat-22 ta’ Settembru 1986 li jiddefinixxi l-karatteristiċi tad-dgħajjes (bastimenti) tas-sajd (10), ikun implimenta l-arranġamenti permanenti għat-tiġdid tal-flotta u l-immodernizzar skond l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 2792/1999, u jkun konformi ma’ l-għanijiet kumplessivi ta’ l-MAGP.

(19)

Barra minn hekk, l-għajnuna għall-immodernizzar tal-bastimenti tas-sajd tista’ tingħata biss jekk l-għajnuna ma tirrigwardax kapaċità f'termini ta’ tunnellaġġ jew ta’ qawwa.

(20)

Finalment, il-bastimenti jridu jkunu rreġistrati fir-reġistru tal-flotta u kwalunkwe tibdil fil-karatteristiċi tal-bastimenti jrid jiġi kkomunikat lil dan ir-reġistru. It-tibdil ta’ l-irkaptu tas-sajd m'huwiex eliġibbli.

(21)

Peress li x-Shetland huwa reġjun “objective I”, tista’ tingħatalu għajnuna sa 40 % ta’ l-ispejjeż totali eliġibbli.

Ir-Regolament (KE) Nru 2369/2002

(22)

Fl-1 ta’ Jannar 2003, l-Artikoli u l-Anness rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 2792/1999 ġew emendati bir-Regolament (KE) Nru 2369/2002 (11). Flimkien mal-kundizzjonijiet eżistenti tar-Regolament (KE) Nru 2792/1999, l-għajnuna għall-immodernizzar tal-bastimenti tas-sajd ġiet ristretta aktar fis-sens li għajnuna bħal din tista’ tingħata biss bil-kundizzjoni li l-għajnuna ma tintużax biex tiżdied l-effettività ta’ l-irkaptu tas-sajd.

(23)

Fir-rigward tal-kundizzjoni li tikkonċerna l-fatt li l-għajnuna ma għandhiex tirrigwarda l-kapaċità f'termini ta’ tunnellaġġ jew ta’ qawwa, l-emendi magħmula permezz tar-Regolament (KE) Nru 2369/2002 introduċew eżenzjoni għal dik ir-restrizzjoni, li tippermetti għajnuniet ta’ dan it-tip meta jkunu f'konformità ma’ l-Artikolu 11(5) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 (12), li jippermetti żidiet fil-kapaċità fil-każ ta’ xogħlijiet ta’ mmodernizzar fuq il-gverta prinċipali sabiex tittejjeb is-sikurezza abbord, il-kundizzjonijiet ta’ xogħol, l-iġjene u l-kwalità tal-prodott.

Ir-Regolament (KE) Nru 1421/2004

(24)

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet li jirrigwardaw is-sostituzzjoni ta’ l-irkaptu tas-sajd, ir-Regolament (KE) Nru 2792/1999 aktar tard ġie emendat bir-Regolament (KE) Nru 1421/2004 (13), li daħal fis-seħħ fis-26 ta’ Awwissu 2004. Skond ir-Regolament (KE) Nru 2792/1999, kif emendat, it-tibdil ta’ l-irkaptu tas-sajd jista’ jitqies bħala eliġibbli jekk il-bastiment ikun soġġett għal pjan ta’ rkupru u jkun meħtieġ itemm il-parteċipazzjoni tiegħu fis-sajd ikkonċernat u jistad għal speċijiet oħra b'irkaptu tas-sajd differenti. F'każ bħal dan, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li l-ewwel tibdil ta’ l-irkaptu tas-sajd, meta l-possibbiltajiet tas-sajd jitnaqqsu b'mod sinifikanti minn pjan ta’ rkupru jista’ jitqies bħala eliġibbli.

Il-Linjigwida ta’ l-2004

(25)

Il-Linjigwida ta’ l-2004 kellhom jiġu applikati għall-iskemi eżistenti kollha mill-1 ta’ Jannar 2005. Fir-rigward ta’ l-għajnuna għall-immodernizzar tal-bastimenti tas-sajd, dawn il-linjigwida jirreferu għall-Artikoli 9 u 10, u l-punt 1.4 ta’ l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 2792/1999 u b'hekk jibqgħu japplikaw l-istess kundizzjonijiet.

Kompatibbiltà

(26)

Mill-informazzjoni pprovduta mir-Renju Unit, nistgħu nikkonkludu li, matul il-perjodu minn Awwissu 2002 sa Ġunju 2005, ngħataw 23 għajnuna għall-immodernizzar tal-bastimenti, inklużi ħamsa għas-sostituzzjoni tal-magni u waħda għal proġett li rrigwarda l-magna awżiljari, il-pompa u l-unità tal-klaċċ.

(27)

Skond ir-Renju Unit, l-ebda titjib minn dan li ssemma, li kien iffaċilitat mill-għotjiet, ma affettwa t-tunnellaġġ gross jew il-qawwa ta’ kwalunwke bastiment u għalhekk l-għajnuniet kienu kompatibbli mal-kundizzjonijiet tal-linjigwida rispettivi.

(28)

Fir-rigward tas-17-il għotja għall-immodernizzar tal-bastimenti, minbarra t-tibdil tal-magni u l-proġett li kien jikkonċerna l-magna awżiljari, il-pompa u l-unità tal-klaċċ, ir-Renju Unit ipprovda tagħrif li wera li l-għajnuna hija konformi mal-kundizzjonijiet imsemmija fil-Linjigwida applikabbli fil-waqt li ngħatat l-għajnuna.

(29)

Madankollu, fir-rigward tas-sitt għotjiet li jifdal, skond l-Artikolu 9(1)(c)(i) tar-Regolament (KE) Nru 2792/1999, l-għajnuna m'għandhiex tirrigwarda “l-kapaċità mkejla f'termini ta’ tunnellaġġ metriku (tal-bastiment) jew ta’ qawwa (tal-magna)”. It-tibdil ta’ magna ta’ bastiment tas-sajd jirrigwarda l-kapaċità tal-bastiment f'termini ta’ qawwa u għalhekk ma tista’ tingħata l-ebda għajnuna għal għanijiet bħal dawn. Dan ġie kkonfermat ukoll lill-Istati Membri kollha permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Mejju 2003 (Referenza D(2003)37148) mis-Sur Holmquist, id-Direttur Ġenerali għas-sajd. Fuq l-istess linja, l-għajnuna għall-proġett li kien jirrigwarda l-magna awżiljari, il-pompa u l-unità tal-klaċċ ma tistax tingħata.

(30)

Fir-rigward ta’ l-emendi għar-Regolament (KE) Nru 2792/199, imsemmija fil-Premessa 23, dawk is-sitt proġetti ta’ mmodernizzar seħħew kollha taħt il-gverta u għalhekk ma jistgħux jitqiesu bħala rilevanti għall-finijiet ta’ l-Artikolu 11(5) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

(31)

Fid-dawl tal-premessi preċedenti 26 sa 30, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna mogħtija taħt l-iskema għas-sitt proġetti ta’ mmodernizzar fir-rigward tal-kapaċità tal-bastiment f'termini ta’ tunnellaġġ jew qawwa mhix kompatibbli ma’ l-Artikolu 9(1)(c)(i) tar-Regolament (KE) Nru 2792/1999 u għalhekk inkompatibbli mal-Linjigwida 2001 u 2004. L-għajnuna l-oħra mogħtija taħt din l-iskema, madankollu, hija kompatibbli ma’ dawk il-kundizzjonijiet.

Irkupru ta’ għajnuna

(32)

Skond l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f'każijiet ta’ għajnuna illegali, il-Kummissjoni trid tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri neċessarji kollha biex jirkupra l-għajnuna mingħand il-benefiċjarju.

(33)

Ir-Renju Unit qajjem il-kwistjoni li l-Kummissjoni m'għandhiex titlob l-irkupru ta’ l-għajnuna peress li dan imur kontra l-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-istennijiet leġittimi, u huwa tal-fehma li dan il-prinċipju japplika f'dan il-każ.

(34)

Il-fondi użati għall-finanzjament ta’ l-iskema huma l-istess fondi użati għall-għajnuniet soġġetti għad-deċiżjonijiet negattivi meħuda mill-Kummissjoni fid-Deċiżjonijiet 2003/612/KE u 2006/226/KE, kif jissemmew fil-Premessa 13 ta’ din id-Deċiżjoni. F'dawk il-każijiet, il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn il-fondi jridu jitqiesu bħala riżorsi Statali għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 87 tat-Trattat tal-KE. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li fiċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każijiet ikkonċernati, kienu nħolqu stennijiet leġittimi fir-rigward tan-natura privata tal-fond ikkonċernat min-naħa tal-Kunsill tal-Gżejjer Shetland u korpi involuti permezz tal-kombinazzjoni ta’ għadd ta’ elementi flimkien, li pprekludew l-irkupru ta’ l-għajnuna inkompatibbli mill-Istat.

(35)

Huwa meqjus, madankollu, li f'dan il-każ l-elementi kkunsidrati f'dawk iż-żewġ Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni ma jistgħux jiġu applikati bl-istess mod u l-istennijiet leġittimi ma kinux inħolqu. Il-Kummissjoni tinnota, b'mod partikolari, l-azzjonijiet u l-istqarrijiet mir-Renju Unit, li juru biċ-ċar li, fil-ħinijiet rispettivi ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna, l-awtoritajiet responsabbli kienu konvinti li l-iskema kienet, fil-fatt, skema ta’ l-għajnuna mill-Istat u li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat kienu applikabbli.

(36)

Biex waslet għal dik il-konklużjoni, il-Kummissjoni osservat li, għall-kuntrarju ta’ l-għajnuniet soġġetti għad-Deċiżjonijiet 2003/612/KE u 2006/226/KE, l-iskema kkonċernata kienet twaqqfet bħala skema normali ta’ l-għajnun au tirrigwarda għotjiet diretti lis-sajjieda, mogħtija direttament mill-Kunsill tal-Gżejjer Shetland. Barra minn hekk, iċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ dan il-każ urew biċ-ċar li l-Awtoritajiet tar-Renju Unit infushom qiesu li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat kienu applikabbli, peress li kienu jinkludu kontinwament in-nefqa taħt l-iskema fir-rapporti annwali ta’ l-għajnuna mill-Istat li r-Renju Unit kien iressaq għand il-Kummissjoni skond l-obbligi Komunitarji. Fil-fatt, b'risposta għall-mistoqsija li qajmet il-Kummissjoni, ir-Renju Unit, fl-ittra tiegħu ta’ l-10 ta’ Diċembru 2004 stqarr li: “ħlasijiet fl-ambitu ta’ l-iskema ġew inklużi fl-Inventarju Annwali ta’ l-Għajnuna mill-Istat u mibgħuta lill-Kummissjoni kull sena, kif meħtieġ, għal ħafna snin” u fl-ittra tiegħu tas-6 ta’ April 2005 li: “L-awtoritajiet tiegħi, matul is-snin, aġixxew sinċerament u bit-twemmin li l-Iskema kienet konformi mal-linjigwida dwar l-għajnuna mill-Istat”.

(37)

Fid-dawl ta’ dawk l-istqarrijiet, u ċ-ċirkostanzi tal-każ, il-Kummissjoni hija tal-fehma li ma jistax jitqies li l-ħtieġa ta’ l-irkupru ta’ l-għajnuna hija kontradittorja għall-prinċipju ġenerali tal-liġi Komunitarja. Għalhekk, skond l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-Renju Unit għandu jieħu l-miżuri kolha meħtieġa biex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarji ta’ l-iskema, mingħajr preġudizzju għall-każijiet li jaqgħu fl-ambitu tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 875/2007 ta’ l-24 ta’ Lulju 2007 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE rigward għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1860/2004 (14).

(38)

F'dak ir-rigward, għandu jingħad li skond l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, sabiex jiġi żgurat li tiġi rrestawrata l-kompetizzjoni effettiva, l-irkupru għandu jinkludi wkoll l-interessi. L-interessi għandhom jiġu kkalkulati fuq bażi komposta skond il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (15).

(39)

Il-Kummissjoni titlob lir-Renju Unit biex jirritornalha l-kwestjonarju mehmuż li jikkonċerna l-istatus attwali tal-proċedura ta’ rkupru u biex iħejji lista ta’ benefiċjarji li huma kkonċernati bl-irkupru ta’ l-għajnuna.

V.   KONKLUŻJONI

(40)

Fid-dawl tal-valutazzjoni magħmula fis-Sezzjoni IV, il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-Renju Unit, fi ksur ta’ l-Artikolu 88(3) tat-Trattat tal-KE, ta għajnuna illegali fil-kuntest ta’ l-Iskema għall-Immodernizzar tal-Bastimenti tas-Sajd.

(41)

Il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna mogħtija fil-kuntest ta’ din l-iskema hija kompatibbli mas-suq komuni, bl-eċċezzjoni għall-għajnuna mogħtija għall-proġetti ta’ mmodernizzar li jirrigwardaw il-kapaċità f'termini ta’ tunnellaġġ jew qawwa,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-għajnuna mill-Istat implimentata mir-Renju Unit fuq il-bażi ta’ l-Iskema għall-Immodernizzar tal-Bastimenti tas-Sajd hija kompatibbli mas-suq komuni, sa fejn tikkonċerna għajnuna mogħtija għall-proġetti ta’ mmodernizzar li ma jirrigwardawx il-kapaċità f'termini ta’ tunnellaġġ jew qawwa.

2.   L-għajnuna mill-Istat implimentata mir-Renju Unit fuq il-bażi ta’ l-Iskema għall-Immodernizzar tal-Bastimenti tas-Sajd mhijiex kompatibbli mas-suq komuni, sa fejn tikkonċerna għajnuna mogħtija għall-proġetti ta’ mmodernizzar li jirrigwardaw il-kapaċità f'termini ta’ tunnellaġġ jew qawwa.

Artikolu 2

L-għajnuna individwali msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-Deċiżjoni ma tikkostitwixxix għajnuna jekk tissodisfa l-Kundizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 875/2007.

Artikolu 3

1.   Ir-Renju Unit għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirkupra l-għajnuna inkompatibbli mogħtija fil-kuntest ta’ l-iskema msemmija fl-Artikolu 1(2) mill-benefiċjarji, minbarra l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2.

2.   L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati għandhom jinkludu l-interessi mid-data meta tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sad-data ta’ l-irkupru effettiv tagħhom.

3.   L-interessi għandhom jiġu kkalkulati fuq bażi komposta skond il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004.

4.   Ir-Renju Unit għandu jikkanċella l-ħlasijiet pendenti kollha ta’ għajnuna taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 b'effett mid-data ta’ l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

Artikolu 4

1.   L-irkupru ta’ l-għajnuna mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jkun immedjat u effettiv.

2.   Ir-Renju Unit għandu jassigura li din id-deċiżjoni tkun implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 5

1.   Fi żmien xahrejn wara d-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, ir-Renju Unit għandu jippreżenta l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(a)

il-lista ta’ benefiċjarji li rċevew għajnuna msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-Deċiżjoni li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 875/2007, u l-ammont totali ta’ l-għajnuna li rċieva kull wieħed minnhom;

(b)

l-ammont totali (kapital u interessi) li għandu jiġi rkuprat mingħand kull benefiċjarju;

(c)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati biex is-sitwazzjoni ssir konformi ma’ din id-Deċiżjoni; kif ukoll

(d)

dokumenti li juru li l-benefiċjarji ġew ordnati jħallsu lura l-għajnuna.

2.   Ir-Renju Unit għandu jżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali li ttieħdu biex tkun implimentata din id-Deċiżjoni sakemm l-għajnuna mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 tkun ġiet irkuprata totalment.

Għandu jippreżenta immedjatament, fuq talba tal-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati biex is-sitwazzjoni ssir konformi ma’ din id-Deċiżjoni.

Ir-rapport għandu wkoll jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar l-ammont ta’ għajnuna u l-interessi għall-irkupru diġà koperti mingħand il-benefiċjarji.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

Magħmul fi Brussel, 13 ta’ Novembru 2007

Għall-Kummissjoni

Joe BORG

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(2)  ĠU C 293, 2.12.2006, p. 9.

(3)  ĠU C 293, 2.12.2006, p. 9.

(4)  ĠU C 19, 20.1.2001, p. 7.

(5)  ĠU L 337, 30.12.1999, p. 10. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 485/2005 (ĠU L 81, 30.3.2005, p. 1).

(6)  ĠU L 211, 21.8.2003, p. 63.

(7)  ĠU L 81, 18.3.2006, p. 36.

(8)  ĠU C 229, 14.9.2004, p. 5.

(9)  ĠU C 119, 22.5.2002, p. 22.

(10)  ĠU L 274, 25.9.1986, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 3259/94 (ĠU L 339, 29.12.1994, p. 11).

(11)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 49.

(12)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 865/2007 (ĠU L 192, 24.7.2007, p. 1).

(13)  ĠU L 260, 6.8.2004, p. 1.

(14)  ĠU L 193, 25.7.2007, p. 6.

(15)  ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1935/2006 (ĠU L 407, 30.12.2006).


Top