EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R1098

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 tat- 18 ta’ Settembru 2007 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 779/97

ĠU L 248, 22.9.2007, p. 1–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 19/07/2016; Revokat u sostitwit bi 32016R1139

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/1098/oj

22.9.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 248/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1098/2007

tat-18 ta’ Settembru 2007

li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 779/97

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Il-parir xjentifiku riċenti mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) jindika li l-istokk tal-merluzz fis-Suddiviżjonijiet ICES 25 sa 32 tal-Baħar Baltiku naqqset għal livelli fejn qed issofri minn kapaċità riproduttiva ridotta u li qed isir qbid mill-istokk b’rata insostenibbli.

(2)

Il-parir xjentifiku riċenti mill-ICES jindika li l-istokk tal-merluzz fis-Suddiviżjonijiet ICES 22, 23 u 24 tal-Baħar Baltiku hija sopra-esplojtata u laħqet livelli fejn hija f’riskju ta’ kapaċità riproduttiva ridotta.

(3)

Jeħtieġ li jittieħdu miżuri biex ikun stabbilit pjan pluriennali għall-ġestjoni tas-sajd ta’ l-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku.

(4)

L-objettiv tal-pjan huwa li jiġi żgurat li l-istokkijiet tal-merluzz tal-Baltiku jkunu jistgħu jiġu sfruttati f’kondizzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali sostenibbli.

(5)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd taħt il-Politika Komuni għas-Sajd (2) jeħtieġ inter alia li, biex jintlaħaq l-objettiv, il-Komunità għandha tapplika approċċ prekawzjonarju billi tieħu miżuri li jipproteġu u jikkonservaw l-istokk, jipprovdu għall-isfruttament sostenibbli tagħha u jirriduċu l-impatt tas-sajd fuq l-ekosistemi marini. Huwa għandu jimmira lejn implimentazzjoni progressiva ta’ approċċ ibbażat fuq ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd, u għandu jikkontribwixxi għal attivitajiet tas-sajd effiċjenti fi ħdan industrija tas-sajd ekonomikament vijabbli u kompetittiva, li tipprovdi standard ta’ għajxien ġust għal dawk li jiddependu mis-sajd tal-merluzz tal-Baltiku u tieħu kont ta’ l-interessi tal-konsumaturi.

(6)

Sabiex jintlaħaq l-objettiv, l-istokk tal-Lvant għandha tinbena mill-ġdid għal limiti bijoloġiċi siguri u, għaż-żewġ stokkijiet, għandhom jiġu żgurati livelli sabiex tinżamm il-kapaċità riproduttiva sħiħa tagħhom u l-ogħla rikavati għall-perijodu fit-tul.

(7)

Dan jista’ jintlaħaq billi jkun stabbilit metodu xieraq għat-tnaqqis gradwali ta’ l-isforz tas-sajd fejn l-attivitajiet tas-sajd qed jaqbdu merluzz għal livelli li huma konsistenti ma’ l-objettiv, u billi jkunu stabbiliti l-Qabdiet Totali Permissibbli (TACs) għall-istokkijiet tal-merluzz f’livelli konsistenti ma’ l-isforz tas-sajd.

(8)

Minħabba li l-qabdiet ta’ merluzz fl-attivitajiet tas-sajd għall-aringi u għal-laċċa kaħla u f’attivitajiet tas-sajd bix-xibka tal-garġi u bix-xibka tat-tħabbil għas-salamun huma limitati ħafna, dawn l-attivitajiet tas-sajd m’għandhomx ikunu soġġetti għar-riduzzjoni gradwali fl-isforz tas-sajd.

(9)

Biex tkun żgurata stabbiltà fil-possibbiltajiet tas-sajd, huwa xieraq li tkun limitata l-varjazzjoni fit-TACs minn sena għall-oħra.

(10)

Implimentazzjoni xierqa tal-kontroll ta’ l-isforz tas-sajd hija li tirregola t-tul tal-perijodu meta s-sajd tal-merluzz huwa permess. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu ġranet komuni meta l-bastimenti Komunitarji kollha li jtajru l-bandiera tagħhom ikollhom permess ikunu neqsin mill-port.

(11)

Huma meħtieġa miżuri ta’ kontroll b’żjieda għal jew b’deroga minn dawk stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1627/94 tas-27 ta’ Ġunju 1994 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar permessi tas-sajd speċjali (3), ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta’ Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall-politika tas-sajd komuni (4) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2807/83 tat-22 ta’ Settembru 1983 li jistabbilixxi regoli dettaljati għar-reġistrazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-qabdiet tal-ħut (5) ta’ l-Istati Membri sabiex tkun żgurata konformità mal-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(12)

Matul l-ewwel tliet snin ta’ l-applikazzjoni tiegħu, il-pjan pluriennali għandu jitqies bħala pjan ta’ rkupru fit-tifsira ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

(13)

Is-Suddiviżjoni ta’ l-ICES 27 jew 28 tista’ tiġi eskluża mid-dispożizzjonijiet għall-ġestjoni ta’ l-isforz tas-sajd minħabba l-qabdiet minimi f’dawn is-Suddiviżjonijiet ta’ l-ICES.

(14)

Il-pjan pluriennali li jipprovdi għalih dan ir-Regolament jissostitwixxi l-arranġamenti eżistenti dwar il-ġestjoni ta’ l-isforzi tas-sajd fil-Baħar Baltiku. Għalhekk, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 779/97 ta’ l-24 ta’ April 1997 li jintroduċi arranġamenti għall-ġestjoni ta’ l-isforzi tas-sajd fil-Baħar Baltiku (6) għandu jiġi revokat,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz li ġejjin (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “stokkijiet tal-merluzz konċernati”) u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet:

(a)

merluzz li jgħix fiż-Żona A;

(b)

merluzz li jgħix fiż-Żoni B u Ċ.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika għal bastimenti tas-sajd Komunitarji b’tul globali daqs jew akbar minn tmien metri li joperaw fil-Baħar Baltiku u l-Istati Membri madwar il-Baħar Baltiku (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-Istati Membri konċernati”). Madankollu, l-Artikolu 9 għandu japplika għal bastimenti b’tul globali ta’ inqas minn tmien metri li joperaw fil-Baħar Baltiku.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw barra dawk stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 u l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 tal-21 ta’ Diċembru 2005 għall-konservazzjoni ta’ riżosrsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi fil-Baħar Baltiku, iċ-Ċintorini u s-Sound (7):

(a)

id-Diviżjonijiet u s-Suddiviżjonijiet tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) huma kif definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3880/91 tas-17 ta’ Diċembru 1991 dwar il-preżentazzjoni ta’ statistika ta’ qbid nominali mill-Istati Membri li jistadu fil-Lvant ta’ l-Atlantiku (8);

(b)

“Baħar Baltiku” tfisser id-Diviżjonijiet IIIb, IIIċ u IIId ta’ l-ICES;

(ċ)

“qabdiet totali permessi (TAC)” tfisser il-kwantità li tista’ tittieħed minn kull stokk kull sena;

(d)

VMS tfisser sistema ta’ sorveljanza tal-bastimenti skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2244/2003 tat-18 ta’ Diċembru 2003 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet dettaljati rigward Sistemi tas-Sorveljanza tal-Bastimenti bbażati fuq satellita (9) għal bastimenti ta’ kwalunkwe tul;

(e)

“Żona A” tfisser is-Suddiviżjonijiet ta’ l-ICES 22 sa 24;

“Żona B” tfisser is-Suddiviżjonijiet ta’ l-ICES 25 sa 28;

“Żona Ċ” tfisser is-Suddiviżjonijiet ta’ l-ICES 29 sa 32;

(f)

“jiem nieqsa mill-port” tfisser kwalunkwe perijodu kontinwu ta’ 24 siegħa jew parti tiegħu li matulu l-bastiment ikun nieqes mill-port.

KAPITOLU II

OBJETTIV U MIRI

Artikolu 4

Objettiv u miri

Il-pjan għandu jiżgura l-isfruttament sostenibbli ta’ l-istokkijiet tal-merluzz konċernati billi gradwalment inaqqas u jżomm ir-rati ta’ mortalità tal-ħut f’livelli mhux aktar baxxi minn:

(a)

0,6 għall-etajiet bejn 3 u 6 snin għall-istokk tal-merluzz fiż-Żona A, u

(b)

0,3 għall-etajiet bejn 4 u 7 snin għall-istokk tal-merluzz fiż-Żoni B u Ċ.

KAPITOLU III

TOTAL TAL-QABDIET PERMISSIBBLI

Artikolu 5

Stabbiliment tat-TACs

1.   Kull sena, il-Kunsill għandu jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni dwar it-TACs għas-sena ta’ wara għall-istokkijiet tal-merluzz konċernati.

2.   It-TACs għall-istokkijiet tal-merluzz konċernati għandhom jiġu stabbiliti skond l-Artikoli 6 u 7.

Artikolu 6

Proċedura għall-istabbiliment tat-TACs għall-istokkijiet tal-merluzz konċernati

1.   Il-Kunsill għandu jadotta t-TAC għall-istokkijiet tal-merluzz konċernati li, skond evalwazzjoni xjentifika mwettqa mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF), hija l-ogħla minn dawn li ġejjin:

(a)

it-TAC li l-applikazzjoni tagħha tirriżulta fi tnaqqis ta’ 10 % fir-rata ta’ mortalità tal-ħut fis-sena ta’ applikazzjoni tagħha meta mqabbla mar-rata ta’ mortalità tal-ħut stmata għas-sena preċedenti;

(b)

it-TAC li kieku twassal għal rata tal-mortalità tal-ħut definita fl-Artikolu 4.

2.   Fejn l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 tirriżulta f’TAC li teċċedi t-TAC tas-sena preċedenti b’aktar minn 15 %, il-Kunsill għandu jadotta TAC li hija 15 % akbar mit-TAC ta’ dik is-sena.

3.   Fejn l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 tirriżulta f’TAC li hija aktar minn 15 % inqas mit-TAC tas-sena preċedenti, il-Kunsill għandu jadotta TAC li hija 15 % inqas mit-TAC ta’ dik is-sena.

4.   Il-paragrafu 3 m’għandux japplika meta evalwazzjoni xjentifika mwettqa mill-STECF turi li r-rata tal-mortalità tal-ħut fis-sena ta’ applikazzjoni tat-TAC ser teċċedi valur ta’ 1 għal kull sena mill-etajiet ta’ 3 sa 6 snin għall-istokk tal-merluzz fiż-Żona A jew valur ta’ 0,6 kull sena għall-etajiet ta’ bejn 4 u 7 snin għall-istokk tal-merluzz fiż-Żoni B u Ċ.

Artikolu 7

Deroga

B’deroga mill-Artikolu 6, il-Kunsill jista’, meta huwa jikkunsidra li jkun xieraq, jadotta TAC li huwa aktar baxx mit-TAC li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6.

KAPITOLU IV

LIMITAZZJONI FUQ L-ISFORZ TA’ SAJD

Artikolu 8

Proċedura għall-iffissar ta’ perijodi meta hu permess sajd b’ċerti tipi ta’ rkaptu

1.   Il-bastimenti tas-sajd għandhom ikunu projbiti milli jistadu bit-tkarkir, bit-tartaruni jew b’irkaptu simili ta’ malji li d-daqs tagħhom hu daqs jew akbar minn 90 mm, b’għeżul mitfugħa fil-qiegħ, xbieki tat-tħabbil u pariti ta’ malji li d-daqs tagħhom hu daqs jew akbar minn 90 mm, b’konzijiet mitfugħa fil-qiegħ, xlief twil minbarra l-lenez tal-mitlaq, is-siegli taż-żonda u xlief maħdum mid-dories:

(a)

mill-1 sat-30 ta’ April fiż-Żona A, u

(b)

mill-1 ta’ Lulju sal-31 ta’ Awwissu fiż-Żona B.

2.   Meta jsir sajd bil-lenez tal-mitlaq m’għandu jinżamm l-ebda merluzz abbord.

3.   Il-Kunsill għandu jiddeċiedi kull sena b’maġġoranza kwalifikata dwar in-numru massimu ta’ jiem nieqsa mill-port barra l-perijodi speċifikati fil-paragrafu 1 fis-sena ta’ wara meta jkun permess sajd bl-irkaptu msemmi fil-paragrafu 1, skond ir-regoli mniżżla fil-paragrafi 4 u 5.

4.   Fejn ir-rata ta’ mortalità tal-ħut għall-waħda mill-istokkijiet tal-merluzz konċernati kienet stmata mill-STECF li hija ta’ l-inqas 10 % akbar mir-rati minimi ta’ mortalità tal-ħut definiti fl-Artikolu 4, in-numru total ta’ jiem meta s-sajd bl-irkaptu msemmi fil-paragrafu 1 huwa permess għandu jitnaqqas b’10 % meta mqabbel man-numru total ta’ jiem permess fis-sena attwali.

5.   Fejn ir-rata ta’ mortalità tal-ħut għall-waħda mill-istokkijiet tal-merluzz konċernata kienet stmata mill-STECF li hija ta’ l-inqas 10 % akbar mir-rata ta’ mortalità tal-ħut minima definita fl-Artikolu 4, in-numru total ta’ jiem meta s-sajd bl-irkaptu msemmi fil-paragrafu 1 huwa permess għandu jitnaqqas b’10 % meta mqabbel man-numru total ta’ ġranet permess fis-sena kurrenti, immultiplikat bir-rata ta’ mortalità tas-sajd minima definita fl-Artikolu 4 diviża bir-rata ta’ mortalità tas-sajd stmata mill-STECF.

6.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, bastimenti tas-sajd b’tul globali ta’ inqas minn 12-il metru għandhom ikunu permessi jużaw sa ħamest ijiem kull xahar diviżi f’perijodi ta’ mill-anqas jumejn konsekuttivi min-numru massimu ta’ ġranet neqsin minn port li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-paragrafu 3-5 matul il-perijodi magħluqa msemmija fil-paragrafu 1. Matul dawn il-ġranet, il-bastimenti tas-sajd jistgħu jgħaddsu x-xbieki tagħhom u jistadu mill-art mis-6 am tat-Tnejn sas-6 pm tal-Ġimgħa ta’ l-istess ġimgħa.

L-Artikolu 16 għandu japplika għall-bastimenti tas-sajd imsemmija fl-ewwel subparagrafu mingħajr ma jkollhom permess għas-sajd tal-merluzz.

7.   Fuq it-talba tal-Kummissjoni jew ta’ Stat Membru, l-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli fuq il-website tagħhom jew jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha deskrizzjoni tas-sistema applikata biex tkun żgurata konformità mal-paragrafi 3, 4 u 5.

Artikolu 9

Restrizzjonijiet għas-sajd skond iż-żona

1.   Għandu jkun projbit li jitwettqu kwalunkwe attivitajiet tas-sajd mill-1 ta’ Mejju sal-31 ta’ Ottubru fiż-żoni magħluqin bit-tgħaqqid b’linji ta’ rombu tal-pożizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jitkejlu skond is-sistema tal-koordinati WGS84:

(a)

Żona 1:

55° 45′ N, 15° 30′ E

55° 45′ N, 16° 30′ E

55° 00′ N, 16° 30′ E

55° 00′ N, 16° 00′ E

55° 15′ N, 16° 00′ E

55° 15′ N, 15° 30′ E

55° 45′ N, 15° 30′ E

(b)

Żona 2:

55° 00′ N, 19° 14′ E

54° 48′ N, 19° 20′ E

54° 45′ N, 19° 19′ E

54° 45′ N, 18° 55′ E

55° 00′ N, 19° 14′ E

(ċ)

Żona 3:

56° 13′ N, 18° 27′ E

56° 13′ N, 19° 31′ E

55° 59′ N, 19° 13′ E

56° 03′ N, 19° 06′ E

56° 00′ N, 18° 51′ E

55° 47′ N, 18° 57′ E

55° 30′ N, 18° 34′ E

56° 13′ N, 18° 27′ E.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, is-sajd b’għeżul mitfugħa fil-qiegħ, xbieki tat-tħabbil u pariti ta’ malji b’daqs ekwivalenti għal 157 mm jew aktar jew bil-lenez tal-mitlaq għandu jkun permess. L-ebda rkaptu ieħor m’għandu jinżamm abbord.

3.   Meta jsir sajd bi kwalunkwe wieħed mit-tipi ta’ rkaptu definiti fil-paragrafu 2, m’għandu jinżamm l-ebda merluzz abbord.

KAPITOLU V

MONITORAĠĠ, SPEZZJONI U SORVELJANZA

Artikolu 10

Permess speċjali għas-sajd tal-merluzz fil-Baħar Baltiku

1.   B’deroga mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1627/94, il-bastimenti Komunitarji kollha b’tul globali daqs jew akbar minn tmien metri li jġorru abbord jew jużaw kwalunkwe rkaptu awtorizzat għas-sajd tal-merluzz fil-Baħar Baltiku u skond l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2187/2005 għandu jkollhom permess speċjali għas-sajd tal-merluzz fil-Baħar Baltiku.

2.   L-Istati Membri jistgħu joħorġu l-permess speċjali għas-sajd tal-merluzz imsemmi fil-paragrafu 1 biss lill-bastimenti Komunitarji li fl-2005 kellhom permess speċjali biex jistadu għall-merluzz fil-Baħar Baltiku skond il-punt 6.2.1 ta’ l-Anness III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 27/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2004 li jistipula għall-2005 l-opportunitajiet ta’ sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati għal ċerti stokkijiet ta’ ħut u gruppi ta’ stokkijiet ta’ ħut, applikabbli fl-ilmijiet Komunitarji u, għall-bastimenti Komunitarji, f’ilmijiet fejn huma meħtieġa l-limitazzjonijiet dwar il-qbid (10). Madankollu, Stat Membru jista’ joħroġ permess speċjali għas-sajd għall-merluzz għal bastiment Komunitarju, li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru, li m’għandux permess speċjali tas-sajd fl-2005 jekk dan jiżgura li almenu kapaċità ekwivalenti, imkejla f’kilowats (kW), tinżamm milli tistad fil-Baħar Baltiku bi kwalunkwe rkaptu msemmi fil-paragrafu 1.

3.   Kull Stat Membru konċernat għandu jistabbilixxi u jżomm lista ta’ bastimenti li għandhom permess speċjali għas-sajd tal-merluzz fil-Baħar Baltiku u jagħmilha disponibbli fuq il-website uffiċjali tiegħu.

4.   Il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd, jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu/tagħha, li Stat Membru ħariġlu permess speċjali għas-sajd tal-merluzz fil-Baħar Baltiku, għandu jżomm kopja ta’ dan il-permess abbord il-bastiment tas-sajd.

Artikolu 11

Ġurnali ta’ abbord

1.   B’deroga mill-Artikolu 6(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93, il-kaptani tal-bastimenti Komunitarji kollha b’tul globali daqs jew akbar minn tmien metri għandhom iżommu ġurnal ta’ abbord ta’ l-operazzjonijiet tagħhom skond l-Artikolu 6 ta’ dak ir-Regolament.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, il-bastimenti tas-sajd b’tul globali bejn 8 u 10 metri li jkollhom abbord merluzz maqbud fiż-Żona Ċ għandhom iżommu ġurnal ta’ abbord li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet kif stabbiliti fil-punt 2 ta’ l-Anness IV għar-Regolament (KEE) Nru 2807/83.

2.   Għal bastimenti mgħammra b’VMS, l-Istati Membri għandhom jivverifikaw li l-informazzjoni rċevuta fiċ-ċentri għall-monitoraġġ tas-sajd (FMĊ) jikkorrispondi għall-attivitajiet irreġistrati fil-ġurnal ta’ abbord permezz tad-data VMS. Dawk l-ispezzjonijiet għandhom jiġu reġistrati f’forma li tinqara mill-kompjuter għal perijodu ta’ tliet snin.

3.   Kull Stat Membru għandu jżomm u jagħmel disponibbli fil-website uffiċjali tiegħu d-dettalji ta’ kuntatt għall-preżentazzjoni tal-ġurnali ta’ abbord, id-dikjarazzjonijiet ta’ l-iżbarki l-art u notifiki minn qabel kif speċifikat fl-Artikolu 17.

Artikolu 12

Reġistrazzjoni u trasmissjoni elettroniċi ta’ data dwar il-qabda

B’deroga mill-Artikolu 1 tar-Regolament (KEE) Nru 2807/83 l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-kaptan ta’ bastiment tas-sajd armat b’VMS biex jirrapporta l-informazzjoni meħtieġa fil-ġurnal ta’ abbord b’mezzi elettroniċi. L-informazzjoni għandha tiġi trasmessa lill-FMĊ ta’ l-Istat Membru tal-bandiera kuljum wara li l-operazzjoni tas-sajd ta’ dak il-jum kalendarju tkun intemmet. L-informazzjoni tal-ġurnal ta’ abbord għandha tkun disponibbli fuq it-talba tal-FMĊ ta’ l-Istat kostali matul iż-żmien li fih il-bastiment tas-sajd ikun fl-ilmijiet ta’ l-Istat kostali u fuq it-talba ta’ spezzjoni.

Artikolu 13

Reġistrar tad-Data dwar l-Isforz tas-Sajd

1.   B’deroga mill-Artikolu 19b tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93 il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd Komunitarju, li jġorr abbord kwalunkwe mit-tagħmir imsemmi fl-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-Regolament meta jħalli u jidħol il-port, jew meta jidħol jew iħalli l-Baħar Baltiku, għandu jittrasmetti rapport ta’ l-isforz li jkun fih l-informazzjoni li ġejja lill-FMĊ ta’ l-Istat Membru tal-bandiera:

(a)

Meta jħalli l-port jew jidħol fil-Baħar Baltiku

(i)

Isem il-bastiment, il-marka ta’ identifikazzjoni esterna u s-sinjal ta’ sejħa bir-radju;

(ii)

Id-data u l-ħin ta’ tluq mill-port jew ta’ dħul fil-Baħar Baltiku (ħin lokali);

(iii)

Iż-żona fejn il-bastiment ser jistad kif definit fl-Artikolu 3(e)

(b)

Meta jidħol il-port jew iħalli l-Baħar Baltiku

(i)

Isem il-bastiment, il-marka ta’ identifikazzjoni esterna u s-sinjal ta’ sejħa bir-radju;

(ii)

Id-data u l-ħin ta’ dħul fil-port jew ta’ ħruġ mill-Baħar Baltiku (ħin lokali);

2.   Il-punti (i) u (ii) tal-paragrafu 1(a) u l-paragrafu 1(b) m’għandhomx japplikaw għal bastimenti mgħammra b’VMS.

3.   L-FMĊ ta’ l-Istat Membru tal-bandiera għandu jirreġistra r-rapport ta’ l-isforz fid-database kompjuterizzata tiegħu.

4.   Fuq talba, l-Istat Membru tal-bandiera għandu jipprovdi l-informazzjoni li tinsab fil-paragrafu 1 lill-Istat Membru kostali.

Artikolu 14

Monitoraġġ u Kontroll ta’ l-Isforz tas-Sajd

L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-bandiera għandhom jimmonitorjaw u jikkontrollaw il-konformità ma’:

(a)

il-limiti ta’ l-isforz tas-sajd previsti fl-Artikolu 8.

(b)

ir-restrizzjonijiet fuq sajd previsti fl-Artikolu 9.

Artikolu 15

Marġni ta’ tolleranza fil-ġurnal ta’ abbord

B’deroga mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2807/83, il-marġni permess ta’ tolleranza fl-estimi tal-kwantitajiet, f’kilogrammi, ta’ ħut soġġetti għat-TAC li huma miżmuma abbord għandu jkun ta’ 10 % taċ-ċifra fil-ġurnal ta’ abbord minbarra għal merluzz f’liema każ il-marġini ta’ tolleranza għandu jkun ta’ 8 %.

Għal qabdiet meħuda fiż-Żona A u B li jiġu żbarkati mħalltin il-marġni ta’ tolleranza permess fl-istima tal-kwantitajiet għandu jkun ta’ 10 % tal-kwantità totali li tinżamm abbord.

Artikolu 16

Dħul jew Ħruġ minn Żoni Speċifiċi

1.   Bastiment tas-sajd li jkollu permess speċjali għas-sajd tal-merluzz jista’ jistad biss f’waħda miż-Żoni A, B jew Ċ waqt vjaġġ tas-sajd wieħed.

2.   Bastiment tas-sajd jista’ biss jibda l-attività tas-sajd f’ilmijiet Komunitarji f’waħda miż-Żoni A, B jew Ċ mingħajr merluzz abbord.

Jekk il-bastiment tas-sajd imur f’port, mingħajr ma jiżbarka l-ħut tiegħu, fiż-żona fejn kien qed jistad, il-bastiment jista’ jkompli l-attività tas-sajd tiegħu f’dik iż-żona bil-merluzz abbord.

3.   Meta bastiment tas-sajd joħroġ minn waħda miż-Żoni A, B jew Ċ bil-merluzz abbord huwa għandu:

(a)

imur direttament f’port barra miż-Żona fejn kien qed jistad u jiżbarka l-ħut l-art;

(b)

meta jħalli ż-Żona fejn il-bastiment ikun stad, tistiva x-xbieki skond il-kundizzjonijiet li ġejjin sabiex ma jkunux jistgħu jintużaw faċilment:

(i)

xbieki, piżijiet, u rkaptu simili għandhom jitneħħew mit-twavel tax-xbieki u fili u ħbula ta’ l-irmonk jew ġbid;

(ii)

xbieki mgħobbijin fuq jew ‘l fuq mill-gverta għandhom ikunu marbutin fis-sod ma’ xi parti mis-soprastruttura.

4.   Permezz ta’ deroga għall-paragrafi 1, 2 u 3 bastiment tas-sajd jista’ jistad fiż-Żoni A u B matul vjaġġ tas-sajd wieħed u jista’ jibda attività ta’ sajd fi kwalunkwe żona biss b’anqas minn 150 kg ta’ merluzz abbord fis-sena 2008. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri speċifiċi biex jiżguraw kontroll effettiv. L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw dwar dawn il-miżuri lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar 2008.

Artikolu 17

Notifika minn qabel

1.   Il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd Komunitarju li jkun ħiereġ minn Żona A, B jew Ċ b’aktar minn 300 kg ta’ piż ħaj ta’ merluzz abbord għandu jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Kostali li fih huwa jkun ser jiżbarka l-ħut, mhux inqas minn siegħa qabel ma jitlaq miż-Żona, b’dan li ġej:

(a)

il-ħin u l-pożizzjoni tal-ħruġ;

(b)

il-kwantitajiet ta’ merluzz u l-piż totali ta’ speċi oħra f’piż ħaj miżmuma abbord;

(ċ)

isem il-post ta’ l-iżbark;

(d)

il-ħin stmat tal-wasla fil-post ta’ l-iżbark,

L-Istat Kostali għandu jinnotifika lill-Istat tal-bandiera dwar l-iżbark.

2.   Meta bastiment tas-sajd Komunitarju jkun bi ħsiebu jidħol f’port fiż-żona fejn kien qed jistad b’iktar minn 300 kg ta’ piż ħaj ta’ merluzz abbord, il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd Komunitarju għandu jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Kostali u lill-Istat Kostali għandu jinnotifika lill-istat tal-bandiera mill-inqas siegħa qabel jidħol fil-port bl-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 1(b), (ċ) u (d).

3.   Il-preżentazzjoni ta’ l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(a) u (b) m’għandhiex tapplika għal bastimenti soġġetti għall-Artikolu 12.

4.   Il-paragrafu 1 (a) m’għandux japplika għal bastimenti mgħammra b’VMS.

5.   In-notifika prevista fil-paragrafi 1 u 2 tista’ ssir ukoll minn rappreżentant tal-kaptan tal-bastiment tas-sajd Komunitarju.

Artikolu 18

Portijiet magħżulin

1.   Meta bastiment iżomm aktar minn 750 kilogramm ta’ merluzz f’piż ħaj, il-merluzz jista’ jiġi żbarkat esklussivament f’portijiet magħżulin.

2.   Kull Stat Membru jista’ jagħżel il-portijiet li fihom għandha tiġi żbarkata kwalunkwe kwantità ta’ piż ħaj ta’ merluzz Baltiku ta’ aktar minn 750 kilogramm.

3.   Sa l-10 ta’ Ottubru, kull Stat Membru li jkun stabbilixxa lista ta’ portijiet magħżulin, għandu jżomm u jkollu disponibbli fil-website uffiċjali tiegħu lista ta’ portijiet magħżulin.

Artikolu 19

Użin ta’ merluzz li jiġi żbarkat l-ewwel

Il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd għandu jiżgura li kwalunkwe kwantità ta’ merluzz maqbud fil-Baħar Baltiku u li jiġi żbarkat f’port Komunitarju għandu jintiżen qabel jinbiegħ jew qabel jiġi trasportat x’imkien ieħor mill-port ta’ l-iżbark. Il-miżien li jintuża għall-użin għandu jiġi approvat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Iċ-ċifra li tirriżulta mill-użin għandha tintuża għad-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93.

Artikolu 20

Punti ta’ referenza għall-Ispezzjoni

Kull Stat Membru tal-Baħar Baltiku għandu jiffissa punti ta’ referenza speċifiċi għall-ispezzjoni. Tali punti ta’ referenza għandhom jiġu riveduti perjodikalment wara li tkun saret analiżi tar-riżultati miksubin. Il-punti ta’ referenza għall-ispezzjoni għandhom jevolvu progressivament sakemm jilħqu l-punti ta’ referenza ta’ mira definiti fl-Anness I.

Artikolu 21

Projbizzjoni ta’ transitu u trasbord

1.   It-transitu fiż-żoni magħluqin għas-sajd tal-merluzz huwa projbit għajr jekk l-irkaptu tas-sajd abbord ikun marbut u stivat b’mod sigur skond il-punt (b) ta’ l-Artikolu 16(3).

2.   It-trasbord tal-merluzz huwa projbit.

Artikolu 22

Trasport ta’ merluzz Baltiku

B’deroga mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93 il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd li jkollu tul globali daqs jew aktar minn tmien metri, għandu jimla dikjarazzjoni ta’ żbark meta l-ħut jiġi trasportat għal post ieħor minbarra dak ta’ l-iżbark.

Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, id-dikjarazzjoni ta’ żbark għandha takkumpanja d-dokumenti ta’ trasport previsti fl-Artikolu 13(1) ta’ dak ir-Regolament b’pertinenza għall-kwantitajiet trasportati. L-eżenzjoni prevista fil-punt (b) ta’ l-Artikolu 13(4) ta’ dak ir-Regolament m’għandhiex tapplika.

Artikolu 23

Sorveljanza konġunta u skambju ta’ spetturi

L-Istati Membri konċernati għandhom jimpenjaw ruħhom f’attivitajiet ta’ spezzjoni u sorveljanza konġunti.

Artikolu 24

Programmi nazzjonali ta’ azzjoni għall-kontroll

1.   L-Istati Membri tal-Baħar Baltiku għandhom jiddefinixxu programmi nazzjonali ta’ azzjoni għall-kontroll għall-Baħar Baltiku skond l-Anness II.

2.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw punti speċifiċi ta’ referenza skond l-Anness I. Tali punti ta’ referenza għandhom jiġu riveduti perjodikalment wara li tkun saret analiżi tar-riżultati miksubin. Il-punti ta’ referenza għall-ispezzjoni għandhom jevolvu progressivament sakemm jilħqu l-punti ta’ referenza ta’ mira definiti fl-Anness I.

3.   Qabel il-31 ta’ Jannar kull sena, l-Istati Membri tal-Baħar Baltiku għandhom jagħmlu disponibbli għall-Kummissjoni u Stati Membri oħra madwar il-Baħar Baltiku fil-website uffiċjali tagħhom il-programmi nazzjonali ta’ azzjoni għall-kontroll kif imsemmi fil-paragrafu 1, flimkien ma’ skeda ta’ implimentazzjoni.

4.   Mill-inqas darba f’sena, il-Kummissjoni għandha ssejjaħ laqgħa tal-Kumitat tas-Sajd u l-Akwakoltura biex tevalwa l-konformità ma’ u r-riżultati mal-programmi nazzjonali ta’ azzjoni għall-kontroll ta’ l-istokkijiet ta’ merluzz fil-Baħar Baltiku.

Artikolu 25

Programm ta’ monitoraġġ speċifiku

B’deroga mill-ħames subparagrafu ta’ l-Artikolu 34ċ(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, il-programm ta’ kontroll u spezzjoni speċifiku għall-istokkijiet ta’ merluzz konċernati jista’ jdum aktar minn tliet snin.

KAPITOLU VI

SEGWITU

Artikolu 26

Evalwazzjoni tal-pjan

1.   Il-Kummissjoni għandha, abbażi ta’ parir mill-STECF u mill-Kunsill Konsultatttiv Reġjonali Baltiku (RAC), tevalwa l-impatt tal-miżuri ta’ ġestjoni fuq l-istokkijiet konċernati u fuq is-sajd li jisfrutta dawn l-istokkijiet fit-tielet sena ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u f’kull waħda mis-snin ta’ wara.

2.   Il-Kummissjoni għandha tieħu parir xjentifiku mill-STECF dwar ir-rata ta’ progress lejn il-miri speċifikati fl-Artikolu 4 fit-tielet sena ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u kull tielet sena suċċessiva ta’ l-applikazzjoni tiegħu. Fejn il-parir jindika li x’aktarx il-miri ma jintlaħqux, il-Kunsill għandu jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata dwar proposta mill-Kummissjoni dwar miżuri addizzjonali u/jew alternattivi meħtieġa biex jiġi żgurat li l-objettivi jintlaħqu.

Artikolu 27

Reviżjoni ta’ rati minimi ta’ mortalità tas-sajd

Fejn il-Kummissjoni, abbażi ta’ parir mill-STECF, issib li r-rati minimi ta’ mortalità tas-sajd imniżżla fl-Artikolu 4 ma jaqblux ma’ l-objettivi tal-pjan ta’ ġestjoni, il-Kunsill għandu, abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni, jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata dwar rati minimi ta’ mortalità tas-sajd riveduti li jkunu skond l-objettiv.

Artikolu 28

Fond Ewropew tas-Sajd

Matul l-ewwel tliet snin ta’ l-applikazzjoni tiegħu, il-pjan pluriennali għandu jitqies bħala pjan ta’ rkupru fit-tifsira ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, u għall-fini ta’ l-Artikolu 21(a)(i) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006.

Artikolu 29

Suddiviżjonijiet ta’ l-ICES 27 u 28

1.   Kull sena u mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru, l-Istati Membri li jistadu fiż-Żona B għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport tal-qabdiet u tal-qabdiet sekondarji kollha tal-merluzz matul it-tnax-il xahar preċedenti fiż-Żona B kif ukoll l-iskart ta’ dik l-ispeċi speċifikata skond is-Suddiviżjoni ta’ l-ICES u t-tipi ta’ tagħmir imsemmija fl-Artikolu 8(1).

2.   Kull sena u mhux aktar tard mill-15 ta’ Diċembru l-Kummissjoni għandha tiddeċiedi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 30(2) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 u abbażi tar-rapport mill-Istati Membri msemmi fil-paragrafu 1 u l-parir tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd li teskludi s-Suddiviżjonijiet ta’ l-ICES 27 u/jew 28.2 mir-restrizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8 (1)(b), 3, 4 u 5 u l-Artikolu 13 jekk ikun hemm evidenza li l-qabdiet tal-merluzz f’dawn is-Suddiviżjonijiet ta’ l-ICES huma anqas minn 3 % tal-qabdiet totali ta’ merluzz fiż-Żona B.

3.   L-esklużjoni tas-Suddiviżjonijiet ta’ l-ICES 27 u/jew 28.2 għandha tieħu effett mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ wara.

4.   L-Artikolu 8 (1)(b), 3, 4 u 5 m’għandux japplika għas-Suddiviżjoni ta’ l-ICES 28.1. Madankollu, jekk ikun hemm evidenza li l-qabdiet ta’ merluzz huma ogħla minn 1,5 % tal-qabdiet totali tal-merluzz fiż-Żona B, l-Artikolu 8 paragrafi (1)(b), 3, 4 u 5 għandu japplika u l-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu huma applikabbli.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 30

Revoka

1.   Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 779/97 huwa hawnhekk irrevokat.

2.   Il-paragrafu 1a ta’ l-Artikolu 19a tar-Regolament (KEE) Nru 2847/923 huwa b’dan revokat.

Artikolu 31

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2008.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 18 ta’ Settembru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

R. PEREIRA


(1)  Opinjoni tas-7 ta’ Ġunju 2007 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

(3)  ĠU L 171, 6.7.1994, p. 7.

(4)  ĠU L 261, 20.10.1993, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1967/2006 (ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11).

(5)  ĠU L 276, 10.10.1983, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1804/2005 (ĠU L 290, 4.11.2005, p. 10).

(6)  ĠU L 113, 30.4.1997, p. 1.

(7)  ĠU L 349, 31.12.2005, p. 1.

(8)  ĠU L 365, 31.12.1991, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 448/2005 (ĠU L 74, 19.3.2005, p. 5).

(9)  ĠU L 333, 20.12.2003, p. 17.

(10)  ĠU L 12, 14.1.2005, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1936/2005 (ĠU L 311, 26.11.2005, p. 1).


ANNESS I

PUNTI TA’ REFERENZA SPEĊIFIĊI GĦALL-ISPEZZJONI

Objettiv

1.

Kull Stat Membru għandu jistipula punti ta’ referenza speċifiċi għall-ispezzjoni skond dan l-Anness.

Strateġija

2.

L-ispezzjoni u s-sorveljanza ta’ l-attivitajiet tas-sajd għandhom jikkonċentraw fuq bastimenti li x’aktarx jistadu għall-merluzz. Spezzjonijiet każwali tat-trasport u l-kummerċjalizzazzjoni tal-merluzz għandhom jintużaw bħala mekkaniżmu komplimentari ta’ konferma biex jiċċekkja l-effettività ta’ l-ispezzjoni u s-sorveljanza.

Prijoritajiet

3.

Tipi differenti ta’ rkaptu għandhom ikunu soġġetti għal livelli differenti ta’ prijoritizzazzjoni skond il-punt sa fejn il-flotot ikunu affettwati mil-limiti fuq l-opportunitajiet tas-sajd. Minħabba f’hekk, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi prijoritajiet speċifiċi.

Punti ta’ referenza fil-mira

4.

Mhux aktar tard minn xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw l-iskedi ta’ spezzjoni tagħhom filwaqt li jqisu l-miri stabbiliti hawn taħt.

L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw u jiddeskrivu liema strateġija ta’ teħid ta’ kampjuni għandha tiġi applikata.

Fuq talba, il-Kummissjoni jista’ jkollha aċċess għall-pjan ta’ teħid ta’ kampjuni li jintuża mill-Istat Membru.

(a)   Livell ta’ spezzjoni fil-portijiet

B’regola ġenerali, l-eżattezza li għandha tintlaħaq għandha tkun għallinqas ekwivalenti għal dak li jinkiseb minn metodu sempliċi każwali għat-teħid tal-kampjuni, fejn l-ispezzjonijiet għandhom ikopru 20 % ta’ l-iżbarkar kollu tal-merluzz fi Stat Membru.

(b)   Livell ta’ spezzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni

Spezzjoni ta’ 5 % tal-kwantitajiet ta’ merluzz offruti għall-bejgħ bl-irkant.

(ċ)   Livell ta’ spezzjoni fuq il-baħar

Punt ta’ referenza flessibbli: għandu jiġi stabbilit wara analiżi dettaljat ta’ l-attività tas-sajd f’kull żona. Il-punti ta’ referenza fuq il-baħar għandhom jirreferu n-numru ta’ jiem ta’ għassa fuq il-baħar fiż-żoni tal-ġestjoni tal-merluzz, possibbilment b’punt ta’ referenza separat għal jiem ta’ sorveljanza fiż-Żoni speċifiċi.

(d)   Livell ta’ sorveljanza mill-ajru

Punt ta’ referenza flessibbli: għandu jiġu stabbilit wara analiżi dettaljata ta’ l-attività tas-sajd imwettqa f’kull żona u filwaqt li jitqiesu r-riżorsi disponibbli għall-Istati Membri.


ANNESS II

KONTENUT TAL-PROGRAMMI NAZZJONALI TA’ AZZJONI GĦALL-KONTROLL

Programmi nazzjonali ta’ azzjoni għall-kontroll għandhom jimmiraw, inter alia, li jispeċifikaw dan li ġej.

1.   MEZZI TA’ KONTROLL

Riżorsi umani

1.1.

In-numru ta’ spetturi fuq l-art u fuq il-baħar u l-perjodi u ż-żoni fejn ser jiġu mobilizzati.

Riżorsi tekniċi

1.2.

In-numru ta’ bastimenti u inġenji ta’ l-ajru għas-sorveljanza u l-perijodi u ż-żoni fejn ser jiġu mobilizzati.

Riżorsi finanzjarji

1.3.

L-allokazzjoni tal-baġit għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi umani, il-bastimenti u l-inġenji ta’ l-ajru għas-sorveljanza.

2.   REĠISTRAZZJONI U RAPPORTAR ELETTRONIKU TA’ INFORMAZZJONI MARBUTA MA’ L-ATTIVITAJIET TAS-SAJD

Deskrizzjoni tas-sistemi implimentati biex jiżguraw konformità ma’ l-Artikoli 13, 14, 15 u 18.

3.   GĦAŻLA TA’ PORTIJIET

Fejn rilevanti, lista tal-portijiet magħżulin għall-iżbarkar tal-merluzz skond l-Artikolu 19.

4.   DĦUL JEW ĦRUĠ MINN ŻONI SPEĊIFIĊI.

Deskrizzjoni tas-sistemi implimentati biex jiżguraw konformità ma’ l-Artikolu 17.

5.   KONTROLL TA’ ŻBARKAR L-ART

Deskrizzjoni ta’ kwalunkwe faċilità u/jew sistemi implimentati biex tiġi żgurata konformità mad-disposizzjonijiet fl-Artikoli 12, 16, 20, 22 u 23.

6.   PROĊEDURI TA’ SPEZZJONI

Il-programmi nazzjonali ta’ azzjoni għall-kontroll għandhom jispeċifikaw il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti:

(a)

waqt li jsiru spezzjonijiet fuq il-baħar u fl-art;

(b)

għall-komunikazzjoni ma’ l-awtoritajiet kompetenti magħżulin minn Stati Membri oħra bħala responsabbli għall-programm nazzjonali ta’ azzjoni għall-kontroll tal-merluzz;

(c)

għas-sorveljanza u l-iskambju ta’ spetturi, inkluż l-ispeċifikazzjoni tas-setgħat u l-awtorità ta’ spetturi li joperaw f’ilmijiet ta’ Stati Membri oħra.


Top