Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0767

    2007/767/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 15 ta’ Novembru 2007 li tidderoga mir-regoli dwar l-oriġini definiti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE, f’dak li jirrigwarda ċerti prodotti tas-sajd importati mill-Gżejjer Falkland (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 5393)

    ĠU L 310, 28.11.2007, p. 19–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013D0755

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/767/oj

    28.11.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 310/19


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-15 ta’ Novembru 2007

    li tidderoga mir-regoli dwar l-oriġini definiti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE, f’dak li jirrigwarda ċerti prodotti tas-sajd importati mill-Gżejjer Falkland

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 5393)

    (2007/767/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas-27 ta’ Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji lil hinn mill-baħar mal-Komunità Ewropea (“Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-baħar”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 37 ta’ l-Anness III tagħha,

    Billi:

    (1)

    Fis-7 ta’ Awwissu 2002 il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2002/644/KE li tidderoga mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti ta’ oriġini” biex tqis il-qagħda speċjali tal-Gżejjer Falkland rigward l-ispeċijiet varji tal-ħut iffriżat taħt l-intestatura NM 0303, l-ispeċijiet varji ta’ flettijiet tal-ħut iffriżat taħt l-intestatura NM 0304 u klamari Loligo ffriżati u klamari Ilex iffriżati taħt l-intestatura NM 0307 (2). Din id-deroga skadiet fil-31 ta’ Awwissu 2007.

    (2)

    Fil-31 ta’ Lulju 2007, il-Gżejjer Falkland applikaw għal deroga ġdida, fuq perjodu ta’ ħames snin, mir-regoli dwar l-oriġini definiti fl-Anness III tad-Deċiżjoni 2001/822/KE. Din it-talba tkopri kwantità totali annwali ta’ 16 200 tunnellata ta’ ħut iffriżat taħt l-intestatura NM 0303, 5 100 tunnellata ta’ flettijiet tal-ħut iffriżat taħt l-intestatura NM 0304, 57 900 tunnellata ta’ klamari Loligo ffriżati u 47 200 tunnellata klamari Ilex iffriżati taħt l-intestatura NM 0307.

    (3)

    Il-Gżejjer Falkland ibbażaw t-talba tagħhom fuq il-fatti li għal ħut iffriżat, flettijiet tal-ħut iffriżat u klamari Loligo, qed isir aktar diffiċli ir-reklutaġġ ta’ ekwipaġġ għall-bastimenti tas-sajd tagħhom u bastimenti-fabbriki mill-OCT, il-Komunità jew l-Istati AKP. Rigward il-klamari Illex, il-Gżejjer Falkland jindikaw li mhux l-għarfien tas-sajd speċifiku kollu meħtieġ huwa attwalment disponibbli mill-ekwiġaġġ mill-OCT, il-Komunità jew l-Istati AKP. In-nuqqas ta’ ekwipaġġ mill-OCT, il-Komunità jew l-Istati AKP, joħroġ partikolarment mis-sitwazzjoni ġeografika speċifika tal-Gżejjer Falkland u ma jistax jiġi rimedjat billi tiżdied il-preżenza ta’ flotot tas-sajd tal-Komunità fiż-żona Falkland.

    (4)

    Għandha tingħata deroga mir-regoli ta’ l-oriġini kif definiti fl-Anness III tad-Deċiżjoni 2001/822/KE għall-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 0303 u 0304, għal klamari Loligo taħt l-intestatura 0307 49 35 u għal klamari Ilex taħt l-intestatura 0307 99 11. Din id-deroga hija ġġustifikata bl-Artikolu 37(1) ta’ dak l-Anness, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-iżvilupp ta’ industrija lokali eżistenti. Id-deroga mill-Artikolu 3(2) d ta’ l-Anness III għandha jipprovdi aktar sigurtà għall-kumpaniji lokali tas-sajd li jiffaċilitaw attivitajiet u swieq ġodda. L-użu tad-deroga mogħtija fl-2002 għadu estremament baxx (51 620 tunnellata taħt l-intestatura NM 0303, 35 320 tunnellata taħt l-intestatura NM 0304, 52 348 tunnellata għal klamari Loligo u 6 720 tunnellata għal klamari Illex tul perjodu ta’ ħames snin). Id-deroga għaldaqstant għandha tingħata għall-kwantitajiet totali annwali li ġejjin, ibbażat fuq il-kwantitajiet totali annwali kif huma koperti bid-deroga ta’ l-2002 i.e. 12 500 tunnellata taħt l-intestatura NM 0303, 5 100 tunnellata taħt l-intestatura NM 0304, 34 600 tunnellata għal klamari Loligo squid taħt NM 0307 49 35 u 31 000 tunnellata għal klamari Illex taħt NM 0307 99 11.

    (5)

    Suġġett għal konformità ma’ ċertu kondizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kwantità, sorveljanza u dewmien, id-deroga ma għandhiex tikkawża ħsara serja lill-industrija stabbilita tal-Komunità jew ta’ wieħed jew iktar mill-Istati Membri.

    (6)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komuni (3), jistipola r-regoli għall-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji. Dawn ir-Regoli għandhom ikunu applikati mutatis mutandis għall-amministrazzjoni tal-kwantità li għaliha qed tingħata d-deroga kkonċernata.

    (7)

    Ġaladarba d-Deċiżjoni 2002/822/KE tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2011, jeħtieġ li jiġi previst li d-deroga tkompli tapplika lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2011, jekk qabel dik id-data tiġi adottata deċiżjoni dwar dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji lil hinn mill-baħar mal-Komunità Ewropea, jew inkella jekk tiġi estiża d-Deċiżjoni 2001/822/KE.

    (8)

    Il-miżuri li hemm ipprovdut għalihom fid-Deċiżjoni huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kodiċi tal-Kumitat tad-dwana,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Bħala deroga mill-Anness III tad-Deċiżjoni 2001/822/KE, il-prodotti mis-sajd imsemmija fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni meħuda mill-baħar barra mill-ibħra territorjali għandhom jitqiesu li joriġinaw fil-Gżejjer Falkland fuq il-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Id-deroga imsemmija fl-Artikolu 1 għandha tapplika għal ħut li jinqabad fil-baħar minn bastimenti jew bastimenti-fabbriki u għall-kwantitajiet annwali stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni li jiġu importati fil-Komunità mill-Gżejjer Falkland mill-1 ta’ Diċembru 2007 sat-30 ta’ Novembru 2012.

    Il-bastimenti u l-bastimenti-fabbriki msemmija fl-ewwel paragrafu għandhom jikkonformaw mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(2) ta’ l-Anness III tad-Deċiżjoni 2001/822/KE, minbarra l-punt (d).

    Artikolu 3

    L-Artikoli 308(a), 308(b) u 308(c) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 relatati ma’ l-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji japplikaw mutatis mutandis għall-amministrazzjoni tal-kwantitajiet indikati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 4

    L-awtoritajiet tad-dwana tal-Gżejjer Falkland għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jagħmlu kontrolli kwantitattivi fuq esportazzjonijiet tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1.

    Għal dak il-għan, f’kull ċertifikat li joħorġu wara din id-Deċiżjoni għandu jkun hemm referenza għalihom.

    Kull tliet xhur l-awtoritajiet kompetenti tal-Gżejjer Falkland għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni dikjarazzjoni tal-kwantitajiet rigward liema ċertifikati taċ-ċaqliq EUR 1 ikunu nħarġu skond din id-Deċiżjoni u n-numru tas-serje ta’ dawk iċ-ċertifikati.

    Artikolu 5

    Ir-rubrika nru 7 taċ-ċertifikati EUR 1 ippubblikati b’din id-Deċiżjoni għandu jkollha wieħed minn dawn li ġejjin:

    “Derogation – Decision No …”;

    “Dérogation – Décision no …”,

    bl-indikazzjoni tan-numru ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Diċembru 2007 sat-30 ta’ Novembru 2012.

    Madankollu, jekk tiġi adottata sistema ġdida preferenzali minflok id-Deċiżjoni 2001/822/KEE lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2011, jew jekk is-sistema preżenti tiġi estiża, din id-Deċiżjoni għandha tibqa’ tapplika sad-data tat-tmiem ta’ dan is-sistema l-ġdida jew tas-sistema preżenti estiża, imma fi kwalunkwe każ sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru 2012.

    Artikolu 7

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, 15 ta’ Novembru 2007.

    Għall-Kummissjoni

    László KOVÁCS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 314, 30.11.2001, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2007/249/KE (ĠU L 109, 26.4.2007, p. 33).

    (2)  ĠU L 211, 7.8.2002, p. 16.

    (3)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 214/2007 (ĠU L 62, 1.3.2006, p. 6).


    ANNESS

    Ordni Nru

    Kodiċi NM

    Deskrizzjoni ta’ l-oġġetti

    Kwantità totali annwali (1)

    (tunnellata)

    09.1914

    0303

    Ħut iffriżat, eskluż il-flettijiet tal-ħut u laħam tal-ħut ieħor taħt l-intestatura 0304 .

    12 500

    09.1915

    ex 0304

    Flettijiet tal-ħut, iffriżat

    5 100

    09.1916

    0307 49 35

    Klamari ffriżati ta’ l-ispeċi Loligo Patagonica (Loligo gahi)

    34 600

    09.1917

    0307 99 11

    Klamari ffriżati tal-ġenus Illex

    31 000


    (1)  Il-kwantità totali annwali tkopri l-ispeċijiet kollha meħudin flimkien.


    Top