Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0149

    2007/149/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 5 ta' Marzu 2007 li tawtorizza lid-Deputat Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea biex jaġixxi bħala rappreżentant ta' ċerti Stati Membri bil-għan li jiġu konklużi u ġestiti kuntratti relatati mal-forniment ta' servizzi li jikkonċernaw infrastruttura ta' komunikazzjoni għall-ambjent Schengen, sakemm titwettaq il-migrazzjoni għal infrastruttura ta' komunikazzjoni a karigu tal-Komunità Ewropea

    ĠU L 66, 6.3.2007, p. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 4M, 8.1.2008, p. 181–182 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/149(1)/oj

    8.1.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    181


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tal-5 ta' Marzu 2007

    li tawtorizza lid-Deputat Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea biex jaġixxi bħala rappreżentant ta' ċerti Stati Membri bil-għan li jiġu konklużi u ġestiti kuntratti relatati mal-forniment ta' servizzi li jikkonċernaw infrastruttura ta' komunikazzjoni għall-ambjent Schengen, sakemm titwettaq il-migrazzjoni għal infrastruttura ta' komunikazzjoni a karigu tal-Komunità Ewropea

    (2007/149/KE)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra l-Protokoll li jintegra l-acquis ta' Schengen fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b' mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Bid-Deċiżjoni 1999/870/KE (1) il-Kunsill awtorizza lid-Deputat Segretarju Ġenerali tal-Kunsill biex jikkonkludi u jiġġestixxi f'isem ċerti Stati Membri l-kuntratt relatat ma' l-istallazzjoni u l-funzjonament ta' l-infrastruttura ta' komunikazzjoni għall-ambjent Schengen, is-“SISNET”.

    (2)

    Il-kuntratt għas-SISNET konkluż abbażi ta' dik l-awtorizzazzjoni ser jieqaf awtomatikament fit-13 ta' Novembru 2008 u ma jistax jiġi mġedded jew estiż permezz ta' negozjati diretti mal-kuntrattur attwali.

    (3)

    L-Istati Membri kkonċernati esprimew il-ħtieġa li jkollhom il-kuntratt attwali għas-SISNET segwit b'kuntratt ġdid, u talbu lid-Deputat Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill biex jirrappreżentahom fir-rigward ta' l-esekuzzjoni tal-miżuri preparatorji meħtieġa kif ukoll il-konklużjoni u l-ġestjoni ta' kuntratt ġdid għas-SISNET.

    (4)

    It-twettiq ta' tali kompitu mid-Deputat Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill f'isem ċerti Stati Membri jikkostitwixxi kompitu distint mill-kompiti mwettqa mid-Deputat Segretarju-Ġenerali skond l-obbligi tiegħu skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    (5)

    Huwa għalhekk xieraq li dan il-kompitu jkun assenjat lid-Deputat Segretarju-Ġenerali permezz ta' Deċiżjoni espliċita tal-Kunsill.

    (6)

    Tali proċedura ta' sejħiet għal offerti tinkludi xi riskji li mhumiex taħt il-kontroll tal-Kunsill u l-Istati Membri, il-Kunsill tal-15 ta' Frar 2007 jitlob ukoll lill-Kummissjoni tagħmel proposti malajr kemm jista' jkun biex tipprevedi għall-possibbiltà li temigra s-SIS, SIRENE u VISION fuq in-netwerk s-TESTA sat-13 ta' Novembru 2008, taħt ir-responsabbiltà tagħha;

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-Kunsill b'dan jawtorizza lid-Deputat Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill biex jaġixxi bħala r-rappreżentant ta' l-Istati Membri kkonċernati (l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, L-Irlanda, l-Isvezja, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, l-Olanda, il-Polonja, il-Portugall, ir-Renju Unit, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Ungerija) fir-rigward ta':

    (a)

    l-eżekuzzjoni ta' sejħa għal offerti għall-forniment ta' servizzi li jikkonċernaw infrastruttura ta' komunikazzjoni għall-ambjent Schengen, sakemm titwettaq il-migrazzjoni għal infrastruttura ta' komunikazzjoni taħt ir-responsabbiltà tal-Komunità Ewropea,

    (b)

    il-konklużjoni u l-ġestjoni tal-kuntratti għall-forniment ta' tali servizzi.

    Artikolu 2

    Il-ħidma involuta fit-tħejjija tas-sejħa għall-offerti u l-ġestjoni tal-kuntratti sussegwenti msemmija fl-Artikolu 1 f'isem l-Istati Membri kkonċernati għandha titwettaq mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bħala parti mill-kompiti amministrattivi normali tiegħu.

    Artikolu 3

    Il-kwistjonijiet kollha relatati ma' kwalunkwe responsabbiltà mhux-kuntrattwali li jirriżultaw mill-atti jew l-ommisjonijiet tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill fit-twettiq tal-kompiti amministrattivi tiegħu skond din id-Deċiżjoni għandhom ikunu regolati bl-Artikolu 288, it-tieni paragrafu, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. L-Artikolu 235 ta' dak it-Trattat għandu għalhekk ikun japplika għal kwalunkwe tilwim relatat ma' kumpens għal danni.

    Artikolu 4

    1.   Il-kont bankarju speċjali f'isem is-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill, miftuħ bil-għan li jiġestixxi l-kuntratti msemmija fid-Deċiżjoni 1999/870/KE, għandu jintuża fir-rigward tal-baġit relatat mal-konklużjoni u l-ġestjoni tal-kuntratti msemmija fl-Artikolu 1.

    2.   Id-Deputat Segretarju-Ġenerali għandu jkun awtorizzat li juża l-kont bankarju msemmi fil-paragrafu 1 għall-finijiet li jwettaq il-kompiti tiegħu skond din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha jkollha effett fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha.

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, 5 ta' Marzu 2007.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    F.-W. STEINMEIER


    (1)  ĠU L 337, 30.12.1999, p. 41.


    Top