EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0049

2007/49/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 22 ta’ Jannar 2007 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet fis-Sħubija Ewropea mal-Montenegro

ĠU L 20, 27.1.2007, p. 16–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 4M, 8.1.2008, p. 34–49 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/49(1)/oj

8.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

34


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Jannar 2007

dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet fis-Sħubija Ewropea mal-Montenegro

(2007/49/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 533/2004 tat-22 ta' Marzu 2004 dwar it-twaqqif ta' sħubiji fil-qafas tal-proċess ta' stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni

Billi:

(1)

Il-Kunsill Ewropew ta' Tessaloniki tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 approva l-introduzzjoni tas-Sħubiji Ewropej bħala mezz ta' appoġġ għall-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 533/2004 jipprovdi li l-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li għandhom jinsabu fis-Sħubiji Ewropej, kif ukoll dwar aġġustamenti sussegwenti.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 533/2004 jgħid li s-segwitu tas-Sħubiji Ewropej huwa żgurat permezz tal-mekkaniżmi stabbiliti taħt il-proċess ta' stabilizzazzjoni u assoċjazzjoni, partikolarment permezz tar-rapporti annwali ta' progress.

(4)

Il-Kunsill adotta fl-14 ta' Ġunju 2004 l-ewwel Sħubija Ewropea mas-Serbja u l-Montenegro inkluż il-Kosovo kif definit fir-Riżoluzzjoni 1244 (2) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-Kunsill iddeċieda fit-30 ta' Jannar 2006 li jaġġorna dik is-Sħubija Ewropea (3).

(5)

Il-Montenegro pproklama l-indipendenza tiegħu fit-3 ta' Ġunju 2006 wara referendum li sar fil-21 ta' Mejju 2006.

(6)

Fil-Kunsill ta' l-Affarijiet Ġenerali u tar-Relazzjonijiet Esterni tat-12 ta' Ġunju 2006, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha ddeċidew li jiżviluppaw aktar ir-relazzjonijiet tagħhom mar-Repubblika tal-Montenegro bħala Stat sovran u indipendenti.

(7)

Għalhekk, huwa xieraq li titwaqqaf Sħubija Ewropea ġdida mal-Montenegro fuq il-bażi tal-parti dwar il-Montenegro tas-Sħubija Ewropea mas-Serbja u l-Montenegro adottata f'Jannar 2006, aġġornata wara r-riżultati tar-rapport ta' progress ta' l-2006, u supplimentata bil-prijoritajiet li jindirizzaw l-isfidi li l-Montenegro jiffaċċja bħala stat indipendenti.

(8)

Sabiex iħejju għal aktar integrazzjoni ma' l-Unjoni Ewropea, l-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro għandhom jiżviluppaw pjan bi skeda programmatika u bil-miżuri speċifiċi li jindirizzaw il-prijoritajiet ta' din tas-Sħubija Ewropea,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Skond l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 533/2004, il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet fis-Sħubija Ewropea mal-Montenegro huma stipulati fl-Anness hawnhekk, li jifforma parti integrali minn din id-Deċiżjoni, u li għandu jissostitwixxi, għall-Montenegro, l-Anness mad-Deċiżjoni 2006/56/KE.

Artikolu 2

L-implimentazzjoni tas-Sħubija Ewropea mal-Montenegro għandha tiġi eżaminata permezz tal-mekkaniżmi stabbiliti taħt il-proċess ta' stabilizzazzjoni u assoċjazzjoni, partikolarment ir-rapporti annwali tal-progress ippreżentati mill-Kummissjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha jkollha effett fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 22 ta’ Jannar 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

F.-W. STEINMEIER


(1)  ĠU L 86, 24.3.2004, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 269/2006 ta' l-14 ta' Frar 2006 (ĠU L 47, 17.2.2006, p. 7).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/520/KE ta' l-14 ta' Ġunju 2004 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li hemm fis-Sħubija Ewropea mas-Serbja u l-Montenegro inkluż il-Kosovo kif definit mir-Riżoluzzjoni 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ta’ l-10 ta' Ġunju 1999 (ĠU L 227, 26.6.2004, p. 21).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/56/KE tat-30 ta' Jannar 2006 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li hemm fis-Sħubija Ewropea mas-Serbja u l-Montenegro inkluż il-Kosovo kif definit mir-Riżoluzzjoni 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta' Ġunju 1999 u li tħassar id-Deċiżjoni 2004/520/KE (ĠU L 35, 7.2.2006, p. 32).


ANNESS

IL-MONTENEGRO: SĦUBIJA EWROPEA 2006

1.   DAĦLA

Il-Kunsill Ewropew approva l-introduzzjoni tas-Sħubiji Ewropej bħala mezz ta' appoġġ għall-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

Fit-30 ta' Jannar 2006, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea adotta Sħubija Ewropea għas-Serbja u għall-Montenegro inkluż il-Kosovo kif definit mir-Riżoluzzjoni 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ta' l-10 ta' Ġunju 1999. Il-Montenegro pproklama l-indipendenza tiegħu fit-3 ta' Ġunju 2006 wara referendum li sar fil-21 ta' Mejju. Dak ġie segwit mir-rikonoxximent mill-UE u l-Istati Membri tagħha. Għalhekk, huwa xieraq li tiġi adottata Sħubija Ewropea aġġornata għall-Montenegro biss. Din is-Sħubija aġġornata hija bbażata fuq il-partijiet relatati mal-Montenegro tas-Sħubija Ewropea preċedenti mas-Serbja u l-Montenegro (inkluż il-Kosovo). Hija żżid elementi li jirriflettu l-kompetenzi ġodda tal-Montenegro u l-isfidi li jiffaċċja bħala stat indipendenti.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Montenegro għandhom jiżviluppaw pjan li jinkludi skeda programmatika u miżuri speċifiċi sabiex jindirizzaw il-prijoritajiet tas-Sħubija Ewropea.

2.   IL-PRINĊIPJI

Il-Proċess ta' Stabbilizazzjoni u Assoċjazzjoni jibqa' l-qafas għall-mira Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, matul it-triq kollha lejn is-sħubija futura tagħhom.

Il-prijioritajiet ewlenin identifikati jirrelataw mal-kapaċità tal-Montenegro li jissodisfa l-kriterji stabbiliti mill-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen fl-1993 u l-kondizzjonijiet stabbiliti għall-proċess ta' Stabbilizazzjoni u Assoċjazzjoni, speċjalment il-kondizzjonijiet espressi mill-Kunsill fil-Konklużjonijiet tad-29 ta' April 1997 u l-21 u t-22 ta' Ġunju 1999, il-kontenut tad-dikjarazzjoni finali tas-Summit ta' Żagreb ta' l-24 ta' Novembru 2000 u l-Aġenda ta' Tessaloniki.

3.   IL-PRIJORITAJIET

Il-prijoritajiet elenkati f'din is-Sħubija Ewropea intgħażlu fuq il-bażi li huwa realistikament mistenni li l-Montenegro jkun jista' jwettaqhom jew jagħmel progress sostanzjali fuqhom fis-snin li ġejjin. Hemm distinzjoni bejn il-prijoritajiet fuq medda qasira ta' żmien, li huma mistennija li jintlaħqu fi żmien sena jew sentejn, u l-prijoritajiet fuq medda medja ta' żmien, li huma mistennija li jintlaħqu fi żmien tlieta jew erba' snin. Il-prijoritajiet jirrigwardaw kemm il-leġiżlazzjoni kif ukoll l-implimentazzjoni tagħha.

B'kont meħud ta' l-ispejjeż sostanzjali involuti fit-twettiq tar-rekwiżiti kollha ta' l-UE kif ukoll il-kumplessità ta' dawn ir-rekwiżiti f'ċerti oqsma, din is-sħubija ma tinkludix il-kompiti importanti kollha f'dan l-istadju. Is-sħubiji futuri se jkunu jinkludu aktar prijoritajiet skond il-progress li jkun għamel il-Montenegro.

Fost il-prijoritajiet fuq medda qasira ta' żmien, il-prijoritajiet ewlenin ġew identifikati u miġbura flimkien fil-bidu tal-lista. L-ordni ta' dawn il-prijoritajiet ewlenin ma timplikax klassifikazzjoni fl-importanza tagħhom.

3.1.   IL-PRIJORITAJIET FUQ MEDDA QASIRA TA' ŻMIEN

Il-Prijoritajiet Ewlenin

Tiġi adottata Kostituzzjoni ġdida, ibbażata fuq kunsens wiesa', konformi ma' l-istandards Ewropej, b'mod partikolari fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedm u tal-minoranzi, l-organizzazzjoni tal-ġudikatura, il-verifika, id-difiża u l-istrutturi ta' sigurtà.

Jitkompla t-twaqqif ta' l-istrutturi legali u istituzzjonali meħtieġa għal pajjiż indipendenti inklużi l-iffirmar u r-ratifika ta' l-istrumenti internazzjonali li magħhom kienet aderixxiet l-Unjoni Statali tas-Serbja u l-Montenegro.

Jitkomplew l-isforzi sabiex tiġi implimentata r-riforma ta' l-amministrazzjoni pubblika, li tinkludi s-sistema ta' ħlas tas-servizz pubbliku, sabiex ikun żgurat li jkun hemm reklutaġġ trasparenti, professjonalità u responsabbiltà; jitkompla, b'mod partikolari, tat-tisħiħ ta' l-istrutturi ta' integrazzjoni Ewropea fil-livelli kollha (inklużi fil-ministeri relevanti u fil-Parlament) u l-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni fi kwistjonijiet ta' l-UE.

Jiġu finalizzati l-pjanijiet għal riforma fis-sistema ġudizzjarja; jitneħħew mill-poteri tal-Parlament ir-reklutaġġ u l-ġestjoni tal-karrieri u jitwaqqfu proċeduri trasparenti ibbażati fuq kriterji professjonali u oġġettivi għall-għażla u l-avvanz fil-karriera; tiġi razzjonalizzata s-sistema tal-qorti u jiġu modernizzati l-proċeduri u tittejjeb l-amministrazzjoni; jingħata finanzjament adegwat u sostenibbli għas-sistema ġudizzjarja.

Tiġi rafforzata l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni fil-livelli kollha, anke permezz tat-twaqqif ta' mekkaniżmi istituzzjonali effiċjenti għall koperazzjoni bejn l-aġenziji u permezz tar-rafforzament tal-kapaċità operattiva tal-korpi li jinfurzaw il-liġi.

Jissaħħaħ il-kontroll parlamentari fuq l-istrutturi tad-difiża u s-sigurtà.

Titkompla l-koperazzjoni sħiħa mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja (l-ICTY).

Tissaħħaħ il-kapaċità sabiex jiġu adottati u implimentati miżuri li ġejjin mill-impenji negozjati skond il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, b'mod partikolari l-aġġornament tal-kapaċità ta' l-awtoritajiet doganali sabiex japplikaw sew ir-regoli ta' l-oriġini u l-metodi ta' koperazzjoni amministrattiva.

Il-kriterji politiċi

Id-demokrazija u l-istat tad-dritt

L-Elezzjonijiet

Konformement mar-rakkomandazzjoniet ta' l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet Umani, tiġi de-politiċizzata t-tmexxija ta' l-elezzjoni, jittejjeb il-funzjonament tagħha, b'mod partikolari it-tħabbir tar-riżultati, tiġi kodifikata l-leġiżlazzjoni elettorali, jitwaqqfu regoli għar-rappurtaġġ mill-media tal-kampanji elettorali u jiġu introdotti regoli sabiex jiggarantixxu trasparenza fl-allokazzjoni tas-siġġijiet skond l-istandards Ewropej; jitwaqqaf qafas trasparenti għall-iffinanzjar tal-kampanji elettorali.

Il-Parlament

Jissaħħu l-kapaċità leġiżlattiva u l-kontroll globali tal-Parlament b'mod partikolari permezz ta' l-implimentazzjoni tar-Regoli ġodda ta' Proċedura li ġew adottati.

Tissaħħaħ il-kapaċità tal-Parlament f'oqsma ġodda ta' kompetenza.

Jissaħħaħ il-funzjonament tal-Kumitat dwar l-Integrazzjoni Ewropea u jingħata l-appoġġ amministrattiv u espert adegwat.

L-amministrazzjoni pubblika

Komplu bil-proċess ta' depolitiċizzazzjoni ta' l-amministrazzjoni pubblika.

Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva ta' l-Uffiċċju ta' l-Ombudsman; jiġi żgurat li r-rakkomandazzjonijiet ta' l-Ombudsman ikunu segwiti adegwatament.

Titkompla l-implimentazzjoni tal-proċess ta' deċentralizzazzjoni u jiġu aġġornati l-kapaċitajiet tal-muniċipalitajiet.

Is-sistema ġudizzjarja

Tiġi żgurata l-implimentatazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar it-taħriġ obbligatorju, kemm inizjali kif ukoll kontinwu, għall-imħallfin, għall-prosekuturi u għall-persunal ta' appoġġ fil-qorti, u jkomplu jissaħħu ċ-Ċentri ta' Taħriġ Ġudizzjarju;

Jiġu finalizzati l-pjanijiet għal riforma fis-sistema ġudizzjarja; jitneħħa l-kontroll, minn fost il-poteri tal-Parlament, tar-reklutaġġ u tal-ġestjoni tal-karrieri u jiġu stabbiliti proċeduri trasparenti bbażati fuq kriterji professjonali u oġġettivi għall-għażla u l-avvanz fil-karriera; tiġi razzjonalizzata s-sistema tal-qorti u jiġu modernizzati l-proċeduri u t-tittejjeb l-amministrazzjoni; jingħata finanzjament adegwat u sostenibbli għas-sistema ġudizzjarja.

Jingħataw garanziji sabiex tissaħħaħ l-awtonomija u l-effiċjenza tas-sistema tal-prosekuzzjoni, fosthom dik relatata ma' kwistjonijiet baġitarji. Jissaħħaħ l-uffiċċju tal-prosekutur kontra l-kriminalità organizzata u tiġi aġġornata l-kapaċità fil-qasam tal-politika kontra l-korruzzjoni.

Isir aġġornament tal-kapaċità tal-Ministeru tal-Ġustizzja għall-koperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali.

Il-politika kontra l-korruzzjoni

Tiġi emendata l-liġi dwar kunflitt ta' interess u ssir implimentazzjoni tagħha sabiex jiġi eliminat kull każ possibbli ta' kunflitt ta' interessi ta' uffiċjali.

Jiġu aġġornati l-isforzi għall-implimentazzjoni ta' strateġija kontra l-korruzzjoni, partikolarment billi jingħataw riżorsi finanzjarji u umani xierqa lill-korpi li jinfurzaw il-liġi sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tagħha.

Jiġu żviluppati u implimentati bis-sħiħ il-liġijiet dwar il-partiti politiċi u l-finanzjament tal-partiti politiċi billi tiġi żgurata t-trasparenza u ċ-ċarezza.

Id-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi

Jiġu żgurati mekkaniżmi effettivi għall-implimentazzjoni ta' l-obbligi li ġejjin minn strumenti internazzjonali, l-aktar fir-rigward tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Prevenzjoni tat-Tortura.

Tittieħed azzjoni komprensiva u trasparenti fil-każijiet allegati kollha ta' trattament ħażin. Jissaħħu s-servizzi interni ta' kontroll kontra t-trattament ħażin minn aġenti ta' l-infurzar tal-liġi.

Jittejbu l-kondizzjonijiet tal-ħabs, b'mod partikolari rigward gruppi vulnerabbli bħal awturi minorenni ta' reati u dawk li jeħtieġu kura psikjatrika; jiġi żgurat li jkunu monitorjati b'mod adegwat il-kondizzjonijiet tal-ħabs għall-priġunieri għal medda twila ta' żmien u għall-priġunieri tal-kriminalità organizzata, jiġi żgurat aktar taħriġ għall-persunal tal-ħabs u jittejbu l-faċilitajiet għall-bżonnijiet speċjali.

Tiġi adottata leġiżlazzjoni komprensiva kontra d-diskriminazzjoni.

Tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-Liġi dwar l-aċċess għall-informazzjoni pubblika. Tkompli t-trasformazzjoni tar-Radju u t-Televiżjoni tal-Montenegro f'servizz pubbliku ta' xandir u jiġu pprovduti mezzi xierqa għal dan il-għan.

Ikun implimentat il-memorandum dwar il-koperazzjoni bejn l-NGOs u l-istituzzjonijiet governattivi.

Tkompli tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni dwar ir-restituzzjoni tal-proprjetà.

Jiġi pprovdut qafas xieraq, anke fil-livell Kostituzzjonali, għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi. Jiġi implimentat il-Pjan ta' Strateġija u Azzjoni relevanti għall-integrazzjoni ta' persuni tar-razza Roma, inklużi r-refuġjati.

Il-kwistjonijiet reġjonali u obbligi internazzjonali

Tkompli tissaħħaħ il-koperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet tajbin ta' viċinat, bil-perspettiva, inter alia, tal-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni. Jiġu implimentati ftehim dwar kummerċ ħieles ma' pajjiżi ġirien, l-aktar fil-kuntest tal-Ftehim il-ġdid dwar il-Kummerċ Ħieles fl-Ewropa Ċentrali (CEFTA). Tiġi aġġornata l-koperazzjoni transkonfinali fl-oqsma tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-traffikar u l-kuntrabandu, il-koperazzjoni ġudizzjarja, il-ġestjoni tal-fruntieri, l-ambjent, it-trasport u l-enerġija.

Tkun żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet tar-refuġjati u l-persuni spostati internament. Jiġu mħassra d-dispożizzjonijiet diskriminatorji kollha fir-rigward ta' l-oqsma tax-xogħol, ta' l-aċċess għad-drittijiet tal-proprjetà, tar-rimedju legali u ta' l-aċċess għaċ-ċittadinanza; jiġi garantit aċċess bla xkiel għas-servizzi tas-saħħa u għad-dokumenti personali. Jiġi żgurat id-dritt ta' għażla vera bejn ir-ritorn sostenibbli u l-integrazzjoni u jingħataw kondizzjonijiet għall-integrazzjoni għal min jagħżel din ta' l-aħħar.

Jiġu allinjati l-leġiżlazzjoni u l-prattika nazzjonali ma' l-istandards u l-ftehim relevanti permezz ta' l-iffirmar u r-ratifika ta' l-istrumenti internazzjoni relevanti fil-livell tal-Kunsill ta' l-Ewropa u tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-kriminalità finanzjarja, inkluża l-korruzzjoni.

Il-kriterji ekonomiċi

Tiġi sostnuta l-istabbiltà makroekonomika billi jitkomplew l-aġġustamenti fiskali u l-konsolidazzjoni neċessarji.

Tiġi żviluppata l-kapaċita istituzzjonali u analitika meħtieġa sabiex jitfassal u jiġi implimentat il-“Programm Ekonomiku u Fiskali” propost mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

Tiġi implimentata s-Sistema ta' Ġestjoni tan-Nefqa Pubblika, partikolarment l-amministrazzjoni baġitjara tal-programmi, l-amministrazzjoni baġitjara fuq medda meja ta' żmien u l-introduzzjoni ta' elementi ta' accrual accounting.

Jiġi integrat għal kollox il-baġit kapitali fil-kontijiet ġenerali tal-gvern, inklużi l-ispejjeż kapitali tal-gvern lokali.

Jitkompla l-proċess ta' ristrutturazzjoni u privatizzazzjoni ta' l-impriżi pubbliċi.

Tiġi adottata u implimentata l-liġi dwar s-superviżjoni fuq l-assigurazzjoni.

Jitkomplew l-isforzi għall-promozzjoni ta' l-adattament u l-ħiliet fost il-ħaddiema, bis-sehem sħiħ ta' min iħaddem u tat-trejdunjons f'dak il-proċess.

Jitkomplew l-aġġustamenti neċessarji fil-kondizzjonijiet kummerċjali tal-Montenegro, sabiex jagħmluhom kompatibbli mal-Miżuri Kummerċjali Awtonomi u mal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (SAA) futur.

L-istandards Ewropej

Is-suq intern

Il-moviment liberu tal-merkanzija

Jiġi finalizzat it-twaqqif ta' strutturi legali u istituzzjonali dwar l-istandardizzazzjoni, is-sorveljanza tas-swieq, iċ-ċertifikazzjoni, il-metroloġija, l-akkreditament u l-valutazzjoni tal-konformità skond l-acquis communautaire ta' l-Unjoni Ewropea sabiex jinħolqu kondizzjonijiet favorevoli għall-kummerċ. Tibda l-adozzjoni ta' l-istandards Ewropej.

Jitwaqqfu mekkaniżmi ta' konsultazzjoni u notifika interni għar-regolamenti tekniċi ġodda qabel ma jiġu adottati miżuri li jkollhom impatt fuq in-negozju.

Jitwaqqfu l-qafas legali u l-kapaċità amministrattiva għall-protezzjoni attiva tal-konsumatur u tas-saħħa skond il-politika ta' l-UE dwar il-konsumatur u l-politika dwar is-saħħa.

Jitkomplew ir-riformi neċessarji għall-konformità mar-regoli u ma' l-obbligi tad-WTO sabiex ikun aċċelerat il-proċess ta' adeżjoni mad-WTO.

Id-dwana u t-tassazzjoni

Jitkompla l-allinjament, ma' l-acquis, tal-leġiżlazzjoni u tal-proċeduri doganali. Jitkompla l-immodernizzar ta' l-amministrazzjonijiet doganali sabiex ikun żgurat livell għoli ta' kapaċità amministrattiva u sabiex jiġu miġġielda l-korruzzjoni, l-kriminalità transkonfinali u l-evażjoni fiskali.

Tiġi emendata u implimentata l-leġiżlazzjoni fil-qasam tar-regoli ta' l-oriġini sabiex tiġi introdotta bażi legali għall-applikazzjoni tar-regoli tal-KE ta' l-oriġini għall-finijiet tal-Miżuri Kummerċjali Awtonomi, sabiex jiġi żgurat l-għoti ta' informazzjoni u taħriġ lill-operaturi u lill-uffiċjali tad-dwana.

Jitkompla l-allinjament tal-leġiżlazzjoni fiskali ma' l-acquis. Tittejjeb l-implimentazzjoni tal-liġijiet fiskali, b'iffukar fuq il-ġbir tad-dħul u l-kontroll, sabiex titnaqqas il-frodi fiskali.

Jiġu applikati l-prinċipji tal-Kodiċi ta' Kondotta għat-Tassazzjoni tan-Negozji u jiġi żgurat li l-miżuri fiskali ġodda jkunu konformi ma' dawk il-prinċipji.

Il-kompetizzjoni

Jitwaqqfu u jingħataw mezzi adegwati għall-funzjonament ta' awtorità dwar il-kompetizzjoni b'indipendenza funzjonali sħiħa.

Jissaħħaħ il-qafas ta' l-għajnuna statali u titkattar it-trasparenza, bħala l-ewwel pass lejn kontroll ta' l-għajnuna statali skond ir-rekwiżiti tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

L-akkwisti pubbliċi

Tiġi implimentata sistema effettiva ta' akkwisti pubbliċi skond il-prinċipji ta' l-UE, inklużi dawk relatati mar-rimedji. Jiġu żgurati proċeduri ta' trasparenza sħiħa, minkejja l-valur tal-kuntratt konċernat, u mingħajr diskriminazzjoni bejn il-fornituri Montenegrini u dawk fl-UE.

Jiġu żgurati t-twaqqif u l-funzjonament ta' Aġenzija dwar l-Akkwisti Pubbliċi u Korp ta' Reviżjoni u tiġi aġġornata l-kapaċità amministrattiva tagħhom; jingħata t-taħriġ xieraq lill-persunal fl-entitajiet kontraenti responsabbli għall-implimentazzjoni tar-regoli dwar akkwisti pubbliċi.

Il-liġi dwar il-proprjetà intellettwali

Tissaħħaħ b'mod sinifikattiv il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, b'mod partikolari billi jiġi adottat qafas legali komprensiv dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inklużi d-dispożizzjonijiet ta' infurzar effettiv, u billi jitwaqqaf Uffiċċju dwar id-Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali.

Tissaħħaħ, tiġi implimentata u infurzata l-kapaċità f'dan il-qasam, anke fis-servizzi tal-fruntiera, l-aġenżiji ta' infurzar tal-liġi u l-ġudikatura.

Tiġi konfermata formalment il-parteċipazzjoni fil-ftehim internazzjonali ewlenin fil-qasam tal-liġi tal-proprjetà intellettwali.

Is-servizzi finanzjarji

Jissaħħaħ il-qafas regolatorju u superviżorju għall-istituzzjonijiet u swieq finanzjarji, konsistenti mal-prattiċi attwali ta' l-UE, b'mod partikolari relattivament għas-settur bankarju.

Tiġi rafforzata l-koperazzjoni mas-superviżuri domestiċi ta' banek barranin li għandhom sussidjarji sinifikattivi fil-Montenegro, anke billi jiġu konklużi ftehim ta' koperazzjoni.

Il-liġi tal-kumpanniji

Jissaħħaħ l-infurzar tar-rekwiżiti ta' rappurtaġġ finanzjarju, b'mod partikolari għall-istituzzjonijiet finanzarji u l-kumpanniji elenkati.

Ix-xogħol u l-politika Soċjali

Tiġi aġġornata l-kapaċità tal-Ministeru tax-Xogħol u l-Protezzjoni Soċjali dwar il-formulazzjoni u l-monitoraġġ tal-politika, b'enfasi fuq l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol taż-żgħażagħ, tan-nisa u ta' gruppi vulnerabbli; tiġi aġġornata l-ġestjoni tat-twettiq tal-miżuri għall-impjieg attiv implimentati mis-Servizz ta' l-Impjieg tal-Montenegro.

Jittejjeb ix-xogħol ta' l-ispettorati tax-xogħol sabiex tiġi żgurata s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

Jitkattru l-isforzi għall-promozzjoni ta' kwalità fis-sistema edukattiva u ta' tagħlim tul il-ħajja.

Jitkompla t-titjib fil-kwalità, fl-effiċjenza u fir-relevanza tas-sistema ta' edukazzjoni superjuri u jingħata appoġġ għall-integrazzjoni tagħha fiż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Superjuri

Politika Settorali

L-industrija u l-SMEs

Titkompla l-implimentazzjoni tal-Karta Ewropea ta' l-Intrapriżi ż-Żgħar.

Tissaħħaħ l-aġenzija għall-promozzjoni ta' investiment. Jittejbu l-konsultazzjoni u l-appoġġ għan-negozji.

Tiġi adottata liġi dwar l-armonizzazzjoni u l-aċċelerazzjoni ta' l-għoti ta' liċenzji u dwar sistemi għall-ħruġ ta' permessi u tiġi implimentata leġiżlazzjoni b'koperazzjoni mill-qrib ma' l-awtoritajiet tal-gvern lokali; u jiġi adottat u implimentat pjan ta' azzjoni dwar it-tnaqqis tal-barrieri kummerċjali.

Jiġu aċċelerati t-twaqqif u l-implimentazzjoni ta' fond nazzjonali ta' garanzija għall-SMEs.

L-agrikoltura u s-sajd

Jitkompla t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva għall-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika ta' żvilupp agrikolu u rurali.

Tiġi adottata liġi dwar is-sigurtà ta' l-ikel, liġi dwar il-benesseri ta' l-annimali u liġi ġdida veterinarja u jissaħħu s-servizzi veterinarji u fitosanitarji, inklużi l-kapaċitajiet ta' kontroll u dawk relatati mal-laboratorju.

Jitkomplew l-isforzi sabiex il-leġiżlazzjoni tiġi allinjata ma' l-acquis veterinarju u fitosanitarju ta' l-UE inkluż it-twaqqif ta' sistema integrata ta' sigurtà ta' l-ikel bil-għan li tiġi eliminata r-ripetizzjoni u tiżdied is-sigurtà ta' l-ikel. Titħejja sistema ta' identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta' l-annimali għall-bovini konformi mar-rekwiżiti ta' l-UE.

Tiġi finalizzata l-istrateġija dwar is-sajd u tiġi aġġornata l-kapaċità tal-Montenegro sabiex tmexxi politika dwar is-sajd konformi ma' standards ta' l-UE, inklużi dawk li jikkonċernaw il-koperazzjoni internazzjonali.

Tiġi żgurata l-protezzjoni ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet ta' l-oriġini reġistrati fil-Komunità taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nu 510/2006 (1).

L-Ambjent

Titkompla l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni Montenegrina mal-leġiżlazzjoni u l-istandards ta' l-UE, l-aktar fil-qafas leġiżlattiv għall-protezzjoni ta' l-ambjent. Tiġi żviluppata l-kapaċità amministrattiva sabiex tiġi implimentata u infurzata l-leġiżlazzjoni adottata.

Tiġi żviluppata strateġija globali għall-protezzjoni ta' l-ambjent (l-ilma, l-iskart, l-arja). Jiġi adottat il-Pjan għall-Użu ta' l-Art; tiġi adottata l-Istrateġija dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u l-istrateġiji settorali (il-ġestjoni integrata taż-żoni tal-kosta, il-biodiversità, il-bdil fil-klima). Tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva ta' ġestjoni ambjentali.

Il-politika tat-trasport

Jitkompla l-allinjament ma' l-acquis tal-leġiżlazzjoni ta' l-avjazzjoni inkluż il-kontroll tat-traffiku ta' l-ajru, konformement ma' l-impenji assunti bl-iffirmar tal-Ftehim dwar iż-Żona ta' Avjazzjoni Komuni Ewropea.

Tissaħħaħ l-Awtorità ta' l-Avjazzjoni Ċivili, u tinħatar istituzzjoni operattiva indipendenti dwar l-investigazzjoni ta' l-inċidenti fl-avjazzjoni, korp nazzjonali ta' superviżjoni għall-fornitur tas-servizz ta' navigazzjoni bl-ajru, u korp responsabbli għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bl-ajru.

Titkompla l-implimentazzjoni tal-Memorandum ta' Ftehim dwar l-Iżvilupp ta' Netwerk ta' Trasport Reġjonali għall-Qalba ta' l-Ewropa tax-Xlokk, inkluża l-koperazzjoni fl-Osservatorju tat-Trasport ta' l-Ewropa tax-Xlokk.

Tiġi implimentata l-liġi dwar it-trasport fuq it-toroq (inkluż it-twaqqif ta' strutturi relevanti għall-implimentazzjoni). Jiġu żgurati riżorsi suffiċjenti għall-manteniment ta' l-infrastrutturi u l-istituzzjonijiet tat-trasport.

L-enerġija

Jiġu ratifikati u titkompla l-implimentazzjoni ta' l-impenji assunti fil-qafas tat-Trattat Komunitarju dwar l-Enerġija.

Titlesta u tiġi implimentata l-Istrateġija ta' Żvilupp għall-Enerġija, li tinkludi l-Istrateġija ta' Effiċjenza għall-Enerġija; tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tal-Ministeru ta' l-Ekonomija fil-qasam ta' l-enerġija.

Jitwaqqaf bord regolatorju u tiġi adottata l-leġiżlazzjoni xierqa fil-qasam tas-sigurtà nukleari u l-protezzjoni mir-radjazzjoni.

Jiġu żgurati r-rinfurzar tal-liġi u t-trasparenza fis-suq ta' l-enerġija.

Is-soċjetà informatika u l-media

Tissaħħaħ l-Aġenzija għat-Telekomunikazzjonijiet sabiex titjieb il-kompetizzjoni fis-suq billi tiġi applikata l-leġiżlazzjoni relevanti, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-introduzzjoni tas-salvagwardji meħtieġa ta' kompetittività fis-suq.

Titjieb il-kapaċità amministrattiva tal-Ministeru ta' l-Ekonomija fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Isir aktar progress fl-ibbilanċar tat-tariffi, jitkomplu jiġu indirizzati t-termini u l-kondizzjonijiet tat-tariffi ta' interkonnessjoni, u titkompla tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-ħlas tal-liċenzji.

Tiġi ggarantita l-indipendenza operattiva ta' l-Awtorità tax-Xandir.

Tiġi żgurata t-trasformazzjoni bla xkiel tar-Radju u tat-Televiżjoni tal-Montenegro f'fornitur ta' servizz pubbliku, u jiġu żgurati l-miżuri għall-funzjonament effiċjenti tiegħu.

Il-kontroll finanzjarju

Tiġi aġġornata l-istrateġija tal-Kontroll Finanzjarju Pubbliku Intern b'referenzi għall-objettivi fuq medda qasira u fuq medda twila ta' żmien u bl-appoġġ korrispondenti tas-sistema ta' l-IT; tittejjeb il-kapaċità ta' awditjar intern.

Jitkompla t-tisħiħ ta' l-Uffiċċju Statali tal-Verifika u jingħataw il-garanziji kostituzzjonali xierqa.

L-istatistika

Tinġabar u tiġi trażmessa informazzjoni skond ir-rekwiżiti statistiċi relatati ma' l-oqsma ekonomiċi, kummerċjali, monetarji u finanzarji, skond il-prattika attwali ta' l-UE.

Jiġi rivedut u adottat master plan dwar l-istatistika bil-għan li titjieb il-kwalità u jitwessa' l-ambitu ta' l-istatistika. Jissaħħu l-ġbir u l-ipproċessar ta' l-istatistika dwar l-agrikoltura skond l-istandards u l-metodoloġija ta' l-UE; tiġi implimentata n-nomenklatura HS 2007.

Il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà

Il-viżi, il-kontroll tal-fruntieri, l-ażil u l-migrazzjoni

Tiġi żviluppata l-kapaċita istituzzjonali dwar il-politika tal-viżi u tiġi allineata l-politika ma' dik ta' l-UE.

Tissaħħaħ it-tmexxija integrata tal-fruntieri u tiġi żgurata l-implimentazzjoni konsistenti mill-korpi kollha responsabbli, inkluż il-kontroll ċivili.

Tiġi adottata l-Liġi ta' l-Ażil u jinbnew iċ-ċentri ta' riċeviment ippjanati għan-nies li jfittxu l-kenn politiku u r-refuġjati.

Il-money laundering

Tkun żgurata l-implimentazzjoni effiċjenti u l-koordinazzjoni tal-leġiżlazzjoni kontra l-money laundering u tissaħħaħ it-taqsima ta' l-intelliġenza finanzjarja.

Id-drogi

Jitkompla l-iżvilupp tal-kapaċità ta' koperazzjoni internazzjonali taċ-Ċentru kontra d-Drogi u l-Kuntrabandu u jitjiebu l-kapaċitajiet ta' analiżi operattiva, inkluż it-twaqqif ta' bażijiet tad-data relevanti.

Tiġi żviluppata strateġija nazzjonali fil-ġlieda kontra l-abbuż u t-traffikar tad-drogi, skond l-Istrateġija dwar id-Drogi ta' l-UE 2005-2012 u l-Pjan ta' Azzjoni ta' l-UE dwar id-Drogi 2005-2008, u tiġi żviluppata kampanja ta' sensibilizzazzjoni tal-kuxjenza pubblika dwar id-drogi.

Jitwaqqfu standards relatati mal-prevenzjoni tad-devjazzjoni ta' prekursuri kimiċi u sustanzi oħra essenzjali lejn il-produzzjoni ta' drogi lleċiti.

Tiġi żviluppata l-kapaċità ta' l-awtoritajiet relevanti ta' l-infurzar tal-liġi sabiex jiġu miġġielda l-abbuż u t-traffikar tad-drogi.

Il-Pulizija

Tkompli tissaħħaħ il-kapaċità professjonali tal-pulizija, b'taħriġ speċjalizzat, bl-iżvilupp ta' l-intelliġenza u bl-għodod ta' analiżi tar-riskju.

Jiġi żgurat il-funzjonament korrett ta' l-Akkademja tal-Pulizija.

Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu

Jitwaqqfu mekkaniżmi istituzzjonali effiċjenti għall-koperazzjoni bejn l-aġenziji fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u tiġi aġġornata l-kapaċità tad-dipartiment tal-pulizija fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.

Tiġi aġġornata l-kapaċità sabiex jintużaw mezzi investigattivi speċjali skond il-garanziji xierqa u tissaħħaħ l-intelliġenza kriminali.

Tiġi adottata l-leġiżlazzjoni u tiġi żviluppata l-kapaċità sabiex jinqabdu l-assi u r-rikavati tal-kriminalità.

Tiżdied l-effiċjenza tal-koperazzjoni internazzjonali u ta' l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali relevanti dwar it-terroriżmu u l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; jittejbu l-koperazzjoni u l-iskambju ta' l-informazzjoni bejn il-fergħat kollha tas-servizzi tas-sigurtà u ma' Stati oħra; jiġu impediti l-iffinanzjar u t-tħejjija ta' atti terroristiċi.

It-traffikar tal-bnedmin

Tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, anke bl-għoti ta' għajnuna adegwata u ta' protezzjoni lill-vittmi.

Il-protezzjoni ta' data personali

Tiġi adottata leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali u titwaqqaf Awtorità Superviżorja indipendenti għall-Protezzjoni tad-Data.

Jittieħdu l-passi neċessarji sabiex isiru tħejjijiet għall-konklużjoni ta' ftehim ta' koperazzjoni ma' l-Europol.

3.2.   IL-PRIJORITAJIET FUQ MEDDA MEDJA TA' ŻMIEN

Il-Kriterji Politiċi

Id-demokrazija u l-istat tad-dritt

Kwistjonijiet kostituzzjonali

Tiġi implimentata bis-sħiħ il-Kostituzzjoni ġdida skond l-istandards Ewropej.

L-Elezzjonijiet

Ikomplu jittieħdu miżuri għal standards għolja dwar l-organizzazzjoni ta' l-elezzjonijiet; jiġi infurzat qafas trasparenti għall-finanzjament ta' kampanji elettorali.

Il-Parlament

Tkompli tissaħħaħ il-kapaċità tal-Parlament fl-oqsma kollha, b'mod partikolari rigward l-adozzjoni ta' l-acquis ta' l-UE.

L-amministrazzjoni pubblika

Ikomplu jissaħħu l-unitajiet ta' integrazzjoni Ewropea skond il-ministeri relevanti u l-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni dwar kwistjonijiet ta' l-UE inklużi s-SAA u l-IPA.

Jiġu żviluppati prinċipji, proċeduri u kapaċità amministrattiva relevanti fid-dawl tat-twaqqif ta' sistema deċentralizzata ta' implimentazzjoni għall-ġestjoni ta' l-għajnuna ta' l-UE skond ir-rekwiżiti ta' l-UE.

Tkompli tissaħħaħ l-Awtorità dwar il-Ġestjoni tar-Riżorsi Umani. Jissaħħaħ il-proċess tal-ħolqien ta' politika. Tkompli tiġi implimentata r-riforma deċentralizzata.

Ikompli t-tisħiħ tar-reklutaġġ trasparenti, tal-professjonalità u tal-kontabbiltà, anke permezz tal-Kodiċi ta' Etika u tal-linji gwida.

Ikompli l-proċess ta' ristrutturazzjoni u riforma tal-forzi armati, inkluz, kif xieraq, it-tnaqqis tan-numri tagħhom.

Is-sistema ġudizzjarja

Jiġi żgurat il-funzjonament adegwat taċ-Ċentru ta' Taħriġ Ġudizzjarju. Tiġi implimentata l-istrateġija ta' l-IT għall-ġudikatura.

Jiġi finalizzat il-qafas strateġiku għar-riforma ġudizzjarja; jiġu implimentati l-pjanijiet ta' riforma; jiġi implimentat ir-reklutaġġ trasparenti u l-proċeduri tal-ġestjoni tal-karriera; ikompli l-aġġornament tar-riżorsi tas-sistema ġudizzjarja.

Tkompli tiġi aġġornata l-effiċjenza tas-sistema tal-prosekuzzjoni.

Tkompli tiġi aġġornata l-kapaċità tal-Ministeru tal-Ġustizzja għall-koperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali.

Il-politika kontra l-korruzzjoni

Tkompli b'determinazzjoni l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-livelli kollha u jingħataw iktar mezzi għall-prevenzjoni u s-soppressjoni tal-korruzzjoni. Tiġi żgurata l-konformità sħiħa mal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u mal-Konvenzjonijiet relevanti tal-Kunsill ta' l-Ewropa.

Jitwaqqfu proċeduri effettivi għad-detenzjoni, għat-trattament, u għas-segwitu ta' każi suspettati ta' frodi u irregolaritajiet oħra li jolqtu l-fondi nazzjonali u internazzjonali, inklużi l-fondi ta' l-UE.

Id-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi

Tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni u l-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-minoranzi.

Ikomplu jittejbu l-kondizzjonijiet tal-ħabs.

Jiġi impedit u indirizzat il-maltrattament minn aġenziji ta' l-infurzar tal-liġijiet.

Jiġi żgurat li t-tfal b'diżabbiltà jew ta' minoranzi jkunu integrati fis-sistema ewlenija ta' l-edukazzjoni; tiġi riformata s-sistema tal-kura għat-tfal.

Titkompla l-promozzjoni ta' l-integrazzjoni tal-minoranzi u tar-relazzjonijiet tajba bejn il-gruppi etniċi.

Titkompla l-koperazzjoni ma' l-NGOs fil-livelli kemm governattiv kif ukoll muniċipali.

Kwistjonijiet reġjonali u obbligi internazzjonali

Tiġi faċilitata l-integrazzjoni għar-refuġjati li jagħżlu li ma jmorrux lura. Tiġi implimentata l-Istrateġija Nazzjonali dwar ir-refuġjati bħala parti minn strateġija komprensiva dwar l-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni soċjali.

Titkompla l-implimentazzjoni ta' l-arranġamenti dwar koperazzjoni reġjonali.

Il-Kriterji Ekonomiċi

Tissaħħaħ l-istabbiltà makroekonomika billi jitkomplew l-aġġustament fiskali u l-konsolidazzjoni sabiex ikomplu jnaqqsu l-iżbilanċi esterni.

Tiżdied l-effiċjenza ta' l-ispiża tal-gvern, l-aktar billi jittejbu l-proċess baġitarju u l-amministrazzjoni finanzjarja fil-livelli tal-gvern ċentrali u tal-gvern lokali. Tissaħħaħ il-kapaċità għat-tħejjija u l-eżekuzzjoni tal-baġit bil-għan li sseħħ il-prijoratizzazzjoni.

Jiġi żgurat suq tax-xogħol iktar flessibbli permezz ta' liberalizzazzjoni gradwali.

Jissaħħaħ l-ambjent kummerċjali sabiex jiġi promoss l-iżvilupp tas-settur privat u l-impjiegi. B'mod partikolari, issir razzjonalizzazzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji fi kwistjonijiet kummerċjali, partikolarment għall-każi ta' falliment.

Titfassal u tibda tiġi applikata politika integrata ta' riċerka sabiex tappoġġa l-attivitajiet ta' riċerka u żvilupp.

L-istandards Ewropej

Is-Suq Intern

Il-moviment liberu tal-kapital

Jiġu liberalizzati kompletament il-movimenti u l-pagamenti ta' kapital konformement mal-prinċipji ta' l-UE.

Il-moviment liberu tal-merkanzija

Jitkompla l-iżvilupp ta' l-istandardizzazzjoni, speċjalment permezz ta' l-adozzjoni ta' l-istandards Ewropej. Titkompla t-traspożizzjoni tad-direttivi ta' l-Istrateġija l-Ġdida u Globali u l-Istrateġija l-Qadima. Titwaqqaf struttura għas-sorveljanza tas-suq kif meħtieġ mill-acquis.

Id-dwana u t-tassazzjoni

Tiġi żgurata l-approssimazzjoni kontinwa, ma' l-acquis, tal-leġiżlazzjoni doganali u fiskali tal-Montenegro, u jitkompla l-iżvilupp tal-kapaċità amministrattiva sabiex tiġi implimentata il-leġiżlazzjoni doganali, u sabiex jiġu miġġielda l-korruzzjoni, il-kriminalità transkonfinali u l-evażjoni mit-taxxi.

Jittejbu t-trasparenza u l-iskambju ta' informazzjoni ma' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea sabiex ikun faċilitat l-infurzar ta' miżuri li jipprevjenu l-evitar tat-taxxi jew l-evażjoni mit-taxxi.

Jitwaqqaf skambju trasparenti ta' informazzjoni ma' l-Istati Membri ta' l-UE u mal-Kummissjoni tal-Komuntajiet Ewropej sabiex jissaħħu l-miżuri ta' infurzar sabiex jipprevjenu l-frodi, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxi.

Il-kompetizzjoni

Tkompli tissaħħaħ l-awtorità tal-kompetizzjoni, inkluż l-indipendenza funzjonali tagħha.

Ikompli jissaħħaħ il-qafas ta' l-għajnuna statali u jitwaqqaf kontroll ta' għajnuna statali konformi mar-rekwiżiti tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

L-akkwisti pubbliċi

Tkompli tissaħħaħ is-sistema ta' l-akkwisti pubbliċi, anke fis-settur tas-servizzi pubbliċi u relattivament għall-konċessjonijiet, billi tkompli tiġi allinjata l-leġiżlazzjoni domestika ma' l-acquis u billi tiġi aġġornata l-kapaċità amministrattiva ta' l-Aġenzija dwar l-Akkwisti Pubbliċi, tal-korp reviżorju u ta' l-entitajiet kuntrattwali.

Ikomplu jiġu żgurati proċeduri ta' trasparenza sħiħa, minkejja l-valur tal-kuntratt konċernat, u mingħajr diskriminazzjoni bejn il-fornituri Montenegrini u dawk fl-UE.

Il-liġi dwar il-proprjetà intelletwali

Jiġi żgurat livell ta' protezzjoni simili għal dak provdut mill-UE billi tiġi allinjata kompletament il-leġiżlazzjoni domestika ma' l-acquis dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u billi kontinwament jissaħħu l-kapaċità amministrattiva u l-infurzar mill-awtoritajiet pubbliċi relevanti kollha, inklużi s-servizzi tal-fruntiera, l-aġenziji li jinfurzaw il-liġi u l-ġudikatura.

Is-servizzi finanzjarji

Jitwaqqaf qafas regolatorju u ta' superviżjoni komprensiv għall-istituzzjonijiet u s-swieq finanzarji skond il-prinċipji ta' l-UE.

Il-liġi tal-kumpanniji

Jinbeda l-allinjament tar-rekwiżiti tar-rappurtaġġ finanzjarju ma' l-acquis u jiġi żgurat l-infurzar effettiv tagħhom.

Ix-xogħol u l-politika soċjali

Jitkompla l-aġġornament tal-kapaċitajiet ta' formulazzjoni ta' politika u ta' monitoraġġ tal-Ministeru tax-Xogħol u l-Protezzjoni Soċjali, b'enfasi fuq l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol taż-żgħażagħ, tan-nisa u ta' gruppi vulnerabbli u l-immodernizzar tal-politika soċjali; tkompli tiġi aġġornata l-ġestjoni tat-twettiq tal-miżuri għall-impjieg attiv implimentati mis-Servizz tax-Xogħol tal-Montenegro.

Politika Settorali

L-industrija u l-SMEs

Jiġi żgurat li l-Karta Ewropea dwar l-Intrapriżi ż-żgħar tiġi kompletament implimentata.

Tinbeda l-introduzzjoni ta' stimi regolatorji ta' impatt. Jitkompla t-titjib ta' l-aċċess għall-finanzjament u jiġu żviluppati strutturi ta' appoġġ għan-negozji (raggruppamenti, inkubaturi, parkijiet tan-negozju u tat-teknoloġija).

L-agrikoltura u s-sajd

Jitkompla l-iżvilupp ta' kapaċitajiet amministrattivi għall-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika fis-settur ta' l-iżvilupp agrikolu u rurali. Titfassal u tibda titwettaq politika għall-iżvilupp rurali.

Tissaħħaħ il-kapaċità istituzzjonali għas-sigurtà ta' l-ikel. Jitħejja programm għall-klassifikazzjoni ta' stabbilimenti li jipproċessaw l-ikel sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' l-UE. Tibda tittieħed azzjoni għall-identifikazzjoni tan-nagħaġ u tal-mogħoż u r-reġistrazzjoni tal-movimenti tagħhom. Tibda tittieħed azzjoni sabiex ikun żgurat il-kontroll effiċjenti tal-produzzjoni tal-pjanti domestiċi, speċjalment għall-prodotti suġġetti għal rekwiżiti speċifiċi ta' l-UE.

Jittieħdu miżuri sabiex ikun żgurat li l-politika tas-sajd tersaq aktar viċin lejn l-istandards ta' l-UE, speċjalment fl-oqsma ta' ġestjoni tar-riżorsi, ta' ispezzjoni u ta' kontroll u fil-politika strutturali u tas-suq.

Titkompla l-protezzjoni ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet ta' l-oriġini reġistrati fil-Komunità taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 u l-emendi sussegwenti tiegħu. Tiġi aġġornata l-lista ta' indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet ta' l-oriġini, li huma protetti, konformement ma' l-iżviluppi fl-acquis ta' l-UE f'dan il-qasam.

L-ambjent

Titkompla l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni Montenegrina lejn il-leġiżlazzjoni u l-istandards ta' l-UE, partikolarment il-leġiżlazzjoni dwar it-tniġġiż ta' l-arja, l-ilma u l-kimiċi.

Tinbeda l-implimentazzjoni tal-Pjan dwar l-Użu ta' l-Art u l-istrateġija dwar il-protezzjoni ambjentali ġenerali. Tinbeda l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u l-istrateġiji settorali oħra (il-ġestjoni integrata taż-żoni tal-kosta, l-biodiversità, l-bdil fil-klima). Jiġi żgurat qafas finanzjarju vijabbli għall-implimentazzjoni ta' politika ta' protezzjoni ta' l-ambjent fuq medda bejn medja u twila ta' żmien.

Jiġi ratifikat u jibda jitwettaq il-protokoll ta' Kyoto.

Tkompli tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva, l-aktar ta' l-istituzzjonijiet u tal-korpi responsabbli għall-ippjanar, permessi, ispezzjonijiet, infurzar u monitoraġġ, kif ukoll għall-ġestjoni ta' proġetti.

Il-politika tat-trasport

Jissaħħaħ l-iżvilupp tal-kapaċitajiet, inkluża t-tħejjija ta' proġetti għall-investimenti kbar. Titkompla l-allokazzjoni ta' riżorsi suffiċjenti għall-manteniment ta' l-infrastrutturi u l-istituzzjonijiet tat-trasport.

Jitwettqu l-obbligi internazzjonali skond l-Konvenzjonijiet ta' l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u jissaħħu l-kondizzjonijiet tas-sigurtà marittima tal-flotta fid-dawl tal-Memorandum ta' Ftehim ta' Pariġi.

L-enerġija

Tiġi adottata u implimentata strateġija fuq medda twila ta' żmien għall-politika ta' l-enerġija ambjentalment sostenibbli.

Ikomplu jitwettqu l-impenji reġjonali u internazzjonali f'dan il-qasam sabiex ikun jista' jitwaqqaf suq reġjonali kompetittiv ta' l-enerġija.

Tinkiseb l-adeżjoni ma' konvenzjonijiet internazzjonali dwar is-sigurtà nukleari li fihom il-EURATOM huwa diġà Parti Kontraenti.

Is-soċjetà informatika u l-media

Tiġi finalizzata t-traspożizzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-qafas ta' l-UE ta' l-2002 dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi.

Jitwaqqaf suq kompetittiv tal-komunikazzjonijiet elettroniċi permezz ta' l-implimentazzjoni progressiva ta' leġiżlazzjoni u billi jiġu applikati salvagwardji kompetittivi u jiġu indirizzati l-ostakoli kollha eżistenti għad-dħul fis-suq.

Tinżamm l-indipendenza ta' l-awtoritajiet regolatorji u jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed riżorsi u konoxxenza esperta sabiex titwettaq il-ħidma tagħhom.

Tiġi allinjata kompletament il-leġiżlazzjoni ma' l-acquis awdjoviżiv.

Il-kontroll finanzjarju

Jiġu żviluppati u implimentati l-prinċipji tar-responsabbiltà deċentralizzata ta' ġestjoni u ta' verifika interna funzjonalment indipendenti skond l-istandards aċċettati internazzjonalment u l-aħjar prattika ta' l-UE.

Tissaħħaħ il-kapaċità operattiva, kif ukoll l-indipendenza finanzjarja u funzjonali ta' l-Uffiċċju Statali tal-Verifika.

Jiġu żviluppati proċeduri u kapaċitajiet amministrattivi sabiex tkun żgurata l-protezzjoni effettiva ta' l-interessi finanzjarji ta' l-UE.

Statistika

Jitkompla l-iżvilupp ta' statistika ekonomika affidabbli. Tinbena l-kapaċità istituzzjonali li tipproduċi u tippubblika data bażika ta' statistika armonizzata skond l-istandards Ewropej fil-qasam ta' l-istatistika kummerċjali, l-istatistika fis-suq ta' l-impjiegi u tal-kontijiet nazzjonali.

Titwettaq l-inklużjoni totali tal-gvern lokali fil-kontijiet ġenerali tal-gvern.

Il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà

Il-viżi, l-kontroll tal-fruntieri, l-ażil u l-migrazzjoni

Tiġi żviluppata l-infrastruttura teknika u l-kapaċitajiet tar-riżorsi umani sabiex titwettaq il-politika tal-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri li tinkludi t-tisħiħ tal-pulizija tal-fruntiera u tas-servizzi doganali. Jissaħħu l-faċilitajiet transkonfinali permezz ta' uffiċċji ġodda tal-fruntieri.

Tkompli tiġi allineata l-politika dwar il-viżi mal-leġiżlazzjoni u mal-prattika ta' l-UE.

Id-drogi

Tissaħħaħ il-koperazzjoni internazzjonali u bejn aġenzija u oħra u jitkompla l-iżvilupp tal-kapaċità ta' l-awtoritajiet relevanti ta' l-infurzar tal-liġi kontra t-traffikar tad-drogi.

Il-Pulizija

Titkompla r-ristrutturazzjoni; tiġi żgurata r-responsabbiltà; issir riforma ta' l-edukazzjoni tal-pulizija; tiġi żgurata l-koperazzjoni fost l-aġenziji ta' l-infurzar tal-liġi.

Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu

Tiġi żviluppata sistema effettiva għall-protezzjoni tax-xhieda, li tinkorpora wkoll elementi reġjonali.

Tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità ekonomika u finanzjarja (li tinkludi l-money laundering u l-falsifikazzjoni tal-muniti), il-frodi u l-korruzzjoni, u tittejjeb il-leġiżlazzjoni relevanti.

Jiġi faċilitat il-kollokament ta' uffiċjali ta' kollaborazzjoni, sekondati mill-Istati Membri ta' l-UE fil-korpi relevanti ta' l-istat involuti fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Tiġi implimentata l-Konvenzjoni ta' Palermo u l-Protokolli tagħha dwar il-kriminalità transnazzjonali organizzata u l-istandards internazzjonali applikabbli kontra l-kriminalità finanzjarja u ekonomika.

Tiżdied il-kapaċità amministrattiva u ġudizzjarja sabiex jiġi implimentat il-kodiċi kriminali fir-rigward tal-kriminalità organizzata. Tkompli tissaħħaħ l-Unità għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fil-Ministeru ta' l-Intern, u tiġi żgurata l-koordinazzjoni tal-korpi kollha ta' l-infurzar inkluż aktar żvilupp ta' kapaċità adegwata ta' intelliġenza kriminali.

Tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità ekonomika u finanzjarja (inkluża l-ġlieda kontra l-falsfikazzjoni ta' metodi ta' ħlas bi flus kontanti u mhux kontanti) u tiġi aġġornata l-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva sabiex tiffaċċja l-isfidi relatati.

Il-protezzjoni ta' data personali

Jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb ta' l-Awtorità ta' Superviżjoni tal-Protezzjoni tad-Data.

Tiġi żgurata l-kapaċità ta' l-awtoritajiet statali, b'mod partikolari tal-korpi li jinfurzaw il-liġi, sabiex jimplimentaw il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali.

4.   IL-PROGRAMMAZZJONI

L-assistenza Komunitarja taħt il-Proċess ta' Stabbilizazzjoni u Assoċjazzjoni għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent se tingħata taħt l-istrumenti finanzjarji eżistenti, b'mod partikolari taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas-17 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) (2). Il-Montenegro jista' jkollu aċċess għall-finanzjament mill-programmi multi-statali u orizzontali.

5.   IL-KONDIZZJONALITÀ

L-assistenza Komunitarja lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent tiddipendi fuq il-progress fit-twettiq tal-kriterji politiċi ta' Kopenħagen kif ukoll fuq il-progress fl-implimentazzjoni ta' prijoritajiet speċifiċi ta' din is-Sħubija Ewropea. F'każ li dawn il-kondizzjonijiet ma jiġux rispettati, il-Kunsill jista' jieħu l-miżuri xierqa fuq il-bażi ta' l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 1085/2006. L-assistenza Komunitarja għandha wkoll tkun suġġetta għall-kondizzjonijiet definiti mill-Kunsill fil-Konklużjonijiet tiegħu tad-29 ta' April 1997, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-impenn tar-riċevituri li jwettqu r-riformi demokratiċi, ekonomiċi u istituzzjonali.

6.   IL-MONITORAĠĠ

L-implimentazzjoni tas-Sħubija Ewropea se tkun eżamintata permezz tal-mekkaniżmi stabbiliti bil-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, partikolarment permezz tar-Rapporti annwali ppreżentati mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nu 510/2006 ta' l-20 ta' Marzuh 2006 dwar il-protezzjoni ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet ta' l-oriġini għal prodotti agrikoli u affarijiet ta' l-ikel (ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12).

(2)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 82.


Top