EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R1921

Regolament (KE) Nru 1921/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta' Diċembru 2006 dwar il-preżentazzjoni ta' data ta' l-istatistika dwar l-iżbark ta' prodotti tas-sajd fl-Istati Membri u li tħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1382/91 Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

ĠU L 403, 30.12.2006, p. 1–8 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 10/01/2014

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1921/oj

30.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

1


REGOLAMENT (KE) NRU 1921/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta' Diċembru 2006

dwar il-preżentazzjoni ta' data ta' l-istatistika dwar l-iżbark ta' prodotti tas-sajd fl-Istati Membri u li tħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1382/91

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 285(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1382/91 tal-21 ta' Mejju 1991 dwar il-preżentazzjoni ta' data dwar l-iżbark ta' prodotti tas-sajd fl-Istati Membri (2) jeħtieġ lill-Istati Membri jissottomettu data dwar il-kwantitajiet u l-prezzijiet medji tal-prodotti tas-sajd li jiġu żbarkati fit-territorju tagħhom.

(2)

L-esperjenza wriet li l-analiżi tas-suq għall-prodotti tas-sajd u analiżi ekonomiċi oħra ma jiġux affettwati b'mod ħażin jekk id-data tiġi ppreżentata taħt leġiżlazzjoni Komunitarja kull sena minflok kull xahar.

(3)

L-analiżi jittejbu jekk id-data titqassam skond l-istat tal-bandiera tal-bastimenti tas-sajd li jwettqu l-iżbarki.

(4)

Ir-Regolament (KEE) Nru 1382/91 jimponi limitu fuq kemm it-tekniki għat-teħid ta' kampjuni huma permessi meta l-ġbir u l-kumpilazzjoni ta' data jpoġġu piż eċċessiv fuq ċerti awtoritajiet nazzjonali. Sabiex tittejjeb u tiġi ssimplifikata s-sistema għall-preżentazzjoni ta' data, huwa xieraq li dan ir-Regolament jiġi sostitwit bi strument ġdid. Għalhekk ir-Regolament (KEE) Nru 1382/91 għandu jitħassar.

(5)

Peress li l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment ta' qafas legali komuni għal produzzjoni sistematika ta' data ta' l-istatistika Komunitarja dwar l-iżbarki ta' prodotti tas-sajd fl-Istati Membri, ma jistax jintlaħaq b'mod sodisfaċjenti mill-Istati Membri u jista' għalhekk, jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak il-għan.

(6)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta' Frar 1997 dwar l-Istatistika Komunitarja (3) jipprovdi qafas ta' referenza għall-istatistika fil-qasam tas-sajd. B'mod partikolari, jeħtieġ il-konformità ma' prinċipji ta' imparzjalità, kredibilita', relevanza, effettività fl-infiq, kunfidenzjalità ta' l-istatistika u trasparenza.

(7)

Huwa importanti li tkun żgurata applikazzjoni uniformi ta' dan ir-Regolament u, sabiex dan iseħħ, li jsir provvediment għal proċedura Komunitarja biex tgħin tiddetermina l-arranġamenti ta' implimentazzjoni fi skeda ta' żmien approprjata u biex isiru l-adattamenti tekniċi meħtieġa.

(8)

Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (4).

(9)

Peress li d-data ta' l-istatistika dwar l-iżbark ta' prodotti tas-sajd hija għodda essenzjali għall-ġestjoni tal-Politika Komuni dwar is-Sajd, huwa xieraq li jkun provvediment għall-possibiltà li l-proċedura ta' ġestjoni prevista mid-Deċiżjoni 1999/468/KE għall-għotja ta' perjodi ta' transizzjoni lill-Istati Membri għall-implementazzjoni ta' dan ir-Regolament u derogi sabiex jeskludu data' ta' l-istatistika li tkopri settur partikolari ta' l-industrija tas-sajd mid-data ta' l-istatistika nazzjonali ppreżentata.

(10)

Min-naħa l-oħra, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom dawn l-Annessi għandhom jiġu addattati teknikament. Billi dawk il-miżuri għandhom kamp ta' applikazzjoni ġenerali u huma maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, għandhom ikunu adottati bi qbil mal-proċedura regolatorja bi skrutinju li jipprovdi għaliha l-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)

“bastimenti tas-sajd Komunitarji” tfisser bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru u reġistrati fil-Komunità;

2)

“bastimenti tas-sajd ta' l-EFTA” tfisser bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta' pajjiż ta' l-EFTA, jew li huma reġistrati fih;

3)

“Valur ta' unità” tfisser:

(a)

il-valur ta' l-ewwel bejgħ tal-prodotti tas-sajd li ġew żbarkati (fil-munita nazzjonali) diviż bil-kwantità li ġie żbarkat (f'tunnellati), jew

(b)

għall-prodotti tas-sajd li ma jinbiegħux mill-ewwel, il-prezz medju għal kull tunnellata fil-munita nazzjonali, stmat permezz ta' metodu adatt.

Artikolu 2

Obbligi ta' l-Istati Membri

1.   Kull sena kull Stat Membru għandu jissottometti lill-Kummissjoni data ta' l-istatistika dwar il-prodotti tas-sajd li ġew żbarkati fit-terittorju tiegħu minn bastimenti għas-sajd tal-Komunità u ta' l-EFTA (minn hawn 'il quddiem imsejħa “data ta' l-istatistika”).

2.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, il-prodotti tas-sajd li ġejjin għandhom ikunu meqjusa li ġew żbarkati fit-territorju ta' l-Istat Membru li jirrappurtahom:

(a)

prodotti li ġew żbarkati minn bastimenti tas-sajd jew partijiet oħra tal-flotta tas-sajd fil-portijiet nazzjonali fi ħdan il-Komunità;

(b)

prodotti li ġew żbarkati minn bastimenti għas-sajd ta' l-Istat Membru li jirrappurtahom f'portijiet li mhumiex tal-Komunità u li huma koperti bil-formola T2M li tinsab fl-Anness 43 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi Kodiċi Doganali tal-Komunità (5).

Artikolu 3

Kumpilazzjoni ta' data ta' l-istatistika

1.   Id-data ta' l-istatistika għandha tkopri l-iżbarki kollha fuq it-territorju nazzjonali fi ħdan il-Komunità.

2.   Tekniki tat-teħid ta' kampjuni jistgħu jintużaw fejn, minħabba l-karatteristiċi strutturali ta' settur partikolari tas-sajd ta' Stat Membru, il-ġbir komprensiv ta' data tirriżulta f'diffikultajiet għall-awtoritajiet nazzjonali li huma sproporzjonati ma' l-importanza ta' dak is-settur.

Artikolu 4

Data ta' l-istatistika

Id-data ta' l-istatistika għandha tkun relatata mal-kwantitajiet totali u l-valuri ta' unità tal-prodotti tas-sajd li ġew żbarkati fis-sena tal-kalendarju ta' referenza.

Il-varjabbli li għalihom id-data ta' l-istatistika trid tiġi ppreżentata, id-definizzjonijiet tagħhom u n-nomenklaturi relevanti huma mogħtija fl-Annessi II, III u IV.

Artikolu 5

Preżentazzjoni ta' data ta' l-istatistika

L-Istati Membri għandhom jissottomettu d-data ta' l-istatistika lill-Kummissjoni fuq bażi annwali skond il-format speċifikat fl-Anness I u bl-użu tal-kodiċijiet stabbiliti fl-Annessi II, III u IV.

Id-data ta' l-istatistika għandha tiġi ppreżentata fi żmien sitt xhur mit-tmiem tas-sena tal-kalendarju ta' referenza.

Artikolu 6

Metodoloġija

1.   Sa 19 ta' Januar 2008, kull Stat Membru għandu jippreżenta rapport metodoloġiku dettaljat lill-Kummissjoni li fih jiddeskrivi kif id-data tkun inġabret u kif l-istatistika ġiet ikkumpilata. Dak ir-rapport għandu jinkludi d-dettalji tat-tekniki kollha għat-teħid tal-kampjuni u evalwazzjoni tal-kwalità ta' l-estimi li jirriżultaw.

2.   Il-Kummissjoni għandha teżamina r-rapporti u tippreżenta l-konklużjonijiet tagħha lill-grupp ta' ħidma rilevanti tal-Kumitat Permanenti dwar l-Istatistika ta' l-Agrikultura (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”) stabbilit bl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 72/279/KEE (6).

3.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'kull bidla fl-informazzjoni provduta taħt il-paragrafu 1 fi żmien tliet xhur mill-introduzzjoni ta' tali bidla. Għandhom jgħaddu wkoll lill-Kummissjoni dettalji ta' kull bidla sostanzjali fil-metodi tal-ġbir li jintużaw.

Artikolu 7

Perjodi ta' tranżizzjoni

Perjodi ta' tranżizzjoni għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolment, li ma jdumux aktar minn tliet snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu jistgħu jingħataw lill-Istati Membri skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11(2).

Artikolu 8

Derogi

1.   Fejn l-inklużjoni fl-istatistika ta' settur partikolari ta' l-industrija tas-sajd ta' Stat Membru tkun ser toħloq diffikultajiet għall-awtoritajiet nazzjonali li huma sproporzjonati ma' l-importanza ta' dak is-settur, tista' tingħata deroga skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11(2), li tippermetti lill-Istat Membru jeskludi d-data ta' l-istatistika li tkopri lil dak is-settur mid-data ta' l-istatistika nazzjonali ppreżentata.

2.   Fejn Stat Membru jitlob deroga taħt il-paragrafu 1, għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, bħala appoġġ għat-talba, rapport dwar il-problemi li jiltaqgħu magħhom fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-iżbarki kollha fit-territorju tagħhom.

Artikolu 9

Aġġornament ta' l-annessi

Il-miżuri li għandhom x'jaqsmu ma' l-addattament tekniku ta' l-Annessi għandhom ikun adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 11(3).

Artikolu 10

Evalwazzjoni

Sa 19 ta' Januar 2010, u għal kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport ta' evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar id-data ta' l-istatistika miġbura skond dan ir-Regolament u b'mod partikolari dwar ir-relevanza u l-kwalità tagħha. Ir-rapport għandu janalizza wkoll l-effettività fl-infiq tas-sistema wżata għall-ġbir u għall-ipproċessar tad-data ta' l-istatistika u għandu jippreżenta l-aħjar prattiċi sabiex jitnaqqas l-ammont ta' xogħol għall-Istati Membri u jtejjeb l-użu u l-kwalità tad-data ta' l-istatistika.

Artikolu 11

Proċedura tal-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal tliet xhur.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikolu 5a (1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, b'rigward għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 12

Tħassir

Ir-Regolament (KEE) Nru 1382/91 huwa permezz ta' dan imħassar.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika b'mod dirett fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, 18 ta' Diċembru 2006

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORREL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

J.-E. ENESTAM


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 2006 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Posizzjoni Komuni tal-Kunsill ta' l-14 ta' Novembru 2006 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Posizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2006 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 133, 28.5.1991, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(3)  ĠU L 52, 22.2.1997, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003.

(4)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(5)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 402/2006 (ĠU L 70, 9.3.2006, p. 35).

(6)  ĠU L 179, 7.8.1972, p. 1.


ANNESS I

FORMAT TAD-DATA TA' L-ISTATISTIKA SOTTOMESSA

Format tal-fajl tad-data ta' l-istatistika

Id-data ta' l-istatistika għandha tiġi ppreżentata f'fajl li fih kull rekord tinkludi l-oqsma indikati hawn taħt. Dawn l-oqsma għandhom ikunu separati b'virgola (“,”).

Qasam

Nota

Anness

Sena ta’ referenza

4 numri (e.ż. 2003)

 

Pajjiż li qed jirraporta

Kodiċi Alfa-3

Anness II

Speċi jew grupp ta’ speċi

Kodiċi internazzjonali alfa-3 (*)

-

Stat tal-bandiera

Kodiċi Alfa-3

Anness II

Preżentazzjoni

 

Anness III

Użu intenzjonat

 

Anness IV

Kwantità

Tunnellati li ġew żbarkati (sa l-ewwel punt deċimali)

 

Valur ta’ unità

Munità nazzjonali għal kull tunnellata

 

Kwantitajiet ta' inqas minn 50 kg tal-piż li ġie żbarkat għandhom jiġu rreġistrati bħala “0,0”.


(*)  Lista sħiħa tal-kodiċijiet alfa-3 internazzjonali ta' l-ispeċi tinstab fil-fajl ASFIS ta' l-FAO (http://www.fao.org/fi/statist/fisoft/asfis/asfis.asp)


ANNESS II

LISTA TAL-KODIĊIJIET TAL-PAJJIŻ

Pajjiż

Kodiċi

Il-Belġju

BEL

Ir-Repubblika Ċeka

CZE

Id-Danimarka

DNK

Il-Ġermanja

DEU

L-Estonja

EST

Il-Greċja

GRC

Spanja

ESP

Franza

FRA

L-Irlanda

IRL

L-Italja

ITA

Ċipru

CYP

Il-Latvja

LVA

Il-Litwanja

LTU

Il-Lussemburgu

LUX

L-Ungerija

HUN

Malta

MLT

L-Olanda

NLD

L-Awstrija

AUT

Il-Polonja

POL

Il-Portugall

PRT

Is-Slovenja

SVN

Is-Slovakkja

SVK

Il-Finlandja

FIN

L-Iżvezja

SWE

Ir-Renju Unit

GBR

l-Iżlanda

ISL

In-Norveġja

NOR

Oħrajn

OTH


ANNESS III

LISTA TA' KODIĊIJIET TAL-PREŻENTAZZJONI

Parti A

Lista

Preżentazzjoni

Kodiċi

Frisk (mhux speċifikat)

10

Frisk (sħiħ)

11

Frisk (imnaddaf)

12

Frisk (dnieb)

13

Frisk (imqatta’)

14

Frisk (imnaddaf u mingħajr ras)

16

Frisk (ħaj)

18

Frisk (ieħor)

19

Friżat (mhux speċifikat)

20

Friżat (sħiħ)

21

Friżat (imnaddaf)

22

Friżat (dnieb)

23

Friżat (imqatta’)

24

Friżat (mhux imqatta’)

25

Friżat (imnaddaf u mingħajr ras)

26

Friżat (imnaddaf)

27

Friżat (mhux imnaddaf)

28

Friżat (ieħor)

29

Immellaħ (mhux speċifikat)

30

Immellaħ (sħiħ)

31

Immellaħ (imnaddaf)

32

Immellaħ (imqatta’)

34

Immellaħ (imnaddaf u mingħajr ras)

36

Immellaħ (ieħor)

39

Affumikat

40

Imsajjar

50

Imsajjar (iffriżat u ppakkjat)

60

Imnixxef (mhux speċifikat)

70

Imnixxef (sħiħ)

71

Imnixxef (imnaddaf)

72

Imnixxef (imqatta’)

74

Imnixxef (imnaddaf u mingħajr ras)

76

Imnixxef (mingħajr ġilda)

77

Imnixxef (oħra)

79

Sħiħ (mhux speċifikat)

91

Dwiefer

80

Bajd

85

Il-preżentazzjoni mhux magħrufa

99

Parti B

Noti

1.

Imqatta': biċċiet ta' laħam maqtugħa b'mod parallel mas-sinsla tal-ħuta u li jikkonsistu fin-naħa tal-lemin jew tax-xellug tal-ħuta, sakemm ir-ras, il-vixxri, il-ġwienaħ (dorsali, anali, tad-denb, ventrali u pettorali) u x-xewk (vertebrali jew is-sinsla ewlenija, ventrali jew kostali, bronkjali jew ta' l-istirrup, eċċ.) ġew imneħħija u ż-żewġ naħat mhumiex konnessi, per eżempju permezz tad-dahar u ta' l-istonku.

2.

Ħut sħiħ: ħut mhux imnaddaf.

3.

Imnaddaf: klamari fejn l-idejn, ir-ras u l-organi interni tneħħew mill-ġisem.

4.

Ħut iffriżat: ħut li kien soġġett għall-iffriżar b'mod li jippriserva l-kwalità inerenti tal-ħut billi t-temperatura medja titnaqqas għal -18 °C jew aktar baxxa u li mbagħad jinżamm f'temperatura ta' -18 °C jew anqas.

5.

Ħut frisk: ħut li ma ġiex ippriservat, trattat, iffriżat jew trattat b'xi mod ieħor ħlief li ġie mkessaħ. Ġeneralment dawn jiġu ppreżentati sħaħ jew mnaddfa.

6.

Ħut immellaħ: ħut li spiss ikun imnaddaf u mingħajr ras, ippriservat fil-melħ jew fis-salmura.


ANNESS IV

LISTA TA' KODIĊIJIET GĦALL-UŻU INTENZJONAT TAL-PRODOTTI TAS-SAJD

Parti A

Lista

Destinazzjoni

Kodiċi

Tip ta' preżentazzjonijiet

Konsum mill-bniedem

1

Mandatorji

Użu industrijali

2

Mandatorji

Irtirat mis-suq

3

Fakultattiv

Lixka

4

Fakultattiv

Għalf ta’ l-annimali

5

Fakultattiv

Skart

6

Fakultattiv

Użu intenzjonat mhux magħruf

9

Fakultattiv

Parti B

Noti

1.

Konsum mill-bniedem: il-prodotti tas-sajd kollha li jinbiegħu ma' l-ewwel bejgħ għall-konsum mill-bniedem jew li jiġu żbarkati taħt kuntratt jew ftehim ieħor għall-konsum mill-bniedem. Esklużi hawn huma l-kwantitajiet intenzjonati għall-konsum mill-bniedem imma li, fil-ħin ta' l-ewwel bejgħ, jiġu rtirati mis-suq għall-konsum tal-bniedem minħabba kundizzjonijiet tas-suq jew regolamenti ta' l-iġjene jew għal raġunijiet simili.

2.

Użu industrijali: il-prodotti tas-sajd kollha li ġew żbarkati speċifikament sabiex isiru ikel jew żejt għall-konsum mill-annimali, u kwantitajiet, li għalkemm oriġinarjament kienu intenzjonati għall-konsum mill-bniedem, ma nbiegħux għal dak l-iskop ma' l-ewwel bejgħ.

3.

Irtirat mis-suq: il-kwantitajiet li oriġinarjament kienu intenzjonati għall-konsum mill-bniedem imma li, fil-waqt ta' l-ewwel bejgħ, ġew irtirati mis-suq minħabba kundizzjonijiet tas-suq jew regolamenti ta' l-iġjene jew għal raġunijiet simili.

4.

Lixka: il-kwantitajiet ta' ħut frisk li huma intenzjonati għall-użu bħala lixka f'attivitajiet oħra ta' sajd. Eżempju huwa l-lixka użata fis-sajd għat-tonn bil-konz u s-sunnara.

5.

Għalf ta' l-annimali: il-kwantitajiet ta' ħut frisk li huma intenzjonati għall-konsum dirett mill-annimali. Kwantitajiet intenzjonati għal ipproċessar ta' ikel tal-ħut u żejt mhumiex inklużi.

6.

Skart: ħut jew partijiet tagħhom li minħabba l-istat tagħhom ser jinqerdu qabel ma jiġu żbarkati.

7.

Użu intenzjonat mhux magħruf: il-kwantitajiet ta' ħut li ma jaqgħu taħt l-ebda waħda mill-kategoriji msemmijin hawn fuq.


Top