Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R1652

    Regolament tal-Kunsill (KE) NRU 1652/2006 tas- 7 ta’ Novembru 2006 li jtemm ir-reviżjoni fir-rigward ta' esportaturi ġodda tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2005 li jimponi dazji definittivi kontra d- dumping fuq l-importazzjoni ta' fibri sintetiċi diskontinwi tal-polyesters li joriġinaw, inter alia , mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

    ĠU L 311, 10.11.2006, p. 8–12 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 200M, 1.8.2007, p. 153–157 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 17/03/2010

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1652/oj

    1.8.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    153


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) NRU 1652/2006

    tas-7 ta’ Novembru 2006

    li jtemm ir-reviżjoni fir-rigward ta' esportaturi ġodda tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2005 li jimponi dazji definittivi kontra d-dumping fuq l-importazzjoni ta' fibri sintetiċi diskontinwi tal-polyesters li joriġinaw, inter alia, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    1.   IL-MIŻURI FIS-SEĦĦ

    (1)

    Il-miżuri li fil-preżent jinsabu fis-seħħ dwar l-importazzjonijiet fil-Komunità ta' fibri diskontinwi tal-polyester (“FDP”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu ta-Ċina (RPĊ) huma dazji definittivi kontra d-dumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2005 (2).

    2.   L-INVESTIGAZZJONI ATTWALI

    2.1   It-talba għal reviżjoni

    (2)

    Wara l-impożizzjoni ta' dazji definittivi kontra d-dumping fuq l-importazzjonijiet ta' FDP li joriġinaw mir-RPĊ, il-Kummissjoni rċeviet talba sabiex tagħti bidu għal reviżjoni fir-rigward ta' “esporaturi ġodda” tar-Regolament (KE) Nru 428/2005, skond l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, mingħand il-kumpannija Ċiniża Huvis Sichuan (’l-applikant’).

    (3)

    L-applikant allega li ma esportax il-prodott konċernat lejn il-Komunità matul il-perjodu ta' investigazzjoni li fuqu ġew ibbażati l-miżuri kontra d-dumping, jiġifieri l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2003 sal-31 ta' Diċembru 2003 (“il-perjodu ta' l-investigazzjoni oriġinali”) u li hu ma kellu l-ebda relazzjoni ma' kwalunkwe produttur tal-FDP fir-RPĊ li kien suġġett għall-miżuri fis-seħħ kontra d-dumping. Barra minn hekk, asserixxa li kien beda jesporta l-FDP lejn il-Komunità wara tmiem il-perjodu ta' l-investigazzjoni oriġinali.

    2.2   Il-bidu ta' reviżjoni “esportaturi ġodda”

    (4)

    Il-Kummissjoni eżaminat il-prova prima facie mressqa mill-applikant, u kkunsidratha bħala ġustifikazzjoni suffiċjenti sabiex jingħata bidu għal reviżjoni skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku. Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, u wara li l-industrija Komunitarja kkonċernata ngħatat l-opportunità li tikkumenta, il-Kummissjoni bdiet, permezz tar-Regolament (KE) Nru 342/2006 (3), reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 428/2005 rigward l-applikant, u bdiet l-investigazzjoni tagħha.

    (5)

    Skond l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 342/2006, ġie revokat dazju antidumping ta' 49,7 % impost mir-Regolament (KE) Nru 428/2005 fuq importazzjonijiet tal-FDP prodotti, inter alia, mill-applikant. Fl-istess waqt, skond l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-awtoritajiet doganali ngħataw direttiva sabiex jieħdu passi adegwati sabiex jirreġistraw l-importazzjonijiet tal-FDP prodotti mill-applikant.

    2.3   Il-prodott konċernat

    (6)

    Il-prodott konċernat mir-reviżjoni attwali huwa l-istess bħal dak li dwaru saret l-investigazzjoni li kienet wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet tal-FDP li joriġinaw, inter alia, fir-RPĊ (“l-investigazzjoni oriġinali”), jiġifieri l-fibri sintetiċi diskontinwi tal-polyesters, mhux imqardxa, mimxuta jew b'xi mod ieħor proċessati, għan-newl li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, attwalment klassifikabbli taħt il-kodiċi NM 5503 20 00.

    2.4   Il-partijiet konċernati

    (7)

    Il-Kummissjoni uffiċjalmenti avżat lill-industrija Komunitarja, lill-applikant u lir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur li kien ingħata bidu għar-reviżjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub, u li jinstemgħu.

    (8)

    Is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu lill-applikant wkoll formola ta' talba għal trattament ibbażat fuq l-ekonomija tas-suq (“MET”) flimkien ma' kwestjonarju, u rċevew ir-risposti fl-iskadenzi stabbiliti għal dak il-għan.

    2.5   Il-perjodu ta’ investigazzjoni

    (9)

    L-investigazzjoni tad-dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta' Ottubru 2004 sal-31 ta' Diċembru 2005 (“il-perjodu ta' investigazzjoni” jew “IP”).

    3.   IR-RIŻULTATI TA’ L-INVESTIGAZZJONI

    3.1   Il-kwalifika bħala “esportatur ġdid”

    (10)

    L-investigazzjoni wriet li l-applikant kien beda l-operat ta' produzzjoni tiegħu f'Ottubru 2004, jiġifieri wara l-perjodu ta' l-investigazzjoni oriġinali, u matul dan il-perjodu ma esportax il-prodott konċernat. Għaldaqstant ġie konkluż li l-applikant kien jissodisfa r-rekwiżit ta' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku.

    (11)

    Madankollu, instab ukoll li l-applikant kien relatat ma' produttur Ċiniż, parzjalment ta' proprjetà Statali, li kien jipproduċi l-prodott konċernat waqt il-perjodu ta' l-investigazzjoni oriġinali, iżda li ma kienx ikkopera fil-proċedura dak iż-żmien. Fid-dawl tal-fatt li l-produttur Ċiniż relatat kien suġġett għad-dazju definitiiv kontra d-dumping fis-seħħ, instab li ma kienx sodisfatt il-kriterju tat-tieni sentenza ta' l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, li jistipula li esporatur jew produttur ġdid għandu juri li ma għandu l-ebda rbit ma' kwalunkwe wieħed mill-esportaturi jew produtturi fil-pajjiż ta' esportazzjoni li jkunu suġġetti għal miżuri kontra d-dumping fuq il-prodott.

    (12)

    L-applikant ressaq l-argument li l-produttur relatat ma kienx jesporta l-prodott konċernat lejn il-Komunità matul il-perjodu ta' l-investigazzjoni oriġinali. B'appoġġ għal dan l-argument, l-applikant ipprovda l-kontijiet verifikati tal-produttur relatat għall-perjodu bejn l-2002 u l-2004, li skond l-applikant ma kien fihom l-ebda indikazzjoni li kien sar xi bejgħ ta' esportazzjoni matul il-perjodu ta' l-investigazzjoni oriġinali.

    (13)

    Madankollu, il-prova mressqa mill-applikant ma wrietx li l-produttur relatat tassew ma kienx esporta l-prodott konċernat matul il-perjodu ta' l-investigazzjoni oriġinali. Fil-fatt, il-kontijiet verifikati indikaw biss li ma kienx hemm esportazzjonijiet ta' prodotti preliminari, mingħajr ma ddefinixxew it-tifsira eżatta ta' prodotti preliminari, jiġifieri partikolarment jekk il-prodott konċernat kienx meqjus bħala “prodott preliminari”. F'dan ir-rigward, huwa nnutat ukoll li l-produttur relatat qiegħed jimmafattura wkoll prodotti oħra, minbarra dak konċernat. Barra minn hekk, għandu jiġi nnutat li, ħlief li ressaq il-kontijiet verifikati tiegħu, il-produttur relatat ma kkoperax matul l-investigazzjoni preżenti, u għalhekk l-informazzjoni li ppreżentat din il-kumpannija ma setgħetx tiġi vverifikata. Għaldaqstant, ma kinetx disponibbli prova sabiex turi li l-bejgħ kollu li matul il-perjodu ta' l-investigazzjoni oriġinali sar lil klijenti domestiċi, pereżempju kummerċjanti, tassew kien maħsub għas-suq domestiku, u mhux għall-esportazzjoni lejn il-Komunità. Konsegwentement, ma kienx possibbli li jiġi ddeterminat jekk kienx sar jew le bejgħ ta' esportazzjoni matul il-perjodu ta' l-investigazzjoni oriġinali.

    (14)

    Wara li sar l-iżvelar, l-applikant argumenta li l-kjarifiki dwar il-kontijiet verifikati kellhom jintalbu aktar kmieni, u kien x'kien, qabel l-iżvelar. F'dan ir-rigward, huwa nnutat li l-produttur relatat Ċiniż intalab jagħti din l-informazzjoni, ġie mgħarraf bin-nuqqas, u ntalab jikkopera fil-proċediment attwali, li huwa rrifjuta li jagħmel. Għaldaqstant, il-konklużjonjiet rigward din il-kumpannija ntlaħqu abbażi tal-fatti disponibbli skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. F'dawn iċ-ċirkustanzi, kwalunkwe talba għal aktar informazzjoni wara l-iskadenzi applikabbli tqieset li tkun barra minn lokha u diskriminatorja fid-dawl tal-prattika normali ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji fir-rigward ta' partiiet li ma jikkoperawx. Huwa nnutat li, kien x'kien, l-applikant ġie mgħarraf bil-konklużjonijiet, u ngħata kull opportunità jikkumenta dwarhom.

    (15)

    Fi kwalunkwe każ, l-argument dwar jekk il-produttur relatat esportax jew le lejn il-Komunità mhuwiex relevanti, minħabba li, kif issemma fuq fil-Premessa (13), u kif deskritt fil-qosor fil-Premessi (18) sa (31) aktar 'l isfel, il-produttur relatat ma kkoperax f'din ir-reviżjoni, u għalhekk il-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi jekk il-grupp ekonomiku kkostitwit mill-applikant u l-produttur relatat kienx jissodisfa r-rekwiżiti sabiex jitqies li qed jopera taħt il-kundizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq.

    3.2   Trattament ibbażat fuq l-Ekonomija tas-Suq (“MET”)

    (16)

    Skond l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, f'investigazzjonijiet kontra d-dumping li jikkonċernaw prodotti li joriġinaw fir-RPĊ, il-valur normali għandu jiġi ddeterminat skond il-paragrafi 1 sa 6 ta' l-Artikolu msemmi għal dawk il-produtturi li jkunu nstabu li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku, jiġifieri fejn jintwera li l-manifattura u l-bejgħ tat-tali prodott isiru fil-kundizzjonijiet ta' l-ekonomija tas-suq. Dawn il-kriterji huma ppreżentati fil-qosor hawn taħt:

    id-deċiżjonijiet kummerċjali jsiru b'reazzjoni għas-sinjali tas-suq, mingħajr indħil sinifikanti ta' l-Istat, u l-ispejjeż jirriflettu l-valuri tas-suq,

    l-azjendi jkollhom sett wieħed u ċar ta' reġistrazzjonijiet bażiċi tal-kontabbiltà li jiġu vverifikati indipendentement skond l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà (“IAS”) u jiġu applikati għall-finijiet kollha,

    ma jkun hemm l-ebda distorsjoni b'konsegwenza tas-sistema preċedenti li ma kinetx tas-suq,

    il-liġijiet dwar il-falliment u l-proprjetà jiggarantixxu l-istabbiltà u ċ-ċertezza ġuridika,

    il-konverżjonijiet tar-rati tal-kambju jitwettqu bir-rata tas-suq.

    (17)

    L-applikant talab il-MET skond l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, u ġie mistieden jimla formola ta' talba għall-MET.

    (18)

    Kif intqal aktar 'il fuq fil-Premessa (11), l-investigazzjoni żvelat li l-applikant kellu rbit ma' produttur ieħor tal-prodott konċernat fiċ-Ċina. Il-produttur relatat ma meliex formola separata ta' talba għall-MET, minkejja li ġie mistieden jagħmel dan.

    (19)

    Għandha jiġi nnutat li l-Kummissjoni, fil-prattika, konsistentement teżamina jekk grupp ta' kumpanniji relatati, kumplessivament, jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-MET. Dan jitqies li huwa ta' ħtieġa sabiex jiġi evitat li l-bejgħ ta' grupp ta' kumpanniji jiġi inkanalat permezz ta' waħda mill-kumpanniji relatati fi ħdan l-grupp, fil-każ li jiġu imposti xi miżuri. Għaldaqstant, fil-każijiet fejn kumpannija sussidjarja jew relatata b'xi mod ieħor tkun tipproduċi u/jew tbigħ il-prodott konċernat, il-kumpanniji kollha relatati jkun jeħtiġilhom jippreżentaw formola ta' talba għall-MET sabiex ikun jista' jsir eżami dwar jekk jissodisfawx huma wkoll il-kriterji ta' l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku. Konsegwentement, jekk ikun hemm nuqqas f'dan ir-rigward, dan iwassal għar-riżultat li ma jkunx jista' jiġi stabbilit li l-grupp, kumplessivament, jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha għall-MET.

    (20)

    Il-Kummissjoni minnufih għarrfet lill-applikant li, fin-nuqqas ta' risposta min-naħa tal-produttur relatat, ma kinetx fil-qagħda li teżamina jekk il-kumpannija toperax jew le taħt il-kundizzjonijiet ta' l-ekonomija tas-suq.

    (21)

    L-applikant argumenta li ż-żewġ kumpanniji jikkompetu kontra xulxin fis-suq domestiku, u li “ma għandhomx relazzjonijiet tajba bejniethom”. Barra minn hekk, intqal li l-kumpannija relatata rrifjutat li tissottometti kwalunkwe tagħrif kunfidenzjali għall-finijiet ta' din l-investigazzjoni, minħabba l-biża' li dan ikollu bħala riżultat li l-kompetitur tagħha, jiġifieri l-applikant, jispiċċa jtejjeb il-pożizzjoni tiegħu fis-suq.

    (22)

    Huwa nnutat li, skond l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku, il-produttur relatat seta' jitlob it-trattament kunfidenzjali ta' l-informazzjoni rikjesta sabiex iwarrab kwalunkwe tħassib dwar l-iżvelar ta' tagħrif kummerċjali kunfidenzjali lill-kompetituri. Madankollu, għażel li ma jissottomettix l-informazzjoni rikjesta, mingħajr ma għamel talba għat-trattament kunfidenzjali. Għalhekk, l-argument ta' l-applikant ma setax jintlaqa'.

    (23)

    L-applikant ressaq ukoll l-argument li d-deċiżjonijiet kummerċjali tiegħu ma jistgħux jiġu influwenzati mill-produttur relatat. Minbarra li dan l-argument ma ġie appoġġat mill-ebda prova, huwa wkoll irrelevanti, minħabb li, kif ġie spjegat aktar 'il fuq, it-trattament tal-MET ma għandu fl-ebda każ jingħata lill-applikant jekk il-kumpannija relatata miegħu ma timliex il-formola tal-MET u ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-MET. Barra minn hekk, anke fil-każ li dan l-argument kellu jiġi eżaminat fis-sustanza tiegħu, huwa nnutat li l-fatti disponibbli fil-każ preżenti kienu jindikaw li, b'kuntrast ma' dak li qal l-applikant, il-produttur relatat kellu influwenza fuq it-teħid tad-deċiżjonijiet ta' l-applikant, minħabba li kellu membru fil-Bord tad-Diretturi ta' l-applikant. Tabilħaqq, il-produttur relatat jista' jibblokka d-deċiżjonijiet tal-kumpannija rigward emendi lill-istatut ta' assoċjazzjoni, ix-xoljiment ta' l-impriża konġunta, bidliet fil-kapital reġistrat jew l-għaqda tal-kumpanniji ma' organizzazzjonijiet oħra jew il-frid tagħha minnhom, ilkoll kwistjonijiet li jirrikjedu l-unanimità. Barra minn hekk, l-għan ta' l-impriża konġunta bejn l-applikant u l-produttur relatat, kif stipulat fil-Kapitolu 5 tal-ftehim ta' l-Impriża Konġunta, kien l-ilħiq ta' “pożizzjonii kompetittiva fil-kwalità u l-prezz għas-suq dinji”, “il-produzzjoni u l-bejgħ tal-fibra diskontinwa tal-polyester” u “l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' prodotti u materja prima relatati mal-fibra diskontinwa tal-polyester”. Dan jindika li ż-żewġ kumpanniji tabilħaqq kellhom jikkoperaw u talanqas jaġġustaw id-deċiżjonijiet tagħhom sabiex jimmassimizzaw il-pożizzjoni tagħhom fis-suq dinji. L-argument ta' l-applikant kellu għalhekk jiġi rrifjutat.

    (24)

    Wara l-iżvelar, l-applikant tenna li l-produttur relatat Ċiniż kellu biss influwenza żgħira u periferika fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali tiegħu, minħabba li l-qbil tal-produttur relatat huwa rikjest biss għal deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-eżistenza tal-kumpannija bħala tali, jiġifieri deċiżjonijiet marbuta ma' l-investimenti tal-produttur relatat Ċiniż, filwaqt li d-deċiżjonijiet kummerċjali jittieħdu skond l-istrateġija globali ta' l-azzjonist ewlieni tagħha, fejn il-produttur Ċiniż ma kellu l-ebda influwenza. Barra minn dan, il-produttur relatat Ċiniż ma kienx involut fil-ġestjoni tal-kumpannija.

    (25)

    L-applikant argumenta wkoll li d-deċiżjoni li ma tintlaqax it-talba tiegħu għall-MET għas-sempliċi raġuni tan-nuqqas ta' koperazzjoni min-naħa tal-produttur relatat Ċiniż ma kinetx ġustifikata, minħabba li din ir-relazzjoni tikkostitwixxi biss rekwiżit tekniku, bla relevanza prattika għall-applikant. Tressaq ukoll l-argument li l-kumpannija ma kellhiex rabtiet ma' kwalunkwe wieħed mill-produtturi Ċiniżi esportaturi tal-FDP li huma suġġetti għall-miżuri fis-seħħ kontra d-dumping, ġaladarba l-kumpannija relatata ma kinetx esportat lejn il-Komunità matul il-perjodu ta' l-investigazzjoni oriġinali, u għalhekk ma setgħetx tikkopera fl-investigazzjoni oriġinali u titlob dazju individwali.

    (26)

    Kif deskritt aktar 'il fuq fil-premessa (23, il-possibbiltà li l-kumpannija relatata Ċiniża setgħet teżerċita influwenza fuq l-operazzjonijiet kummerċjali ta' l-applikant ma setgħet titqies la żgħira u lanqas periferika. Għall-kuntrarju, din l-influwenza tolqot aspetti kruċjali, kif deskritt fil-Premessa msemmija. Bl-istess mod, minħabba li l-kumpannija relatata Ċiniża ma kkoperatx f'din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni ma setgħetx tiddetermina jekk din il-kumpannija tassew kinetx esportat lejn il-Komunità matul il-perjodu ta' l-investigazzjoni oriġinali, kif kien qed jingħad. Il-kummenti pprovduti mill-applikant ma kien fihom l-ebda bażi li fuqha setgħu jiġu riveduti l-konklużjonijiet fil-Premessa (13). Fi kwalunkwe każ, il-fatt li l-kumpannija relatata ma setgħetx titlob għall-MET jew għal TI (Trattament Individwali) matul l-investigazzjoni oriġinali ma jinvalidax il-fatt li hija suġġetta għall-miżuri fis-seħħ, jiġifieri d-dazju resdiwu.

    (27)

    Fl-aħħarnett, fuq bażi aktar ġenerali, ġie sottomess li, qabel ma nbdiet l-investigazzjoni, il-Kummissjoni diġà kienet taf bil-fattur li abbażi tiegħu ttieħdet id-deċiżjoni li t-talba ta' l-applikant għall-MET ma tintlaqax (jiġifieri r-relazzjoni mal-produttur relatat Ċiniż).

    (28)

    F'dan ir-rigward, huwa nnutat li r-raġuni ewlenija għalfejn it-talba ta' l-applikant għall-MET ma ntlaqgħetx, kif deskritt fil-Premessi (13), (23) hawn fuq u (31) aktar 'l isfel, ma kinetx l-eżistenza tal-produttur relatat Ċiniż bħala fiha nnifisha, iżda n-nuqqas ta' koperazzjoni tiegħu, u bħala konsegwenza ta' dan, l-impossibbiltà li jiġi ddeterminat, fost l-oħrajn, sa liema punt l-Istat tassew kellu influwenza fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali ta' l-applikant, u jekk il-produttur relatat tassew ma kienx esporta matul il-perjodu ta' l-investigazzjoni oriġinali, kif intqal.

    (29)

    Għaldaqstant, l-asserzjonijiet ta' l-applikant ma ntlaqgħux.

    (30)

    Barra minn hekk, ma setgħet issir l-ebda determinazzjoni dwar id-distorsjonijiet possibbli b'konsegwenza tas-sistema preċedenti, li ma kinetx ekonomija tas-suq. Tabilħaqq, il-produttur relatat, li huwa parzjalment proprjetà ta' l-Istat, ikkontribwixxa d-drittijiet għall-użu ta' l-artijiet lill-kapital reġistrat ta' l-applikant. Fin-nuqqas ta' koperazzjoni min-naħa tal-produttur relatat, ma kienx possibbli li jiġi konkluż li ma kien hemm l-ebda distorsjoni bħal dawn.

    (31)

    Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, u fin-nuqqas ta' formola b'talba debitament sostanzjata għall-MET mingħand il-produttur relatat ta' l-applikant, il-Kummissjoni ma setgħetx tasal għal konklużjoni dwar jekk il-grupp ta' kumpanniji, jiġifieri l-applikant u l-produttur relatat tiegħu, jissodisfawx il-kriterji tal-MET.

    3.3   It-trattament individwali (TI)

    (32)

    Taħt l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, hemm stabbilit dazju fuq importazzjonijiet minn pajjiż sħiħ, jekk ikun il-każ, għal pajjiżi li jaqgħu taħt dak l-Artikolu, ħlief f'dawk il-każijiet fejn il-kumpanniji jkunu fil-qagħda li juru li jissodisfaw il-kriterji kollha għat-trattament individwali stipulati fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.

    (33)

    L-applikant, minbarra li talab il-MET, talab ukoll it-TI kemm il-darba ma jingħatax il-MET. Kif deskritt fil-Premessa (11), produttur tal-FDP li parzjalment huwa proprjetà ta' l-Istat għandu relazzjoni ma' l-applikant. Minħabba li l-produttur relatat ma kkoperax ma' l-investigazzjoni preżenti, is-servizzi tal-Kummissjoni ma setgħux jikkonkludu jekk l-indħil ta' l-Istat kienx tali li jippermetti l-evażjoni. Għaldaqstant, ġie konkluż li l-applikant ma setax jingħata t-TI.

    (34)

    L-applikant sostna li, fil-każ preżenti, ma kienx probabbli li sseħħ l-evażjoni, minħabba li ż-żewġ kumpanniji kienu kompetituri, u għalhekk il-produttur relatat qatt ma kien se jaħseb sabiex jinkanala xi parti mill-produzzjoni tiegħu permezz ta' l-applikant, għall-esportazzjoni lejn il-Komunità.

    (35)

    Għandu jiġi nnutat li diffiċli tipprevedi l-aġir tal-produttur relatat, ġaladarba ż-żewġ kumpnaiji huma relatati. Barra minn hekk, u kif intqal hawn fuq fil-Premessa (23), l-impriża konġunta bejn iż-żewġ kumpanniji kellha l-għan li timmassimizza l-pożizzjoni fis-suq dinji taż-żewġ kumpanniji. Għaldaqstant, tqies li kien hemm riskju imminenti ta' evażjoni, f'li kumpannija waħda tibbenefika minn marġini aktar baxx tad-dumping minn ta' l-oħra. L-applikant ma ressaq l-ebda informazzjoni sabiex juri li riskju tali seta' jiġi suffiċjentement eskluż.

    (36)

    L-applikant ikkontesta d-deċiżjoni li t-talba tiegħu għal TI ma tintlaqax, bl-argument li l-possibbiltà ta' evażjoni kellha tiġi indirizzata permezz tal-ftuħ ta' investigazzjoni skond l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, u li xejn fl-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament bażiku ma jobbliga lil kumpanniji fiċ-Ċina juru li ma kenux sejrin jevadu miżuri kontra d-dumping.

    (37)

    F'dan ir-rigward, huwa nnutat li t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku huwa ċar dwar il-kundizzjonjiet applikabbli għall-istabbiliment ta' dazju individwali meta jkun japplika l-Artikolu 2(7)(a), li huwa applikabbli fil-każ preżenti ġaladarba ma setax jiġi konkluż li l-applikant jissodisfa l-kriterji ta' l-Artikolu 2(7)(ċ). B'mod partikolari, l-Artikolu 9(5)(e) tar-Regolament bażiku jistipula li l-indħil ta' l-Istat ma għandux ikun tali li jippermetti l-evażjoni. Kif diġà ntqal fil-Premessa (35) hawn fuq, fin-nuqqas ta' koperazzjoni min-naħa ta' waħda mill-kumpanniji relatati, ma kienx possibbli li jiġi konkluż li l-kundizzjonijiet għal TI kienu sodisfatti.

    (38)

    Għaldaqstant, ġie konkluż li l-applikant ma kellux jingħata t-TI.

    4.   KONKLUŻJONI

    (39)

    L-għan ta' din ir-reviżjoni preżenti kien li jiġi ddeterminat il-marġini individwali tad-dumping ta' l-applikant, li allegatament kien differenti mill-marġini residwu attwali applikabbli fuq l-importazzjonijiet tal-prodott konċernat mir-RPĊ. It-talba saret prinċipalment abbażi ta' l-allegazzjoni li l-applikant kien jissodisfa l-kriterji għall-MET.

    (40)

    Minħabba li l-investigazzjoni tikkonkludi li l-applikant, fin-nuqqas ta' koperazzjoni min-naħa tal-produttur relatat tiegħu, ma kellu jingħata la l-MET u lanqas it-TI, il-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi li l-marġini individwali tad-dumping ta' l-applikant tassew kien differenti mill-marġini residwu tad-dumping stabbilit mill-investigazzjoni oriġinali. Għaldaqstant, it-talba li ressaq l-applikant ma għandhiex tintlaqa', u r-reviżjoni ta' “esporatur ġdid” għandha tintemm. B'konsegwenza, għandu jinżamm id-dazju residwu kontra d-dumping stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali, jiġifieri 49,7 %.

    5.   IMPOSTA RETROATTIVA TAD-DAZJU KONTRA D-DUMPING

    (41)

    Fid-dawl tal-konklużjonijiet ta' hawn fuq, id-dazju applikabbli kontra d-dumping fuq l-applikant għandu jiġi impost retroattivament fuq l-importazzjonijiet tal-prodott konċernat, li saru suġġetti għar-reġistrazzjoni skond l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 342/2006.

    6.   L-IŻVELAR

    (42)

    Il-partjiet kollha ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li wasslu għall-konklużjonijiet ta' hawn fuq, u ġew mistiedna jagħmlu l-kummenti tagħhom skond l-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku. Meta dan kien f'loku, il-kummenti tal-partijiet ġew ikkunsidrati.

    (43)

    Din ir-reviżjoni ma taffettwax id-data li fiha l-miżuri imposti mir-Regolament (KE) Nru 428/2005, kif emendati mir-regolament (KE) Nru 1333/2005, sejrin jiskadu skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   Ir-reviżjoni ta' esportatur ġdid mibdija permezz tar-Regolament (KE) Nru 342/2006 hija b'dan terminata.

    2.   Id-dazju kontra d-dumping li, konformement ma' l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 428/2005, japplika għall-“kumpanniji l-oħra kollha” fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina b'dan huwa impost b'effett mis-26 ta' Frar 2006 fuq importazzjonijiet tal-fibrri diskontinwi tal-polyester li ġew reġistrati skond l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 342/2006.

    3.   L-awtoritajiet doganali huma b'dan ordnati li jieqfu jirreġistraw l-importazzjonijiet tal-prodott konċernat li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, prodotti minn Huvis Sichuna u mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-Komunità.

    4.   Sakemm mhux speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazju doganali.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 7 ta’ Novembru 2006.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    E. HEINÄLUOMA


    (1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

    (2)  ĠU L 71, 17.3.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1333/2005 (ĠU L 211, 13.8.2005, p. 1).

    (3)  ĠU L 55, 25.2.2006, p. 14.


    Top