EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R1081

Regolament (KE) Nru 1081/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1784/1999

ĠU L 210, 31.7.2006, p. 12–18 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013R1304

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1081/oj

31.7.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

12


REGOLAMENT (KE) NRU 1081/2006 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-5 ta' Lulju 2006

dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1784/1999

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 148 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, u l-Fond ta' Koeżjoni (4), jistabbilixxi l-qafas għal azzjoni mill-Fondi Strutturali u mill-Fond ta' Koeżjoni u jistabbilixxi, b'mod partikolari, l-objettivi, il-prinċipji u r-regoli li jikkonċernaw is-sħubija, il-programmazzjoni, il-valutazzjoni u t-tmexxija. Għalhekk, huwa meħtieġ li tiġi definita l-missjoni tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) fir-rigward tal-kompiti preskritti taħt l-Artikolu 146 tat-Trattat u fil-kuntest tal-ħidma ta' l-Istati Membri u tal-Komunità lejn l-iżvilupp ta' strateġija koordinata għall-impjiegi taħt l-Artikolu 125 tat-Trattat.

(2)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-għamla ta' attivitajiet li jistgħu jiġu finanzjati mill-FSE taħt l-objettivi stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

(3)

Il-FSE għandha ssaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali billi ttejjeb l-opportunitajiet ta' impjieg fil-qafas tal-kompiti fdati lill-FSE mill-Artikolu 146 tat-Trattat u tal-kompiti fdati lill-Fondi Strutturali mill-Artikolu 159 tat-Trattat, skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

(4)

Dan huwa aktar u aktar importanti fid-dawl ta' l-isfidi li ġejjin mit-tkabbir ta' l-Unjoni u mill-fenomenu tal-globalizzazzjoni ekonomika. F'dan ir-rigward, l-importanza tal-mudell soċjali Ewropew u l-modernizzazzjoni tiegħu għandhom jiġu rikonoxxuti.

(5)

Skond l-Artikoli 99 u 128 tat-Trattat, u bil-ħsieb li tiġi ffokata mill-ġdid l-istrateġija ta' Lisbona dwar it-tkabbir ekonomiku u x-xogħol, il-Kunsill adotta pakkett integrat li jinkludi l-Linji Gwida Wesgħin dwar il-Politika Ekonomika u l-Linji Gwida dwar l-Impjiegi, dawn ta' l-aħħar jesponu objettivi dwar impjiegi, prioritajiet u miri. F'dan ir-rigward, il-Kunsill Ewropew ta' Brussel tat-22 u t-23 ta' Marzu 2005 għamel sejħa għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi nazzjonali u Komunitarji adatti kollha, inkluża l-politika ta' koeżjoni.

(6)

Ittieħdu lezzjonijiet ġodda mill-inizjattiva Komunitarja EQUAL, speċjalment dwar kif tista' tiġi kombinata l-azzjoni lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropea. Dawn il-lezzjonijiet għandhom ikunu integrati f'sostenn lill-FSE. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-parteċipazzjoni tal-gruppi mmirati, lill-integrazzjoni ta' migranti, inklużi dawk li jfittxu asil, lill-identifikazzjoni ta' kwistjonijiet dwar politika u l-integrazzjoni sussegwenti tagħhom, lit-teknika ta' innovazzjoni u sperimentazzjoni, lil metodoloġiji għall-koperazzjoni transnazzjonali, lill-kuntatti ma' gruppi emarġinati fir-rigward tas-suq tax-xogħol, lill-impatt ta' kwistjonijiet soċjali fuq is-suq intern, u lill-aċċess għal u l-ġestjoni ta' proġetti li jidħlu għalihom organizzazzjonijiet mhux governattivi.

(7)

Il-FSE għandu jsostni l-linji politiċi ta' l-Istati Membri li jsegwu mill-qrib il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet taħt l-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi u l-objettivi relevanti tal-Komunità dwar l-inklużjoni soċjali, in-non-diskriminazzjoni, il-promozzjoni ta' l-ugwaljanza, l-edukazzjoni u t-taħriġ, sabiex jikkontribwixxi aktar fl-implementazzjoni ta' l-objettivi u l-miri li dwarhom kien hemm ftehim fil-Kunsill Ewropew ta' Lisbona tat-23 u l-24 ta' Marzu 2000 u fil-Kunsill Ewropew ta' Goteburgu tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2001.

(8)

Il-FSE għandu jaġixxi wkoll sabiex jittratta d-dimensjonijiet u l-konsegwenzi relevanti tal-bidliet demografiċi fil-popolazzjoni attiva tal-Komunità, partikolarment permezz tat-taħriġ vokazzjonali tul il-ħajja.

(9)

Bil-ħsieb li tkun antiċipata u mmexxija aħjar il-bidla u jiżdiedu t-tkabbir ekonomiku, l-opportunitajiet għall-impjieg kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel u l-kwalità u l-produttività fuq ix-xogħol, taħt l-objettiv tal-Kompetittività Reġjonali u Impjiegi u l-objettivi tal-Konverġenza, l-għajnuna mill-FSE għandha tiffoka, b'mod partikolari, fuq it-titjib ta' l-adattabbiltà tal-ħaddiema u ta' l-intrapriżi, it-tisħiħ tal-kapital uman u ta' l-aċċess għall-impjieg u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, it-tisħiħ ta' l-inklużjoni soċjali ta' persuni żvantaġġati, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, l-inkoraġġiment ta' persuni li mhumiex ekonomikament attivi sabiex jidħlu fis-suq tax-xogħol u l-promozzjoni ta' sħubiji għar-riforma.

(10)

Addizzjonalment għal dawn il-prijoritajiet, fir-reġjuni u fl-Istati Membri l-anqas żviluppati, taħt l-objettiv tal-Konverġenza u bil-ħsieb li jiżdiedu t-tkabbir ekonomiku, l-opportunitajiet għall-impjieg kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel u l-kwalità u l-produttività fuq ix-xogħol, huwa meħtieġ li jitwessa' u jittejjeb l-investiment fil-kapital uman u li titjieb ukoll il-kapaċità istituzzjonali, amministrattiva u ġudizzjarja, l-aktar sabiex jitħejjew u jkunu implementati r-riformi, u sabiex ikun infurzat ukoll l-acquis.

(11)

Fil-firxa ta' dawn il-prijoritajiet, l-għażla ta' interventi tal-FSE għandha tkun flessibbli sabiex jiġu indirizzati l-isfidi speċifiċi f'kull Stat Membru u t-tipi ta' azzjoni prijoritarja finanzjati mill-FSE għandhom jippermettu marġni ta' flessibbiltà sabiex jirrispondi għal dawn l-isfidi.

(12)

Il-promozzjoni ta' attivitajiet innovattivi transnazzjonali u inter-reġjonali hija dimensjoni importanti li għandha tiġi integrata fil-kamp ta' applikazzjoni tal-FSE. Sabiex titrawwem il-koperazzjoni, l-Istati Membri għandhom jipprogrammaw azzjonijiet transnazzjonali u inter-reġjonali billi jużaw approċċ orizzontali jew permess ta' assi prijoritarju dedikat.

(13)

Huwa meħtieġ li tkun żgurata l-koerenza ta' l-azzjoni tal-FSE mal-linji politiċi previsti taħt l-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi u li s-sostenn tal-FSE jkun konċentrat fuq l-implementazzjoni tal-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet taħt dik l-Istrateġija.

(14)

L-implementazzjoni effiċjenti u effettiva ta' l-azzjonijiet sostnuti mill-FSE tiddipendi fuq it-tmexxija tajba u s-sħubija bejn l-atturi territorjali u soċjo-ekonomiċi relevanti kollha, l-aktar l-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati oħrajn, inklużi dawk fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. L-imsieħba soċjali għandhom rwol ċentrali fis-sħubija wiesgħa għal bidla, u huwa essenzjali l-impenn tagħhom għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali billi jitjiebu l-opportunitajiet ta' l-impjiegi u tax-xogħol. F'dan il-kuntest, fejn kemm min iħaddem kif ukoll il-ħaddiema jikkontribwixxu b'mod kollettiv sabiex isostnu finanzjarjament l-azzjonijiet tal-FSE, din il-kontribuzzjoni finanzjarja, għalkemm nefqa privata, tiġi inkluża għall-iskopijiet li jiġi kkalkolat il-kofinanzjament tal-FSE.

(15)

Il-FSE għandu jsostni azzjoni konformi mal-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet relevanti taħt l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi. Madankollu, il-bidliet fil-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet ikunu jeħtieġu r-reviżjoni ta' programm operattiv biss fejn Stat Membru, jew il-Kummissjoni bi ftehim ma' Stat Membru, tikkunsidra li l-programm operattiv għandu jieħu kont ta' bidliet soċjo-ekonomiċi sinifikattivi jew jieħu kont akbar jew differenti tal-bidliet prinċipali fil-prijoritajiet tal-komunità, nazzjonali jew reġjonali, jew fid-dawl ta' valutazzjonijiet, jew wara diffikultajiet fl-implementazzjoni.

(16)

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-implementazzjoni tal-prijoritajiet finanzjati mill-FSE taħt l-objettivi tal-Konverġenza u tal-Kompetittività Reġjonali u Impjiegi tikkontribwixxi fil-promozzjoni ta' l-ugwaljanza u fit-tneħħija ta' l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel. Approċċ ta' integrazzjoni tal-kwistjonijiet ta' bejn is-sessi għandu jkun kombinat ma' azzjoni speċifika sabiex jiżdiedu l-parteċipazzjoni sostenibbli u l-progress tan-nisa li jaħdmu.

(17)

Il-FSE għandu jsostni wkoll l-għajnuna teknika, b'attenzjoni speċjali sabiex jitħeġġeġ it-tagħlim reċiproku permezz ta' skambji ta' esperjenzi u tad-disseminazzjoni ta' prattika tajba u sabiex ikun enfasizzat il-kontribut tal-FSE lejn l-objettivi tal-politika u tal-prijoritajiet tal-Komunità, fir-rigward ta' l-impjiegi u ta' l-inklużjoni soċjali.

(18)

Ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 jipprovdi li r-regoli dwar l-eliġibbiltà ta' l-infiq għandhom jiġu stabbiliti fil-livell nazzjonali b'ċerti eċċezzjonijiet li għalihom ikun meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi. Għandhom għalhekk jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi għall-eċċezzjonijiet dwar il-FSE.

(19)

Fl-interess taċ-ċarezza, ir-Regolament (KE) Nru 1784/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 1999 dwar il-Fond Soċjali Ewropew (5) għandu għalhekk jiġi mħassar,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kompiti tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-għajnuna tiegħu, dispożizzjonijiet speċifiċi u t-tipi ta' infiq eliġibbli għall-għajnuna.

2.   Il-FSE huwa regolat mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 u minn dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Kompiti

1.   Il-FSE għandu jikkontribwixxi għall-prijoritajiet tal-Komunità fir-rigward tat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali billi jtejjeb l-impjieg u l-opportunitajiet ta' impjieg, filwaqt li jħeġġeġ livell għoli ta' impjieg u aktar impjiegi u impjiegi aħjar. Għandu jagħmel dan billi jsostni l-linji politiċi ta' l-Istati Membri sabiex ikun hemm xogħol għal kulħadd u kwalità u produttività fix-xogħol, sabiex tkun promossa l-inklużjoni soċjali, inkluż l-aċċess għal impjieg ta' nies żvantaġġati, u sabiex jitnaqqsu d-disparitajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-impjiegi.

B'mod partikolari, il-FSE għandu jsostni azzjonijiet b'mod konformi mal-miżuri meħudin mill-Istati Membri abbażi tal-linji gwida adottati taħt l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi, kif inkorporati fil-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir Ekonomiku u għall-Impjiegi, u r-rakkomandazzjonijiet li jakkumpanjawhom.

2.   Fit-twettiq tal-kompiti msemmijin fil-paragrafu 1, il-FSE għandu jsostni l-prijoritajiet tal-Komunità dwar il-ħtieġa li tiġi rinfurzata l-koeżjoni soċjali, tissaħħaħ il-produttività u l-kompettitività, u jiġu promossi t-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp sostenibbli. Meta jagħmel dan, il-FSE għandu jieħu kont tal-prijoritajiet u l-objettivi relevanti tal-Komunità fl-oqsma ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ, waqt li jżid il-parteċipazzjoni ta' persuni ekonomikament inattivi fis-suq tax-xogħol, jiġġieled l-esklużjoni soċjali – speċjalment dik ta' gruppi żvantaġġati bħal persuni b'diżabbiltajiet – jippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u n-non-diskriminazzjoni.

Artikolu 3

L-ambitu ta' l-għajnuna

1.   Fil-qafas ta' l-objettivi tal-Konverġenza u tal-Kompetittività Reġjonali u Impjiegi, il-FSE għandu jsostni azzjonijiet fl-Istati Membri taħt il-prijoritajiet elenkati hawn taħt:

(a)

żieda fl-adattabbiltà tal-ħaddiema, ta' l-impriżi u ta' l-imprendituri, bil-ħsieb li jiġu mtejba l-antiċipazzjoni u t-tmexxija pożittiva tal-bidla ekonomika, b'mod partikolari bil-promozzjoni ta':

(i)

tagħlim tul il-ħajja u investiment miżjud fir-riżorsi umani mill-impriżi, l-aktar l-impriżi mill-SMEs, u fil-ħaddiema, bl-iżvilupp u l-implementazzjoni ta' sistemi u strateġiji, inkluż l-apprendistat, li jiżguraw l-aċċess imtejjeb għat-taħriġ minn, b'mod partikolari, ħaddiema ta' abbiltajiet baxxi u dawk ta' età avvanzata, fl-iżvilupp tal-kwalifiki u tal-kompetenzi, fit-tixrid tat-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, fl-e-learning, fit-teknoloġiji favur l-ambjent u fl-abbiltajiet tat-tmexxija, u fil-promozzjoni ta' l-intraprenditorija u fl-innovazzjoni u fil-varar ta' negozji;

(ii)

it-tfassil u t-tixrid ta' forom ta' organizzazzjoni tax-xogħol li jkunu innovattivi u produttivi aktar, inklużi dawk relatati ma' saħħa u sigurtà aħjar fuq ix-xogħol, ma' l-identifikazzjoni ta' ħtiġijiet futuri okkupazzjonali u ta' abbiltajiet, u l-iżvilupp ta' servizzi speċifiċi ta' xogħol, taħriġ u sostenn, inkluż l-outplacement, għall-ħaddiema fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni ta' kumpanniji u ta' setturi;

(b)

it-tisħiħ ta' aċċess għax-xogħol u l-inklużjoni sostenibbli fis-suq tax-xogħol ta' dawk li jfittxu impjieg u ta' persuni inattivi, il-prevenzjoni tal-qgħad, b'mod partikolari tal-qgħad għall-perjodu fit-tul u tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, l-inkoraġġiment ta' xjuħija attiva u ta' parti itwal mill-ħajja dedikata għax-xogħol, u ż-żieda tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari bil-promozzjoni ta':

(i)

il-modernizzazzjoni u t-tisħiħ ta' l-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol, b'mod partikolari s-servizzi ta' l-impjieg u inizjattivi relevanti oħra fil-kuntest ta' l-istrateġiji ta' l-Unjoni Ewropea u ta' l-Istati Membri għall-impjieg għal kulħadd;

(ii)

l-implementazzjoni ta' miżuri attivi u preventivi li jiżguraw l-identifikazzjoni bikrija tal-ħtiġijiet permezz ta' pjanijiet ta' azzjoni individwali u ta' sostenn personalizzat, bħal taħriġ speċifikament indirizzat, it-tiftix tax-xogħol, l-outplacement u l-mobbiltà, ix-xogħol fuq bażi indipendenti u l-ħolqien ta' negozji – inkluzi impriżi koperattivi, inċentivi li jħeġġu l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, miżuri flessibbli sabiex ħaddiema avvanzati fl-età jinżammu aktar fl-impjieg u miżuri sabiex jiġu rikonċiljati x-xogħol u l-ħajja privata, bħall-faċilitazzjoni ta' l-aċċess għall-kura tat-tfal u l-kura għall-persuni dipendenti;

(iii)

integrazzjoni u azzjoni speċifika sabiex jittejjeb l-aċċess għall-impjieg, żieda fil-parteċipazzjoni u l-progress sostenibbli tan-nisa fl-impjiegi u t-tnaqqis tas-segregazzjoni fis-suq tax-xogħol ibbażata fuq is-sessi, anki billi jiġu indirizzati l-kawżi radikali, diretti u indiretti, tad-diverġenzi salarjali bejn in-nisa u l-irġiel;

(iv)

azzjoni speċifika sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni ta' migranti fl-impjieg u b'hekk tissaħħaħ l-integrazzjoni soċjali tagħhom; l-aġevolazzjoni tal-mobbiltà ġeografika u okkupazzjonali ta' ħaddiema u ta' l-integrazzjoni ta' swieq tax-xogħol trans-konfinali, anke permezz ta' gwida, ta' taħriġ fil-lingwi u tal-validazzjoni ta' kompetenzi u ta' abbiltaijiet miksubin;

(ċ)

it-tisħiħ ta' l-inklużjoni soċjali ta' persuni żvantaġġati bil-ħsieb ta' l-integrazzjoni sostenibbli tagħhom fl-impjieg u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari bil-promozzjoni ta':

(i)

toroq għall-integrazzjoni u d-dħul mill-ġdid fl-impjieg għal persuni żvantaġġati, bħal persuni li jkunu qegħdin ibatu minn esklużjoni soċjali, persuni li jħallu l-iskola kmieni, minoranzi, persuni b'diżabbiltà u persuni li jipprovdu kura għal persuni dipendenti, permezz ta' miżuri favur l-impjegabbiltà, anke fil-qasam ta' l-ekonomija soċjali, aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u azzjonijiet akkumpanjatriċi u servizzi relevanti ta' sostenn, komunitarji u ta' kura li jtejbu l-opportunitajiet ta' impjieg;

(ii)

L-aċċettazzjoni tad-diversità fil-post tax-xogħol u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fl-aċċess u fil-progress fis-suq tax-xogħol anke permezz tas-sensibilizzazzjoni ta' l-opinjoni pubblika, ta' l-involviment ta' komunitajiet u impriżi lokali u tal-promozzjoni ta' inizjattivi ta' impjieg lokali;

(d)

it-tisħiħ tal-kapital uman, b'mod partikolari bil-promozzjoni ta':

(i)

it-tfassil u l-introduzzjoni ta' riformi fis-sistemi ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex tiġi żviluppata l-impjegabbiltà, sabiex tiġi mtejba r-relevanza tas-suq tax-xogħol fl-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali u vokazzjonali u sabiex jiġu aġġornati kontinwament l-abbiltajiet ta' persunal li jħarreġ bil-ħsieb ta' ekonomija bbażata fuq l-innovazzjoni u fuq il-konoxxenza;

(ii)

attivitajiet ta' networking bejn l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja, bejn ċentri ta' riċerka u ta' teknoloġija u bejn impriżi;

(e)

il-promozzjoni ta' sħubiji, patti u inizjattivi permezz tan-networking tal-partijiet interessati relevanti, bħal imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet mhux governattivi, fil-livelli transnazzjonali, nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex issir mobilizzazzjoni għal riformi fil-qasam ta' l-impjiegi u ta' l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol.

2.   Fil-qafas ta' l-objettiv tal-Konverġenza, il-FSE għandu jsostni azzjonijiet fi Stati Membri taħt il-prijoritajiet elenkati hawn taħt:

(a)

it-tkabbir u t-tisħiħ ta' l-investiment fil-kapital uman, b'mod partikolari bil-promozzjoni ta':

(i)

l-implementazzjoni tar-riformi fis-sistemi ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ, partikolarment sabiex jitkabbar ir-rispons tan-nies għall-ħtiġijiet ta' soċjetà bbażata fuq il-konoxxenza u fuq it-tagħlim tul il-ħajja;

(ii)

żieda fil-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u fit-taħriġ matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja, anke b'azzjoni li timmira li tnaqqas in-numru ta' tfal li jħallu l-iskola kmieni u s-segregazzjoni ta' suġġetti bejn nisa u irġiel u aktar aċċessibbiltà u kwalità ta' l-edukazzjoni inizjali, vokazzjonali u terzjarja u tat-taħriġ;

(iii)

l-iżvilupp tal-potenzjal tal-bniedem fir-riċerka u fl-innovazzjoni, partikolarment permezz ta' studji post-universitarji u tat-taħriġ ta' riċerkaturi;

(b)

it-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u ta' l-effiċjenza ta' l-amministrazzjonijiet pubbliċi u s-servizzi pubbliċi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali u, fejn ikun relevanti, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet non-governattivi, bil-ħsieb ta' riformi, ta' regolamentazzjoni aħjar u ta' tmexxija tajba l-aktar fil-qasam ekonomiku, ta' l-impjiegi, ta' l-edukazzjoni, dak soċjali, ambjentali u ġuridiku, b'mod partikolari bil-promozzjoni ta':

(i)

mekkaniżmi għat-titjib tat-tfassil, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tajba ta' politika u programmi, anke permezz ta' studji, statistika u parir espert, sostenn għall-koordinazzjoni interdipartimentali u d-djalogu bejn l-entitajiet pubbliċi u privati relevanti;

(ii)

l-iżvilupp tal-kapaċità fit-twettiq ta' linji politiċi u programmi fl-oqsma relevanti, inkluż fir-rigward tal-leġislazzjoni, l-aktar permezz tat-taħriġ kontinwu fil-ġestjoni u tal-persunal u b'sostenn speċifiku għal servizzi ewlenin, ispettorati u atturi soċjo-ekonomiċi, inklużi l-imsieħba soċjali, organizzazzjonijiet non-governattivi relevanti u organizzazzjonijiet professjonali rappreżentattivi.

3.   Fi ħdan dawn il-prijoritajiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri jistgħu jikkonċentraw fuq dawk li huma l-aktar xierqa sabiex jindirizzaw l-isfidi speċifiċi tagħhom.

4.   Il-FSE jista' jsostni azzjonijiet esposti fl-Artikolu 3(2) ta' dan ir-Regolament fit-territorju kollu ta' l-Istati Membri eliġibbli għas-sostenn jew għas-sostenn transizzjonali taħt il-Fond ta' Koeżjoni, kif determinat rispettivament fl-Artikoli 5(2) u 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

5.   Fl-implementazzjoni ta' l-objettivi u l-prijoritajiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-FSE għandu jsostni l-promozzjoni u l-integrazzjoni ta' attivitajiet innovattivi fl-Istati Membri.

6.   Il-FSE għandu jsostni wkoll azzjonijiet transnazzjonali u inter-reġjonali b'mod partikolari permezz ta' skambju ta' informazzjoni, esperjenzi, riżultati u l-aħjar prattika, u bl-iżvilupp ta' approċċi komplementari u ta' azzjoni koordinata jew konġunta.

7.   Permezz ta' deroga mill-Artikolu 34(2) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 il-finanzjament tal-miżuri taħt il-prijorità ta' inklużjoni soċjali msemmija fil-paragrafu 1(ċ)(i) ta' dan l-Artikolu u fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (6) jista' jiġi miżjud għal 15 % ta' l-assi prijoritarju konċernat.

Artikolu 4

Koerenza u konċentrazzjoni ta' sostenn

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-azzjonijiet sostnuti mill-FSE ikunu konsistenti ma' u jikkontribwixxu għal azzjonijiet imwettqa skond l-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi. B'mod partikolari, huma għandhom jiżguraw li l-istrateġija stabbilita fil-qafas ta' referenza strateġiku nazzjonali u l-azzjonijiet stabbiliti fil-programmi operattivi tkun tippromwovi l-objettivi, il-prijoritajiet u l-miri ta' l-Istrateġija f'kull Stat Membru fil-qafas ta' programmi ta' riforma nazzjonali u l-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali għall-inklużjoni soċjali.

L-Istati Membri għandhom jikkonċentraw ukoll is-sostenn, fejn il-FSE jista' jikkontribwixxi għal-linji politiċi dwar l-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet relevanti dwar l-impjieg magħmula taħt l-Artikolu 128(4) tat-Trattat u ta' l-objettivi relevanti relatati ma' l-impjieg tal-Komunità fil-qasam ta' l-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni u t-taħriġ. L-Istati Membri għandhom jagħmlu dan f'ambjent stabbli ta' programmazzjoni.

2.   Fi ħdan programmi operattivi, ir-riżorsi għandhom ikunu diretti lejn il-ħtiġijiet l-aktar importanti u jiffukaw fuq dawk l-oqsma ta' politika fejn is-sostenn tal-FSE jista' jkollu effett sostanzjali lejn il-ksib ta' l-objettivi tal-programm. Sabiex tkun massimizzata l-effiċjenza tas-sostenn tal-FSE, il-programmi ta' l-operat għandhom, fejn ikun xieraq, iqisu b'mod partikolari ir-reġjuni u l-postijiet li jkunu qegħdin jiffaċċjaw il-problemi l-aktar serji, bħal reġjuni urbani deprivati u r-reġjuni l-aktar estremi, żoni rurali u żoni dipendenti fuq is-sajd li jkunu f'deklin, u żoni partikolarment milquta ħażin minn traspostamenti ta' ditti.

3.   Fejn ikun il-każ, għandha tkun inkluża taqsima konċiża dwar il-kontribuzzjoni tal-FSE fil-promozzoni ta' l-aspetti relevanti tas-suq tax-xogħol dwar l-inklużjoni soċjali fir-rapporti nazzjonali ta' l-Istati Membri taħt il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni dwar il-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali.

4.   L-indikaturi inklużi fil-programmi operattivi kofinanzjati mill-FSE għandhom ikunu strateġiċi fin-natura tagħhom, limitati fin-numru u għandhom jirriflettu dawk użati fl-implementazzjoni ta' l-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi u fil-kuntest ta' l-objettivi Komunitarji relevanti fl-oqsma ta' l-inklużjoni soċjali u ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ.

5.   Il-valutazzjonijiet li jsiru b'rabta ma' l-azzjoni tal-FSE għandhom jivvalutaw ukoll il-kontribut ta' l-azzjoni sostnuta mill-FSE għall-implementazzjoni ta' l-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi u għall-objettivi Komunitarji fl-oqsma ta' l-inklużjoni soċjali, tan-non-diskriminazzjoni u ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, u ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ fl-Istat Membru konċernat.

Artikolu 5

Tmexxija u sħubija tajbin

1.   Il-FSE għandu jippromwovi t-tmexxija u s-sħubija tajbin. Is-sostenn tiegħu għandu jitfassal u jiġi implementat fuq livell territorjali adegwat wara li jittieħed kont tal-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali skond l-arranġamenti istituzzjonali li jkunu speċifiċi għal kull Stat Membru.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-involviment ta' l-imsieħba soċjali u l-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni adegwata ta' partijiet interessati oħra, fil-livell territorjali xieraq, fit-tħejjija, fl-implementazzjoni u fil-monitoraġġ tas-sostenn tal-FSE.

3.   L-awtorità ta' ġestjoni ta' kull programm operattiv għandha tħeġġeġ il-parteċipazzjoni adegwata ta' l-imsieħba soċjali fl-azzjonijiet finanzjati taħt l-Artikolu 3.

Taħt l-objettiv tal-Konverġenza, għandhom jiġi allokat ammont xieraq tar-riżorsi tal-FSE għall-iżvilupp tal-kapaċità, li għandu jinkludi taħriġ, miżuri ta' networking, tisħiħ ta' djalogu soċjali u attivitajiet imwettqin b'mod konġunt mill-imsieħba soċjali, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-adattabbiltà tal-ħaddiema u l-intrapriżi msemmijin fl-Artikolu 3(1)(a).

4.   L-awtorità ta' ġestjoni ta' kull programm operattiv għandha tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni u l-aċċess adegwati minn organizzazzjonijiet non-governattivi fl-attivitajiet finanzjati, l-aktar fl-isfera ta' l-inklużjoni soċjali, ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi u ta' opportunitajiet indaqs.

Artikolu 6

Ugwaljanza bejn is-sessi u opportunitajiet indaqs

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-programmi operattivi jinkludu deskrizzjoni dwar kif l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-opportunitajiet indaqs huma promossi fit-tħejjija, fl-implementazzjoni, fil-monitoraġġ u fil-valutazzjoni ta' programmi. L-Istati Membri għandhom jippromwovu parteċipazzjoni bilanċjata ta' nisa u irġiel fit-ġestjoni u fit-twettiq ta' programmi operattivi fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali, kif xieraq.

Artikolu 7

Innovazzjoni

Fil-qafas ta' kull programm operattiv, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-promozzjoni u l-integrazzjoni ta' attivitajiet innovattivi. L-awtorità ta' ġestjoni għandha tagħżel it-temi għall-finanzjament ta' l-innovazzjoni fil-kuntest ta' sħubija u għandha tiddefinixxi l-arranġamenti xierqa ta' implementazzjoni. Għandha tinforma lill-Kumitat ta' Monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 63 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 dwar it-temi magħżula.

Artikolu 8

Azzjonijiet transnazzjonali u inter-reġjonali

1.   Fejn Stati Membri jsostnu azzjonijiet favur azzjonijiet transnazzjonali u/jew inter-reġjonali kif stabbilit fl-Artikolu 3(6) ta' dan ir-Regolament, bħala assi prijoritarju speċifiku fi ħdan programm operattiv, il-kontribuzzjoni mill-FSE tista' tiġi miżjuda b'10 % fil-livell ta' l-assi prijoritarju. Din il-kontribuzzjoni miżjuda m'għandhiex tkun inkluża fil-kalkolu tal-limiti massimi stabbiliti fl-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

2.   L-Istati Membru għandhom, bl-għajnuna tal-Kummissjoni fejn xieraq, jiżguraw li l-FSE ma jsostnix operazzjonijiet speċifiċi li kontemporanjament ikunu sostnuti permezz ta' programmi transnazzjonali Komunitarji oħra, b'mod partikolari fil-qasam ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ.

Artikolu 9

Għajnuna teknika

Il-Kummissjoni għandha tippromwovi b'mod partikolari l-iskambji ta' esperjenzi, attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni ta' l-opinjoni pubblika, seminars, networking u reviżjonijiet bejn pari li jservu sabiex tiġi identifikata u mxerrda prattika tajba u sabiex jiġu mħeġġa t-tagħlim reċiproku u l-koperazzjoni transnazzjonali u inter-reġjonali bl-għan li jissaħħu d-dimensjoni tal-politika u l-kontribuzzjoni tal-FSE lejn l-objettivi Komunitarji relattivament għall-impjiegi u għall-inklużjoni soċjali.

Artikolu 10

Rapporti

Ir-rapporti ta' l-implementazzjoni annwali u finali msemmija fl-Artikolu 67 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 għandhom jinkludu, fejn ikun xieraq, sinteżi ta' l-implementazzjoni ta':

(a)

l-integrazzjoni tal-kwistjonijiet ta' bejn is-sessi kif ukoll kull azzjoni speċifika relatata ma' diverġenzi bejn is-sessi;

(b)

azzjoni sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni ta' migranti fl-impjieg u b'hekk tissaħħaħ l-integrazzjoni soċjali tagħhom;

(ċ)

azzjoni sabiex tissaħħaħ l-integrazzjoni fl-impjieg u b'hekk titjib l-inklużjoni soċjali ta' minoranzi;

(d)

azzjoni sabiex tissaħħaħ l-integrazzjoni fl-impjieg u l-inklużjoni soċjali ta' gruppi żvantaġġati oħrajn;

(e)

attivitajiet innovattivi, inkluża preżentazzjoni tat-temi, u r-riżultati, it-tixrid u l-integrazzjoni tagħhom;

(f)

azzjonijiet transnazzjonali u/jew inter-reġjonali.

Artikolu 11

Eliġibbiltà ta' l-infiq

1.   Il-FSE għandu jipprovdi sostenn lejn infiq eliġibbli li, minkejja l-Artikolu 53(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, jista' jinkludi kwalunkwe riżorsi finanzjarji kollettivament kontribwiti minn min iħaddem u minn ħaddiema. L-għajnuna għandha tieħu l-forma ta' għotjiet mhux rimborżabbli individwali jew globali, għotjiet rimborżabbli, tnaqqis fl-interessi tas-self, mikro-krediti, fondi ta' garanzija u x-xiri ta' merkanzija u servizzi skond ir-regoli ta' akkwist pubbliku.

2.   L-infiq li ġej ma għandux ikun eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FSE:

(a)

it-taxxa fuq il-valur miżjud li tkun rikuperabbli;

(b)

l-imgħax fuq id-dejn;

(ċ)

ix-xiri ta' għamara, tagħmir, vetturi, infrastruttura, proprjetà u art.

3.   L-ispejjeż li ġejjin għandhom ikunu infiq eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FSE kif definit fil-paragrafu 1 sakemm ikunu magħmulin skond ir-regoli nazzjonali, inklużi r-regoli ta' kontabbiltà, u taħt il-kondizzjonijiet speċifiċi previsti hawn taħt:

(a)

l-allowances jew is-salarji mħallsin minn parti terza għall-benefiċċju tal-parteċipanti f'operazzjoni u ċertifikati fir-rigward tal-benefiċjarju;

(b)

fil-każ ta' għotjiet, l-ispejjeż indiretti dikjarati abbażi ta' rata fissa sa 20 % ta' l-ispejjeż diretti ta' operazzjoni;

(ċ)

l-ispejjeż ta' deprezzament ta' assi deprezzabbli elenkati taħt il-paragrafu 2(ċ), allokati esklussivament għat-tul ta' operazzjoni, safejn l-għotjiet pubbliċi ma kkontribwixxewx lejn l-akkwist ta' dawk l-assi.

4.   Ir-regoli ta' eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 għandhom japplikaw għall-azzjonijiet ko-finanzjati mill-FSE li jaqgħu fl-ambitu ta' l-Artikolu 3 ta' dak ir-Regolament.

Artikolu 12

Dispożizzjonijiet transizzjonali

1.   Dan ir-Regolament ma għandux jinċidi fuq it-tkomplija jew fuq il-modifika, inkluża il-kanċellazzjoni totali jew parzjali, ta' għajnuna approvata mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1784/1999, jew ta' kwalunkwe leġislazzjoni oħra li tapplika għal dik l-għajnuna fil-31 ta' Diċembru 2006, li għandha konsegwentement tapplika minn hemm 'il quddiem għal dik l-għajnuna jew għall-proġetti konċernati sakemm jagħlqu.

2.   L-applikazzjonijiet magħmula taħt ir-Regolament (KE) Nru 1784/1999 għandhom jibqgħu validi.

Artikolu 13

Tħassir

1.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12 ta' dan ir-Regolament, ir-Regolament (KE) Nru 1784/1999 huwa b'dan imħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2007.

2.   Ir-referenzi magħmula għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala magħmula għal dan ir-Regolament.

Artikolu 14

Klawsola ta' reviżjoni

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jirrivedu dan ir-Regolament sal-31 ta' Diċembru 2013 skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 148 tat-Trattat.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-5 ta’ Lulju 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

P. LEHTOMÄKI


(1)  ĠU C 234, 22.9.2005, p. 27.

(2)  ĠU C 164, 5.7.2005, p. 48.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2005 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-4 ta' Lulju 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Ara p. 25 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(5)  ĠU L 213, 13.8.1999, p. 5.

(6)  Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.


Top