Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R0365

    Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 365/2006 tas- 27 ta’ Frar 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1676/2001 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjoni ta’ film tal-polyethylene terephthalate li joriġina, inter alia, mill-Indja u li jwaqqaf ir-reviżjoni temporanja parzjali tal-miżuri kontra s-sussidji applikabbli għall-importazzjoni ta’ film tal-polyethylene terephthalate(PET) li joriġina, inter alia, mill-Indja

    ĠU L 68, 8.3.2006, p. 1–5 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 08/03/2011

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/365/oj

    8.3.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 68/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 365/2006

    tas-27 ta’ Frar 2006

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1676/2001 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjoni ta’ film tal-polyethylene terephthalate li joriġina, inter alia, mill-Indja u li jwaqqaf ir-reviżjoni temporanja parzjali tal-miżuri kontra s-sussidji applikabbli għall-importazzjoni ta’ film tal-polyethylene terephthalate(PET) li joriġina, inter alia, mill-Indja

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra importazzjoni li hi l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku anti-dumping”), partikolarment l-Artikolu 11(3) tiegħu, u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97 tas-6 ta’ Ottubru 1997 dwar il-protezzjoni kontra importazzjoni sussidjata minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku kontra s-sussidji”), partikolarment l-Artikolu 19 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta sottomessa mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat ta’ Konsulenza,

    Billi:

    A.   PROĊEDURA

    1.   Miżuri eżistenti u investigazzjonijiet magħluqa dwar l-istess prodott

    (1)

    Il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 2597/1999 (3), impona dazju kompensatorju definittiv fuq l-importazzjoni ta’ film tal-polyethylene terephthalate (“PET”) li jaqa’ taħt il-kodiċi CN ex 3920 62 19 u ex 3920 62 90 u li l-oriġini tiegħu hija mill-Indja (“il-miżuri kompensatorji definittivi”). Il-miżuri ħadu l-forma ta’ dazju ad valorem ta’ bejn 3,8 % u 19,1 % impost fuq l-importazzjoni minn esportaturi msemmija individwalment, b’dazju residwali ta’ 19,1 % impost fuq l-importazzjoni mill-kumpaniji l-oħra kollha.

    (2)

    Il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1676/2001 (4), impona dazji definittivi kontra d-dumping fuq l-importazzjoni ta’ film tal-PET li l-oriġini tiegħu, inter alia, hija mill-Indja. Il-miżuri ħadu l-forma ta’ dazju ad valorem ta’ bejn 0 % u 62,6 % fuq l-importazzjoni ta’ film tal-PET li l-oriġini tiegħu hija mill-Indja (“il-miżuri definittivi kontra d-dumping”), bl-eċċezzjoni ta’ importazzjoni minn ħames kumpaniji Indjani (Ester Industries Limited (“Ester”), Flex Industries Limited (“Flex”), Garware Polyester Limited (“Garware”), MTZ Polyfilms Limited (“MTZ”), u Polyplex Corporation Limited (“Polyplex”)) li mingħandhom ġew aċċettati garanziji permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/645/KE (5) li taċċetta impenji offruti fir-rigward tal-proċediment anti-dumping dwar importazzjoni ta’ film ta’ polyethylene terephthalate li joriġina, inter alia, mill-Indja.

    (3)

    Il-Kunsill, permezz tar-Regolamenti (KE) Nru 1975/2004 u (KE) Nru 1976/2004, estenda l-miżuri definittivi kompensatorji u ta’ kontra d-dumping fuq l-importazzjoni ta’ film tal-PET li l-oriġini tiegħu hija mill-Indja, għall-importazzjoni ta’ l-istess prodott konsenjat mill-Brażil u l-Iżrael, kemm jekk dikjarat bħala li joriġina fil-Brażil jew l-Iżrael kif ukoll jekk le.

    (4)

    Fl-4 ta’ Jannar 2005 (6), il-Kummissjoni nidiet reviżjoni temporanja parzjali tar-Regolament (KE) Nru 1676/2001 limitata għal-livell tal-miżuri definittivi kontra d-dumping. Din l-investigazzjoni ngħalqet permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 366/2006 (7) li emenda l-livell tal-miżuri definittivi kontra d-dumping.

    (5)

    Fl-10 ta’ Diċembru 2004 (8), il-Kummissjoni nidiet reviżjoni ta’ l-iskadenza tal-miżuri kompensatorji definittivi. Din l-investigazzjoni ngħalqet permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 367/2006 (9) li żamm il-miżuri kompensatorji definittivi.

    2.   Talbiet għar-reviżjonijiet

    Talba għal reviżjoni fir-rigward tal-miżuri kompensatorji

    (6)

    Fl-2002, talba għal reviżjoni temporanja parzjali, limitata fil-firxa tagħha għall-forma tal-miżuri kompensatorji fir-rigward ta’ kumpanija waħda ġiet preżentata minn Polyplex, produttur Indjan li jesporta li mingħandu kienet diġà ġiet aċċettata garanzija permezz tad-Deċiżjoni 2001/645/KE f’konnessjoni mal-miżuri kontra d-dumping fis-seħħ. Polyplex ipprovdiet informazzjoni li garanzija ta’ l-istess natura kienet telimina l-effetti offensivi ta’ l-issussidjar u setgħet tkun sorveljata mill-qrib. Għaldaqstant, kien hemm raġuni biżżejjed biex issir reviżjoni tal-forma tal-miżura kompensatorja.

    Talba għal reviżjoni tal-forma tal-miżuri kontra d-dumping

    (7)

    F’Ottubru 2003, talba għal reviżjoni temporanja parzjali limitata għall-forma tal-miżuri kontra d-dumping ġiet preżentata mill-produtturi Komunitarji li ġejjin: Du Pont Teijin Films, Mitsubishi Polyester Film GmbH u Nuroll SpA (“l-applikanti”). L-applikanti jirrappreżentaw kwota maġġoritarja tal-produzzjoni Komunitarja tal-film tal-PET. Toray Plastics Europe indikat l-appoġġ tagħha għat-talba, għalkemm ma kenitx applikant formali.

    (8)

    L-applikanti allegaw li l-forma tal-miżuri (jiġifieri l-garanziji eżistenti kif aċċettati mid-Deċiżjoni 2001/645/KE) ma kenitx aktar effettiva biex telimina d-dumping offensiv. L-applikanti allegaw li, minn mindu kienu ġew aċċettati l-garanziji eżistenti, li huma bbażati fuq il-prezzijiet minimi għall-importazzjoni, il-firxa ta’ prodotti mibjugħa mill-esportaturi konċernati kienet żviluppat, partikolarment bl-inklużjoni ta’ film li teknikament huwa aktar sofistikat, u b’hekk il-prezzijiet minimi li taħthom jistgħu jiġu kategorizzati xi prodotti ma baqgħux aktar jirriflettu l-valur veru tagħhom, u għaldaqstant il-mekkaniżmu tal-miżuri ma kienx aktar adegwat in vista ta’ l-iżviluppi teknoloġiċi l-ġodda. Konsegwentement, l-garanziji ma baqgħux aktar meqjusa bħala adegwati biex jeliminaw l-effetti offensivi tad-dumping.

    3.   Investigazzjonijiet

    Reviżjoni fir-rigward tal-miżuri kompensatorji

    (9)

    Fit-28 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni ħabbret permezz ta’ avviż ta’ tnedija ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea  (10), il-bidu ta’ reviżjoni temporanja parzjali tal-miżuri kontra s-sussidji limitata fil-firxa tagħha għall-eżami ta’ l-aċċettabilità ta’ garanzija offruta mill-produttur esportatur Indjan Polyplex, skond l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku kontra s-sussidju.

    (10)

    Peress li reviżjoni temporanja parzjali tal-forma tal-miżuri kontra d-dumping (jiġifieri l-garanziji eżistenti) kienet tnediet f’Novembru 2003, kif imsemmi fil-premessi (12) u (13) hawn taħt, il-kwistjoni ta’ l-aċċettabilità ta’ l-offerta ta’ garanzija minn Polyplex inżammet miftuħa sabiex iż-żewġ reviżjonijiet jintemmu t-tnejn fl-istess ħin. Il-Kummissjoni infurmat lil Polyplex uffiċjalment bl-intenzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward. Ma sarux kummenti mill-applikant dwar dan.

    Reviżjoni tal-forma tal-miżuri kontra d-dumping

    (11)

    Fit-22 ta’ Novembru 2003, il-Kummissjoni ħabbret permezz ta’ avviż ta’ tnedija ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea  (11), il-bidu ta’ reviżjoni temporanja parzjali skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku kontra d-dumping.

    (12)

    Ir-reviżjoni kienet limitata fil-firxa tagħha għall-forma tal-miżuri applikabbli għall-ħames produtturi esportaturi Indjani li mingħandhom kienu ġew aċċettati l-garanziji. Il-perjodu ta’ l-investigazzjoni kien mill-1 ta’ Ottubru 2002 sat-30 ta’ Settembru 2003 (“l-IP kurrenti”).

    (13)

    Il-Kummissjoni infurmat uffiċjalment lill-produtturi esportaturi, lir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur u lill-produtturi Komunitarji dwar it-tnedija tar-reviżjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità biex jesprimu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jitolbu smigħ fit-terminu indikat fl-avviż ta’ tnedija.

    (14)

    Sabiex tikseb l-informazzjoni meqjusa neċessarja għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-produtturi esportaturi konċernati, li kollha kkoperaw billi rrispondew għall-kwestjonarju. Żjarat ta’ verika saru fil-bini ta’ dawn il-produtturi esportaturi fl-Indja li ġejjin:

    Ester Industries Limited, New Delhi

    Flex Industries Limited, New Delhi

    Garware Polyester Limited, Aurangabad

    MTZ Polyfilms Limited, Mumbai

    Polyplex Corporation Limited, New Delhi

    B.   PRODOTT KONĊERNAT

    (15)

    Il-prodott konċernat huwa, kif definit fl-investigazzjoni oriġinali, film tal-polyethylene terephthalate(“PET”) li l-oriġini tiegħu hija mill-Indja, normalment dikjarat taħt il-kodiċi CN ex 3920 62 19 u ex 3920 62 90.

    Ċ.   SEJBIET

    Reviżjoni tal-forma tal-miżuri kontra d-dumping

    (16)

    Il-film PET għandu karatteristiċi speċifiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi, li jinkludu l-ħxuna, il-kisi, it-trattament tal-wiċċ, u l-karatteristiċi mekkaniċi fost oħrajn, li jiddeterminaw tipi varji ta’ film PET permezz ta’ trattamenti differenti ta’ film tal-bażi matul jew wara l-proċess ta’ produzzjoni, inkluż it-trattament tal-korona, il-metallizzazzjoni jew il-kisi bil-kimika. Għaldaqstant jeżisti f’ħafna forom jew tipi differenti. Meta titqies l-eżistenza tan-numru kbir ra’ preżentazzjonijiet differenti tal-prodott (it-tipi tal- prodott), u biex tiġi faċilitata s-sorveljanza mill-qrib ta’ l-impriżi, il-prodotti kienu miġburin f’kategoriji differenti (gruppi) skond il-karatteristiċi tekniċi. Dawn il-gruppi servew bħala l-bażi sabiex jiġu ffissati l-prezzijiet minimi għall-importazzjoni “MIPs” stipulati fil-garanziji. Fl-investigazzjoni oriġinali, in-numru ta’ prezzijiet minimi għall-importazzjoni stabbilit fuq il-bażi ta’ dawk il-gruppi kien ivarja minn 10 għal 32 għal kull esportatur.

    (17)

    Fil-qafas tar-reviżjoni kurrenti, sar paragun, fl-ambitu tal-gruppi, bejn it-taħlita ta’ tipi tal-mudell u l-varjazzjonijiet fil-prezz bejn il-perjodu ta’ l-investigazzjoni użat fl-investigazzjoni oriġinali (“l-IP oriġinali”) u l-IP kurrenti.

    (18)

    Minn dan l-analiżi rriżulta li t-taħlita tat-tipi ta’ mudell mibjugħa taħt prodott partikolari nbidlet minn mindu ġew aċċettati l-garanziji. Għal diversi kumpaniji li kienu investigati dawn il-bidliet kienu sinifikanti ħafna, tant li fil-każ ta’ xi gruppi ħafna mill-preżentazzjonijiet tal-prodott esportati lejn il-Komunità matul l-IP ma baqgħux jikkorrispondu mal-prodotti esportati matul l-IP oriġinali. Eżempji ta’ bidliet tipiċi li ġew osservati fl-ambitu tal-grupp kienu t-tnaqqis tal-prodotti ta’ valur aktar baxx, iż-żieda ta’ prodotti ġodda ta’ valur apparentement ogħla, u kultant kombinazzjoni ta’ dawn it-tnejn.

    (19)

    Mill-analiżi rriżulta wkoll li għal ċerti gruppi tal-prodott il-varjanza tal-prezzijiet (il-firxa ta’ valuri tal-prodott) fl-ambitu tal-grupp inbidlet b’mod sinifikanti minn mindu ġew aċċettati l-garanziji. F’dan il-kuntest għandu jiġi osservat ukoll li saret bidla sinifikanti fil-mudell tal-bejgħ bejn id-diversi gruppi ta’ prodotti wara li kienu ġew aċċettati l-garanziji. B’mod partikolari jidher li kien hemm tendenza biex il-bejgħ ikun ikkonċentrat fuq dawk il-gruppi ta’ prezz minimu aktar baxx.

    (20)

    Billi l-prezzijiet minimi għall-importazzjoni u l-garanziji kien stabbiliti fuq il-bażi tat-taħlita ta’ tipi tal-prodott u l-valuri korrispondenti tagħhom fl-ambitu tal-gruppi tal-prodott matul l-IP oriġinali, jidher ċar li t-tibdil li nstab fir-rigward tat-taħlita attwali tal-prodotti u l-valuri fl-ambitu tal-gruppi ta’ dawk il-prodotti ġieb lil dawk il-prezzijiet minimi għall-importazzjoni speċifiċi, u għalhekk lill-garanziji, fi stat mhux adegwat biex jikkontrobattu l-effett offensiv tad-dumping.

    Talba għal miżuri ta’ kontrobilanċ

    (21)

    Fir-rigward tar-reviżjoni limitata fil-firxa tagħha għall-eżami ta’ l-aċċettabilità ta’ garanzija offruta minn Polyplex, mill-analiżi rriżulta wkoll li l-istruttura korporattiva ta’ dik il-kumpanija kienet twassal għal kumplikazzjonijiet fis-sorveljanza mill-qrib tal-garanzija, u għaldaqstant tirrendi garanzija mhux adegwata bħala forma ta’ miżura kompensatorja effettiva. Il-kumplessità tirriżulta mill-fatt li l-prodott konċernat huwa ukoll manifatturat minn kumpanija konnessa ma’ Polyplex f’pajjiż terz (it-Tajlandja) u dan joħloq riskju ta’ kumpens minn kumpanija għall-oħra ta’ prezzijiet f’każ li l-kumpanija fit-Tajlandja tesporta wkoll il-prodot konċernat lejn il-Komunità. Is-sorveljanza mill-qrib u għandaqstant l-infurzar ikunu diffiċli wisq biex jiggarantixxu tħaddim xieraq tal-garanzija.

    D.   KONKLUŻJONIJIET

    Reviżjoni tal-forma tal-miżuri kontra d-dumping

    (22)

    Il-garanziji kif inhuma bħalissa, bil-prezzijiet minimi għall-importazzjoni ibbażati fuq gruppi ta’ prodotti, jippermettu ħafna flessibilità għall-esportaturi biex ibiddlu l-karatteristiċi tekniċi tal-prodotti fl-ambitu tal-grupp. Il-prodott konċernat għandu bosta karatteristiċi li jevolvu u li huma l-oriġini ta’ differenzazzjoni wiesgħa tal-prodott innifsu; dan jiddetermina l-prezzijiet tal-bejgħ b’mod konsiderevoli. Konsegwentement, bidliet f’dawn il-karatteristiċi jkollhom impatt sinifikanti fuq il-prezzijiet. L-unika triq vijabbli biex il-gruppi jsiru aktar omoġenji f’dak li jirrigwarda il-karatteristiċi fiżiċi u l-prezzijiet tkun li jerġgħu jinqasmu l-gruppi. Imma dan ikun ifisser multiplikazzjoni ta’ gruppi li minħabba fiha s-sorveljanza ma tkunx tista’ ssir, partikolarment, fis-settur ta’ l-awtoritajiet doganali li jsir diffiċli għalihom jagħrfu d-differenzi bejn it-tipi ta’ prodotti u l-klassifikazzjoni tal-prodotti skond il-grupp meta dawn il-prodotti jiġu importati. Barra minn hekk, in-numru ta’ gruppi għal kull kumpanija jista’ jiżdied b’fattur ta’ bejn 5 u 11 meta mqabbel man-numru ta’ gruppi fil-garanziji kieku kellhom jiġu kkunsidrati aktar karatteristiċi tat-tipi differenti ta’ prodotti għal klassifikazzjoni aktar preċiża. Preżentement, it-tipi ta’ prodotti diġà huma kklassifikati f’aktar minn deversi mijiet ta’ gruppi dettaljati, u dan iwassal biex il-garanziji ma jkunux jistgħu jaħdmu. In-numru ta’ gruppi jista’ jiżdied jekk jiġu żviluppati aktar il-karatteristiċi tal-prodotti.

    (23)

    Għal ċerti kumpaniji soġġetti għal reviżjoni, it-tipi tal-mudell mibjugħa fl-ambitu ta’ grupp partikolari ma tbiddlux b’mod sinifikanti minn mindu saret l-aċċettazzjoni tal-garanzija. Iż-żieda probabbli fin-numru tal-gruppi tal-prodotti determinata mill-iżviluppi ġejjiena fir-rigward ta’ dawn il-grupp, kif imsemmi fil-premessa (22), tista’ madankollu tirriżulta fi kwalsiasi fażi suċċessiva u taffettwa lil kwalsiasi produttur esportatur.

    (24)

    Għaldaqstant jista’ jiġi konkluż li, sabiex tkun tista’ ssir sorveljanza effettiva tal-garanziji, il-kategoriji tal-prodotti għandhom ikunu konsiderevolment aktar omoġenji f’dak li jirrigwarda l-karatteristiċi fiżiċi u l-prezzijiet. Dawn il-karatteristiċi għandhom ikunu stabbli tul iż-żmien tal-garanzija. L-investigazzjoni kkonfermat li dan ma kienx il-każ fir-rigward tal-film PET.

    (25)

    Fid-dawl tal-fatti u l-konsiderazzjonijiet msemmija hawn fuq, il-garanziji jingħaddu bħala li mhumiex xierqa sabiex jiġġieldu kontra l-effett offensiv tad-dumping, peress li dawn jippreżentaw kemm diffikultajiet konsiderevoli fl-oqsma tas-sorveljanza u l-infurzar kif ukoll riskji inaċċettabbli. F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-garanziji aċċettati mill-ħames produtturi Indjani li huma soġġetti għar-reviżjoni tal-forma tal-miżuri kontra d-dumping għandhom jiġu rtirati.

    (26)

    Il-partijiet kollha konċernati ġew informati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li wasslu għad-deċiżjoni li jiġu rtirati l-garanziji eżistenti, u ngħataw il-possibilità li jagħmlu l-kummenti tagħhom.

    (27)

    Wara li ġew żvelati dawn il-fatti kien hemm xi partijiet li indikaw li ma jqisux li kien hemm diffikultajiet ta’ sorveljanza u infurzar relatati mal-garanziji u għalhekk ma kinux jeżistu riskji assoċjati mal-forma tal-miżuri. Barra minn hekk, ħafna mill-produtturi esportaturi indikaw li ma kinux kisru l-ftehimiet tal-garanziji tagħhom. Wieħed mill-esportaturi produtturi konċernat qal li filwaqt li l-Avviż ta’ Tnedija rrefera għall-importanza ta’ l-iżvilupp tat-tipi ġodda tal-prodotti, huwa ma kien introduċa l-ebda tipi ġodda ta’ prodotti fl-UE bejn iż-żmien ta’ l-offerta tal-garanzija eżistenti u l-IP kurrenti.

    (28)

    Fejn jidħlu l-aspetti tekniċi, in-numru kbir ħafna ta’ varjazzjonijiet ta’ dan il-prodott, flimkien mal-possibbiltajiet ta’ l-iżvilupp tal-prodott, kienu jirrendu dan il-prodott wieħed li ma kienx adegwat għall-garanziji għaliex l-iżviluppi tal-prodott kienu jeħtieġu aġġornar kontinwu tal-prezzijiet minimi għall-importazzjoni u dan ma kienx jista’ jsir (ara l-premessa 22). F’dan ir-rigward, għandu jkun imfakkar li l-Artikolu 8(3) tar-Regolament bażiku jindika li l-garanziji offruti jistgħu ma jiġux aċċettati jekk l-awtoritajiet ikun jidhrilhom li l-aċċettazzjoni tagħhom ma tkunx prattika, pereżempju, jekk in-numru ta’ esportaturi attwali jew potenzjali jkun kbir wisq, jew għal raġunijiet oħra. Fir-rigward ta’ l-insistenza ta’ l-esportaturi li ma kinux kisru l-ftehimiet tal-garanziji, mhemmx suġġeriment li kien sar xi ksur ta’ ftehim. Id-deċiżjoni li jiġu rtirati l-garanziji ttieħdet fuq il-bażi ta’ xhieda miġbura matul l-investigazzjoni li tibdil fit-taħlita tal-prodotti kien jirrendi l-garanzija waħda mhux adegwata u li s-sorveljanza tal-bejgħ ta’ dan il-prodott ma tixraqx għal ftehimiet ta’ garanziji (ara l-premessi 18 sa 20 u 22). Fl-aħħarnett, mill-investigazzjoni ħareġ li films differenti mit-taħlita ta’ prodotti li fuqha kienu ġew ibbażati l-prezzijiet minimi għall-importazzjoni issa kienu qegħdin jinbiegħu fil-wisa’ fil-Komunità skond il-ftehimiet tal-garanziji u li kien hemm il-potenzjal ta’ tkabbir fin-numru u l-varjetà tal-prodotti. Għalhekk, is-sitwazzjoni tas-suq li fuqha kienu ġew stabbiliti l-garanziji, fir-rigward tal-prodotti mibjugħa, m’għadhiex aktar rappreżentattiva tar-reviżjoni preżenti u għaldaqstant l-MIP’s tal-garanziji ma baqgħux jgħoddu.

    (29)

    F’dan il-kuntest, il-fatt li produttur esportatur wieħed ma kienx għadu introduċa tipi ġodda tal-prodott, ma jbiddilx il-fatt l-ieħor li l-garanziji għall-prodott konċernat kienu nstabu inadegwati u s-sorveljanza tagħhom ma setgħetx issir, kif imfisser fil-premessa 28 hawn fuq.

    (30)

    Barra minn hekk, uħud mill-esportaturi produtturi rreferew għall-Artikolu 15 tal-Ftehim dwar l-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) hawn aktar ‘il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim dwar l-Anti-dumping tad-WTO” u r-rekwiżit li dan jesiġi biex il-pajjiżi żviluppati jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u indikaw li l-produtturi esportaturi għandhom jingħataw l-opportunità biex joffru ftehimiet ġodda ta’ garaziji. Ġie suġġerit li l-irtirar tal-garanziji kien qed isir għal raġunijiet spekulattivi u infondati u dan kien qed jiżvaluta l-ispirtu ta’ l-Artikolu 15 tal-Ftehim dwar l-Anti-dumping tad-WTO u li dan l-irtirar tal-garanziji kien ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità.

    (31)

    L-Artikolu 15 tal-Ftehim dwar l-Anti-dumping tad-WTO jirreferi għall-ħtieġa biex jinstabu rimedji kostruttivi qabel ma jiġu applikati d-dmirijiet ta’ kontra d-dumping. Il-garanziji eżistenti kienu ġew aċċettati fl-ispirtu ta’ tfittxija ta’ rimedju kostruttiv għad-dumping offensiv. Imma għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 8.3 tal-Ftehim dwar l-Anti-dumping tad-WTO jistipula li l-garanziji offruti jistgħu ma jkunux aċċettati jekk l-awtoritajiet jidhrilhom li l-aċċettazzjoni tagħhom ma tkunx prattika, pereżempju, jekk in-numru ta’ esportaturi attwali jew potenzjali jkun kbir wisq, jew għal raġunijet oħra. Mhux talli l-irtirar tal-garanziji ma sarx għal raġunijiet spekulattiva, iżda mill-investigazzjoni ħareġ li l-prodotti li dwarhom il-produtturi Indjani kienu qablu biex jiffissaw il-prezzijiet tal-garanzija (i.e. l-MIPs) huma differenti fil-wisa’ mill-prodotti li preżentement qed jinbiegħu llil-Komunità. Għaldaqstant, l-irtirar tal-garanziji mhuwiex att sproporzjonat imma tweġiba kkunsidrata għall-iżviluppi fis-suq ikkawżati mill-produtturi esportaturi nfushom.

    Talba għal garanzija fir-rigward ta’ miżuri ta’ kontrobilanċ

    (32)

    Il-konklużjonijiet tar-reviżjoni tal-forma tal-miżuri kontra d-dumping li l-garanziji mhumiex adegwati sabiex jiġġieldu l-effett offensiv tad-dumping peress li jippreżentaw diffikultajiet konsiderevoli kemm għas-sorveljanza u għall-infurzar kif ukoll riskji inaċċettabli, huma ugwalment validi fir-rigward ta’ miżuri kompensatorji. Instab ukoll li l-istruttura korporattiva tal-Grupp Polyplex kienet twassal għal diffikultajiet fis-setturi tas-sorveljanza u l-infurzar fejn tidħol garanzija. Għal din ir-raġuni l-aċċettazzjoni tal-garanzija titqies bħala waħda mhux prattika fl-ambitu tat-tifsira ta’ l-Artikolu 8(3) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidju.

    (33)

    Fid-dawl ta’ dak ta hawn fuq, ġie konkluż li l-investigazzjoni tar-reviżjoni dwar il-forma tal-miżuri kontra s-sussidju, limitati għall-aċċettabilità tal-garanzija offruta minn Polyplex, għandha tintemm u l-garanzija konċernata m’għandhiex tkun aċċettata, peress li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku kontra s-sussidju dwar l-aċċettazzjoni ta’ garanzija mhumiex sodisfati.

    (34)

    Ir-raġunijiet għaliex l-garanzija offruta ma setgħetx jiġi aċċettat ġew rivelati lill-applikant konċernat.

    ADDOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   L-Artikolu 1(3) tar-Regolament (KE) Nru 1676/2001 kif fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jitħassar.

    2.   L-Artikolu 1(4) tar-Regolament (KE) Nru 1676/2001 kif fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jiġi rinumerat bħala Artikolu 1(3).

    3.   L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1676/2001 kif fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jitħassar.

    4.   L-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 1676/2001 kif fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu rinumerati bħala l-Artikoli 2 u 3.

    Artikolu 2

    Ir-reviżjoni temporanja parzjali tar-Regolament (KE) Nru 2597/1999 b’dan qiegħda tiġi konkluża biċ-ċaħda tal-garanzija.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara li jkun ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-27 ta’ Frar 2006.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    U. PLASSNIK


    (1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005. p. 17).

    (2)  ĠU L 288, 21.10.1997, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, 13.3.2004. p. 12).

    (3)  ĠU L 316, 10.12.1999, p. 1. Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1976/2004 (ĠU L 342, 18.11.2004. p. 8).

    (4)  ĠU L 227, 23.8.2001, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1975/2004 (ĠU L 342, 18.11.2004. p. 1).

    (5)  ĠU L 227, 23.8.2001, p. 56.

    (6)  ĠU C 1, 4.1.2005, p. 5.

    (7)  Ara paġna 6 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    (8)  ĠU C 306, 10.12.2004, p. 2.

    (9)  Ara paġna 15 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    (10)  ĠU C 154, 28.6.2002, p. 2.

    (11)  ĠU C 281, 22.11.2003, p. 4.


    Top