Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006L0076

    Direttiva tal-Kummissjoni 2006/76/KE tat- 22 ta' Settembru 2006 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward ta’ l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva chlorothalonil Test b’rilevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 263, 23.9.2006, p. 9–11 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 314M, 1.12.2007, p. 232–234 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/06/2011; Impliċitament imħassar minn 32009R1107

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/76/oj

    1.12.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    232


    DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2006/76/KE

    tat-22 ta' Settembru 2006

    li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward ta’ l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva chlorothalonil

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li jħarsu l-pjanti (1), u b’mod partikolari t-tieni inċiż tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 6(1) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Wara reviżjoni li fiha l-Olanda operat bħala Stat Membru Rapporteur, id-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/53/KE (2) żiedet is-sustanza attiva chlorothaloni ma’ l-Anness tad-Direttiva 91/414/KEE. Id-Direttiva 2005/53/KE tipprovdi għal-livelli massimi għal ċerti impuritajiet. Wara l-prassi normali tal-Kummissjoni, dawn il-livelli ġew ibbażati fuq speċifikazzjonijiet mfassla mill-Organizzazzjoni ta’ l-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) tan-Nazzjonijiet Uniti fir-rigward tal-purità u l-livelli ta’ impuritajiet li jinsabu f’sustanzi attivi, u b’mod partikolari fuq pubblikazzjoni ta’ Frar 2005. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet jistipulaw livell massimu għall-hexachlorobenzene ta’ 0,01 g/kg ta’ sustanza attiva. Madankollu, il-FAO ħarġet sett ulterjuri ta’ speċifikazzjonijiet għall-chlorothalonil  (3), li sar disponibbli f’Diċembru 2005, wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2005/53/KE. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet iffinalizzaw u rrevokaw formalment l-ispeċifikazzjonijiet ta’ Frar 2005 li ttieħdu f’konsiderazzjoni meta din id-Direttiva ġiet adottata. L-ispeċifikazzjonijiet il-ġodda jistipulaw livell massimu għall-hexachlorobenzene ta’ 0,04 g/kg ta’ sustanza attiva.

    (2)

    Għalkemm il-Komunità hija intitolata li tistipula l-livell tagħha ta’ ħarsien pubbliku, ħarsien ta’ l-annimali u ta’ l-ambjent, ġie eżaminat jekk il-livelli ta’ prijorità stipulati mid-Direttiva 2005/53/KE jistgħux jiġu aġġustati biex jirriflettu l-ispeċifikazzjonijiet ġodda tal-FAO.

    (3)

    Wara li wettqet valutazzjoni tossikoloġika u ekotossikoloġika ad hoc, l-Olanda wasslet għall-konklużjoni li tali modifikazzjoni ma toħloqx riskji oħra ma’ dawk li diġà tqiesu meta l-chlotothalonil żdied ma’ l-Anness I għad-Direttiva 91/414/KEE. Din il-konklużjoni ġiet ikkomunikata lill-Istati Membri l-oħra, li qablu. Fid-dawl ta’ din il-konklużjoni, u taċ-ċirkostanzi speċjali ta’ dan il-każ, il-Kummissjoni tikkonsidra li huwa ġġustifikat li l-ispeċifikazzjoni għall-chlorothalonil tiġi mmodifikata.

    (4)

    Ladarba d-Direttiva 2005/53/KE teħtieġ li mill-1 ta’ Settembru 2006 l-Istati Membri japplikaw l-Artikolu 2 tagħha, l-ispeċifikazzjoni emendata għall-chlorothalonil għandha tapplika wkoll minn din id-data, mingħajr ħsara għall-iskadenzi l-oħra stipulati mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2005/53/KE. Ġħaldaqstant, din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ kemm jista’ jkun malajr.

    (5)

    Huwa għalhekk xieraq li tkun emendata d-Direttiva 91/414/KE.

    (6)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    L-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

    Artikolu 2

    L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Awissu ta’ l-2006, il-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jiġu f’konformità ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni it-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u t-tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

    Huma għandhom japplikaw tali dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Settembru 2006.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom ikun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha issir tali referenza.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, 22 ta' Settembru 2006.

    Għall-Kummissjoni

    Markos KYPRIANOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar emendata bid-Direttiva 2006/75/EC (ĠU L 248, 12.9.2006, p. 3).

    (2)  ĠU L 241, 17.9.2005, p. 51.

    (3)  Speċifikazzjonijiet u evalwazzjonijiet għall-Pestiċidi Agrikoli tal-FAO — Chlorothalonil (Tetrachloroisophtalonitrile) (Diċembru 2005).


    ANNESS

    Fl-Anness I għad-Direttiva 91/414/KEE, ir-ringiela 102 hija mibdula b’dan li ġej:

    Nru

    Isem Komuni, Numri ta’ identifikazzjoni

    Isem IUPAC

    Purità (1)

    Id-dħul fis-seħħ

    Skadenza ta’ l-inklużjoni

    Dispożizzjonijiet speċifiċi

    “102

    Chlorothalonil

    Nru CAS 1897-45-6

    Nru CIPAC 288

    Tetrachloroisophthalonitrile

    985 g/kg

    Hexachlorobenzene: Mhux iktar minn 0.04g/kg

    Decachlorobiphenyl: Mhux iktar minn 0.03g/kg

    1 ta’ Marzu 2006

    it-28 ta’ Frar 2016

    PARTI A

    L-użi bħala funġiċida biss jistgħu jkunu awtorizzati.

    PARTI B

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi ta’ l-Anness VI, il-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar il-chlorothalonil, u b’mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti tal-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimal nhar il-15 ta’ Frar 2005 iridu jitqiesu.

    F’din il-valutazzjoni ġenerali l-Istati Membri jridu jagħtu attenzjoni partikolari għall-ħarsien ta’:

    l-organiżmi akkwatiċi.

    l-ilma ta’ taħt l-art, b’mod partikolari fir-rigward tas-sustanza attiva u l-metaboliti tagħha R417888 u R611965 (SDS46851), meta s-sustanza attiva tiġi applikata f’reġjuni b’kundizzjonjiet vulnerabbli tal-ħamrija u/jew il-klima.

    Il-kondizzjonijiet għall-użu għandhom jinkludu miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju, fejn xieraq.”


    (1)  Aktar dettalji dwar identità u speċifikazzjoni tas-sustanza attiva huma pprovduti fir-rapport tar-reviżjoni.


    Top