This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32006E0439
Council Joint Action 2006/439/CFSP of 27 June 2006 regarding a further contribution of the European Union to the conflict settlement process in Georgia/South Ossetia
Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2006/439/PESK tas- 27 ta' Ġunju 2006 dwar kontribut ulterjuri ta' l-Unjoni Ewropea għall-proċess tar-riżoluzzjoni tal-konflitt fil-Ġeorġja/l-Ossetja tan-Nofsinhar
Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2006/439/PESK tas- 27 ta' Ġunju 2006 dwar kontribut ulterjuri ta' l-Unjoni Ewropea għall-proċess tar-riżoluzzjoni tal-konflitt fil-Ġeorġja/l-Ossetja tan-Nofsinhar
ĠU L 174, 28.6.2006, p. 9–10
(ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(BG, RO)
ĠU L 294M, 25.10.2006, p. 274–275
(MT)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2007
25.10.2006 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
274 |
AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2006/439/PESK
tas-27 ta' Ġunju 2006
dwar kontribut ulterjuri ta' l-Unjoni Ewropea għall-proċess tar-riżoluzzjoni tal-konflitt fil-Ġeorġja/l-Ossetja tan-Nofsinhar
IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,
Billi:
(1) |
Fit-18 ta' Lulju 2005, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2005/561/PESK (1) dwar kontribut ulterjuri ta' l-Unjoni Ewropea għall-proċess tar-riżoluzzjoni tal-konflitt fil-Ġeorġja/l-Ossetja tan-Nofsinhar, li tiskadi fit-30 ta' Ġunju 2006. |
(2) |
Il-kontribut ta' l-UE f'dik l-Azzjoni Konġunta għall-Missjoni ta' l-OSKE (Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa) għall-Ġeorġja kien effettiv billi żgura l-funzjonament tas-Segretarjati permanenti għall-partijiet tal-Ġeorġja u ta' l-Ossetja tan-Nofsinhar, taħt il-patroċinju ta' l-OSKE, u billi ffaċilita laqgħat fi ħdan il-qafas tal-Kummissjoni Konġunta ta' Kontroll (KKK) li hija l-forum prinċipali tal-proċess ta' riżoluzzjoni tal-konflitt. |
(3) |
L-OSKE u l-ko-Presidenti tal-KKK appellaw għal għajnuna ta' segwitu mill-UE, u l-UE qablet li toffri għajnuna finanzjarja ulterjuri għall-proċess ta' riżoluzzjoni tal-konflitt. |
(4) |
L-UE tqis li l-għajnuna tagħha saħħet l-effikaċja tar-rwol tagħha, kif ukoll dik ta' l-OSKE, fir-riżoluzzjoni tal-konflitt u li din għandha tkompli. |
(5) |
L-UE tfakkar l-appoġġ tagħha għall-inizjattivi meħudin għar-riżoluzzjoni paċifika tal-konflitt u tistenna li l-KKK ikollu rwol pożittiv f'dan ir-rigward. |
(6) |
L-UE tinnota li l-KKK għandu rwol fl-attivitajiet relatati ma' l-Istudju ta' Stima tal-Ħtiġijiet immexxi mill-OSKE fiż-żona tal-konflitt Ġeorġjo-Ossetjan u f'żoni li jmissu magħha. |
(7) |
Għandha tkun żgurata l-viżibbiltà adegwata tal-kontribut ta' l-UE għall-proġett. |
(8) |
Fl-20 ta' Frar 2006, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/121/PESK (2) li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea għall-Kawkasu tan-Nofsinhar. Skond din l-Azzjoni Konġunta, il-mandat tar-RSUE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar għandu jkun, inter alia, li jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta' konflitti, jgħin fir-riżoluzzjoni tal-konflitti u jintensifika d-djalogu ta' l-Unjoni Ewropea ma' l-atturi prinċipali interessati dwar ir-reġjun, |
ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:
Artikolu 1
1. L-Unjoni Ewropea għandha tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-proċess ta' riżoluzzjoni tal-konflitt fl-Ossetja tan-Nofsinhar.
2. Għal dan il-għan, l-Unjoni Ewropea għandha tipprovdi kontribut lill-OSKE għall-finanzjament ta' laqgħat tal-KKK u mekkaniżmi oħrajn fi ħdan il-qafas tal-KKK, sabiex tipprovdi għall-organizzazzjoni ta' konferenzi taħt il-patroċinju tal-KKK kif ukoll sabiex tipprovdi għal ċerti spejjeż tal-ġestjoni taż-żewġ Segretarjati għal sena.
Artikolu 2
Il-Presidenza, megħjuna mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill/Rappreżentant Għoli għall-PESK, għandha tkun responsabbli għall-implementazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta, bil-ħsieb tat-twettiq ta' l-objettivi tagħha kif stabbiliti fl-Artikolu 1.
Artikolu 3
1. Il-ħlas ta' għajnuna finanzjarja provduta taħt din l-Azzjoni Konġunta għandu jsir bil-kondizzjoni li jinżammu laqgħat regolari tal-KKK u tal-mekkaniżmi l-oħrajn fil-qafas tal-KKK fi żmien tnax-il xahar mid-data tal-bidu tal-ftehim finanzjarju li għandu jiġi konkluż bejn il-Kummissjoni u l-Missjoni ta' l-OSKE fil-Ġeorġja. Kemm in-naħa tal-Ġeorġja kif ukoll dak ta' l-Ossetja tan-Nofsinhar għandhom jagħmlu sforzi dimostrabbli sabiex jinkiseb progress politiku veru li jwassal għal riżoluzzjoni dejjiema u paċifika tad-differenzi ta' bejniethom.
2. Il-Kummissjoni għandha tkun fdata bil-kompitu tal-kontroll u l-valutazzjoni ta' l-implementazzjoni tal-kontribut finanzjarju ta' l-UE, b'mod partikolari fir-rigward tal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1. Għal dak l-iskop, il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim finanzjarju mal-Missjoni ta' l-OSKE għall-Ġeorġja dwar l-użu tal-kontribut ta' l-UE, li għandu jieħu l-forma ta' għotja. Il-Kummissjoni għandha tiżgura wkoll l-użu korrett ta' l-għotja għall-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(2).
3. Il-Missjoni ta' l-OSKE għall-Ġeorġja għandha tkun responsabbli għar-rimborż ta' l-ispejjeż tal-missjoni, għall-organizzazzjoni ta' konferenzi taħt il-patroċinju tal-KKK, u għax-xiri u l-konsenja korretti tat-tagħmir. Il-ftehim finanzjarju sejjer jistipula li l-Missjoni ta' l-OSKE għall-Ġeorġja għandha tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribut ta' l-UE lill-proġett u għandha tipprovdi lill-Kummissjoni b'rapporti regolari ta' l-implementazzjoni tiegħhu.
4. Il-Kummissjoni, b'koperazzjoni mill-qrib mar-RSUE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar, għandha tikkopera mill-qrib mal-Missjoni ta' l-OSKE għall-Ġeorġja sabiex tissorvelja u tivvaluta l-impatt tal-kontribut ta' l-UE.
5. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta bil-miktub dwar l-implementazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta lill-Kunsill, taħt ir-responsabbiltà tal-Presidenza, megħjuna mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill/Rappreżentant Għoli għall-PESK. Dan ir-rapport sejjer ikun ibbażat b'mod partikolari fuq rapporti regolari li għandhom jiġu provduti mill-Missjoni ta' l-OSKE għall-Ġeorġja, kif stipulat fil-paragrafu 3.
Artikolu 4
1. L-ammont finanzjarju ta' referenza għall-kontribut ta' l-UE msemmi fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta' EUR 140 000.
2. L-amministrazzjoni tan-nefqa ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun suġġetta għall-proċeduri u r-regoli tal-Komunità Ewropea applikabbli għall-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament ma għandux jibqa' l-proprjetà tal-Komunità Ewropea.
3. In-nefqa għandha tkun eleġibbli mill-1 ta' Lulju 2006.
Artikolu 5
1. Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha.
Għandha tapplika mill-1 ta' Lulju 2006 sat-30 ta' Ġunju 2007.
2. Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi riveduta għaxar xhur wara li tidħol fis-seħħ. Għal dak il-għan, ir-RSUE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar, f'assoċjazzjoni mal-Kummissjoni, għandu jistma l-ħtieġa għal appoġġ ulterjuri għall-proċess ta' riżoluzzjoni fil-Ġeorġja/l-Ossetja tan-Nofsinhar u jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, skond il-każ.
Artikolu 6
Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Magħmul fil Lussemburgu, nhar is-27 ta' Ġunju 2006.
Għall-Kunsill
Il-President
J. PRÖLL
(1) ĠU L 189, 21.7.2005, p. 69.
(2) ĠU L 49, 21.2.2006, p. 14.