Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006E0300

    Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2006/300/PESK tal- 21 ta' April 2006 li temenda u testendi l-Azzjoni Konġunta 2004/847/PESK dwar il-Missjoni tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea f'Kinshasa (DRC) fir-rigward ta' l-Unità tal-Pulizija Integrata (EUPOL Kinshasa )

    ĠU L 111, 25.4.2006, p. 12–14 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 270M, 29.9.2006, p. 410–412 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2006

    ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2006/300/oj

    29.9.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    410


    AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2006/300/PESK

    tal-21 ta' April 2006

    li temenda u testendi l-Azzjoni Konġunta 2004/847/PESK dwar il-Missjoni tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea f'Kinshasa (DRC) fir-rigward ta' l-Unità tal-Pulizija Integrata (EUPOL “Kinshasa”)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 14 u t-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 25 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fid-9 ta' Diċembru 2004, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2004/847/PESK dwar il-Missjoni tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea f'Kinshasa (DRC) dwar l-Unità tal-Pulizija Integrata (EUPOL “Kinshasa”) (1).

    (2)

    Fis-7 ta' Novembru 2005, il-Kunsill qabel li jestendi l-EUPOL “Kinshasa” għal 12-il xahar oħra wara l-iskadenza tal-mandat tagħha.

    (3)

    Bl-Azzjoni Konġunta 2005/822/PESK, il-Kunsill emenda u estenda l-mandat ta' l-EUPOL “Kinshasa” għall-ewwel fażi sat-30 ta' April 2006. Din l-Azzjoni Konġunta tkopri t-tieni fażi ta' l-estensjoni sal-31 ta' Diċembru 2006.

    (4)

    Fit-12 ta' Awwissu 2005, il-Kunsill approva permezz tad-Deċiżjoni 2005/680/PESK (2) il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika tal-Kongo dwar l-istatus u l-attivitajiet tal-Missjoni tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUPOL “Kinshasa”) f'isem l-Unjoni.

    (5)

    Fit-23 ta' Marzu 2006, il-Kunsill iddeċieda li għandhom jitkomplew il-preparazzjoni u l-ippjanar għar-rafforzament temporanju ta' l-EUPOL “Kinshasa” matul il-proċess elettorali sabiex din tappoġġa l-unitajiet Kongoliżi fil-kontroll tal-folol f'Kinshasa. Il-mandat tagħha għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

    ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

    Artikolu 1

    L-Azzjoni Konġunta 2004/847/PESK hija b'dan emendata kif ġej:

    1)

    il-paragrafu li ġej għandu jiġi miżjud ma' l-Artikolu 1:

    “3.   L-EUPOL ‘Kinshasa’ għandha tiġi temporanjament rafforzata matul il-proċess elettorali fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3. Dan ir-rafforzament għandu jibda mhux aktar tard minn xahar qabel id-data ta' l-ewwel ċiklu ta' l-elezzjonijiet fid-DRC u għandu jintemm wara perjodu massimu ta' ħames xhur.”

    ;

    2)

    l-Artikoli 2 sa 4 għandhom jiġu sostitwiti b'dan li ġej:

    “Artikolu 2

    Fażi ta' ppjanar

    Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jiżviluppa l-istrumenti tekniċi kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta' l-EUPOL ‘Kinshasa’. Il-Kap tal-Missjoni għandu jelabora Pjan ta' Operazzjoni (OPLAN) li għandu jieħu kont ta' stima komprensiva tar-riskji. Il-Kunsill għandu japprova l-Kunċett ta' l-Operazzjonijiet (Concept of Operations, CONOPS) u l-OPLAN.

    L-Annessi relevanti għall-CONOPS u għall-OPLAN li japplikaw għar-rafforzament temporanju ta' l-EUPOL ‘Kinshasa’ għandhom japplikaw sa l-aħħar tal-perjodu tar-rafforzament temporanju.

    Artikolu 3

    Dikjarazzjoni tal-Missjoni

    L-Unjoni Ewropea għandha twettaq missjoni tal-pulizija f'Kinshasa (DRC) sabiex tissorvelja, tiggwida u tipprovdi konsulenza għat-twaqqif u t-tmexxija inizjali ta' l-IPU (Integrated Police Unit) sabiex jiġi żgurat li l-IPU taġixxi wara li tkun ingħatat taħriġ fiċ-Ċentru ta' l-Akkademja u skond l-aħjar prattika internazzjonali f'dan il-qasam. Dawn l-azzjonijiet għandhom ikunu ffokati fuq il-linja ta' kmand ta' l-IPU għat-tisħiħ tal-kapaċità tat-tmexxija ta' l-IPU u għas-sorveljanza, l-iggwidar u l-għoti ta' konsulenza lill-Unitajiet operattivi fl-eżekuzzjoni tal-kompiti tagħha.

    L-EUPOL ‘Kinshasa’ għandha tkompli tissorvelja, tiggwida u tipprovdi konsulenza dwar it-twaqqif u l-iżvilupp ta' l-IPU, anke konsulenza aktar estensiva lil-linja ta' kmand ta' l-IPU rigward l-eżekuzzjoni ta' missjonijiet u konsulenza ulterjuri dwar kwistjonijiet oħrajn li jkunu komplementari għat-tmexxija effettiva tal-pulizija fid-DRC, u għandha ssaħħaħ il-kollegament ma' l-EUSEC RD CONGO fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà.

    Għall-finijiet tar-rafforzament temporanju ta' l-EUPOL ‘Kinshasa’ matul il-proċess elettorali, l-EUPOL ‘Kinshasa’ għandha tistabbilixxi, bħala parti integrali ta' l-EUPOL ‘Kinshasa’ u fil-qafas globali tas-sigurtà għall-elezzjonijiet, element ta' appoġġ għall-koordinament tal-pulizija sabiex tiżgura rispons imsaħħaħ u koordinat ta' l-unitajiet Kongoliżi ta' kontroll tal-folol f'Kinshasa, f'każ ta' rvellijiet matul il-perjodu elettorali. Il-qasam ta' responsabbiltà għandu jkun limitat għal Kinshasa. L-element ta' appoġġ għall-koordinazzjoni tal-pulizija, bħala parti mill-EUPOL ‘Kinshasa’, ma għandux ikollu setgħat eżekuttivi.

    Għall-finijiet tar-rafforzament temporanju ta' l-EUPOL ‘Kinshasa’ matul il-proċess elettorali, l-EUPOL ‘Kinshasa’ għandha jkollha l-awtorità li tuża kontribuzzjonijiet finanzjarji bilaterali dedikati sabiex jinkiseb tagħmir addizzjonali għall-unitajiet ta' kontroll tal-folol tal-Kongo f'Kinshasa. Għandu jkun hemm ftehim dirett, bejn il-Kap tal-Missjoni u l-kontributuri bilaterali, dwar l-arranġamenti finanzjarji speċifiċi.

    Artikolu 4

    L-Istruttura tal-Missjoni

    Il-Missjoni tkun magħmula minn Kwartieri Ġenerali (HQ) u sorveljanti tal-pulizija. Il-HQ ikunu magħmula mill-uffiċċju tal-Kap tal-Missjoni u fergħa ta' appoġġ amministrattiv. Is- sorveljanti, il-mentors u l-konsulenti kollha, kif ukoll l-istrutturi, ikunu ko-allokati fil-bażi operattiva ta' l-IPU.

    Għall-finijiet tar-rafforzament temporanju ta' l-EUPOL ‘Kinshasa’ matul il-proċess elettorali, l-EUPOL ‘Kinshasa’ sejra tinkludi element ta' koordinament dedikat li jkun responsabbli mill-kompiti speċifiċi assenjati lill-missjoni matul dan il-perjodu.”

    ;

    3)

    l-Artikolu 8(1) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “1.   Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-PSC għandu jeżerċita l-kontroll politiku u jipprovdi d-direzzjoni strateġika tal-missjoni. Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-PSC sabiex jieħu d-deċiżjonijiet relevanti skond l-Artikolu 25 tat-Trattat. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat ta' emendament tal-CONOPS, ta' l-OPLAN u tal-Linja ta' Kmand. Is-setgħat deċiżjonali fir-rigward ta' l-objettivi u t-terminazzjoni ta' l-operazzjoni għandhom jibqgħu tal-Kunsill, assistit mis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli.”

    ;

    4)

    l-Artikolu 9 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 2 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “2.   Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-PSC sabiex jieħu d-deċiżjonijiet relevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontributi proposti u sabiex jistabbilixxi Kumitat ta' Kontributuri.”

    ;

    (b)

    il-paragrafu 4 għandu jiġi mħassar;

    5)

    fl-Artikolu 14, it-tieni subparagrafu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

    “Din għandha tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2006.”

    .

    Artikolu 2

    L-ammont finanzjarju ta' referenza maħsub sabiex ikopri l-infiq relatat mal-missjoni għall-perjodu mill-1 ta' Mejju 2006 sal-31 ta' Diċembru 2006 għandu jkun ammont massimu ta' EUR 3 500 000.

    Artikolu 3

    Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha.

    Artikolu 4

    Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, nhar il-21 ta' April 2006.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    U. PLASSNIK


    (1)  ĠU L 367, 14.12.2004, p. 30. Azzjoni Konġunta kif emendata bl-Azzjoni Konġunta 2005/822/PESK (ĠU L 305, 24.11.2005, p. 44).

    (2)  ĠU L 256, 1.10.2005, p. 57.


    Top