EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005E0588

Azzjoni konġunta tal-Kunsill 2005/588/PESK tat- 28 ta' Lulju 2005 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea għall-Asja Ċentrali

ĠU L 199, 29.7.2005, p. 100–102 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 359–361 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 28/02/2007

ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2005/588/oj

16.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

359


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2005/588/PESK

ta’ 28 ta' Lulju 2005

li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea għall-Asja Ċentrali

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 14, 18(5) u 23(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea tixtieq li jkollha rwol politiku aktar attiv fl-Asja Ċentrali.

(2)

Hemm bżonn li tiġi żgurata l-kordinazzjoni u l-konsistenza ta’ l-azzjonijiet esterni ta’ l-Unjoni fl-Asja Ċentrali.

(3)

Fit-13 ta' Ġunju 2005 l-Kunsill qabel li jaħtar Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea (EUSR) għall-Asja Ċentrali (il-Kazakastan, ir-Repubblika tal-Kirgiztan, it-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Uzbekistan),

(4)

L-EUSR ser jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ tkun ta' ħsara għall-għanijiet tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni kif stabbiliti fl-Artikolu 11 tat-Trattat.

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

Is-Sur JÁN KUBIŠ huwa b' dan maħtur EUSR għall-Asja Ċentrali.

Artikolu 2

Il-mandat ta’ l-EUSR ikun ibbażat fuq l-għanijiet tal-politika ta’ l-UE fl-Asja Ċentrali. Dawn l-għanijiet jinkludu:

(a)

il-promozzjoni ta' relazzjonijiet tajba u mill-qrib bejn il-pajjiżi ta' l-Asja Ċentrali u l-Unjoni abbażi ta’ valuri u interessi komuni kif stabbiliti fi ftehim rilevanti;

(b)

il-kontribut għat-tisħiħ ta' l-istabbiltà u l-koperazzjoni bejn il-pajjiżi fir-reġjun;

(ċ)

il-kontribut għat-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali fl-Asja Ċentrali;

(d)

l-indirizzar ta' riskji ewlenin, speċjalment problemi speċifiċi b'implikazzjonijiet diretti għall-Ewropa;

(e)

it-titjib ta' l-effettività u l-viżibbiltà ta' l-Unjoni fir-reġjun, inkluż permezz ta' koordinazzjoni iżjed mill-qrib ma' sħab oħra rilevanti u organizzazzjonijiet internazzjonali, bħal l-OSCE.

Artikolu 3

1.   Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika, il-mandat ta’ l-EUSR għandu jkun li:

(a)

jsegwi mill-qrib l-iżviluppi politiċi fl-Asja Ċentrali billi jiżviluppa u jżomm kuntatti mill-qrib mal-gvernijiet, il-parlamenti, il-ġudikatura, is-soċjetà ċivili u l-mezzi tax-xandir;

(b)

jinkoraġġixxi lill-Kazakastan, ir-Repubblika tal-Kirgiztan, it-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Uzbekistan biex jikkoperaw fuq kwistjonijiet reġjonali ta' interess komuni;

(ċ)

jiżviluppa kuntatti xierqa u kooperazzjoni ma' l-atturi interessati ewlenin fir-reġjun, inkluż l-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali kollha rilevanti;

(d)

jikkontribwixxi, f'koperazzjoni mill-qrib ma' l-OSCE, għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta' konflitti billi jiżviluppa kuntatti ma' l-awtoritajiet u atturi lokali oħra (NGOs, partiti politiċi, minoritajiet, gruppi reliġjużi u l-mexxejja tagħhom);

(e)

jippromwovi l-kordinazzjoni politika ġenerali ta' l-Unjoni fl-Asja Ċentrali u jiżgura konsistenza ta' l-azzjonijiet esterni ta' l-UE fir-reġjun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza Komunitarja;

(f)

jassisti lill-Kunsill fl-iżvilupp ulterjuri ta' politika komprensiva dwar l-Asja Ċentrali.

2.   L-EUSR għandu jappoġġa l-ħidma tar-Rappreżentant Għoli fir-reġjun u jaħdem f’koperazzjoni mill-qrib mal-Presidenza, il-Kapijiet tal-Missjonijiet ta’ l-Unjoni, l-EUSR għall-Afganistan u l-Kummissjoni. L-EUSR għandu josserva b'mod ġenerali l-attivitajiet kollha ta' l-Unjoni fir-reġjun.

Artikolu 4

1.   L-EUSR għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità u d-direzzjoni operattiva tar-Rappreżentant Għoli. L-EUSR għandu jagħti rendikont ta’ kull infiq lill-Kummissjoni.

2.   Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (PSC) għandu jżomm kuntatt privileġġat ma’ l-EUSR u għandu jkun il-punt primarju ta’ kuntatt mal-Kunsill. Il-PSC għandu jipprovdi gwida strateġika u kontribut politiku lill-EUSR fil-qafas tal-mandat.

Artikolu 5

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarju maħsub biex ikopri l-infiq relatat mal-mandat ta’ l-EUSR għandu jkun ta’ EUR 470 000.

2.   L-infiq finanzjat bl-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jiġi amministrat skond il-proċeduri u r-regoli tal-Komunità Ewropea applikabbli għall-budget bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament m’għandux jibqa’ proprjetà tal-Komunità.

3.   L-amministrazzjoni ta' l-infiq għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn l-EUSR u l-Kummissjoni. L-infiq għandu jkun eleġibbli mid-data ta' l-adozzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta.

4.   Il-Presidenza, il-Kummissjoni, u/jew l-Istati Membri, skond il-każ, jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 6

1.   Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, l-EUSR għandu jkun responsabbli mill-formazzjoni tal-grupp tiegħu f'konsultazzjoni mal-Presidenza, assistit mis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli, u f'assoċjazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni. L-EUSR għandu jinforma lill-Presidenza u lill-Kummissjoni bil-kompożizzjoni finali tal-grupp tiegħu.

2.   L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea jistgħu jipproponu s-sekondar ta' persunal sabiex jaħdem ma’ l-EUSR. Ir-renumerazzjoni tal-persunal li jista’ jiġi sekondat minn Stat Membru jew minn istituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea għall-EUSR għandu jiġi kopert mill-Istat Membru jew l-istituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea konċernati rispettivament.

3.   Il-karigi kollha tat-tip A li ma jimtlewx permezz ta' sekondament għandhom jiġu reklamati kif xieraq mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u anke notifikati lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet sabiex jiġu impjegati l-applikanti l-aktar kwalifikati.

4.   Il-privileġġi, l-immunitajiet u l-garanziji ulterjuri meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla xkiel tal-missjoni ta’ l-EUSR u l-membri tal-persunal tiegħu għandhom jiġu definiti mal-partijiet. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan l-iskop.

Artikolu 7

Bħala regola, l-EUSR għandu jirrapporta personalment lir-Rappreżentant Għoli u lill-PSC u jista' jirrapporta wkoll lill-Grupp ta' Ħidma rilevanti. Rapporti regolari bil-miktub għandhom jiġu ċirkolati lir-Rappreżentant Għoli, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Wara rakkomandazzjoni tar-Rappreżentant Għoli u tal-PSC, l-EUSR jista’ jirrapporta lill-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni

Artikolu 8

Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fl-azzjoni esterna ta' l-Unjoni Ewropea, l-attivitajiet ta’ l-EUSR għandhom ikunu koordinati ma’ dawk tar-Rappreżentant Għoli, tal-Presidenza u tal-Kummissjoni. L-EUSRs jipprovdu aġġornamenti regolari lill-missjonijiet ta' l-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni. F'dan il-qasam, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Presidenza, il-Kummissjoni u l-Kapijiet tal-Missjoni li għandhom jagħmlu mill-aħjar biex jgħinu lill-EUSR fl-implimentazzjoni tal-mandat. L-EUSR għandu wkoll jikkoopera ma’ atturi internazzjonali u regjonali oħra fil-qasam.

Artikolu 9

L-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħra mill-Unjoni Ewropea lir-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. L-EUSR għandu jippreżenta rapport komprensiv bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tal-mandat lir-Rappreżentant Għoli, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni xahrejn qabel ma jiskadi l-mandat, li għandu jservi ta' bażi għall-valutazzjoni ta’ l-Azzjoni Konġunta fil-Gruppi ta’ Ħidma rilevanti u mill-PSC. Fil-kuntest tal-prijoritajiet ġenerali għall-insedjament, ir-Rappreżentant Għoli għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-PSC fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tiġdid, l-emendar jew it-tmiem tal-mandat.

Artikolu 10

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta' l-adozzjoni tagħha.

Għandha tapplika sat-28 ta’ Frar 2006.

Artikolu 11

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 28 ta' Lulju 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

J. STRAW


Top