Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005D0952

    Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l- 20 ta' Diċembru 2005 li temenda d-Deċiżjoni 2001/264/KE li tadotta r-Regolamenti ta' Sigurtà tal-Kunsill

    ĠU L 346, 29.12.2005, p. 18–23 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 175M, 29.6.2006, p. 316–321 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/952/oj

    29.6.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    316


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    ta' l-20 ta' Diċembru 2005

    li temenda d-Deċiżjoni 2001/264/KE li tadotta r-Regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill

    (2005/952/KE)

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 207(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/338/KE, Euratom tat-22 ta’ Marzu 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 24 tagħha,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 2 (1) tad-Deċiżjoni 2001/264/KE (2) jgħid li s-Segretarju-Ġenerali/Rappreżentant Għoli għandu jieħu miżuri xierqa biex jiżgura li, meta tkun qed tiġi wżata informazzjoni klassifikata ta' l-UE, ir-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill ikunu rispettati fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (GSC), u, inter alia, mill-kuntratturi esterni tal-GSC.

    (2)

    L-Artikolu 2 (2) tad-Deċiżjoni 2001/264/KE jgħid li l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa, skond l-arranġamenti nazzjonali, biex jiżguraw li, meta tiġi wżata informazzjoni klassifikata ta' l-UE, ir-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill jiġu rispettati fis-servizzi u fil-postijiet tagħhom, inter alia, mill-kuntratturi esterni ta' l-Istati Membri.

    (3)

    Id-Deċiżjoni 2001/264/KE attwalment ma tinkludix elementi dwar kif il-prinċipji bażiċi u l-istandards minimi tagħha għandhom japplikaw f'każ li l-GSC jagħti b'kuntratt xogħlijiet li jinvolvu, jinkludu u/jew li fihom informazjoni klassifikata ta' l-UE lil entitajiet esterni.

    (4)

    Għalhekk jeħtieġ li jiddaħlu standards speċifiċi komuni f'dak ir-rigward fid-Deċiżjoni 2001/264/KE.

    (5)

    Dawn l-istandards minimi komuni għandhom jikkonformaw magħhom ukoll l-Istati Membri, għal miżuri li jridu jittieħdu, skond arranġamenti nazzjonali, fejn huma jagħtu b'kuntratti xogħlijiet li jinvolvu, jinkludu u/jew fihom informazzjoni klassifikata ta' l-UE lil entitajiet esterni msemmija fl-Artikolu 2 (2) tad-Deċiżjoni 2001/264/KE.

    (6)

    Dawn l-istandards minimi komuni għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal atti rilevanti, b'mod partikolari d-Direttiva 2004/18/KE (3), ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (4) u r-regoli tiegħu li jimplimentaw u l-Ftehim WTO dwar l-Akkwist mill-Gvern (GPA).

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Is-sentenza li ġejja għandha tiġi miżjuda mal-Parti I (8) ta' l-Anness għad-Deċiżjoni 2001/264/KE:

    “Tali standards minimi għandhom jinkludu wkoll standards minimi li għandhom jiġu applikati meta l-GSC jagħti b'kuntratti xogħlijiet li jinvolvu, jinkludu u/jew fihom informazzjoni klassifikata ta' l-UE lil entitajiet industrijali jew entitajiet oħra: dawn l-istandards minimi komuni jinsabu fit-Taqsima XIII tal-Parti II.”

    Artikolu 2

    It-test li jidher fl-Anness għal din id-Deċiżjoni għandu jiżdied bħala t-Taqsima XIII tal-Parti II ta' l-Anness għad-Deċiżjoni 2001/264/KE.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandu jkollha effett fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fi Brussel, nhar il-20 ta' Diċembru 2005.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. BECKETT


    (1)  ĠU L 106, 15.4.2004, p. 22. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2004/701/KE, Euratom (ĠU L 319, 20.10.2004, p. 15).

    (2)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2005/571/KE (ĠU L 193, 23.7.2005, p. 31).

    (3)  Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar il-kordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti ta' xogħlijiet pubbliċi, kuntratti ta' provvista pubbliċi u kuntratti ta' servizz pubbliku (ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114).

    (4)  Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1).


    ANNESS

    “TAQSIMA XIII

    STANDARDS MINIMI KOMUNI DWAR IS-SIGURTÀ INDUSTRIJALI

    1.

    Din it-Taqsima tittratta l-aspetti ta' sigurtà ta' attivitajiet industrijali li huma uniċi għan-negozjar u l-għoti ta' kuntratti li jagħtu xogħlijiet li jinvolvu, jinkludu u/jew fihom informazzjoni klassifikata ta' l-UE u għar-renditu tagħhom minn entitajiet industrijali jew entitajiet oħra, inklużi l-ħruġ, jew l-aċċess ta', informazzjoni klassifikata ta' l-UE waqt il-proċedura ta' l-akkwist pubbliku (perijodu ta' tfiegħ ta' l-offerti u negozjati ta' qabel il-kuntratt).

    DEFINIZZJONIJIET

    2.

    Għall-finijiet ta' dawn l-istandards minimi komuni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    ‘Kuntratt klassifikat’: kwalunkwe kuntratt għall-forniment ta' prodotti, it-twettiq ta' xogħlijiet jew il-provvista ta' servizzi, li l-prestazzjoni tagħhom titlob jew tinvolvi aċċess għal jew il-produzzjoni ta' informazzjoni klassifikata ta' l-UE;

    (b)

    ‘Sub-kuntratt klassifikat’: kuntratt milħuq minn kuntrattur ma' kuntrattur ieħor (eż. is-sub-kuntrattur) għall-provvista ta' prodotti, it-twettiq ta' xogħlijiet jew il-provvista ta' servizzi, li l-prestazzjoni tagħhom titlob jew tinvolvi l-aċċess għal jew il-produzzjoni ta' informazzjoni klassifikata ta' l-UE;

    (ċ)

    ‘Kuntrattur’: entità individwali jew ġuridika li għandha l-kapaċità legali biex twettaq kuntratti;

    (d)

    ‘Awtorità ta' Sigurtà Magħżula (DSA)’: awtorità responsabbli għall-Awtorità Nazzjonali tas-Sigurtà (NSA) ta' Stat Membru ta' l-UE li għandha d-dmir li tikkomunika lil entitajiet industrijali jew entitajiet oħra l-politika nazzjonali dwar il-kwistjonijiet kollha ta' sigurtà industrijali u biex tipprovdi direzzjoni u assistenza fl-implimentazzjoni tagħha. Il-funzjoni tad-DSA tista' titwettaq mill-NSA.

    (e)

    ‘Faċilità ta' Approvazzjoni ta' Sigurtà (FSC)’: determinazzjoni amministrattiva mill-NSA/DSA li, mill-perspettiva tas-sigurtà, faċilità tista' tippermetti protezzjoni ta' sigurtà adegwata għal informazzjoni klassifikata ta' l-UE ta' livell ta' klassifikazzjoni ta' sigurtà speċifiku u l-persunal tagħha li jeħtieġ aċċess għal informazzjoni klassifikata ta' l-UE ngħata approvazzjoni ta' sigurtà kif xieraq u ġie infurmat dwar il-ħtiġiet rilevanti ta' sigurtà neċessarji biex ikollu aċċess u jipproteġi l-informazzjoni klassifikata ta' l-UE;

    (f)

    ‘Entità Industrijali jew entità oħra’: entità involuta fil-forniment ta' prodotti, it-twettiq ta' xogħlijiet jew il-provvista ta' servizzi; dan jista' jinvolvi notevolment entitajiet industrijali, kummerċjali, ta' servizzi, xjentifiċi, ta' riċerka, edukattivi jew ta' żvilupp;

    (g)

    ‘Sigurtà industrijali’: l-applikazzjoni ta' miżuri ta' protezzjoni u proċeduri biex jipprevjenu, jiskopru u jirkupraw mit-telf jew il-kompromess ta' informazzjoni klassifikata ta' l-UE użata minn kuntrattur jew sub-kuntrattur f'negozjati ta' qabel il-kuntratt u fil-kuntratti;

    (h)

    ‘Awtorità Nazzjonali tas-Sigurtà (NSA)’: l-Awtorità tal-Gvern ta' Stat Membru ta' l-UE bir-responsabbiltà aħħarija għall-protezzjoni ta' l-informazzjoni klassifikata ta' l-UE.

    (i)

    ‘Livell ġenerali tal-klassifikazzjoni ta' sigurtà ta' kuntratt’: determinazzjoni tal-klassifikazzjoni ta' sigurtà tal-kuntratt kollu, ibbażata fuq il-klassifikazzjoni ta' informazzjoni u/jew materjal li ser ikun, jew jista' jkun, maħluq, maħruġ jew miksub taħt kwalunkwe element tal-kuntratt ġenerali. Il-livell ġenerali tal-klassifikazzjoni ta' sigurtà ta' kuntratt ma jistax ikun anqas mill-ogħla klassifikazzjoni ta' kwalunkwe element tiegħu, imma jista' jkun ogħla minħabba l-effett ta' aggregazzjoni;

    (j)

    ‘Ittra dwar l-Aspetti ta' Sigurtà (SAL)’: sett ta' kondizzjonijiet kuntrattwali speċjali, maħruġ mill-awtorità kuntrattwali, li jifforma parti integrali minn kuntratt klassifikat li jinvolvi l-aċċess għal jew il-produzzjoni ta' informazzjoni klassifikata ta' l-UE, li jidentifika l-ħtiġiet ta' sigurtà jew dawk l-elementi tal-kuntratt li jeħtieġu protezzjoni ta' sigurtà;

    (k)

    ‘Gwida għall-Klassifikazzjoni ta' Sigurtà (SCG)’: dokument li jiddeskrivi l-elementi ta' programm jew kuntratt li huma klassifikati, waqt li jispeċifika l-livelli ta' klassifikazzjoni ta' sigurtà applikabbli. Is-SCG tista' titwessa' matul il-ħajja tal-programm jew tal-kuntratt u l-elementi ta' informazzjoni jistgħu jiġu klassifikati mill-ġdid jew imnaqqsa fil-grad. Is-SGC jrid ikun parti mis-SAL.

    ORGANIZZAZZJONI

    3.

    Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (GSC) jista' jagħti r-responsabbiltà b'kuntratt ta' xogħlijiet li jinvolvu, jinkludu u/jew fihom informazzjoni klassifikata ta' l-UE lil entitajiet industrijali jew entitajiet oħra reġistrati fi Stat Membru.

    4.

    Meta jagħti l-kuntratti klassifikati l-GSC għandu jiżgura li l-ħtiġiet kollha derivati minn dawn l-istandards minimi qed jintlaħqu.

    5.

    Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-Awtorità Nazzjonali ta' Sigurtà (NSA) tiegħu għandha strutturi xierqa biex tapplika dawn l-istandards minimi ta' sigurtà industrijali. Dawn jistgħu jinkludu DSA waħda jew aktar.

    6.

    Ir-responsabbiltà finali għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata ta' l-UE fi ħdan entitajiet industrijali jew entitajiet oħra tibqa' ta' l-amministrazzjoni tagħhom.

    7.

    Kull meta jingħata kuntratt jew sub-kuntratt li jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn l-istandards minimi, il-GSC u/jew l-NSA/DSA, kif xieraq, jgħarrfu immedjatament lill-NSA/DSA ta' l-Istat Membru li fih il-kuntrattur jew is-sub-kuntrattur huwa reġistrat.

    KUNTRATTI KLASSIFIKATI

    8.

    Il-klassifikazzjoni ta' sigurtà ta' kuntratti klassifikati għandha tieħu kont tal-prinċipji li ġejjin:

    (a)

    il-GSC jiddetermina, kif xieraq, l-aspetti tal-kuntratt li jeħtieġu protezzjoni u l-klassifikazzjoni ta' sigurtà konsegwenti; fit-twettiq ta' dan, għandu jieħu kont tal-klassifikazzjoni ta' sigurtà oriġinali assenjata mill-oriġinatur għal informazzjoni prodotta qabel l-għoti tal-kuntratt;

    (b)

    il-livell ġenerali ta' klassifikazzjoni tal-kuntratt ma jistax ikun anqas mill-ogħla klassifikazzjoni ta' kwalunkwe mill-elementi tiegħu;

    (ċ)

    l-informazzjoni klassifikata ta' l-UE prodotta taħt attivitajiet kuntrattwali hija klassifikata skond l-SCG;

    (d)

    meta jkun xieraq, il-GSC huwa responsabbli biex jibdel il-livell ġenerali ta' klassifikazzjoni tal-kuntratt, jew klassifikazzjoni ta' sigurtà ta' kwalunkwe mill-elementi tiegħu, f'konsultazzjoni ma' l-oriġinatur, u biex jinforma lill-partijiet kollha interessati;

    (e)

    informazzjoni klassifikata maħruġa lill-kuntrattur jew lis-sub-kuntrattur jew maħluqa taħt attività kuntrattwali m'għandhiex tintuża għal għanijiet oħra ħlief dawk definiti mill-kuntratt klassifikat u m'għandhiex tiġi mogħtija lill-partijiet terzi mingħajr il-kunsens bil-miktub minn qabel ta' l-oriġinatur.

    9.

    L-NSAs/DSAs ta' l-Istati Membri huma responsabbli biex jiżguraw li l-kuntratturi u s-sub-kuntratturi mogħtija kuntratti klassifikati li jinvolvu informazzjoni klassifikata CONFIDENTIEL UE jew SECRET UE jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jissalvagwardjaw tali informazzjoni klassifikata ta' l-UE maħruġa lil jew prodotta minnhom fil-prestazzjoni tal-kuntratt klassifikat skond il-liġijiet jew ir-regolamenti nazzjonali. Non-konformità mal-ħtiġiet ta' sigurtà tista' tirriżulta fit-tmiem tal-kuntratt.

    10.

    L-entitajiet industrijali kollha u entitajiet oħra li jkunu qed jipparteċipaw f'kuntratti klassifikati li jinvolvu aċċess għal informazzjoni klassifikata CONFIDENTIEL UE jew SECRET UE għandu jkollhom FSC nazzjonali. L-FSC tingħata mill-NSA/DSA ta' Stat Membru biex tikkonferma li faċilità tista' tlaħħaq u tiggarantixxi protezzjoni ta' sigurtà ta' informazzjoni klassifikata ta' l-UE sal-livell xieraq ta' klassifikazzjoni.

    11.

    L-NSA/DSA hija responsabbli biex tagħti, skond ir-regolamenti nazzjonali tagħha, Approvazzjoni ta' Sigurtà tal-Persunal (PSC) lill-persuni kollha impjegati f'entitajiet industrijali jew entitajiet oħra li huma rreġistrati f'dak l-Istat Membru li x-xogħol tagħhom jeħtieġ aċċess għal informazzjoni klassifikata ta' l-UE CONFIDENTIEL UE jew SECRET UE soġġett għal kuntratt klassifikat.

    12.

    Kuntratti klassifikati iridu jinkludu SAL kif definita f' punt 2 (j). L-SAL trid tinkludi l-SCG.

    13.

    Qabel jibda n-negozjar ta' kuntratt klassifikat l-GSC jikkuntattja lill-NSA/DSA ta' l-Istati Membri li fihom l-entitajiet industrijali jew entitajiet oħra kkonċernati huma reġistrati sabiex jikseb konferma li huma għandhom FSC validu xieraq sal-livell ta' klassifikazzjoni ta' sigurtà tal-kuntratt.

    14.

    L-awtorità kuntrattwali m' għandiex tqiegħed kuntratt klassifikat ma' appaltatur preferit qabel ma tkun irċeviet iċ-ċertifikat FSC validu.

    15.

    Sakemm ma jkunx mitlub mil-liġijiet u mir-regolamenti nazzjonali ta' Stat Membru, m'hemmx bżonn FSC għal kuntratti li jinvolvu informazzjoni klassifikata RESTREINT UE.

    16.

    Fil-każ ta' tfiegħ ta' offerti fir-rigward ta' kuntratti klassifikati, l-istediniet għandhom jinkludu dispożizzjoni li titlob li appaltatur li jonqos milli jressaq l-offerta jew li ma jiġix magħżul ikun mitlub jirritorna d-dokumenti kollha f'perijodu speċifiku ta' żmien.

    17.

    Jista' jkun neċessarju għal kuntrattur li jinnegozja sub-kuntratti klassifikati ma' sub-kuntratturi fuq bosta livelli. Il-kuntrattur huwa responsabbli biex jiżgura li l-attivitajiet sub-kuntrattwali kollha jitwettqu skond l-istandards komuni minimi li jinsabu f'din it-Taqsima. Madankollu, il-kuntrattur m'għandux jittrasmetti informazzjoni jew materjal klassifikat ta' l-UE lil sub-kuntrattur mingħajr il-kunsens bil-miktub minn qabel ta' l-oriġinatur.

    18.

    Il-kondizzjonijiet li taħthom kuntrattur jista' jagħmel sub-kuntratt għandhom ikunu definiti fl-offerta u fil-kuntratt. L-ebda sub-kuntratt ma jista' jingħata lil entitajiet reġistrati fi Stat Membru li mhux membru ta' l-UE mingħajr l-awtorizzazzjoni espliċita bil-miktub tal-GSC.

    19.

    Matul il-perijodu tal-kuntratt, il-konformità mad-dispożizzjonijiet kollha ta' sigurtà tiegħu tiġi segwita mill-NSA/DSA rilevanti f'koordinazzjoni mal-GSC. Notifika ta' inċidenti ta' sigurtà għandha tiġi rappurtata, skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Parti II, Taqsima X ta' dawn ir-Regolamenti ta' Sigurtà. Il-GSC u kwalunkwe NSA/DSA għandhom ikunu mgħarrfa minnufih b'kull bidla jew irtirar li jkunu ġew notifikati lilhom.

    20.

    Meta jintemm kuntratt klassifikat jew sub-kuntratt klassifikat, il-GSC u/jew l-NSA/DSA, kif xieraq, jgħarrfu immedjatament lill-NSA/DSA ta' l-Istati Membri li fihom il-kuntrattur jew is-sub-kuntrattur huwa reġistrat.

    21.

    L-istandards minimi komuni li hemm f'din it-Taqsima għandhom jibqgħu jiġu osservati, u r-riservatezza ta' informazzjoni klassifikata għandha tinżamm mill-kuntratturi u s-sub-kuntratturi, wara t-tmiem jew il-konklużjoni tal-kuntratt jew is-sub-kuntratt klassifikat.

    22.

    Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-użu ta' informazzjoni klassifikata fit-tmiem tal-kuntratt jiġu stabbiliti fis-SAL jew f'dispożizzjonijiet rilevanti oħra li jidentifikaw ħtiġiet ta' sigurtà.

    ŻJARAT

    23.

    Żjarat minn persunal tal-GSC għand entitajiet industrijali jew entitajiet oħra fl-Istati Membri li għandhom kuntratti klassifikati ta' l-UE għandhom jiġu organizzati ma' l-NSA/DSA rilevanti. Żjarat minn ħaddiema ta' entitajiet industrijali jew entitajiet oħra fil-qafas ta' kuntratt klassifikat ta' l-UE għandhom jiġu organizzati bejn l-NSA/DSAs konċernati. Madankollu, l-NSAs/DSAs involuti f'kuntratt klassifikat ta' l-UE jistgħu jaqblu fuq proċedura li biha ż-żjarat minn ħaddiema ta' entitajiet industrijali jew entitajiet oħra jistgħu jiġu organizzati direttament.

    TRASMISSJONI U TRASPORT TA' INFORMAZZJONI KLASSIFIKATA TA' L-UE

    24.

    Fir-rigward tat-trasmissjoni ta' informazzjoni klassifikata ta' l-UE, id-dispożizzjonijiet tal-Parti II, Taqsima VII, Kapitolu II, u fejn rilevanti t-Taqsima XI, ta' dawn ir-Regolamenti ta' Sigurtà għandhom japplikaw. Sabiex tali dispożizzjonijiet jiġu msaħħa, kwalunkwe proċeduri eżistenti fis-seħħ fost l-Istati Membri japplikaw.

    25.

    It-trasport internazzjonali ta' materjal klassifikat ta' l-UE relatat ma' kuntratti klassifikati jitwettaq skond il-proċeduri nazzjonali ta' l-Istati Membri. Il-prinċipji li ġejjin jiġu applikati waqt li jiġu eżaminati l-arranġamenti ta' sigurtà għal trasport internazzjonali:

    (a)

    is-sigurtà hi garantita fl-istadji kollha waqt it-trasport u taħt iċ-ċirkostanzi kollha, mill-punt ta' tluq sad-destinazzjoni aħħarija;

    (b)

    il-grad ta' protezzjoni mogħti lil kunsinna huwa determinat mill-ogħla livell ta' klassifikazzjoni tal-materjal miżmum fiha;

    (ċ)

    tinkiseb FSC, fejn xieraq, għal kumpanniji li jipprovdu t-trasport. F'tali każi, il-persunal li jieħu ħsieb il-kunsinna għandu jiġi approvat f'konformità ma' l-istandards minimi komuni li hemm f'din it-Taqsima;

    (d)

    il-vjaġġi, sa fejn possibbli, isiru minn punt sa punt, u huma mwettqa malajr kemm iċ-ċirkostanzi jistgħu jippermettu;

    (e)

    kull meta possibbli, ir-rotot għandhom jgħaddu biss minn Stati Membri ta' l-UE. Rotot li jgħaddu minn Stati li mhumiex membri ta' l-UE għandhom jittieħdu biss meta jiġu awtorizzati mill-NSA/DSA ta' l-Istati ta' min jikkonsenja u tad-destinatarju;

    (f)

    qabel ma jsir kwalunkwe moviment ta' materjal klassifikat ta' l-UE, għandu jitfassal Pjan ta' Trasport minn min jikkonsenja u dan jiġi approvat mill-NSAs/DSAs konċernati.”


    Top