EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004R0602

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) n 602/2004 tat-22 ta' Marzu 2004 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 850/98 dwar il-protezzjoni ta' sikek tal-qroll fl-ilma fond mill-effetti ta' sajd bit-tartarun f'żona fuq in-naħa tal-majjistral ta' l-Iskozja

ĠU L 97, 1.4.2004, p. 30–31 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/08/2019; Impliċitament imħassar minn 32019R1241

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/602/oj

32004R0602



Official Journal L 097 , 01/04/2004 P. 0030 - 0031


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) n 602/2004

tat-22 ta' Marzu 2004

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 850/98 dwar il-protezzjoni ta' sikek tal-qroll fl-ilma fond mill-effetti ta' sajd bit-tartarun f'żona fuq in-naħa tal-majjistral ta' l-Iskozja

Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Billi:

(1) L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002 fuq il-konservazzjoni u l-utilizzazzjoni sostenibbli ta'riżorsi tas-sajd fil-politika komuni tas-sajd [2] jipprovdi li l-politika komuni tas-sajd trid tapplika strateġija ta' prekawzjoni fil-miżuri li tieħu biex timminimizza l-impatt ta' attivitajiet tas-sajd fuq is-sistemi ekoloġiċi tal-baħar.

(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 tat-30 ta' Marzu 1998 għall-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri ta' natura teknika għall-protezzjoni ta' organiżmi marini immatur [3] jistabbilixxi restrizzjonijiet fuq l-użu ta' tagħmir li jiġi mkaxkar mal-qiegħ.

(3) Skond rapporti xjentifiċi reċenti, u b'mod partikolari r-rapporti tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar, aggregazzjonijiet ta' qroll ta' l-ilma fond (Lophelia pertusa) instabu u saru mapep dettaljati tagħhom f'żona fuq in-naħa tal-majjistral ta' l-Iskozja li tinsab taħt il-ġurisdizzjoni tar-Renju Unit. Dawn l-aggregazzjonijiet, magħrufa bħala d-"Darwin Mounds", jidhru li huma fi stat tajjeb ta' konservazzjoni iżda hemm sinjali ta' ħsara kkawżata minn sajd fil-qiegħ bit-tartarun.

(4) Rapporti xjentifiċi juru li dawn it-tipi ta' aggregazzjonijiet jikkostitwixxu ambjenti naturali li jħaddnu komunitajiet bijoloġiċi importanti u ta' diversità kbira. Dawn l-ambjenti naturali huma kkunsidrati b'ħafna fora li jeħtieġu protezzjoni prijoritarja. B'mod partikolari, il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni ta' l-Ambjent Marin fl-Atlantiku tal-Grigal (il-Konvenzjoni OSPAR) dan l-aħħar inkludiet sikek tal-qroll ta' l-ilma fond f'lista ta' ambjenti naturali li jinsabu fil-periklu.

(5) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta' ambjenti naturali u ta' fawna u flora selvaġġi tinkludi s-sikek ma' l-ambjenti naturali ta' interess Komunitarju li l-konservazzjoni tagħhom teħtieġ in-nominazzjoni ta' żoni speċjali ta' konservazzjoni [4]. Ir-Renju Unit esprima b'mod formali l-intenzjoni tiegħu li jinnomina d-Darwin Mounds żona speċjali ta' konservazzjoni biex jipproteġi dan it-tip ta' ambjent naturali biex iwettaq l-obbligi tiegħu provduti fid-Direttiva msemmija.

(6) Skond provi xjentifiċi, l-irkuprar minn ħsara lill-qroll mit-tartaruni mkarkra mal-qiegħ huwa impossibli jew diffiċli ħafna u bil-mod. Għalhekk jixraq li jiġi pprojbit l-użu ta' tartaruni tal-qiegħ u tagħmir simili fl-inħawi tad-Darwin Mounds.

(7) Ir-Regolament (KE) Nru 850/98 għandu għaldaqstant jiġi emendat,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 850/98, fil-paragrafu 4 li ġej għandu jiżdied:

"4. Bastimenti għandhom jiġu pprojbiti milli jużaw kull tartarun tal-qiegħ jew xbiek imkarkra simili li jmissu ma' qiegħ il-baħar fiż-żona li qiegħda fil-limiti ta' linja li tgħaqqad il-koordinati li ġejjin:

Latitudni 59o54 T | Longitudni 6o55 P |

Latitudni 59o47 T | Longitudni 6o47P |

Latitudni 59o37 T | Longitudni 6o47 P |

Latitudni 59o37 T | Longitudni 7o39 P |

Latitudni 59o45 T | Longitudni 7o39 P |

Latitudni 59o54 T | Longitudni 7o25 P." |

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-23 ta' Awissu 2004.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-22 ta' Marzu 2004.

F'isem il-Kunsill

Il-President

J. Walsh

[1] L-Opinjoni ta' l-10 ta' Frar 2004 (li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[2] ĠU L 358, tal-31.12.02, p. 59.

[3] ĠU L 125, tas-27.04.98, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 973/2001 (ĠU L 137, tad-19.05.01, p. 1).

[4] ĠU L 206, tat-22.7.1992, p. 7. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

--------------------------------------------------

Top