EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004E0797

Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/797/PESK tat- 22 ta' Novembru 2004 dwar appoġġ għal attivitajiet ta' l-OPCW fil-qafas ta' l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda tal-Massa

ĠU L 349, 25.11.2004, p. 63–69 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 155–161 (MT)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 22/11/2005

ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2004/797/oj

7.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

155


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2004/797/PESK

tat-22 ta' Novembru 2004

dwar appoġġ għal attivitajiet ta' l-OPCW fil-qafas ta' l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda tal-Massa

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari, l-Artikolu 14 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-12 ta' Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija ta' l-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda tal-Massa, li fil-Kapitolu III tagħha fiha lista ta' miżuri biex tiġi miġġielda tali proliferazzjoni;

(2)

L-Unjoni Ewropea qiegħda timplimenta b'mod attiv din l-Istrateġija u qiegħda tagħti effett lill-miżuri elenkati fil-Kapitolu III ta' l-Istrateġija, b'mod partikolari dawk relatati ma' l-universalizzazzjoni tal-Konvenzjoni dwar Armi Kimiċi (CWC) u tal-provvista ta' riżorsi finanzjarji għall-appoġġ ta' proġetti speċifiċi kondotti minn istituzzjonijiet multilaterali;

(3)

L-għanijiet ta' din l-Istrateġija, kif stabbiliti fil-premessa (2), huma kumplimentari għall-għanijiet segwiti mill-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW), fil-kuntest tar-responsabbiltà tagħha għall-implimentazzjoni tal-CWC.

(4)

Il-Kummissjoni aċċettat li tiġi fdata bis-superviżjoni ta' l-implimentazzjoni kif suppost tal-kontribut ta' l-UE,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

1.   Bil-għan li tingħata applikazzjoni immedjata u prattika lil xi ftit elementi ta' l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda tal-Massa, l-UE għandha tappoġġa l-attivitajiet ta' l-OPCW, bl-għanijiet li ġejjin:

Il-promozzjoni ta' l-universalità tal-Konvenzjoni dwar Armi Kimiċi (CWC);

L-appoġġ għall-implimentazzjoni bis-sħiħ tal-CWC mill-Istati Partijiet;

Il-koperazzjoni internazzjonali fil-qasam ta' attivitajiet kimiċi, bħala miżuri ta' akkumpanjament għall-implimentazzjoni tal-CWC.

2.   Il-proġetti ta' l-OPCW li jikkorrispondu ma' miżuri ta' l-Istrateġija ta' l-UE, huma l-proġetti, li l-għan tagħhom hu li jsaħħu:

Il-promozzjoni tal-CWC bit-twettiq ta' attivitajiet, inklużi seminarji u workshops reġjonali u sub-reġjonali, bil-għan li jkabbru in-numru ta' membri ta' l-OPCW;

Il-provvista ta' appoġġ tekniku sostnut lil Stati Partijiet li jitolbuh għall-istabbiliment u l-funzjonament effettiv ta' Awtoritajiet Nazzjonali u d-dħul fis-seħħ ta' miżuri nazzjonali ta' implimentazzjoni kif previst fil-CWC;

Il-koperazzjoni internazzjonali fil-qasam ta' attivitajiet kimiċi permezz ta' l-iskambju ta' informazzjoni xjentifika u teknika, kimiċi u tagħmir għal finijiet mhux projbiti taħt il-CWC, għal kontribut lejn l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' l-Istati Partijiet biex jimplimentaw il-CWC.

Deskrizzjoni dettaljata tal-proġetti msemmija hawn fuq tinsab fl-Anness.

Artikolu 2

1.   L-ammont finanzjarju ta' referenza għat-tliet proġetti elenkati fl-Artikolu 1(2), hu EUR 1 841 000.

2.   L-ispiża iffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tiġi ġestita skond il-proċeduri u r-regoli tal-Komunità Ewropea applikabbli għall-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea bl-eċċezzjoni li kwalunkwe finanzjament ta' qabel ma għandux jibqa' l-proprjetà tal-Komunità Ewropea.

3.   Bl-għan ta' l-implimentazzjoni tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1, il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim ta' finanzjament ma' l-OPCW dwar il-kondizzjonijiet għall-użu tal-kontribut ta' l-Unjoni Ewropea, li ser ikun f'għamla ta' għotja. Il-ftehim għall-iffinanzjar li għandu jiġi konkluż ser jistipula li l-OPCW għandha tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribut ta' l-UE, xierqa għad-daqs tiegħu.

4.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-kontribut ta' l-Unjoni Ewropea lill-Kunsill, f'assoċjazzjoni mal-Presidenza tiegħu.

Artikolu 3

Il-Presidenza tal-Kunsill ta' l-UE għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta f'assoċjazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-implimentazzjoni kif suppost tal-kontribut tal-UE msemmija fl-Artikolu 2.

Artikolu 4

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha.

Għandha tiskadi sena wara l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 5

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussel, nhar it-22 ta' Novembru 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

B. R. BOT


ANNESS

Appoġġ ta' l-ue għal attivitajiet ta' l-opcw, fil-qafas ta' l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija ta' l-ue kontra l-proliferazzjoni ta' armi ta' qerda tal-massa.

1.   Għan u Deskrizzjoni

Għan ġenerali: l-appoġġ għall-universalizzazzjoni tal-CWC u, b'mod partikolari l-promozzjoni ta' l-aċċess għall-CWC minn Stati mhux Parti (Stati firmatarji kif ukoll Stati mhux firmatarji) u l-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-CWC mill-Istati Partijiet.

Deskrizzjoni: L-għajnuna ta' l-Unjoni Ewropea (UE) għall-OPCW ser tkun iffokata fuq l-oqsma li ġejjin, identifikati mill-Istati Partijiet għall-CWC bħala li jeħtieġu azzjoni urġenti:

(i)

Il-promozzjoni ta' l-universalità tal-CWC;

(ii)

L-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-CWC mill-Istati Partijiet;

(iii)

Il-koperazzjoni internazzjonali fil-qasam ta' attivitajiet kimiċi.

Il-proġetti deskritti hawn taħt ser jibbenefikaw esklussivament minn appoġġ ta' l-UE. Il-finanzjament ta' l-UE ser ikopri biss spejjeż speċifikament relatati ma' l-implimentzzajoni tal-proġetti. Għaldaqstant, dawn il-proġetti mhux ser ikunu iffinanzjati taħt il-Budget Regolari ta' l-2005 ta' l-OPCW. Minbarra dan, l-akkwist ta' kwalunkwe oġġett, xogħol jew servizz għandu jsir mill-OPCW.

2.   Deskrizzjoni tal-proġett

2.1   Proġett 1: Il-promozzjoni ta' l-universalità tal-CWC:

Għan tal-proġett: Żieda fin-numru tal-membri tal-CWC.

Riżultati tal-proġett:

(i)

Żieda fin-numru ta' membri tal-CWC f'diversi reġjuni ġeografiċi (fir-reġjun tal-Karibew, l-Afrika, il-pajjiżi Mediterranji, l-Asja tax-Xlokk u l-Gżejjer tal-Paċifiku);

(ii)

Tisħiħ tar-rettikolati reġjonali (l-involviment ta' organizzazzjonijiet u rettikolati sub-reġjonali f'diversi oqsma rilevanti għall-CWC).

Deskrizzjoni tal-proġett: Attivitajiet reġjonali, sub-reġjonali, u bilaterali relatati ma' l-universalità

Il-parteċipazzjoni ta' Stati li mhumiex Parti għal attivitajiet reġjonali/sub-reġjonali toffri opportunitajiet għall-OPCW biex tistabbilixxi/tiżviluppa kuntatti ma' rappreżentanti mill-kapitali u biex tiġbed l-attenzjoni għall-vantaġġi u l-benefiċċji ta' l-aċċess għall-CWC, kif ukoll obbligi assoċjati. Għajnuna u appoġġ tekniku huma pprovduti wkoll għal kwistjonijiet speċifiċi rilevanti għat-tħejjija għall-aċċess għall-CWC.

B'mod ġenerali, il-livell ta' fondi illimita lill-OPCW għat-tmexxija ta' numru zgħir ta' seminarji u workshops reġjonali, imfassla primarjament biex ikabbru l-kuxjenza politika dwar il-benefiċċji tal-CWC għal Stati mhux Parti.

Mid-dħul fis-seħħ tal-CWC fl-1997 'l hawn, tlieta sa erba' avvenimenti reġjonali inżammu kull sena.

Il-livell ta' fondi disponibbli, inkluż kontributi volontarji, ma ippermettiex modi aktar intensivi u immirati biex jiġu mgħejjuna Stati mhux Parti fil-proċess ta' tħejjija għall-aċċess għall-CWC, per eżempju permezz ta' żjarat bilaterali, jew laqgħat reġjonali/sub-reġjonali li jiffokaw fuq kwistjonijiet ta' miżuri nazzjonali ta' implimentazzjoni flimkien mar-ratifika tal-CWC.

Il-proġett ser jiffinanzja l-attivitajiet li ġejjin fl-2005:

(i)

Workshop dwar il-CWC għal Stati mhux Parti fil-Karibew sabiex tkun possibbli l-parteċipazzjoni ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u ta' organizzazzjonijiet reġjonali/sub-reġjonali, e.ż. CARICOM, OECS, (post fi Stat Membru ta' l-OECS, fit-tieni kwart ta' l-2005, jumejn, id-dati għad iridu jiġu konfermati). Rappreżentanti, inklużi mill-Antigwa u l-Barbuda, il-Baħamas, il-Barbados, ir-Repubblika Domenikana, il-Ħaiti, il-Ħonduras, u l-Grenada, ser jiġu mistiedna. Kelliem mistieden jew tnejn mill-UE ikun(u) ta' siwi kbir biex jinfurmaw lill-parteċipanti dwar inizjattivi ta' l-UE dwar in-non-proliferazzjoni u d-diżarmament relatati ma' l-Armi ta' Qerda tal-Massa (WMD).

Stima ta' Spiża Totali ta' l-Avveniment: EUR 28 000;

(ii)

Workshop dwar il-CWC għal Stati mhux Parti fl-Afrika (post fl-Afrika t'Isfel/Ċentrali, għad irid jiġi konfermat, tlitt ijiem, l-ewwel kwart ta' l-2005), il-parteċipanti sponsorjati jkunu minn korpi ta' teħid ta' deċiżjoni fl-Istati mhux Parti, u minn organizzazzjonijiet reġjonali/sub-reġjonali rilevanti. Rappreżentanti mill-Angola, ir-Repubblika Afrikana Ċentrali, il-Komoros, il-Kongo, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, Ġibuti, l-Eġittu, il-Ginea-Bissaw, il-Liberja, il-Madagaskar, Sierra Leone u s-Somalja ser jiġu mistiedna. Kelliem mistieden mill-UE ikun ta' siwi kbir biex jinforma lill-parteċipanti dwar inizjattivi ta' l-UE rilevanti għall-Afrika dwar in-non-proliferazzjoni u d-diżarmament relatati mal-WMD.

Stima ta' Spiża Totali ta' l-Avveniment: EUR 69 000;

(iii)

Workshop dwar il-CWC għal pajjiżi tal-Baċinju tal-Mediterran u tal-Lvant Nofsani. Rappreżentanti mill-Eġittu, l-Iraq, l-Iżrael, il-Libanu u s-Sirja ser jiġu mistiedna. Minbarra dan, korpi ta' teħid ta' deċiżjonijiet u korpi konsultattivi fi Stati mhux Parti, kif ukoll rappreżentanti prinċipali minn Stati Partijiet u organizzazzjonijiet reġjonali ser jiġu mistiedna. Kelliem mistieden jew tnejn mill-UE jistgħu jintalbu biex jinfurmaw lill-parteċipanti dwar inizjattivi ta' l-UE dwar in-non-proliferazzjoni u d-diżarmament relatati mal-WMD, l-aspetti politiċi-sigurtà tas-Sħubija Ewro-Mediterranja, miżuri ta' kontroll ta' l-esportazzjoni implimentati mill-UE eċċ.

Stima ta' Spiża Totali ta' l-Avveniment: EUR 62 000;

(iv)

Taħriġ u appoġġ sub-reġjonali mmirat għal Stati mhux Parti fl-Asja (post għad irid jiġi konfermat, jumejn jew tlieta, it-tielet kwart ta' l-2005). Rappreżentanti mill-Butan, il-Kambodja, id-DPR tal-Koreja, l-Iraq, il-Libanu, il-Mjanmar, Niue, is-Sirja, il-Gżejjer Solomon, u l-Vanwatu ser jiġu mistiedna. Sponsorizzazzjoni ta' parteċipanti minn Stati mhux Parti u minn atturi reġjonali fi gruppi sub-reġjonali żgħar jew laqgħat ta' dawk responsabbli fuq il-livell nazzjonali għat-teħid tad-deċiżjonijiet. Kelliem mistieden jew tnejn mill-UE ikun(u) ta' siwi kbir biex jinfurmaw lill-parteċipanti dwar inizjattivi ta' l-UE dwar in-non-proliferazzjoni u d-diżarmament relatati mal-WMD.

Stima ta' Spiża Totali ta' l-Avveniment: EUR 48 000.

Stima ta' Spiża Totali tal-Proġett 1: EUR 207 000.

2.2   Proġett 2: Implimentazzjoni Nazzjonali tal-CWC

Għan tal-proġett: L-istabbiliment u l-funzjonament effettiv ta' l-Awtoritajiet Nazzjonali, id-dħul fis-seħħ ta' miżuri nazzjonali ta' implimentazzjoni, u l-adozzjoni ta' kwalunkwe miżura amministrattiva meħtieġa skond l-obbligi ta' l-Artikolu VII tal-CWC.

Riżultati tal-proġett:

(i)

Biex jiġu faċilitati l-istabbiliment u l-funzjonament effettiv ta' Awtoritajiet Nazzjonali u l-adozzjoni ta' miżuri ta' implimentazzjoni xierqa fir-reġjuni kollha, permezz ta' għajnuna legali u teknika u appoġġ fl-implimentazzjoni lil Awtoritajiet Nazzjonali;

(ii)

L-istabbiliment ta' leġislazzjoni li tipprovdi lill-Istati Partijiet b'informazzjoni u kontroll adegwat fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' kimiċi elenkati fil-CWC mit-territorji tagħhom kif ukoll tixrid usa' ta' informazzjoni dwar u apprezzament ta' regolamenti ta' l-UE dwar il-kontroll ta' l-esportazzjoni;

(iii)

It-tneħħija ta' diskrepanzi f'data dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni provduta mill-Istati Partijiet biex tiżdied il-kunfidenza fil-kapaċità biex jiġi żgurat li trasferimenti ta' kimiċi elenkati qed iseħħu għal finijiet mhux projbiti mill-CWC.

Deskrizzjoni tal-proġett: il-proġett ser jikkontribwixxi għat-titjib tal-funzjonament effettiv ta' Awtoritajiet Nazzjonali u l-adozzjoni ta' miżuri ta' implimentazzjoni adegwati permezz ta':

(a)

Żjarat ta' għajnuna dwar aspetti legali u tekniċi biex ikunu risposti l-ħtiġijiet speċifiċi ta' l-Istati Partijiet rikjedenti li għad iridu jwettqu l-obbligi tagħhom ta' l-Artikolu VII. Tali għajnuna tkun ipprovduta minn esperti/riżorsi mill-persunal ta' l-OPCW bl-inklużjoni ta' esperti ta' l-UE, kif meħtieġ. It-tul ta' kull żjara tkun ta' xi 5 ijiem. Dawn iż-żjarat ikunu jinvolvu mhux iżjed minn 3 esperti għal kull żjara.

Stima ta' Spiża Totali: EUR 135 000.

(b)

Il-parteċipazzjoni ta' Awtoritajiet Nazzjonali u ta' aġenziji oħra konċernati f'laqgħa teknika dwar id-disposizzjonijiet ta' trasferimenti tal-CWC li ser tippermetti għal tixrid usa' ta' informazzjoni dwar dawn id-disposizzjonijiet kif ukoll apprezzament tar-regolamenti ta' l-UE dwar il-kontroll ta' l-esportazzjoni.

Stima ta' Spiża Totali: EUR 189 000

(ċ)

Il-parteċipazzjoni ta' uffiċjali tad-dwana f'laqgħa relatata ma' regolamenti dwar il-kontroll ta' l-esportazzjoni relatati mal-CWC. Komponent kritiku biex jiġi żgurat li t-trasferimenti ta' kimiċi jseħħu għal finijiet intiżi huwa s-sensibilizzazzjoni xierqa ta' uffiċjali tad-dwana għad-disposizzjonijiet tal-CWC. Din il-laqgħa ser tinvolvi ukoll eżerċizzji ta' simulazzjoni, diskussjonijiet dwar xenarji u skambji ta' esperjenzi minn esperti mill-UE u Stati Membri oħra parteċipanti.

Stima ta' Spiża Totali: EUR 165 000.

Stima ta' Spiża Totali tal-Proġett 2: EUR 489 000.

2.3   Proġett 3: Il-koperazzjoni internazzjonali fil-qasam ta' attivitajiet kimiċi

Għan tal-proġett:

Biex jiġi faċilitat l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' l-Istati Partijiet fl-implimentazzjoni tal-CWC fil-qasam ta' attivitajiet kimiċi skond id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu XI tagħha.

Dan il-proġett jiffoka essenzjalment fuq il-bini ta' kapaċitajiet permezz ta' appoġġ f'tagħmir, għajnuna teknika għal laboratorji u taħriġ fil-qasam ta' abilitajiet analitiċi.

Riżultati/attivitajiet tal-proġett:

(i)

L-identifikazzjoni ta' istituzzjonijiet donaturi, li huma lesti jittrasferixxu tagħmir tal-laboratorju użat iżda li għadu jaħdem lejn laboratorju ffinanzjat pubblikament, istituzzjoni ta' riċerka jew akkademika jew aġenzija tal-gvern fi Stati Partijiet li l-ekonomiji tagħhom qiegħdin jiżviluppaw jew fi transizzjoni.

(ii)

Il-provvista ta' 50 PC“desktop” ġdid ta' konfigurazzjoni standard bi printers bħala donazzjoni lil awtoritajiet nazzjonali, fl-Istati Partijiet ta' mira msemmija hawn fuq.

(iii)

Il-provvista ta' xi tagħmir essenzjali għat- titjib tal-kwalità u l-preċiżjoni ta' analiżi kimiċi f'laboratorji finanzjati pubblikament fi Stati Partijiet;

(iv)

Li tali laboratorji f'dawn l-Istati Partijiet ta' mira jkunu kapaċi jgħollu l-livell ta' kompetenza teknika tagħhom;

(v)

L-għajnuna għal kimiċi analisti kwalifikati minn Stati Partijiet biex jiksbu iżjed esperjenza u għarfien prattiku biex tkun faċilitata l-analiżi ta' kimiċi relatati ma' l-implimentazzjoni nazzjonali tal-CWC.

Deskrizzjoni tal-proġett:

Il-kontribut ta' l-UE ser jiffoka fuq it-tliet aspetti li ġejjin:

(a)

Appoġġ f'tagħmir: jirrelata mal-bini ta' kapaċitajiet ta' Awtoritajiet Nazzjonali u istituzzjonijiet oħra rilevanti fi Stati Partijiet li l-ekonomiji tagħhom qiegħdin jiżviluppaw jew fi transizzjoni sabiex ikunu kapaċi jimplimentaw il-CWC u jinvolvu ruħhom fl-applikazzjoni paċifika tal-kimika.

Numru ta' Awtoritajiet Nazzjonali identifikaw in-nuqqas ta' disponibbiltà ta' tagħmir ta' l-uffiċċju essenzjali bħal kompjuters u aċċessorji biex jorganizzaw u jmexxu l-uffiċċji tagħhom.

Il-proġett iforni lil Awtoritajiet Nazzjonali fi Stati Partijiet ta' mira b'50 PC “desktop” ġdid b'konfigurazzjoni standard b'aċċessorji inkluż printers.

Mekkaniżmu ta' approvazzjoni:

Mekkaniżmu ta' approvazzjoni ser jiġi stabbilit li jinvolvi rappreżentant ta' l-UE fir-rigward ta' l-għażla ta' l-Awtoritajiet Nazzjonali għall-PCs il-ġodda.

Stima ta' Spiża Totali: EUR 75 000.

(b)

Għajnuna għal laboratorji

Taħt Programm ta' Għajnuna għal Laboratorji, l-OPCW qed tipprovdi għajnuna biex titjieb il-kompetenza teknika ta' laboratorji impenjati fl-analiżi u l-monitoraġġ ta' kimiċi. L-għajnuna bażikament tikkonsisti f'appoġġ finanzjarju għat-twettiq ta' valutazzjoni jew verifika teknika ta' laboratorju sabiex jiġi mtejjeb il-livell ta' kompetenza tiegħu u għat-taħriġ ta' persunal tekniku f'laboratorju/istituzzjoni avvanzat(a) għall-iżvilupp ta' abilitajiet, għal possibiltà ta' apprentistat f'laboratorju akkreditat għall-iżvilupp ta' abilitajiet u għat-tmexxija ta' proġetti ta' riċerka ta' daqs żgħir relatati ma' l-iżvilupp ta' metodi, il-validazzjoni, eċċ.

Madankollu, l-appoġġ provdut mill-OPCW ma jkoprix l-ispiża tax-xiri ta' hardware jew spejjeż oħra ta' investiment. Barra minn hekk, minħabba li għajnuna ta' esperti disponibbli fl-OPCW hija limitata minħabba impenji oħra, huwa neċessarju li tali għajnuna tinkiseb minn għejjun esterni. L-appoġġ ta' l-UE biex tkun koperta l-ispiża għal tali ħtiġiet ikun ta' għajnuna kbira biex il-laboratorji fl-Istati Partijiet ta' mira ikunu kapaċi jtejbu l-kompetenzi tekniċi tagħhom b'mod sinifikattiv u sabiex titjieb il-kwalità u l-preċiżjoni ta' analiżi kimiċi.

Il-proġett ikopri għajnuna teknika kif ukoll xi appoġġ għal hardware essenzjali (kromatografi tal-gass, GCMS, eċċ) għal numru limitat ta' tmien laboratorji finanzjati pubblikament impenjati fil-qasam ta' l-applikazzjoni tal-kimika għal finijiet mhux projbiti taħt il-CWC fi Stati Partijiet li l-ekonomiji tagħhom qed jiżviluppaw jew fi transizzjoni. Applikazzjonijiet ser ikunu mistiedna minn istituzzjonijiet interessati mill-Istati Partijiet ta' mira li jkollhom jgħaddu mill-Awtoritajiet Nazzjonali/Delegazzjonijiet Permanenti tagħhom.

Mekkaniżmu ta' approvazzjoni:

Mekkaniżmu ta' approvazzjoni għall-fini tal-proġett 3 ser jiġi stabbilit li jinvolvi rappreżentanti tal-Presidenza tal-Kunsill ta' l-UE, l-Uffiċċju tar-Rappreżentant Personali tar-Rappreżentat Għoli dwar in-non-proliferazzjoni ta' WMD, is-Servizzi tal-Kummissjoni u l-OPCW, fir-rigward ta' l-għażla ta' benefiċarji li għandhom jiġu finanzjati minn din l-għotja. Ftehim minn qabel mill-Istati Membri ta' l-UE huwa meħtieġ għal proġetti li jirrigwardaw it-tmien laboratorji finanzjati pubblikament, inkluż appoġġ għal hardware. Kwalunkwe trasferiment taħt dan il-proġett għandu jsir skond ir-Regolament Nru. 1334/2000 tat-22 ta' Ġunju 2000 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' oġġetti u teknoloġija li għandhom użu doppju (1) kif ukoll il-linji gwida tas-sistema għall-kontroll ta' l-esportazzjoni rilevanti, fil-qafas ta' liema s-Segretarjat Tekniku ta' l-OPCW jista' jkun mistieden iwettaq rwol ta' superviżjoni. L-Istati Partijiet għall-CWC li jkunu benefiċarji taħt dan il-proġett għandhom jigarantixxu l-użu ta' l-oġġetti trasferiti skond id-disposizzjonijiet tal-CWC billi jiffirmaw Memorandum ta' Ftehim għal dan il-għan mas-Segretarjat Tekniku ta' l-OPCW.

Stima ta' Spiża Totali: EUR 900 000.

(ċ)

Kors għall-iżvilupp ta' abilitajiet analitiċi

Kors għall-iżvilupp ta' abilitajiet analitiċi ser ikun immexxi f'istituzzjoni akkademika fl-Ewropa. Il-kors ser ikun għal 20 parteċipant. L-għanijiet tiegħu huma biex jgħin kimiċi analisti kwalifikati minn Stati Partijiet li l-ekonomiji tagħhom qiegħdin jiżviluppaw jew fi transizzjoni biex jiksbu iżjed esperjenza u għarfien prattiku; biex tkun faċilitata l-analiżi ta' kimiċi relatati ma' l-implimentazzjoni nazzjonali tal-CWC; biex jittejbu l-kapaċitajiet nazzjonali fl-Istati Membri billi jiġi offrut taħriġ fil-kimika analitika lil persunal mil-laboratorji ta' l-industrija, l-istituzzjonijiet akkademiċi u l-gvern; biex tiġi faċilitata l-adozzjoni ta' prattiċi tal-laboratorju tajbin; u biex tiġi mwessa' r-riżerva ta' ħaddiema li lejha l-Awtoritajiet Nazzjonali u s-Segretarjat Tekniku ta' l-OPCW jistgħu jużaw fil-ġejjieni. Il-kors ikun ta' perijodu ta' gimgħatejn f'Ġunju-Lulju 2005. Għandu jkopri kemm taħriġ teoretiku kif ukoll prattiku f'oqsma li jirrelataw mas-sistema ta' validazzjoni, l-iskoperta u l-korrezzjoni ta' problemi, it-tħejjija u l-analiżi ta' kampjuni.

Stima ta' Spiża Totali ta' l-Avveniment: EUR 115 000.

Stima ta' Spiża Totali tal-Proġett 3: EUR 1 090 000.

3.   Tul ta' żmien

It-tul ta' żmien totali stmat għall-implimentazzjoni ta' l-Azzjoni Konġunta hu ta' 12-il xahar.

4.   Benefiċjarji

Il-benefiċjarji ta' attivitajiet relatati ma' l-universalità huma Stati mhux Parti għall-CWC (kemm Stati firmatarji kif ukoll Stati mhux firmatarji). Il-benefiċjarji ta' attivitajiet relatati ma' l-implimentazzjoni huma Stati Partijiet għall-CWC mhux fl-UE. L-għażla tal-pajjiżi Benefiċjarji ser ikunu identifikati mill-OPCW f'kordinazzjoni mal-Presidenza tal-Kunsill ta' l-UE.

5.   Entità ta' implimentazzjoni

L-OPCW ser tiġi fdata bl-implimentazzjoni tat-tliet proġetti. L-implimentazzjoni ta' dawn it-tliet proġetti ser tkun imwettqa mill-persunal ta' l-OPCW bl-għajnuna ta' l-Istati Membri ta' l-OPCW u l-istituzzjonijiet, l-esperti jew il-kuntratturi magħżula tagħhom, bħal hawn fuq. Fil-każ ta' kuntratturi, l-akkwist ta' kwalunkwe oġġett, xogħol jew servizz mill-OPCW fil-kuntest ta' din l-Azzjoni Konġunta għandu jiġi mwettaq skond ir-regoli u l-proċeduri applikabbli ta' l-OPCW, kif spjegat fil-Ftehim dwar il Kontribut tal-Komunità Ewropea ma' Organizzazzjoni Internazzjonali.

6.   Parteċipanti terzi

Dawn il-proġetti ser jiġu finanzjati 100 % minn din l-Azzjoni Konġunta. L-esperti ta' l-Istati Membri ta' l-OPCW jistgħu jiġu kunsidrati bħala parteċipanti terzi. Huma ser jaħdmu skond ir-regoli normali ta' operazzjoni għall-esperti ta' l-OPCW.

7.   Stima ta' finanzi meħtieġa

Il-kontribut ta' l-UE ser ikopri 100 % ta' l-implimentazzjoni tat-tliet proġetti kif deskritt f'dan l-Anness. L-estimi ta' l-ispejjeż huma kif ġej:

Proġett 1 EUR 207 000

Proġett 2 EUR 489 000

Proġett 3 EUR 1 090 000

SPIŻA TOTALI (minbarra kontinġenzi): EUR 1 786 000

Barra minn dan, riserva ta' kontinġenza ta' xi 3 % ta' l-ispejjeż eliġibbli (EUR 55 000) hi inkluża.

SPIŻA TOTALI (inkluż kontinġenzi): EUR 1 841 000.

8.   Ammont finanzjarju ta' referenza biex ikopri l-ispiża tal-proġett

L-ispiża totali tal-proġett hi ta' EUR 1 841 000.


(1)  ĠU L 159, 30.6.2000, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru. 1504/2004 (ĠU L 281, 31.8.2004, p. 1.).


Top