Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004D0689

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l- 4 ta' Ottubru 2004 li tistabbilixi Kumitat ta' Protezzjoni Soċjali u li tħassar id-Deċiżjoni 2000/436/KE

    ĠU L 314, 13.10.2004, p. 8–10 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 142M, 30.5.2006, p. 424–426 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2004/689/oj

    30.5.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    424


    ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    ta' l-4 ta' Ottubru 2004

    li tistabbilixi Kumitat ta' Protezzjoni Soċjali u li tħassar id-Deċiżjoni 2000/436/KE

    (2004/689/KE)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 144 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    Fil-Komunikazzjoni tagħha “Strateġija Konċertata għall-immodernizzar tal-protezzjoni soċjali” ta' l-14 ta' Lulju 1999, il-Kummissjoni għamlet suġġerimenti għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni soċjali permezz ta', fost affarjiet oħra, l-istabbiliment ta' grupp ta' uffiċjali ta' livell għoli.

    (2)

    Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2000, il-Parlament Ewropew laqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni u l-ħolqien ta' tali grupp.

    (3)

    Fil-Konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta' Diċembru 1999 dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni għall-immodernizzar u t-titjib tal-protezzjoni soċjali (2), il-Kunsill appoġġa l-proposta tal-Kummissjoni għall-istabbiliment ta' mekkaniżmu għal koperazzjoni msaħħa, maħluqa bix-xogħol tal-grupp ta' uffiċjali ta' livell għoli, għall-implimentazzjoni ta' din l-azzjoni. Il-Kunsill saħaq li din it-tip ta' koperazzjoni għandha tkopri kull forma ta' protezzjoni soċjali u, fejn ikun meħtieġ, tgħin lill-Istati Membri biex itejbu u jsaħħu s-sistemi ta' protezzjoni soċjali tagħhom skond il-prijoritajiet nazzjonali tagħhom. Fakkar ukoll il-kompetenza ta' l-Istati Membri għall-organizzazzjoni u l-finanzjament tal-protezzjoni soċjali, u approva l-erba' objettivi wiesgħa, li huma parti mill-isfida ġenerali ta' l-immodernizzar tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali, kif identifikati mill-Kummissjoni: jiġifieri, li jagħmlu x-xogħol irendi u jipprovdi dħul assigurat; li jassiguraw il-pensjonijiet u jagħmlu s-sistemi ta' pensjoni sostenibbli; li jippromovu l-inklużjoni soċjali; u li jiżguraw li l-kura tas-saħħa tkun ta' kwalità għolja u sostenibbli; il-Kunsill saħaq ukoll li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel trid tiġi integrata fl-attivitajiet kollha li jimmiraw għat-twettiq ta' dawn l-erba' objettivi. Fl-aħħar, il-Kunsill irrikonoxxa li l-aspetti li għandhom x'jaqsmu mal-finanzi huma komuni għall-objettivi kollha.

    (4)

    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Lisbona tat-23 u l-24 ta' Marzu 2000 għarfu l-importanza tal-protezzjoni soċjali għal aktar żvilupp u modernizzar ta' stat assistenzjali attiv u dinamiku fl-Ewropa, u sejjħu lill-Kunsill biex isaħħaħ il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri permezz ta' l-iskambju ta' esperjenzi u l-aħjar prattiki abbażi ta' rettikolati ta' informazzjoni mtejba.

    (5)

    F'Nizza u fil-laqgħat sussegwenti tiegħu, il-Kunsill Ewropew approva regolarment ix-xogħol li sar mill-Kumitat ta' Protezzjoni Soċjali fil-promozzjoni tal-politika Komunitarja ta' skambju ta' esperjenzi dwar il-protezzjoni soċjali.

    (6)

    Il-Kumitat ta' Protezzjoni Soċjali stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/436/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 (3) wera biċ-ċar l-utilità tiegħu bħala korp konsultattiv, kemm għall-Kunsill kif ukoll għall-Kummissjoni, u kontribwixxa b'mod attiv għall-iżvilupp tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni, kif stabbilit mill-Kunsill Ewropew ta' Lisbona.

    (7)

    Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Nizza fl-1 ta' Frar 2003, Kumitat ta' Protezzjoni Soċjali b'kompiti adizzjonali għandu jieħu post il-Kumitat eżistenti li għandu l-istess isem, sabiex ix-xogħol li diġà sar minn dan ta' l-aħħar ikun jista' jitkompla. Għalhekk, id-Deċiżjoni 2000/436/KE għandha tiġi mħassra mid-data li fiha l-Kumitat ta' Protezzjoni Soċjali l-ġdid jassumi l-funzjonijiet tiegħu,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    1.   Kumitat ta' Protezzjoni Soċjali (minn issa 'l quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”), bi status konsultattiv, huwa hawnhekk stabbilit biex jippromovi l-koperazzjoni f'politika ta' protezzjoni soċjali bejn l-Istati Membri u mal-Kummissjoni, f'konformità sħiħa mat-Trattat u b'konsiderazzjoni xierqa għas-setgħat ta' l-istituzzjonijiet u l-organi tal-Komunità.

    2.   Il-kompiti tal-Kumitat għandhom ikunu:

    (a)

    li jimmonitorja s-sitwazzjoni soċjali u l-iżvilupp ta' politika ta' protezzjoni soċjali fl-Istati Membri u fil-Komunità;

    (b)

    li jippromwovi skambji ta' informazzjoni, esperjenzi u prattiki tajbin bejn l-Istati Membri u mal-Kummissjoni;

    (ċ)

    mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 207 tat-Trattat, li jipprepara rapporti, jifformula opinjonijiet jew jidħol għal xogħol ieħor fl-oqsma tal-kompetenza tiegħu, fuq it-talba tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni, jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess.

    3.   Il-Kumitat għandu jaħdem, kif xieraq, f'kooperazzjoni ma' korpi oħra rilevanti u kumitati li jittrattaw materji ta' politika soċjali u politika ekonomika, bħal ma hu l-Kumitat ta' l-Impjieg u l-Kumitat tal-Politika Ekonomika.

    4.   Fit-twettieq tal-mandat tiegħu, il-Kumitat għandu jistabbilixxi kuntatti xierqa mas-sħab soċjali u ma' organizzazzjonijiet soċjali non-governattivi, b'kont meħud tar-rwoli u r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom fil-qasam tal-protezzjoni soċjali. Il-Parlament Ewropew ikun infurmat ukoll dwar l-attivitajiet tal-Kumitat.

    Artikolu 2

    1.   Il-Kumitat għandu jkun kompost minn żewġ rappreżentanti maħtura minn kull Stat Membru u żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni. Ir-rappreżentanti jistgħu jiġu mgħejuna minn żewġ sostituti.

    L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex jiksbu bilanċ bejn is-sessi fil-kompożizzjoni tad-delegazzjonijiet.

    2.   Il-Kumitat jista' juża esperti esterni fejn l-aġenda tiegħu hekk teħtieġ.

    3.   Il-Kumitat għandu jistabbilixxi kuntatti ma' rappreżentanti tal-pajjiżi kandidati.

    Artikolu 3

    1.   Il-Kumitat għandu jeleġġi il-president tiegħu minn fost ir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri għal mandat ta' sentejn li ma jistax jiġi mġedded.

    Il-president għandu jkun mgħejun minn erba' viċi presidenti li tnejn minnhom għandhom jiġu eletti mill-Kumitat minn fost il-membri tiegħu għal mandat ta' sentejn. It-tielet wieħed għandu jkun rappreżentant mill-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill u r-raba' għandu jkun rappreżentant mill-Istat Membru li ser ikollu l-Presidenza li jmiss.

    2.   Il-laqgħat tal-Kumitat għandom jissejħu mill-President, fuq l-inizjattiva tiegħu jew fuq it-talba ta' mill-inqas nofs il-membri tal-Kumitat.

    3.   Il-Kumitat għandu jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu stess. L-ispejjeż għandhom jiġu rimborsati skond ir-regoli amministrattivi fis-seħħ.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tforni s-sostenn analitiku u organizzattiv lill-Kumitat. Għandha taħtar membru tal-persunal tagħha bħala Segretarju, li għandu jaġixxi fuq l-istruzzjonijiet mogħtija mill-Kumitat meta' jkun qed jgħin lill-Kumitat fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu.

    Il-Kummissjoni għandha tikkoopera mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill fir-rigward ta' l-organizzazzjoni ta' laqgħat.

    Artikolu 4

    Il-Kumitat jista' jafda l-istudju ta' kwistjonijiet speċifiċi lill-membri sostituti tiegħu jew jista' jistabbilixxi gruppi ta' ħidma għal dan il-għan. F'tali każijiet, il-post tal-president għandu jieħdu membru jew membru sostitut tal-Kumitat jew uffiċjal tal-Kummissjoni, maħtur mill-Kumitat.

    Il-gruppi ta' ħidma jistgħu jitolbu għajnuna minn esperti.

    Artikolu 5

    Id-Deċiżjoni 2000/436/KE għandha tiġi mħassra mid-data li fiha tinżamm l-ewwel laqgħa tal-Kumitat. L-ewwel laqgħa tal-Kumitat għandha tinżamm mhux aktar tard minn erba' xhur wara d-data ta' l-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

    Magħmula fil Lussemburgu, nhar il-4 ta' Ottubru 2004.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. J. DE GEUS


    (1)  ĠU C

    (2)  ĠU C 8, tat-12.1.2000, p. 7.

    (3)  ĠU L 172, tat-12.7.2000, p. 26.


    Top