EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32003L0040

Id-Direttiva tal-Kummissjoni Nru 2003/40/KE tas-16 ta’ Mejju 2003 li tistabbilixxi l-lista, il-limiti ta’ konċentrazzjoni u l-ħtiġiet ta’ tikkettjar għall-kostitwenti ta’ l-ilmijiet minerali naturali u l-kondizzjonijiet għall-użu ta’ arja arrikkita b’ożonu għat-trattament ta’ ilmijiet minerali naturali u ilmijiet min-nixxiegħat

ĠU L 126, 22.5.2003, p. 34–39 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/40/oj

32003L0040



Official Journal L 126 , 22/05/2003 P. 0034 - 0039


Direttiva tal-Kummissjoni Nru 2003/40/KE

tas-16 ta' Mejju 2003

li tistabbilixxi l-lista, il-limiti ta' konċentrazzjoni u l-ħtiġiet ta' tikkettjar għall-kostitwenti ta' l-ilmijiet minerali naturali u l-kondizzjonijiet għall-użu ta' arja arrikkita b'ożonu għat-trattament ta' ilmijiet minerali naturali u ilmijiet min-nixxiegħat

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkonsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkonsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 80/777/KEE [1], tal-15 ta' Lulju 1980 fuq l-approssimazzjoni tal-liġiet ta' l-Istati Membri dwar l-isfruttament u t-tqegħid fis-suq ta' ilmijiet minerali naturali, kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 96/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [2], u b'mod partikolari l-Artikolu 11(1) tagħha,

Billi:

(1) Kostitwenti jistgħu jkunu preżenti fl-istat naturali f'ċerti ilmijiet minerali naturali minħabba l-oriġini idroġeoloġika tagħhom u jistgħu jippreżentaw riskju lis-saħħa pubblika jekk ikunu 'l fuq minn ċertu konċentrazzjoni. Hu għalhekk meqjus neċessarju li jiġu stabbiliti limiti ta' konċentrazzjoni għal dawn il-kostitwenti fl-ilmijiet minerali naturali.

(2) L-Artikolu 11 tad-Direttiva 80/777/KEE jipprovdi għall-adozzjoni ta' limiti armonizzati ta' konċentrazzjoni għall-kostitwenti ta' l-ilmijiet minerali naturali wara konsultazzjoni mal-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel, u għall- ħtiġiet ta' l-ittikkettjar biex jindikaw, fejn xieraq, il-preżenza ta' ċerti kostitwenti f'konċentrazzjonijiet għolja.

(3) Il-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel ħareġ opinjoni [3], dwar l-arseniku, il-barju, il-fluworidu, il-boron u l-manganiż u, għal kostitwenti oħra ta' l-ilmijiet minerali naturali, ivvalida l-limiti rakkomandati mill-WHO għall-ilma tax-xorb.

(4) L-istandard tal-Codex rivedut għal "ilmijiet minerali naturali" [4], jagħti, għal skopijiet ta' saħħa, lista ta' kostitwenti u limiti massimi għal dawn il-kostitwenti. Din ġiet adottata fuq il-bażi ta' l-aktar informazzjoni xjentifika internazzjonali riċenti u tiggarantixxi protezzjoni suffiċenti għas-saħħa pubblika.

(5) Hu ġeneralment rikonoxxut li t-teħid ta' fluworidu f'livelli baxxi jista' jkollu effett ta' benefiċċju fuq is-snien. Bil-kontra, teħid eċċessiv globali ta' fluworidu jista' jkollu effetti ħżiena fuq is-saħħa pubblika. Għalhekk, hu neċessarju li jiġi stabbilit limitu massimu armonizzat għal fluworidu fl-ilmijiet minerali naturali li jagħti protezzjoni suffiċjenti lill-popolazzjoni kollha kemm hi.

(6) L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tirrikmanda valur ta' gwida ta' 1.5 mg/l għal fluworidu fl-ilma tax-xorb, li kien ivvalidat għall-ilmijiet minerali naturali mill-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel skond l-opinjoni hawn fuq imsemmija. Biex jiġu protetti trabi u tfal żgħar, li huma l-aktar sensittivi għar-riskju tal-fluworosi, fejn il-kontenut ta' fluworidu fl-ilma minerali naturali jaqbeż dan il-valur ta' gwida, referenza għal dan il-fatt, li il-konsumatur jista' jara faċilment, għandha issir ukoll fuq it-tikketta.

(7) Il-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel indika valur ta' gwida għal boron fl-ilmijiet minerali naturali bbażat fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-WHO [5] ta' l-1996. Madankollu, il-WHO u organizzazzjonijiet oħra rikonoxxuti internazjonalment minn dak in-nhar għamlu stimi ġodda ta' l-effetti tal-boron fuq is-saħħa pubblika u rrikkmandaw valuri ogħla. Għandha għalhekk tiġi kkonsultata l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà ta' l-Ikel dwar il-boron fl-ilmijiet minerali naturali biex l-istimi xjentifiċi l-ġodda disponibbli jkunu jistgħu jiġu kkonsidrati u limitu massimu ta' boron m'għandux jiġi stabbilit f'dan l-istadju.

(8) Il-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel indika wkoll fl-opinjoni t'hawn fuq il-livell aċċettabli għal barju, għal manganiż u għal arseniku fl-ilmijiet naturali minerali. Għall-kostitwenti l-oħra li m'humiex mixtieqa fl-ilmijiet minerali naturali u li jista' jkollhom effet ħażin fuq is-saħħa pubblika, l-istandard Codex rivedut jistabbilixxi limiti massimi li jiggarantixxu protezzjoni suffiċjenti għas-saħħa pubblika. Madankollu, il-limitu għan-nitrati hu meqjus bħala baxx wisq skond l-informazzjoni disponibbli u għandu jinġieb konformi ma' dak ta' l-ilma tax-xorb [6].

(9) Il-limitu massimu għan-nitrati stabbilit fl-istandard tal-Codex jiggarantixxi protezzjoni suffiċjenti għas-saħħa pubblika u għandu jservi bħala referenza għall-kummerċ Komunitarju u internazzjonali fl-ilmijiet minerali naturali. Madankollu, waqt il-proċedura għar-rikonoxximent uffiċjali tas-sorsi ta' l-ilmijiet minerali naturali msemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva msemmija qabel, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jieħdu valur ta' gwida aktar baxx għan-nitrati fl-ilmijiet minerali naturali miġbura fit-territorju tagħhom.

(10) Ilmijiet minerali naturali li l-kontenut tagħhom f'ċerti kostitwenti jaqbeż il-limiti massimi għall-dawn il-kostitwenti għandhom, għal skopijiet ta' saħħa pubblika, ikunu soġġetti għal trattamenti ta' separazzjoni għal dawn il-kostitwenti. Biex l-operaturi kkonċernati jkunu jistgħu jagħmlu l-investiment neċessarju biex jikkonformaw ma' dawn l-istandards il-ġodda, għandhom jitħallew perijodi suffiċenti qabel ma l-limiti massimi ta' konċentrazzjoni għal dawn il-kostitwenti jidħlu fis-seħħ, b'mod partikolari rigward il-fluworidu u n-nîkil għal liema l-ebda trattament għal separazzjoni għadu ma ġie stimat jew awtorizzat fil-livell tal-Komunità.

(11) Għall-iskopijiet ta' kontrolli uffiċjali fuq dawn il-kostitwenti, marġini ta' tibdil madwar il-limiti massimi ta' konċentrazzjoni hu neċessarju li jkun jikkorrespondi ma' inċertezzi tal-kejl.

(12) l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 80/777/KEE (kif emendata) jipprovdi għas-separazzjoni tal-ħadid, tal-manganiż, tal-kubrit u ta' l-arseniku minn ċerti ilmijiet minerali naturali, bl-użu tat-trattament ta' l-arja arrikkita b'ożonu, bla ħsara għal stima ta' dan it-trattament mill-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel u l-adozzjoni tal-kondizzjonijiet għall-użu ta' dan it-trattament mill-Kumitat Permanenti dwar l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali.

(13) Il-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel ħareġ opinjoni [7], dwar dan it-trattament li tipprovdi kemm l-obbligi ta' metodi kif ukoll ta' riżultati. Madankollu, hu meqjus bħala xieraq li jiġu stipulati biss l-obbligi ta' riżultati, biex jiġu kkonsidrati l-iżviluppi fit-tekniki ta' trattament ta' l-arja arrikkita b'ożonu u l-varjabbilità fit-trattament skond il-komposizzjoni fiżjokimika ta' l-ilma li jkun se jiġi ttrattat.

(14) Barra minn hekk, trattament b'arja arrikkita b'ożonu m'għandux jimmodifika l-komposizzjoni f'termini ta' kostitwenti karatteristiċi fis-sens ta' l-Artikolu 7(2)(a) tad-Direttiva 80/777/KEE, jew ikollu azzjoni ta' diżinfettant fis-sens ta' l-Artikolu 4(3) jew jiġġenera l-formazzjoni ta' residwi tat-trattament li jistgħu jkollhom effetti ta' ħsara fuq is-saħħa pubblika.

(15) Skond l-artikolu 7(2)(c) tad-Direttiva t'hawn fuq, ilmijiet minerali naturali ttrattati b'arja arrikkita b'ożonu għandu jkollhom referenza fuq it-tikketta li tagħti lill-klijenti informazzjoni suffiċjenti dwar it-trattament li jkun sar.

(16) Skond id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 9(4)(a) ir-raba' inċiż tad-Direttiva 80/777/KEE, id-disposizzjonijiet dwar it-trattamenti previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva, u b'mod partikolari trattament b'arja arrikkita b'ożonu, huma applikabbli għal ilmijiet tan-nixxiegħa.

(17) Il-miżuri stabbiliti f'din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku dwar il-Katina ta' l-Ikel u s-saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Din id-Direttiva tistabbilixxi l-lista ta' kostitwenti ta' l-ilmijiet minerali naturali li jistgħu jippreżentaw riskju lis-saħħa pubblika, il-limiti għal livelli permessi ta' dawn il-kostitwenti, it-terminu perentorju għall-applikazzjoni ta' dawn il-limiti u l-ħtiġiet ta' l-ittikkettjar għal ċerti kostitwenti. Dawn il-kostitwenti għandhom ikunu preżenti fl-ilma b'mod naturali u ma jistgħux jirriżultaw minn kontaminazzjoni fl-għajn.

Din tiddefinixxi wkoll il-kondizzjonijiet għall-użu ta' arja arrikkita b'ożonu għas-separazzjoni tal-komposti tal-ħadid, manganiż, kubrit u arseniku minn ilmijiet minerali naturali jew ilmijiet tan-nixxiegħa, u l-ħtiġiet ta' l-ittikkettjar għal ilmijiet li għaddew minn dan it-trattament.

Artikolu 2

1. Sa' mhux aktar tard mill-l ta' Jannar 2006, ilmijiet minerali naturali għandhom, fil-ħin ta' l-imballaġġ, ikunu konformi mal-limiti massimi ta' konċentrazzjoni stabbiliti fl-Anness I għall-kostitwenti elenkati f'dak l-Anness.

2. Madankollu, fil-każ ta' fluworidi u nîkil, it-terminu perentorju msemmi hawn fuq huwa estiż sa' l-1 ta' Jannar 2008.

3. deroga mill-paragrafu 1, matul il-proċedura għar-rikonoxximent uffiċjali ta' l-ilmijiet minerali naturali miġbura fit-territorju tagħhom, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jistgħu jieħdu valur ta' referenza aktar baxx għal nitrati u nitriti, basta li l-istess valur ta' referenza jkun jgħodd għall-applikazzjonijiet kollha magħmula lilhom.

Artikolu 3

Għall-iskopijiet ta' kontrolli uffiċjali, l-Istati Membri għandhom iħarsu l-ispeċifikazzjonijiet elenkati fl-Anness II għall-analiżi tal-kostitwenti elenkati fl-Anness I.

Artikolu 4

1. Ilmijiet minerali naturali b'konċentrazzjoni ta' fluworidu li taqbeż 1.5 mg/l għandhom ikollhom fuq it-tikketta l-kliem "fih aktar minn 1.5 mg/l ta' fluworidu: mhux tajjeb għal konsum regolari minn trabi u tfal ta' taħt is-7 snin".

2. L-informazzjoni fuq it-tikketta kif stabbilita fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tidher qrib l-isem kummerċjali u f'karattri li jidhru b'mod ċar.

3. Ilmijiet minerali naturali li, skond it-termini tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, għandhom informazzjoni fuq it-tikketta, għandhom jindikaw il-kontenut attwali ta' fluworidu f'relazzjoni mal-komposizzjoni fiżjokimika f'termini ta' kostitwenti essenzjali, kif stabbilit fl-Artikolu 7(2)(a) tad-Direttiva 80/777/KEE.

Artikolu 5

1. Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 80/777/KEE, applikazzjoni tat-trattament ta' l-ilmijiet minerali naturali b'arja arrikkita b'ożonu għandha tkun mgħarrfa minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti, li għandhom jiżguraw li:

(a) l-użu ta' dan it-trattament hu ġustifikat bil-komposizzjoni ta' l-ilma f'termini ta' komponenti tal-ħadid, manganiż, kubrit u arseniku;

(b) l-operatur jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex jiġgarantixxi li t-trattament hu effettiv u bla periklu u li jħallih ikun ivverifikat mill-awtoritajiet kompetenti.

2. Trattament ta' l-arja arrikkita b'ożonu ta' l-ilmijiet minerali naturali għandu jikkonforma mal-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) il-komposizzjoni fisjokimika ta' l-ilmijiet minerali naturali f'termini ta' kostitwenti essenzjali m'għandhiex tiġi modifikata bit-trattament;

(b) l-ilma minerali naturali qabel it-trattament għandu jikkonforma mal-kriterji mikrobijoloġiċi kif stabbiliti fl-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 80/777/KEE;

(ċ) it-trattatament m'għandux iwassal għall-formazzjoni ta' residwi b'konċentrazzjoni li taqbeż il-limiti massimi stabbiliti fl-Anness III jew residwi li jistgħu jkunu ta' riskju għas-saħħa pubblika.

Artikolu 6

Skond l-Artikolu 7(2)(ċ) tad-Direttiva 80/777/KEE, it-tikketti ta' l-ilmijiet minerali naturali li jkunu ġew ittrattati b'arja arrikkita b'ożonu għandhom ikollhom, fil-qrubija tal-komposizzjoni analitika tal-kostitwenti karatteristiċi, il-kliem "ilma soġġettat għal teknika ta' ossidazzjoni awtorizzata għall-arja arrikkita b'ożonu".

Artikolu 7

Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 9(4)(b) tad-Direttiva 80/777/KEE, id-disposizzjonijiet ta' l-Artikoli 5 u 6 ta' din id-Direttiva għandhom jgħoddu għal ilmijiet tan-nixxiegħa.

Artikolu 8

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jippermettu l-marketing ta' prodotti li jikkonformaw mad-Direttiva preżenti mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2004.

2. Mingħajr preġudizzju għat-termini perentorji stabbiliti fl-Artikolu 2(1) u (2), l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-marketing ta' prodotti li ma jikkonformawx mad-Direttiva preżenti mill-1 ta' Lulju 2004. Madankollu, prodotti mballati u ttikketjati qabel l-1 ta' Lulju 2004 jistgħu jinbiegħu sakemm jispiċċaw il-ħażniet.

Artikolu 9

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa' mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2003. Huma għandhom jinfurmaw b'dan minnufih lill-Kummissjoni.

Id-disposizzjonijiet adottati skond dan il-paragrafu għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fil-waqt tal-pubblikazzjoni uffiċjalil tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif issir din ir-riferenza.

Artikolu 10

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 11

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, fis-16 ta' Mejju 2003.

Għall-Kummissjoni

David Byrne

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 229, tat-30.8.1980, p. 1.

[2] ĠU L 299, tat-23.11.1996, p. 26.

[3] Opinjoni tat-13 ta' Diċembru 1996 dwar arseniku, barjum, fluworidu, boron u manganiż fl-ilmijiet minerali naturali.

[4] Codex Stan 108-1981, Rev 1-1997, modifikat matul is-seba' sessjoni tal- CCNMW (Ottubru 2000).

[5] WHO (1996): linji ta' gwidi fuq il-kwalità ta' l-ilma tax-xorb, it-tieni edizzjoni, it-tieni volum.

[6] Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE (ĠU L 330 tal- tal-5.12.1998, p. 32).

[7] Opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel tas-7 ta' Ġunju 1996 fuq l-użu ta' l-ożonu għas-separazzjoni ta' elementi mhux stabbli bħall-ħadid, il-manganiż u l-arseniku mill-ilmijiet minerali naturali.

--------------------------------------------------

ANNESS I

Kostitwenti preżenti b'mod naturali f'ilmijiet minerali naturali u limiti massimi li, jekk jiġu maqbuża, jistgħu jkunu ta' riskju għas-saħħa pubblika

Kostitwenti | Limiti massimi (mg/l) |

Antimonju | 0.0050 |

Arseniku | 0.010 (bħala total) |

Barju | 1.0 |

Boron | Għar-rekord [1] |

Kadmju | 0 003 |

Kromju | 0 050 |

Ram | 1.0 |

Ċjanur | 0 070 |

Fluworidi | 5.0 |

Ċomb | 0 010 |

Manganiż | 0.50 |

Merkurju | 0.0010 |

Nikil | 0 020 |

Nitrati | 50 |

Nitriti | 0.1 |

Selenju | 0 010 |

[1] Il-limitu massimu għall-boron ikun stabbilit, fejnmeħtieġ, wara opinjoni ta' l- Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà ta' l-Ikel u fuq proposta mill-Kummissjoni sa l-1 ta' Jannar 2006.

--------------------------------------------------

ANNESS II

Karatteristiċi ta’ prestazzjoni [1] biex jiġu analizzati l-kostitwenti fl-Anness I

Nota 1:

eżattezza hi l-iżball sistematiku u hi d-differenza bejn il-valur medju ta' numur kbir ta' kejl repetut u l-valur eżatt.

Nota 2:

preċiżjoni hi żball saltwarju li hu espress ġeneralment bħala d-devjazzjoni stàndard (f'lott u bejn lottijiet) ta' kampjun ta' riżultati mill-medja. Preċiżjoni aċċettabli hi ugwali għal darbtejn id-devjazzjoni standard relattiva.

Nota 3:

il-limitu ta' skoperta hu:

- jew tliet darbiet tad-devjazzjoni standard relattiva f'lott ta' kampjun naturali li fih konċentrazzjoni baxxa tal-parametru,

- jew ħames darbiet id-devjazzjoni standard relattiva fil-lott ta' kampjun mhux użat.

Nota 4:

il-metodu għandu jagħmel possibbli d-determinazzjoni taċ-ċjanur totali fil-forom tagħha kollha.

Kostitwenti | Eżattezza tal-valur parametriku f' % (Nota 1) | Preċiżjoni tal-valur parametriku (Nota 2) | Limitu ta' skoperta f' % tal-valur parametriku (Nota 3) | Noti |

Antimonju | 25 | 25 | 25 | |

Arseniku | 10 | 10 | 10 | |

Barju | 25 | 25 | 25 | |

Boron | | | | Ara l-Anness I |

Kadmju | 10 | 10 | 10 | |

Kromju | 10 | 10 | 10 | |

Ram | 10 | 10 | 10 | |

Ċjanur | 10 | 10 | 10 | Nota 4 |

Fluworidu | 10 | 10 | 10 | |

Ċomb | 10 | 10 | 10 | |

Manganiż | 10 | 10 | 10 | |

Merkurju | 20 | 10 | 20 | |

Nîkil | 10 | 10 | 10 | |

Nitrati | 10 | 10 | 10 | |

Nitriti | 10 | 10 | 10 | |

Selenju | 10 | 10 | 10 | |

[1] Karatteristiċi ta' prestazzjoni Metodi ta' analiżi biex jitkejjlu l-konċentrazzjonijiet ta' kostitwenti mniżżla fl-Anness I għandhom ikunu kapaċi jkejlu, bħala minimu, konċentrazzjonijiet ugwali għal valur parametriku b'eżatezza speċifika, preċiżjoni u limitu ta' skoperta. Hi x'inhi s-sensitività tal-metodu ta' analiżi użat, ir-riżultat għandu jkun espress billi jintuża mill-inqas l-istess numru ta' postijiet deċimali li jintużaw għal-limitu massimu stabbilit fl-Anness I.

--------------------------------------------------

ANNESS III

Limiti massimi tar-residwi mit-trattament ta' ilmijiet minerali naturali u ilmijiet min-nixxiegħa b'arja arrikkita bl-ożonu

Residwu mit-trattament | Limitu massimu [1] (μ g/l) |

Ożonu maħlul | 50 |

Bromati | 3 |

Bromuformi | 1 |

[1] Konformità mal-limiti massimi hi sorveljata mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri fil-waqt ta' l-ibbottiljar jew forma oħra ta' imballaġġ maħsuba għall-konsumatur aħħari.

--------------------------------------------------

Top