Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32003D0185

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l-14 ta' Marzu 2003 dwar l-allokazzjoni ta' ġranet addizzjonali mill-port lil Stati Membri skond l-Anness XVII tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2341/2002 (notifikata bid-dokument numru K(2003) 762) (Test b'relevanza għall-ŻEE)

ĠU L 71, 15.3.2003, p. 28–29 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2003/185/oj

32003D0185



Official Journal L 071 , 15/03/2003 P. 0028 - 0029


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

ta' l-14 ta' Marzu 2003

dwar l-allokazzjoni ta' ġranet addizzjonali mill-port lil Stati Membri skond l-Anness XVII tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2341/2002

(notifikata bid-dokument numru K(2003) 762)

(Test b'relevanza għall-ŻEE)

(2003/185/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkonsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kkonsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2341/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002 li jiffissa għas-sena 2003 l-opportunitajiet ta' sajd u l-kondizzjonijiet assoċjati għal ċerti riservi ta' ħut u gruppi ta' riservi ta' ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Komunità u, għal bastimenti tal-Komunità, f'ilmijiet fejn il-limitazzjonijiet fil-qbid huma meħtieġa [1], u b'mod partikolari l-Anness XVII, paragrafu 6, tiegħu,

Billi:

(1) Il-paragrafu 6(a) ta' l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 2341/2002 jispeċifika n-numru ta' ġranet li fihom ċerti bastimenti tal-Komunità jistgħu ma jkunux fil-port fiż-żoni ġeografiċi definiti fil-paragrafu 2 ta' dak l-Anness mill-1 ta' Frar 2003 sal-31 ta' Diċembru 2003.

(2) Il-paragrafu 6(b) ta' l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 2341/2002 jiddisponi għall-possibiltà li l-Kummissjoni talloka ġranet addizzjonali ta' assenza mill-portijiet tal-bastimenti u l-postijiet tas-sajd u għal aġġustament għall-iskema ta' maniġġjar ta' sforz għas-sajd li għadha kemm ġiet stallata.

(3) Il-ġranet previsti fil-paragrafu 6(a) ta' l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 2341/2002 huma biżżejjed biex lil bastimenti li jkunu qed jużaw tagħmir għajr dak definit fil-paragrafu 4(a) ta' dak l-Anness, jitħallilhom il-ħin meħtieġ biex jinqabdu l-kwantitajiet ta' merluzz li huma intitolati biex jistadu għalih fl-2003.

(4) Bastimenti li jużaw tagħmir definit fil-paragrafu 4(a) ta' l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 2341/2002 tradizzjonalment iġorru abbord diversi tipi ta' tagħmir. Skond il-paragrafu 7 ta' l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 2341/2002, din il-prattika m'hijiex permessa għal bastimenti tas-sajd suġġetti għal dak l-Anness. Din ir-regola tirriżulta fi ħtieġa partikolari għal dawk il-bastimenti li jingħataw ġranet addizzjonali għall-aġġustament għall-iskema l-ġdida, biex ikunu jistgħu jmorru lura lejn il-port biex jibdlu t-tagħmir meta meħtieġ.. Jumejn addizzjonali huma meqjusa xierqa għal dan il-għan.

(5) Kull Stat Membru x'aktarx li jiltaqa' ma' problemi simili relatati ma' l-aġġustament għas-sistema ta' maniġġjar ta' l-isforz għas-sajd li għadha kemm ġiet stallata.

(6) Il-paragrafu 6(ċ) ta' l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2341/2002 jiddisponi għall-possibiltà li l-Kummissjoni talloka ġranet addizzjonali ta' assenza mill-port ta' Stati Membri għal bastimenti li jkunu qed iġorru abbord xi tagħmir definit fil-paragrafu 4(a) ta' l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 2341/2002 b'rikonoxximent tar-riżultati miksuba jew riżultati mistennija mill-irtirar mis-servizz ta' bastimenti tas-sajd fl-2002 u 2003.

(7) Id-Danimarka u r-Renju Unit bagħtu data dwar l-irtirar mis-servizz ta' bastimenti tas-sajd bħal dawn fl-2002 u deskrizzjoni tal-ħsieb tagħhom li jirtiraw mis-servizz bastimenti tas-sajd bħal dawn fl-2003.

(8) Deċiżjoni tal-Kummissjoni hi meħtieġa biex jiġu allokati ġranet addizzjonali fuq il-baħar għal bastimenti tas-sajd li jkunu jġorru abbord it-tagħmir tas-sajd definit fil-paragrafu 4(a) ta' l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 2341/2002,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Skond il-paragrafu 6(b) ta' l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 2341/2002 l-Istati Membri jistgħu jallokaw massimu ta' jumejn addizzjonali kull xahar kalendarju li fihom bastimenti jistgħu ikunu assenti mill-port waqt li jkunu qed iġorru abbord xi tagħmir tas-sajd kif definit fil-paragrafu 4(a) ta' dak l-Anness.

Artikolu 2

In-numru massimu ta' ġranet addizzjonali li jistgħu jiġu allokati f'kull xahar kalendarju skond il-paragrafu 6(ċ) ta' l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 2341/2002 għandu jkun kif ġej:

(a) id-Danimarka: jumejn

(b) ir-Renju Unit: erbat ijiem.

Artikolu 3

In-numru ta' ġranet addizzjonali allokati taħt l-Artikoli 1 u 2 jistgħu jiġu akkumulati.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fl-14 ta' Marzu 2003.

Ghall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 356, tal-31.12.2002, p. 12.

--------------------------------------------------

Top