Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32003D0037

Id-Deċiżjoni tal-kummissjoni tas-16 ta’ Jannar 2003 dwar il-gwida fuq il-metodu ta’ referenza proviżorju għat-teħid ta’ kampjuni u biex jitkejjel il-PM2.5 taħt id-Direttiva 1999/30/KE (notifikata bid-dokument numru K(2003) 10)(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 12, 17.1.2003, p. 31–33 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 28/04/2004; Imħassar b' 32004D0470

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2003/37(1)/oj

32003D0037



Official Journal L 012 , 17/01/2003 P. 0031 - 0033


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tas-16 ta’ Jannar 2003

dwar il-gwida fuq il-metodu ta’ referenza proviżorju għat-teħid ta’ kampjuni u biex jitkejjel il-PM2.5 taħt id-Direttiva 1999/30/KE

(notifikata bid-dokument numru K(2003) 10)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2003/37/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 1999/30/KE tat-22 ta’ April 1999 dwar il-valuri tal-limitu għad-diossidju tal-kubrit, għad-diossidju tan-nitroġenu u għall-ossidi tan-nitroġenu, għal sustanzi kimiċi żgħar ħafna u għaċ-ċomb fl-ajru [1], kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/744/KE [2], u l-aktar l-Artikolu 7(5), it-tielet subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1) Il-valuri tal-limitu għad-diossidju tal-kubrit, għad-diossidju tan-nitroġenu u għall-ossidi tan-nitroġenu, għal sustanzi kimiċi żgħar ħafna, kif ukoll għaċ-ċomb fl-arja huma stabbiliti fid-Direttiva 1999/30/KE.

(2) Bħalissa l-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (KES) qed jistandardizza metodu ta’ referenza għat-teħid ta’ kampjuni u biex jitkejjel l-PM2.5. Fin-nuqqas ta’ dan il-metodu ta’ riferenza, il-Kummissjoni għandha tagħti gwida dwar il-metodu ta’ referenza proviżorju għat-teħid ta’ kampjuni u biex jitkejjel il-PM2.5, fi qbil mal-proċedura stabbilita fit-Taqsima V ta’ l-Anness IX għad-Direttiva 1999/30/KE.

(3) Id-Direttiva 96/62/KE tas-27 ta’ Settembru 1996 fuq l-istima u t-tmexxija tal-kwalità ta’ l-arja ta’ l-ambjent [3] tipprovdi li l-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat li hemm imsemmi fl-Artikolu 12 tad-Direttiva; dan irid ikun magħmul mir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u mmexxi mir-rappreżentant tal-Kummissjoni, li min-naħa tagħha għandha tqis sewwa l-opinjoni mogħtija mill-Kumitat.

(4) Il-miżuri li hemm f’din id-Deċiżjoni huma fi qbil ma’ l-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf bl-Artiklu 12(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 96/62/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-linja gwida għall-metodu ta’ referenza proviżorju għat-teħid ta’ kampjuni u biex jitkejjel il-PM2.5 imsemmi fit-Taqsima V ta’ l-Anness IX għad-Direttiva 1999/30/KE qed tingħata permezz ta’ l-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Dan id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-16 ta’ Jannar 2003.

Għall-Kummissjoni

Margot Wallström

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 163, tad-29.06.99, pġ. 41.

[2] ĠU L 278, tat-23.10.01, pġ. 35.

[3] ĠU L 296, tal-21.11.96, pġ. 55.

--------------------------------------------------

ANNESS

GWIDA FUQ KIF GĦANDU JITKEJJEL IL-PM2.5 TAĦT ID-DIRETTIVA 1999/30/KE

L-għan ta' dan id-dokument huwa li jagħti rakkomandazzjonijiet lill-maniġers tal-kwalità ta' l-arja u lil dawk li jħaddmu n-netwerks, fuq l-għażla ta' tagħmir li jkejjel il-PM2.5, liema rakkomandazzjonijiet huma meħtieġa mill-ewwel Direttiva Derivanti fuq it-tniġġis ta' l-arja għal sustanzi żgħar. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet ma jgħoddux għal applikazzjonijiet possibbli oħra ma' għanijiet differenti tat-teħid tal-kejl, bħal per eżempju fil-każ ta' attivitajiet ta' riċerka, jew fil-każ ta' miżuri indikattivi.

L-Isfond u x-xogħol ta' l-istandardizzazzjoni tal-KES

Id-Direttiva 1999/30/KE, fl-Artikolu 5, tgħid li "l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istazzjonijiet li jieħdu l-kejl li jipprovdu tagħrif fuq il-konċentrazzjoni ta' PM2.5 għandhom ikunu mwaħħla u mħaddma. Kull Stat Membru għandu jagħżel in-numru u l-post ta' l-istazzjonijiet li fihom għandu jitkejjel il-PM2.5 bħala kampjun rappreżentattiv tal-konċentrazzjonijiet ta' PM2.5 f'dak l-Istat Membru. Fejn ikun possibbli, il-postijiet minn fejn jittieħed il-kejl għall-PM2.5 għandhom ikunu jinsabu flimkien ma' postijiet minn fejn jittieħdu kampjuni għal PM10." L-Artikolu 7 isemmi wkoll li "l-metodu ta' referenza proviżorju għat-teħid ta' kampjuni u biex jitkejjel il-PM2.5 għandu jkun stabbilit fit-Taqsima V ta' l-Anness IX." L-Anness IX fl-aħħar jistaqsi għat-tħejjija ta' linja gwida li għandha tkun żviluppata mill-Kummissjoni Ewropea f'konsultazzjoni mal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 96/62/KE.

Id-DĠ għall-Ambjent ta mandat lill-KES biex dan jiżviluppa metodu ta' referenza Ewropew fiss biex ikun jista' jitkejjel il-PM2.5. Dan il-metodu huwa bbażat fuq id-determinazzjoni gravimetrika tal-frazzjoni tal-PM2.5 tas-sustanzi fl-arja, li jkun ittieħed kampjun minnhom fil-kondizzjonijiet ta' l-ambjent. Il-KES TC 264/WG 15 kien beda x-xogħol tiegħu fis-sena 2000. L-ewwel żewġ kampanji ta' tisħiħ f'ambjent reali u naturali (Madrid, Duisburg) issa tlestew; hemm żewġ kampanji oħra li għadhom għaddejjin (Vredepeel, Vjenna). Erba' kampanji oħra fl-Isvezja, l-Ingilterra, l-Greċja u l-Italja għadhom qed jitħejjew. Ix-xogħol ta' tisħiħ huwa mistenni li jintemm fl-2003. Il-metodu finali u fiss tal-KES se jkun, għalhekk, disponibbli qabel l-2004.

Il-KES WG 15 bħalissa qed jittestja diversi strumenti kandidati li huma bbażati fuq il-metodu tad-determinazzjoni gravimetrika u mgħammra b'għamliet differenti ta' dħul maħduma fl-Ewropa kif ukoll bis-sampler tar-Referenza ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika:

- MINI-WRAC, sampler b'filtru wieħed, mill-Istitut Frauenhofer għar-Riċerka Tosskoloġika u ta' l-Aerosol (FhG-ITA), il-Ġermanja,

- RAAS 2.5-1, sampler b'filtru wieħed, mill-ESM Andersen, l-Istati Uniti ta' l-Amerika,

- Partisol plus-SCC, sampler sekwenzali, mir-Rupprecht u Patashnick, l-Istati Uniti ta' l-Amerika,

- Partisol FRM, sampler b'filtru wieħed, mir-Rupprecht u Patashnick, l-Istati Uniti ta' l-Amerika,

- SEQ 47/50, sampler sekwenzali, mill-Kumpanija Leckel, il-Ġermanja,

- HVS-DHA 80, sampler sekwenzali, mid-Digitel, l-Isvizzera.

Barra minhekk, il-KES qed jittestja wkoll numru ta' tagħmir ieħor li jieħu l-kejl b'mod awtomatiku. Dan huwa bbażat fuq il-metodu tat-tirqiq tar-raġġ beta u fuq dak magħruf bl-Ingliż bħala tapered element oscillating microbalance (TEOM). Dan biex tintlaħaq l-ekwivalenza mal-metodu ta' referenza gravimetriku:

- ADAM, it-tirqiq tar-raġġ beta, sekwenzali, mill-OPSIS, l-Isvezja,

- FH 62 I-R, it-tirqiq tar-raġġ beta, tejp tal-filtru, mill-Kumpannija ESM Andersen, l-Istati Uniti ta' l-Amerika,

- BAM 1020, it-tirqiq tar-raġġ beta, tejp tal-filtru, mill-Met One, l-Istati Uniti ta' l-Amerika,

- TEOM SES, sharp cut cyclone, mir-Rupprecht u Patashnick, l-Istati Uniti ta' l-Amerika.

Problemi fil-kejl tal-konċentrazzjoni tal-massa tal-PM2.5

Meta jkunu qed jiġu stabbiliti l-konċentazzjonijiet tal-massa tal-PM2.5, għandhom jitqiesu diversi problemi, li wħud minnhom kienu magħrufa mill-esperjenzi ta' qabel meta kien qed jittieħed il-kejl tal-PM10. Studji preliminari inter-komparattivi li saru f'diversi Stati Membri wrew differenzi kbar bejn ir-riżultati tal-kampjuni manwali tal-PM2.5, li jibqgħu telgħin sa ± 30 %. Ir-raġunijiet għad-differenzi li ġew innutati bejn is-samplers huma kumplessi u jistgħu jinqasmu fl-:

- oġġetti fuq il-filtru, eż. telfien evaporattiv matul it-teħid tal-kampjun jew l-ikkondizzjonar tal-filtru,

- oġġetti fid-daħla ta' l-iffrazzjonar tal-qies, eż. disinn ħażin, tibdil fil-qata' minħabba ċ-ċirkolazzjoni batuta fil-kontroll tal-volum, u t-tqegħid ta' sustanzi fuq il-platt tar-rassa,

- oġġetti minħabba l-metodu tas-sistema ta' kif jittieħed il-kampjun; eż. it-tqegħid ta' sustanzi fit-tubu tal-kampjun (l-aktar għal tubi twal u dawk milwijin fit-tond).

Wieħed għandu jqis li l-kompożizzjoni kemikali tal-PM2.5 hija differenti sew minn dik tal-PM10, l-aktar is-sustanza kimika żgħira semi-volatili (eż. in-nitrat ta' l-ammonja, komposti organiċi) li tiżdied fil-frazzjoni fina tal-qies tal-PM2.5. Is-sustanzi żgħar fl-iskala tal-qies bejn il-PM10 u l-PM2.5 huma magħmula l-aktar minn komponenti li ma jitħarrkux, bħas-silika, l-ossidi tal-metall, eċċ. Għalhekk, il-problemi b'telf ta' sustanzi semi-volatili li jkunu ġew diġà osservati meta jkun qed jittieħed il-kampjun tal-PM10 jistgħu jkunu aktar qawwija fit-teħid tal-kejl tal-PM2.5.

It-telf jiddependi l-aktar fuq il-kompożizzjoni ta' l-aerosols u l-preżenza ta' sustanzi volatili żgħar, kif ukoll fuq id-differenza bejn it-temperatura ta' l-ambjent u ta' dik waqt it-teħid tal-kampjun. Għalhekk, it-telf jista' juri varjazzjonijiet staġjonali u ġeografiċi li jkunu importanti. Bħala eżempju ta' dan, telf qrib iż-0 % kienu rrappurtati fl-Iskandinavja matul darba waħda fir-rebbiegħa (aerosols li kienu ġejja mit-trammil tat-toroq), waqt li fl-Ewropa Ċentrali ġie osservat telf sa 70 % matul darba waħda fix-xitwa (aerosols b'kontenut għoli ta' nitrat ta' l-ammonja).

B'dan l-isfond jista' jkun antiċipat li kull proċess ta' sħana li jista' jkun hemm fis-sistema tat-teħid tal-kampjuni fil-fatt juri konċentrazzjonijiet ta' massa tal-PM2.5 li jkunu ferm aktar baxxi minn sistema li tkun miżmuma taħt il-kondizzjonijiet ta' l-ambjent.

Rakkomandazzjonijiet għall-ħarsien tal-PM2.5

Fin-nuqqas ta' konklużjonijiet mill-attivitajiet ta' l-istandardizzazzjoni tal-KES, għandhom jingħataw ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin għall-PM2.5:

Dwar il-metodu tal-qies:

Il-mandat mogħti mill-Kummissjoni lill-KES kien speċifika li l-metodu tal-kejl li għandu jiġi standardizzat huwa bbażat fuq id-determinazzjoni gravimetrika tal-frazzjoni tal-massa tal-PM2.5 ta' sustanzi żgħar li jkunu nġabru fuq il-filtru taħt il-kondizzjonijiet ta' l-ambjent. Metodi oħra, bħal dak tat-tirqiq tar-raġġ beta u dak magħruf bħala tapered element oscillating microbalance (TEOM), bħalissa qed jiġu ppruvati mill-KES WG 15 biex tkun stabbilita l-ekwivalenza tagħhom mal-metodu gravimetriku. Metodi bħal dawk ibbażati fuq metodi ottiċi (l-għadd tas-sustanzi jew in-nefelometrija) m`humiex meqjusa għall-użu possibbli taħt id-direttiva.

Dwar id-daħla speċifika PM2.5:

Bħalissa, hemm żewġ għamliet ewlenin ta' daħliet li huma disponibbli u li qed jintużaw għall-ħarsien u għal skopijiet ta' riċerka: id-daħla b'għamla ta' impactor u dik b'għamla ta' sharp cut-cyclone. Bħalissa, iż-żewġ għamliet qed jiġu ppruvati eż. fi ħdan il-qafas tal-KES WG 15. Il-qies ta' l-effiċjenza tal-frazzjonalizzazzjoni tad-daħla għandu jkun kif ġej: 50 % tas-sustanzi b'dijametru erodinamiku ta' 2,5 ISO-7ìISO-1m għandhom ikunu miġbura fuq il-filtru.

Dwar it-tagħmir:

It-teorija u l-esperjenza li nkisbet qabel fix-xogħol tat-tisħiħ tal-PM10 juru li l-użu tat-tagħmir li bih tkun imsaħħna s-sonda tal-kampjun u/jew il-filtru meta jkun qed isir il-ġbir għandu jkun evitat biex jitkejjel il-PM2.5. Biex ikun imrażżan kemm jista' jkun it-telf ta' sustanzi volatili, it-tagħmir li jieħu kampjun kemm jista' jkun qrib it-temperatura ta' l-ambjent għandu jkun ippreferut għall-PM2.5.

Waqt li jitqies il-mod mhux komplut u n-nuqqas ta' koerenza tar-riżultati miksuba s'issa mid-diversi studji li saru, huwa kważi impossibbli li għalissa jintgħażel tagħmir kandidat għall-ħarsien tal-PM2.5. Meta wieħed jasal għall-għażla ta' tagħmir partikolari ta' kejl, hu rrakkomandat li tittieħed direzzjoni tajba. Għandha tingħata preferenza direzzjoni li ma tinkludix xi investiment importanti fir-riżorsi u li fl-istess waqt tippermetti li fi żviluppi futuri jkun hemm l-addattament meħtieġ fil-kriterji tat-teħid tal-kejl (eż. il-metodu fiss Ewropew fuq it-teħid tal-kejl tal-PM2.5 li se jkun użat fil-ġejjieni qrib, l-iżviluppi tekniċi minn dawk li jimmanifatturaw it-tagħmir, ir-regolament li ġej fuq il-metalli tqal).

Meta jkun qed jingħata t-tagħrif dwar il-PM2.5, huwa importanti li titniżżel b'mod sħiħ il-metodoloġija tat-teħid tal-kejl li tkun intużat biex jinkiseb dan it-tagħrif.

--------------------------------------------------

Top