Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002D1919

    Id-Deċiżjoni nru 1919/2002/ke tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2002 li temenda id-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/411/KE dwar it-titjib ta’ l-istatistika agrikola tal-Komunità

    ĠU L 293, 29.10.2002, p. 5–6 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2002/1919/oj

    32002D1919



    Official Journal L 293 , 29/10/2002 P. 0005 - 0006


    Id-Deċiżjoni nru 1919/2002/ke tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    tal-21 ta’ Ottubru 2002

    li temenda id-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/411/KE dwar it-titjib ta’ l-istatistika agrikola tal-Komunità

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 285(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [2],

    Billi:

    (1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/411/KE hija maħsuba biex tgħin biex l-istatistika agrikola tal-Komunità [3] tilqa’ b’mod aħjar għall-ħtiġiet ta’ informazzjoni li joħorġu mill-politika agrikola komuni.

    (2) Ir-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress fl-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 96/411/KE jagħmel stima pożittiva ta’ l-applikazzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni.

    (3) Il-proċess ta’ addattament tas-sistemi nazzjonali ta’ l-istatistika għall-ħtiġiet li joħorġu mill-bidliet fil-politika agrikola komuni għadu ma tlestiex.

    (4) Kemm l-iżvilupp intern tal-politika agrikola komuni kif ukoll il-kuntest estern tat-tkabbir lejn il-lvant, u l-ftuħ tas-serje ġdida ta’ negozjati multilaterali dwar il-kummerċ, jitolbu identifikazzjoni aħjar tal-ħtiġiet fl-istatistika u, fejn xieraq, għall-miżuri biex titkompla l-infrastruttura regolatorja kurrenti li tistabbilixxi l-firxa ta’ l-informazzjoni dwar l-istatistika tal-politika agrikola komuni li l-Istati Membri huma obbligati li jagħmlu disponibbli għall-Kummissjoni.

    (5) Il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-programm għall-istatistika tal-Komunità (2003 sa l-2007) [4] tirrakkomanda t-tkomplija ta’ l-azzjonijiet biex tiġi mtejjba l-istatistika agrikola eżistenti u biex jiġu mfassla żviluppi bil-għan li jilqgħu b’mod sodisfaċenti għall-ħtiġiet tal-politika agrikola komuni.

    (6) L-għodda ntrodotta bid-Deċiżjoni 96/411/KE għenet biex iġġib ‘il quddiem il-proċess ta’ addattament tas-sistema ta’ statistika agrikola tal-Komunità għal bidliet fil-ħtiġiet fl-informazzjoni ta’ statistika tal-politika agrikola komuni. Madankollu, dan il-proċess għadu mhux lest. Id-Deċiżjoni 96/411/KE għandha għalhekk tiġi emendata sabiex jiġi estiż dan il-proċess,

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    L-Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 96/411/KE hija hawnhekk emendata kif ġej:

    1. fl-Artikolu 3, il-kliem "matul il-perjodu 2000 sa l-2002" għandhom jiġu sostitwiti bil-kliem "matul il-perjodu 2003 sa l-2007";

    2. fl-Artikolu 6, il-paragrafu 4 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    "4. L-istruttura finanzjarja għall-implimentazzjoni ta’ dan il-programm għall-perjodu 2003 sa l-2007 qegħda tiġi stabbilita b’dan il-mezz għal 5 miljun EUR.

    L-allokazzjonijiet għal kull sena għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità ta’ l-estimi fil-limiti tal-perspettiva finanzjarja."

    3. fl-Artikolu 11, il-figura "2002" għandha tiġi sostitwita bil-figura "2007";

    4. fl-Artikolu 11, il-frażi "wara li jkun ikkonsulta lill-Kumitat Permanenti dwar l-Istatistika Agrikola" għandha titħassar.

    L-Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    L-Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija ndirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula l-Lussemburgu, 21 ta’ Ottubru 2002.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    P. Cox

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. Fischer Boel

    [1] ĠU C 126 E, tat-28.5.2002, p. 403.

    [2] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Settembru 2002 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Ottubru 2002.

    [3] ĠU L 162, ta’ l-1.7.1996, p. 14. Deċiżjoni kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni Nru 2298/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 263, tat-18.10.2000, p. 1).

    [4] ĠU C 75 E, tas-26.3.2002, p. 274.

    --------------------------------------------------

    Top