Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002D0757

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Settembru 2002 dwar miżuri fitosanitarji proviżorji ta’ emerġenza sabiex ma jitħalliex id-dħul u l-firxa fil-Komunità tal-Phytophthora ramorum Werres, De Cock & Man in ‘t Veld sp. nov. (notifikata bid-dokument numru C(2002) 3380)

    ĠU L 252, 20.9.2002, p. 37–39 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 10/04/2022; Imħassar b' 32021R2285

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2002/757/oj

    32002D0757



    Official Journal L 252 , 20/09/2002 P. 0037 - 0039


    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

    tad-19 ta’ Settembru 2002

    dwar miżuri fitosanitarji proviżorji ta’ emerġenza sabiex ma jitħalliex id-dħul u l-firxa fil-Komunità tal-Phytophthora ramorum Werres, De Cock & Man in ‘t Veld sp. nov.

    (notifikata bid-dokument numru C(2002) 3380)

    (2002/757/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2000/29/KE tal-Kunsill tat-8 ta’ Mejju 2000 rigward il-miżuri ta’ protezzjoni kontra d-dħul fil-Komunità ta’ organiżmi li jagħmlu l-ħsara lill-pjanti jew lill-prodotti tagħhom u kontra l-firxa tagħhom fil-Komunità [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2002/36/KE [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 16(3), it-tielet sentenza tagħha,

    Billi:

    (1) Meta Stat Membru jikkunsidra li hemm periklu tad-dħul u l-firxa ta’ organiżmu li jagħmel il-ħsara mhux elenkat fl-Anness I jew l-Anness II tad-Direttiva 2000/29/KE fit-territorju tiegħu, dan jista’ temporanjament jieħu l-miżuri addizzjonali meħtieġa sabiex jipproteġi lilu nnifsu kontra dan il-periklu.

    (2) Ir-Renju Unit għarraf, nhar id-29 ta’ April 2002, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni b’tifqigħat tal-Phytophthora ramorum Werres, De Cock & Man in ‘t Veld sp. nov. (minn issa ’l quddiem imsejjaħ "l-organiżmu ta’ ħsara") fuq it-territorju tiegħu u adotta, nhar it-13 ta’ Mejju 2002, miżuri addizzjonali maħsuba li ma jħallux id-dħul u l-firxa fil-Komunità ta’ dan l-organiżmu ta’ ħsara. L-Olanda u l-Ġermanja wkoll irrappurtaw, nhar id-29 ta’ April 2002, tifqigħat ta’ dan l-organiżmu fit-territorji rispettivi tagħhom.

    (3) L-organiżmu ta’ ħsara bħalissa mhuwiex elenkat fl-Annessi I jew II tad-Direttiva 2000/29/KE. Madankollu, analiżi preliminari dwar perikli mid-dud u insetti bażata fuq tagħrif xjentifiku disponibbli wriet li dan l-organiżmu u l-effetti ta’ ħsara tiegħu, joħolqu ċerta preokkupazzjoni dwar is-saħħa tal-pjanti fil-Komunità, b’mod partikolari fil-każ ta’ iżolati mhux Ewropej, preżenti biss fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika, għas-siġar tal-ballut fil-Komunità u dak ta’ l-iżolati Ewropej għall-pjanti ornamentali bħall-Rhododendron spp. u Viburnum spp. Is-servizzi relevanti ta’ l-Istati Membri ġew mitluba biex ikomplu bl-istudju xjentifiku rigward ir-riskju marbut ma’ l-iżolati mhux Ewropej għas-siġar tal-ballut fil-Komunità, l-epidemjoloġija ta’ l-organiżmu ta’ ħsara u l-pjanti li joqgħod fihom.

    (4) Hu għalhekk meħtieġ li jittieħdu miżuri proviżorji fitosanitarji ta’ emerġenza kontra d-dħul u l-firxa fil-Komunità ta’ dan l-organiżmu ta’ ħsara.

    (5) Dawn il-miżuri għandhom japplikaw għad-dħul jew il-firxa ta’ l-organiżmu ta’ ħsara, għall-produzzjoni u moviment fil-Komunità ta’ pjanti magħrufa li jkun fihom dan l-organiżmu, għall-kontroll ta’ dan l-organiżmu ta’ ħsara u għal sorveljanza aktar ġenerali dwar il-preżenza jew l-assenza fit-tul ta’ dan l-organiżmu ta’ ħsara fl-Istati Membri. Madankollu m’hemmx bżonn li dawn il-miżuri jiġu applikati għall-pjanti Rhododendron simsii Planch., minbarra frott u żrieragħ, għax l-informazzjoni li hawn tindika li dawn il-pjanti m’humiex milquta minn dan l-organiżmu ta’ ħsara.

    (6) Ir-riżultati tal-miżuri msemmija hawn fuq se jkunu regolarment assessjati fl-2002 u fl-2003, b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ informazzjoni li għandhom jipprovdu l-Istati Membri. Miżuri oħra possibbli wara dawn se jiġu kunsidrati fid-dawl tar-riżultati ta’ dik l-istima, u l-opinjoni xjentifika mogħtija mill-Istati Membri.

    (7) Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni,:

    (1) "l-organiżmu ta’ ħsara"jfisser Phytophthora ramorum Werres, De Cock & Man in ‘t Veld sp. nov.

    (2) "pjanti suxxettibbli" tfisser il-pjanti, minbarra frott u żrieragħ, ta’ l-ispeċi Acer macrophyllum Pursh., Aesculus californica Nutt., Arbutus menziesii Pursch., Arctostaphylos spp. Adans, Heteromeles arbutifolia (Lindley) M. Roemer, Lithocarpus densiflorus (H & A), Lonicera hispidula (Dougl.), Quercus spp. L., Rhamnus californica (Esch), Rhododendron spp. L.,minbarra Rhododendron simsii Planch., Umbellularia californica (Pursch.), Vaccinium ovatum (Hook & Arn) Nutt. u Viburnum spp. L.

    (3) "injam suxxettibbli" tfisser l-injam Acer macrophyllum Pursh., Aesculus californica Nutt., Lithocarpus densiflorus (H & A) u Quercus L.

    (4) "qxur suxxettibbli tas-siġar" tfisser il-qxur iżolat tas-siġar Acer macrophyllum Pursh., Aesculus californica Nutt., Lithocarpus densiflorus (H & A) u Quercus L.

    Artikolu 2

    Id-dħul u l-firxa fil-Komunità ta’ iżolati mhux Ewropej jew Ewropej ta’ dan l-organiżmu ta’ ħsara għandu jkun projbit.

    Artikolu 3

    1. Pjanti u njam suxxettibbli jistgħu biss jiddaħħlu fit-territorju tal-Komunità jekk jikkonformaw mal-miżuri fitosanitarji ta’ emerġenza preskritti fil-punti 1a u 2 ta’ l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni u jekk ikunu spezzjonati mad-dħul tagħhom fil-Komunità għall-preżenza ta’ iżolati mhux Ewropej ta’ l-organiżmu ta’ ħsara, skond l-Artikolu 13(1)(a), tad-Direttiva 2000/29/KE, u dikjarati ħielsa minn dan wara l-ispezzjoni.

    2. Id-dispożizzjonijiet speċifikati fil-punti 1a u 2 ta’ l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw biss għal pjanti u njam suxxettibbli li joriġinaw mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika u destinati għall-Komunità u li jkunu telqu fl-1 ta’ Novembru 2002 jew wara.

    3. Il-miżuri preskritti fil-Parti A, Taqsima I(3), ta’ l-Anness IV rigward l-injam ta’ l-ispeċi Quercus L., inkluż l-injam li ma żammx l-għamla naturali tonda tiegħu, li joriġina mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika, m’għandhomx japplikaw għal injam suxxettibbli ta’ l-ispeċi Quercus L. li jissodisfa l-ħtiġijiet tal-punt 2(b) ta’ l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    4. Mill-1 ta’ Novembru 2002, pjanti ta’ l-ispeċi Rhododendron spp., minbarra Rhododendron simsii Planch., u Viburnum spp., minbarra frott u żrieragħ, li joriġinaw minn pajjiżi terzi għajr l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, imdaħħla fil-Komunità jistgħu biss jiġu mċaqilqa fil-Komunità jekk magħhom ikun hemm passaport tal-pjanti imħejji u maħruġ skond id-Direttiva 92/105/KEE [3] tal-Kummissjoni.

    Artikolu 4

    Qxur suxxettibbli ta’ siġar li joriġinaw mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika ma jistgħux jiddaħħlu fil-Komunità.

    Artikolu 5

    Mill-1 ta’ Novembru 2002, il-pjanti Rhododendron spp, minbarra Rhododendron simsii Planch., u Viburnum spp., għajr frott u żrieragħ, li joriġinaw mill-Komunità, ma jistgħux jiġu mċaqilqa mill-post tal-produzzjoni tagħhom ħlief jekk jissodisfaw il-kondizzjonijiet preskritti fil-punt 3 ta’ l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. Il-produtturi ta’ dawn il-pjanti għandhom ikunu reġistrati skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/90/KEE tal-Kunsill [4].

    L-Artikolu 6

    1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu stħarriġ uffiċjali dwar l-organiżmu ta’ ħsara fit-territorju tagħhom, sabiex jiddeterminaw jekk hemmx evidenza ta’ impestazzjoni ta’ l-organiżmu ta’ ħsara.

    2. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2000/29/KE, ir-riżultati ta’ dan l-istħarriġ previst fl-ewwel paragrafu għandhom jiġu notifikati lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra qabel l-1 ta’ Novembru 2003.

    Artikolu 7

    L-Istati Membri għandhom jaġġustaw mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2002 il-miżuri li jkunu adottaw biex jipproteġu rwieħhom kontra d-dħul u l-firxa ta’ l-organiżmu ta’ ħsara, b’mod li l-miżuri jkunu konformi ma’ din id-Deċiżjoni, u jinfurmaw immedjatament lill-Kummissjoni bil-miżuri aġġustati.

    Artikolu 8

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2003.

    Artikolu 9

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, fid-19 ta’ Settembru 2002.

    Għall-Kummissjoni

    David Byrne

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU L 169, ta’ l-10.7.2000, p. 1.

    [2] ĠU L 116, tat-3.5.2002, p. 16.

    [3] ĠU L 4 tat-8.1.1993, p. 22.

    [4] ĠU L 344, tas-26.11.1992, p. 38.

    --------------------------------------------------

    ANNESS

    1a. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness III, Parti A(2), u l-Anness IV, Parti A(1),(11.1), (39) u (40) tad-Direttiva 2000/29/KE, pjanti suxxettibbli li joriġinaw mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika għandu jkun hemm magħhom ċertifikat li jissemma fl-Artikoli 7 jew 8 tad-Direttiva 2000/29/KE:

    (a) li jgħid li huma joriġinaw minn żoni li fihom iżolati mhux Ewropej ta’ l-organiżmu ta’ ħsara mhux magħruf li nstabu. L-isem taż-żona għandu jissemma fiċ-ċertifikat taħt ir-rubrika "post ta’ oriġini";jew

    (b) maħruġ wara verifika uffiċjali li l-ebda sinjal ta’ iżolati mhux Ewropej ta’ l-organiżmu ta’ ħsara ma ġie osservat fuq xi pjanti suxxettibbli fil-post tal-produzzjoni, waqt l-ispezzjonijiet uffiċjali, inkluż l-ittestjar fil-laboratorju għal kull sintomu suspett imwettaq mill-bidu ta’ l-aħħar ċiklu sħiħ ta’ veġetazzjoni.

    Barra minn hekk, iċ-ċertifikat jinħareġ biss wara li kampjuni rappreżentattivi tal-pjanti jkunu ttieħdu qabel ma jkunu tgħabbew fuq vapur, u jkunu ġew eżaminati u misjuba ħielsa minn iżolati mhux Ewropej ta’ l-organiżmu ta’ ħsara wara l-ispezzjonijiet. Dan ta’ l-aħħar għandu jissemma fiċ-ċertifikat taħt ir-rubrika "dikjarazzjoni addizzjonali" bħala "misjub ħieles minn iżolati mhux Ewropej ta’ Phytophthora ramorum Werres, De Cock & Man in ‘t Veld sp. nov."

    1b. Il-pjanti suxxettibbli li ddaħħlu u li jissemmew fil-punt 1a jistgħu biss ikunu mċaqilqa fil-Komunità jekk ikun hemm magħhom passaport ta’ pjanti imħejji u maħruġ skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/105/KEE li jafferma l-ispezzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 3(1).

    2. Injam suxxettibbli li joriġina mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika jista’ biss jiddaħħal fil-Komunità jekk ikollu miegħu iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikoli 7 jew 8 tad-Direttiva 2000/92/KE:

    (a) li jgħid li dan joriģina minn zoni fejn iżolati mhux Ewropej ta’ l-organiżmu ta’ ħsara mhux magħruf li dehru. L-isem taż-żona għandu jissemma fiċ-ċertifikat taħt ir-rubrika "post ta’ oriġini",jew

    (b) li nħareġ wara verifika uffiċjali li l-injam kienet tneħħietlu l-qoxra u:

    (i) li ngħata l-forma kwadra, b’mod li tilef totalment il-wiċċ tond, jew

    (ii) li l-kontenut ta’ ilma fl-injam ma jaqbiżx l-20 % bħala perċentwal tal-materja niexfa, jew

    (iii) li l-injam ġie diżinfettat permezz ta’ trattament xieraq ta’ arja sħuna jew misħun;

    jew

    (ċ) fil-każ ta’ njam isserrat b’residwu tal-qoxra fil-post, jew mingħajru, jekk hemm evidenza b’marka "Imnixxef f’kalkara", "MK" jew xi marka oħra rikonoxxuta fuq livell internazzjonali mwaħħla fuq l-injam jew fuq l-imballaġġ tiegħu skond l-użanza kummerċjali attwali, li dan l-injam ġie mnixxef f’kalkara għal kontenut ta’ ndewwa inqas minn 20 %, espress f’perċentwal tal-materja niexfa, waqt il-manifattura tiegħu, miksub bi skeda xierqa ta’ ħin/temperatura.

    3. Il-pjanti Rhododendron spp., minbarra Rhododendron simsii Planch., u Viburnum spp., ħlief frott u żrieragħ, li joriġinaw mill-Komunità, jistgħu jiġu mċaqilqa mill-post tal-produzzjoni jekk ikollhom magħhom passaport tal-pjanti kif imsemmi fil-punt 1 ta’ dan l-Anness; u

    (a) ikunu joriġinaw minn żoni fejn iżolati mhux Ewropej ta’ l-organiżmu ta’ ħsara mhux magħruf li tfaċċaw, jew

    (b) li l-ebda sinjal ta’ iżolati Ewropej ta’ l-organiżmu ta’ ħsara ma kien osservat fil-pjanti msemmija hawn fuq fil-post tal-produzzjoni mill-bidu tal-aħħar ċiklu sħiħ ta’ veġetazzjoni waqt spezzjonijiet uffiċjali, inkluż l-ittestjar fil-laboratorju ta’ kull sintomu suspett, imwettqa mill-anqas darba f’ħinijiet xierqa matul il-perjodu meta l-pjanti jkunu qed jikbru attivament, jew

    (ċ) f’każi meta iżolati Ewropej ta’ l-organiżmu ta’ ħsara jkunu nstabu fuq il-pjanti msemmija hawn fuq fil-post tal-produzzjoni, proċeduri xierqa jkunu ttieħdu bl-għan li jinqered l-organiżmu ta’ ħsara, li jkunu jikkonsistu għall-inqas fil-qerda tal-pjanti infettati u tal-pjanti kollha suxxettibbli li jkunu jinsabu sa 2 metri ’l bogħod mill-pjanti infettati, u

    - għall-pjanti suxxettibbli kollha li jkunu jinsabu f’raġġ ta’ 10 metri mill-pjanti infettati, u ta’ xi pjanti li jkun baqa’ mill-lott kontaminat, li l-pjanti jkunu tħallew fil-post tal-produzzjoni u jekk spezzjonijiet oħra jkunu saru mill-anqas darbtejn matul it-tliet xhur wara s-sejba, meta l-pjanti jkunu qed jikbru attivament u jkunu nstabu ħielsa mill-organiżmu ta’ ħsara f’dawn l-ispezzjonijiet,

    - għall-pjanti l-oħra kollha suxxetibbli fil-post tal-produzzjoni, li l-pjanti jkunu ġew sottomessi għal spezzjoni intensiva mill-ġdid wara s-sejba u jkunu nstabu ħielsa mill-organiżmu ta’ ħsara f’dawn l-ispezzjonijiet.

    --------------------------------------------------

    Top