Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001R1660

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1660/2001 tas-16 ta’ Awissu, 2001, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1623/2000 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 fuq l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid, dwar il-mekkaniżmi tas-suq

    ĠU L 221, 17.8.2001, p. 8–9 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/07/2008; Impliċitament imħassar minn 32008R0555

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/1660/oj

    32001R1660



    Official Journal L 221 , 17/08/2001 P. 0008 - 0009


    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1660/2001

    tas-16 ta’ Awissu, 2001,

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1623/2000 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 fuq l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid, dwar il-mekkaniżmi tas-suq

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1493/1999 tas-17 ta’ Mejju, 1999, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2826/2000 [2] u partikolarment l-Artikoli 33 u 36 tiegħu,

    Billi:

    (1) L-Artikolu 58 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1623/2000 tal-25 ta’ Lulju, 2000, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 fuq l-organizzazzjoni tas-suq ta’ l-inbid, dwar il-mekkaniżmi tas-suq [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1282/2001 [4], jistabbilixxi regoli dwar il-bqija tal-kwantitajiet li l-produtturi għandhom jikkonsenjaw skond l-obbligazzjonijiet tagħhom. Fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba, il-perjodu ta’ żmien għandu jitressaq lura.

    (2) L-Artikolu 63 tar-Regolament (KE) Nru 1623/2000 jipprovdi għall-introduzzjoni ta’ skema ta’ għajnuna għad-distillazzjoni mill-inbid ta’ alkoħol tajjeb għax-xorb. Dik l-iskema kienet daħlet għall-ewwel darba għas-sena ta’ l-inbid 2000/01. Jeħtieġ li jkun hemm bidliet skond l-esperjenza miksuba fl-ewwel sena ta’ applikazzjoni. Jeħtieġ partikolarment li d-distillazzjoni tibda aktar tard fis-sena u li titnaqqas il-perċentwali ta’ produzzjoni li tippermetti lill-produtturi ta’ l-inbid li jieħdu sehem f’din id-distillazzjoni. B’żjieda ma’ dan, għandu jkun stabbilit perjodu ta’ żmien għad-distillazzjoni.

    (3) L-Artikoli 86 sa 102 tar-Regolament (KE) Nru 1623/2000 jistabbilixxu regoli dettaljati għat-tneħħija ta’ alkoħol miżmum mill-aġenziji ta’ intervent. Ċerti żbalji materjali għandhom jissewwew, u partikolarment l-ammont li għandu jitħallas għal kampjuni għandu jkun aġġustat, u li t-tolleranza għal bijo-alkoħol, li tinvolvi prodotti li jkun jeħtiġilhom korrezzjoni, għandha tkun l-istess bħal dik għal użijiet industrijali ġodda.

    (4) Il-Kumitat ta’ Ġestjoni ta’ l-Inbid ma tax l-opinjoni tiegħu fiż-żmien mogħti lilu mill-President tiegħu,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    L- Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 1623/2000 huwa b’dan emendat kif ġej:

    1. L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 58 għandu jkun mibdul b’dan li ġej:

    "Il-produtturi soġġetti għal xi waħda mill-obbligazzjonijiet msemmija fl-Artikoli 45 jew 52 ta’ dan ir-Regolament, u li kkonsenjaw għall-inqas 90 % tal-kwantità tal-prodott li huma obbligati li jikkonsenjaw qabel il-15 ta’ Lulju tas-sena ta’ l-inbid kurrenti, jistgħu iwettqu l-obbligu tagħhom billi jikkonsenjaw il-kwantità li tkun baqgħet qabel data li għandha tkun iffissata mill-awtorità nazzjonali kompetenti u li m’għandhiex tkun wara l-31 Lulju tas-sena ta’ l-inbid li tiġi wara."

    2. L-Artikolu 63 għandu jkun emendat kif ġej:

    (a) Il-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu mibdula b’dan li ġej:

    "1. Id-distillazzjoni ta’ nbid tal-mejda u nbid tajjeb li minnu jista’ jsir inbid tal-mejda skond l-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999, għandha tkun miftuħa mis-16 ta’ Ottubru ta’ kull sena ta’ l-inbid.

    2. Il-kwantità ta’ nbid tal-mejda u nbid tajjeb li minnu jista’ jsir inbid tal-mejda li kull produttur seta’ ddistilla għandha tkun sa 30 % tal-medja tal-produzzjoni tiegħu ta’ dak l-inbid, dikjarata fl-aħħar tlett snin ta’ l-inbid, magħduda, jekk tkun ġiet dikjarata, il-produzzjoni tas-sena ta’ l-inbid kurrenti. Meta l-perċentwali msemmija hawn fuq tkun applikata, il-kwantità ta’ nbid tal-mejda prodott għandha tkun dik murija bħala nbid fil-kolonna bl-isem ‘Inbid tal-mejda’ fid-dikjarazzjoni tal-kwantitajiet prodotti, kif imsemmi fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999."

    (b) Għandu jkun miżjud il-paragrafu li ġej:

    "10. Inbid ikkonsenjat fid-distillerija għandu jkun distillat mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru tas-sena ta’ l-inbid ta’ wara."

    3. L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 86 għandu jkun mibdul b’dan li ġej:

    "Il-Kummissjoni, waqt li taġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 75 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999, għandha toħroġ kull tlett xhur diversi sejħiet għall-offerti, kull waħda għal mill-inqas 50000 ettolitru ta’ alkoħol ta’ l-inbid, u li b’kollox ma jkunux hemm aktar minn 600000 ettolitru ta’ alkoħol f’100 % vol kull tlett xhur biex ikunu esportati lil ċerti pajjiżi terzi għall-użu finali biss tas-settur tal-karburanti."

    4. L-Artikolu 91(12) għandu jkun mibdul b’dan li ġej:

    "12. L-aġenzija ta’ intervent in kwistjoni għandha tagħti l-garanzija ta’ esportazzjoni għal kull kwantità ta’ alkoħol li dwarha tirċievi prova ta’ esportazzjoni fil-perjodu taż-żmien mogħti. Bla ħsara għall-Artikolu 23 tar-Regolamenti (KEE) Nru 2220/85, u b’eċċezzjoni ta’ każi ta’ forza maġġuri, jekk il-perjodu taż-żmien għall-esportazzjoni jinqabeż, il-perċentwali li ġejjin tal-garanzija ta’ EUR 3 għal kull ettolitru ta’ alkoħol ta’ 100 % vol, maħsuba biex tiggarantixxi l-esportazzjoni, jintilfu:

    (a) 15 % fil-każi kollha;

    (b) 0,33 % ta’ l-ammont li jibqa’ wara tnaqqis ta’ 15 % għal kull jum li bih il-perjodu taż-żmien għall-esportazzjoni jkun inqabeż."

    5. It-tieni u t-tielet supparagrafi ta’ l-Artikolu 95(2) għandhom ikunu mibdula b’dan li ġej:

    "Din il-projbizzjoni m’għandhiex ikollha x’taqsam ma’ alkoħol fi btieti li ma jkun imsemmi fl-avviżi tas-sejħa għal offerti jew ta’ bejgħ pubbliku in kwistjoni, jew li ma jkunux speċifikati fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikoli 83 sa 93.

    Partikolarment għal raġunjiet loġistiċi, l-aġenziji ta’ intervent li jżommu l-btieti ta’ alkoħol speċifikati fl-avviż mill-Istati Membri, kif imsemmi fil-paragrafu 1, jistgħu jibdlu l-alkoħol in kwistjoni ma’ alkoħol ta’ l-istess xorta, jew iħalltuh ma’ alkoħol ieħor ikkonsenjat lill-aġenzija ta’ intervent, sakemm tinħareġ ordni biex l-alkoħol in kwistjoni jitneħħa. L-aġenziji ta’ intervent ta’ l-Istati Membri għandhom javżaw lill-Kummissjoni li l-alkoħol ikun ġie mibdul."

    6. L-Artikolu 98 għandu jkun emendat kif ġej:

    (a) Il-paragrafu 1 għandu jkun mibdul b’dan li ġej:

    "1. Wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ sejħa għal offerti sad-data ta’ l-għeluq tal-perjodu stabbilit biex fih jintbagħtu l-offerti bi tweġiba għal dik is-sejħa, il-partijiet interessati jistgħu jiksbu kampjuni ta’ l-alkoħol mqiegħed għall-bejgħ bil-ħlas ta’ EUR 10 kull litru. Il-kwanità disponibbli għall-partijiet individwali interessati m’għandhiex taqbeż il-ħames litri kull bettija. Għal fini ta’ tneħħija skond is-subartikolu III, kampjuni jkunu jistgħu jinkisbu taħt l-istess kondizzjonijiet imsemmija hawn fuq matul it-30 jum wara l-ħruġ ta’ l-avviż ta’ bejgħ pubbliku."

    (b) Il-paragrafu 2 għandu jkun mibdul b’dan li ġej:

    "2. Wara d-data ta’ l-għeluq biex jintbagħtu offerti, jew wara 30 jum wara l-ħruġ ta’ l-avviż ta’ bejgħ pubbliku:

    (a) dawk li jagħmlu offerti jew ditti approvati, kif imsemmi fl-Artikolu 92 jistgħu jiksbu kampjuni ta’ l-alkoħol aġġudikat;

    (b) meta dawk li jagħmlu l-offerti jkunu offruti alkoħol bi bdil, skond l-Artikolu 83(3), dawn ikunu jistgħu jiksbu kampjuni ta’ l-alkoħol offrut bi bdil.

    Dawn il-kampjuni, li ma jistgħux jaqbżu l-ħames litri kull bettija, jistgħu jinkisbu mill-aġenzija ta’ intervent għall-ħlas ta’ EUR 10 kull litru."

    7. L-Artikolu 100(2)(ċ) għandu jkun mibdul b’dan li ġej:

    "(ċ) Fil-każ ta’ alkoħol, aġġudikat għal użu industrijali ġdid u skond bejgħ pubbliku għall-użu ta’ bijo-ethanol fis-settur tal-karburanti fil-Komunità, li għandha ssirlu rettifika qabel ma jintuża finalment kif speċifikat, l-alkoħol imneħħi għandu jitqies li jkun intuża kollu kemm hu għal fini speċifikat meta mill-inqas 90 % tal-kwantitajiet totali ta’ alkoħol imneħħi, skond is-sejħa għal offerti ta’ bejgħ pubbliku, jintuża għal dak il-fini; min l-offerta tiegħu tintgħażel, jew id-ditta approvata li tkun ftiehmet li tixtri l-alkoħol, għandhom javżaw lill-Kummissjoni u lill-aġenzija ta’ intervent bil-kwantità, id-destinazzjoni u l-użu tal-prodotti li tkun saritilhom rettifika. Iżda t-telf m’għandux jeċċedi l-limiti speċifikati fil-punt (b)."

    L- Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Huwa għandu japplika mill-25 ta’ Awissu, 2001.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, 16 ta’ Awissu, 2001.

    Għall-Kummissjoni

    Franz Fischler

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU L 179, ta’ l-14.7.1999, p. 1.

    [2] ĠU L 328, tat-23.12.2000, p. 2.

    [3] ĠU L 194, tal-31.7.2000, p. 45.

    [4] ĠU L 176, tad-29.6.2001, p. 14.

    --------------------------------------------------

    Top