Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001R1591

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1591/2001 tat-2 ta’ Awwissu 2001 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ għajnuna għall-qoton

ĠU L 210, 3.8.2001, p. 10–17 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2005

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/1591/oj

32001R1591



Official Journal L 210 , 03/08/2001 P. 0010 - 0017


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1591/2001

tat-2 ta’ Awwissu 2001

li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ għajnuna għall-qoton

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat il-Protokoll 4 dwar il-qoton anness ma’ l-Att ta’ l-Adeżjoni tal-Greċja [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1050/2001 [2],

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1051/2001 tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-għajnuna għall-produzzjoni tal-qoton [3], u b’mod partikolari l-Artikolu 19(1) tiegħu,

Billi:

(1) Fid-dawl tal-varjazzjonijiet li normalment iseħħu għall-fibra fil-prezzijiet tas-suq dinji, il-prezz medju tal-qoton mhux imfesdaq fis-suq dinji għandu jkun stabbilit diversi drabi kull xahar. Sabiex ikun faċilitat id-disponiment tal-qoton fis-suq dinji, huwa meħtieġ li jkun stabbilit il-perjodu li matulu dak il-prezz huwa ffissat u li matulu jistgħu jiġu sottomessi applikazzjonijiet għall-għajnuna, waqt li jiġu mħarsa l-limiti taż-żmien meħtieġa għall-amministrazzjoni kif imiss ta’ l-iskema ta’ l-għajnuna.

(2) Jekk ma jkunx hemm ebda offerti rappreżentattivi jew kwotazzjonijiet għall-qoton mhux imfesdaq, il-prezz tas-suq dinji għal dan il-prodott għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-prezz tas-suq dinji tal-qoton imfesdaq. Għall-finijiet ta’ l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1051/2001, il-ko-effiċjenti rappreżentattivi tar-relazzjoni storika bejn il-prezz tas-suq dinji tal-qoton imfesdaq u l-prezz kalkulat tal-qoton mhux imfesdaq għandhom jiġu fissati.

(3) L-offerti u l-kwotazzjonijiet għandhom il-ħtieġa li jiġu aġġustati biex jikkompensaw għal kull devjazzjoni mill-kwalità u u l-kondizzjonijiet tal-konsenja li għalihom huwa stabbilit il-prezz fis-suq dinji.

(4) L-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1051/2001 jipprovdi għall-ammont ta’ l-għajnuna li għandha tiġi miżjuda fejn ċerti kondizzjonijiet jiġu mħarsa u sa ċerti limiti massimi. Għandhom jiġu stabbiliti regoli biex jistabbilixxu din iż-żieda. Fid-dawl ta’ l-aġġustamenti u ż-żidiet li jridu jiġu stabbiliti, l-ammont ta’ għajnuna għandu jiġi ffissat wara li dawk l-aġġustamenti u ż-żidiet ikunu saru imma qabel data finali li tkun tippermetti li l-bilanċ ta’ l-għajnuna jitħallas qabel it-tmiem tas-sena tal-marketing.

(5) Regoli dettaljati dwar is-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna għandhom jiġu preskritti bil-għan li jiġi applikat l-ammont ta’ għajnuna mal-kwantitajiet korrispondenti tal-qoton eliġibbli għall-għajnuna fuq il-bażi tal-perjodu eżatt li matulu l-applikazzjonijiet għall-għajnuna li jkopru dawk il-kwantitajiet huma sottomessi. Sabiex tkun evitata l-ispekulazzjoni matul il-perjodi ta’ disturbi f’daqqa fis-suq dinji tal-fibra, ikun xieraq li jiġu awtorizzati applikazzjonijiet għall-għajnuna li jintbagħtu matul dawk il-perjodi suġġetti għall-kondizzjonijiet speċifiċi.

(6) Kontrolli adegwati għandhom jitwaqqfu sabiex tkun ivverifikata l-kwantità ta’ qoton mhux imfesdaq fil-Komunità li jidħol f’kull impjant tat-tfesdiq. Għal dak il-għan, it-termini "lott" u "dħul tal-lott fl-impjant tat-tfesdiq" għandhom jiġu definiti, għandha tenħtieġ applikazzjoni għall-ħażna sorveljata u regoli dettaljati għandhom jiġu preskritti dwar kif dawn l-applikazzjonijiet għandhom ikunu sottomessi. Sabiex dawk li jkabbru ma jitħallewx iżommu qoton mhux imfesdaq għal wisq żmien, li minħabba f’hekk il-kwalità tal-prodott maħżun titħalla tiddeterjora, l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati biex jiffissaw data finali li fiha l-applikazzjonijiet għall-ħażna sorveljata għandhom jiġu sottomessi li tkun qabel id-data finali tas-sottomissjoni ta’ l-applikazzjonijiet għall-għajnuna. Għar-raġunijiet amministrattivi, il-qoton għandu jiġi mfesdaq matul perjodu partikolari.

(7) Regoli dettaljati dwar il-kalkolazzjoni u l-pagament ta’ ħlas bil-quddiem għall-għajnuna għandhom ikunu preskritti. Il-pagament tal-ħlas bil-quddiem għandu jkun suġġett għal depożitu ta’ garanzija sabiex jiġi żgurat li l-ammonti in kwistjoni jitħallsu jew jiġu kkonfiskati jekk l-obbligazzjoni miftiehma ma titħarisx. Sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor, dawn il-garanziji għandhom jissodisfaw it-talbiet imniżżla fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2220/85 tat-22 ta’ Lulju 1985 li jippreskrivi regoli komuni dettaljati sabiex tiġi applikata s-sistema ta’ garanziji għall-prodotti agrikoli [4], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1932/1999 [5].

(8) Il-pagamenti tal-ħlas bil-quddiem fuq il-prezz minimu li għandu jitħallas lill-produtturi hija notevolment waħda mit-talbiet li trid titħares mill-impriżi tat-tfesdiq sabiex jikkwalifikaw għall-għajununa. Ir-regoli dettaljati għall-kalkolazzjoni u l-ħlas lill-produtturi ta’ dak il-ħlas bil-quddiem fuq il-prezz minimu għandhom għalhekk jkunu stabbiliti.

(9) Sabiex jiġi żgurat li l-qoton kopert mill-applikazzjonijiet għall-għajnuna huwa ta’ oriġini proprja, għandu jkun possibbli li jkunu identifikati żoni miżrugħa għall-qoton permezz tas-sistema li tidentifika l-bċejjeċ ta’ art agrikoli kif ipprovdut fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3508/92 tas-27 ta’ Novembru 1992 li jwaqqaf sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll għal ċerti skemi Komunitarji ta’ għajnuna [6], kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 495/2001 [7].

(10) Sabiex id-dritt għall-għajnuna jkun jista’ jiġi vverifikat, u b’mod partikolari l-konformità mal-prezz minimu, il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti bil-kuntratti pprovduti fl-Artikolu 11(a) tar-Regolament (KE) Nru 1051/2001 għandhom ikunu speċifikati. Għal dak il-għan, għandu jkun hemm referenzi għall-konteġġi tal-ħażniet ta’ l-impriżi.

(11) Meta it-tfesdiq isir għan-nom ta’ terzi partijiet, regoli dettaljati għandhom ikunu stabbiliti għall-ħlas u l-amministrazzjoni ta’ l-għajnuna f’dawn il-każijijet, kif ukoll għall-obbligazzjonijiet li għandhom jitwettqu mill-partijiet konċernati.

(12) Għandu jkun hemm sistema ta’ verifikar li tassigura li l-operazzjonijiet qed isiru kif imiss. Ir-regoli dettaljati fuq dan l-ivverifikar għandhom ikunu stabbiliti.

(13) Penali għandhom ikunu stabbiliti għall-każijiet fejn id-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ma jkunux imħarsa. Dawn il-penali għandhom ikunu deterrent adegwat, waqt li jħarsu l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

(14) Sabiex l-iskema ta’ l-għajnuna tkun tista’ tiġi amministrata kif imiss, huwa meħtieġ li tiġi speċifikata liema informazzjoni l-operaturi għandhom jibgħatu lill-awtoritajiet kompetenti u liema komunikazzjonijiet l-Istati Membri għandhom jagħmlu lill-Kummissjoni.

(15) Sabiex ikunu jistgħu isiru l-ħlasijiet bil-quddiem ta’ l-għajnuna hekk kif is-sena tal-marketing tibda għaddejja u l-bilanċ imħallas qabel l-aħħar tas-sena tal-marketing, id-dati referiti fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1051/2001 għandhom ikunu iffissati.

(16) Sabiex tiġi żgurata transizzjoni faċli għall-iskema l-ġdida, hemm il-ħtieġa ta’ disposizzjonijiet transitorji matul is-sena tal-marketing 2001/02 fir-rigward ta’ ċerti dokumenti li jkunu jridu jiġu mħejjija qabel il-bidu ta’ dik is-sena tal-marketing.

(17) Ir-Regolament (KE) Nru 1051/2001 jintroduċi skema ġdida għall-għajnuna tal-produzzjoni għall-qoton mis-sena tal-marketing 2001/02 u jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1964/87 [8] u (KE) Nru 1554/95 [9] b’effett mill-1 ta’ Settembru 2001. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1201/89 tat-3 ta’ Mejju 1989 li jippreskrivi r-regoli sabiex tiġi implimentata s-sistema ta’ għajnuna għall-qoton [10] għandu għalhekk wkoll tjġi mħassar b’effett mis-sena tal-marketing 2001/02.

(18) Sabiex jiġi żgurat li dan ir-Regolament japplika fl-1 ta’ Settembru 2001, għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

(19) Il-miżuri li għalihom jipprovdi f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’Ġestjoni tal-Fibri Naturali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-iskop

Dan ir-Regolament jippreskrivi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ l-iskema ta’ l-għajnuna għall-produzzjoni tal-qoton introdotta bil-Protokoll 4 dwar il-qoton anness ma’ l-Att ta’ Adeżjoni tal-Greċja u r-Regolament (KE) Nru 1051/2001.

Artikolu 2

Il-prezz tas-suq dinji għall-qoton mhux imfesdaq

1. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-prezz dinji għall-qoton mhux imfesdaq f’ewro għal kull 100 kilogramma għall-perjodu li jibda mill-1 ta’ Lulju ta’ qabel il-bidu tas-sena tal-marketing konċernata sal-31 ta’ Marzu ta’ wara. Il-prezz għandu jiġi stabbilit fl-aħħar jum tax-xogħol qabel l-ewwel, il-11 u l-21 ta’ kull xahar u għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara d-data li tiġi stabbilita. Il-ġranet tax-xogħol li għandu jingħata kont tagħhom għandhom ikunu dawk applikati mill-Kummissjoni. Ir-rata tal-kambju ta’ l-ewro li tiġi użata biex jiġi stabbilit il-prezz tas-suq dinji għandha tkun dik applikabbli fil-jum li fiha l-offerti u l-kwotazzjonijiet referiti fl-Artikolu 3 jiġu stabbiliti.

Iżda, fil-każ ta’ tibdil sinjifikanti ta’ 5 % jew aktar fil-prezzijiet tal-qoton espressi f’ewro fis-suq dinji, il-Kummissjoni tista’ temenda l-prezz riferit fl-ewwel subparagrafu mingħajr dewmien.

2. Il-prezz tas-suq dinji għall-qoton mhux imfesdaq għandu jkun daqs perċentwali tal-prezz tal-qoton imfesdaq stabbilit skond l-Artikolu 3.

Din il-perċentwali għandha tkun stabbilita kif ġej:

(a) 20,6 jekk il-prezz huwa EUR 110 jew anqas għal kull 100 kilogramma;

(b) 21,8 jekk il-prezz huwa aktar minn EUR 110 imma anqas minn EUR 120 għal kull 100 kilogramma;

(ċ) 23,0 jekk il-prezz huwa aktar minn EUR 120 imma anqas minn EUR 130 għal kull 100 kilogramma;

(d) 24,4 jekk il-prezz huwa EUR 130 jew aktar għal kull 100 kilogramma;

3. Hekk kif il-prezz referit fil-paragrafu 1 jiġi stabbilit, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri b’dan, u f’kull każ qabel id-data meta jidħol fis-seħħ.

Artikolu 3

Il-prezz tas-suq dinji għall-qoton imfesdaq

1. Biex jiġi stabbilit il-prezz dinji tal-qoton imfesdaq, il-Kummissjoni għandha tagħti kont tal-medja ta’ l-offerti u l-kwotazzjonijiet li jinkisbu f’wieħed jew aktar kambji Ewropej rappreżentanti tas-suq tal-qoton trasportat c.i.f. f’port tal-Komunità u li joriġina fid-diversi pajjiżi li jissupplixxu li huma meqjusa bħala l-aktar rappreżentattivi fil-kummerċ internazzjonali.

L-offerti u l-kwotazzjonijiet li jkun ingħata kont tagħhom għandhom jirrelataw mas-sena tal-marketing li għaliha jiġi stabbilit il-prezz u għall-ġarr fuq il-baħar li għandu jsir matul ix-xhur l-aktar viċin tad-data ta’ meta jiġi stabbilit il-prezz.

2. Meta l-offerti u l-kwotazzjonijiet jirrelataw għal:

(a) qoton imfesdaq ta’ kwalità li mhix il-kwalità li għaliha il-prezz gwida huwa ffissat, għandhom jiġu aġġustati kif jidher fl-Anness I;

(b) żerriegħa tal-qoton imwassla c u f, għandhom jiżdiedu bi 0,2 % sabiex ikopru l-ispejjeż ta’ l-assigurazzjoni;

(ċ) qoton trasportat fas, fob, jew b’xi mod ieħor, għandhom jiżdiedu, kif xieraq, bl-inqas spejjeż tat-tagħbija, trasport u assigurazzjoni mill-mument tal-ġarr bil-baħar jew tat-tagħbija sal-punt fejn tinqasam il-fruntiera.

Artikolu 4

Il-kalkulazzjoni u l-iffissar ta’ l-għajnuna

1. Mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju tas-sena tal-marketing konċernata, il-Kummissjoni għandha tiffissa l-ammont ta’ l-għajnuna għall-qoton mhux imfesdaq applikabbli għal kull perjodu li għalih ikun ġie stabbilit prezz tas-suq dinji għall-qoton mhux imfesdaq skond l-Artikolu 2(1).

2. L-ammont ta’ għajnuna li għandha tingħata f’ewro għal kull 100 kilogramma għandha tkun dik li tkun valida fil-jum li tidħol l-applikazzjoni għall-għajnuna skond l-Artikolu 5.

3. Biex jiġi stabbilit l-ammont ta’ l-għajnuna, iż-żieda referita fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1051/2001 għandha tkun stabbilita skond il-paragrafi 4 u 5.

4. Id-differenza bejn 770 miljun Ewro u l-ispiża totali tal-pjan ta’ l-infiq fuq l-iskema ta’ l-għajnuna, kalkulata skond l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1051/2001, għandha tiġi diviża bil-produzzjoni attwali totali ta’ dawk l-Istati Membri li l-produzzjoni nazzjonali attwali tagħhom teċċedi l-kwantità nazzjonali garantita.

Iż-żieda għandha tkun daqsinsew ir-riżultat tad-diviżjoni referita fl-ewwel subparagrafu, mingħajr preġudizzju għat-tieni paragrafu fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1051/2001.

5. Iżda, fejn:

(a) il-produzzjoni attwali ta’ Spanja u l-Greċja teċċedi l-produzzjoni nazzjonali garantita rispettivament ta’ dawk il-pajjiżi, u

(b) l-ammont ta’ l-għajnuna, miżjud skond il-paragrafu 4, jeċċedi wieħed jew l-ieħor mil-limiti stabbiliti fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1051/2001 jew fil-Greċja jew fi Spanja imma mhux fit-tnejn, iż-żieda applikabbli fl-Istat Membru referita fil-punt (b) hawn fuq għandha tiġi kalkulata sabiex l-ammont ta’ l-għajnuna miżjuda tkun daqsinsew il-limitu l-aktar baxx taż-żewġ limiti konċernati.

Mingħajr preġudizzju għat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1051/2001, iż-żieda applikabbli għall-Istat Membru l-ieħor għandha tiġi kalkulata, billi jingħata kont ta’ l-ewwel subparagrafu, sabiex jinkiseb livell totali ta’ spiża tal-Komunità li ma taqbiżx il-EUR 770 miljun.

Artikolu 5

Applikazzjonijiet għall-għajnuna

1. Sabiex jikkwalifikaw għall-għajnuna tal-produzzjoni tal-qoton, l-impjanti tat-tfesdiq għandhom jibgħatu l-applikazzjonijiet għall-għajnuna lill-korp maħtur mill-Istat Membru, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejjaħ il-"korp kompetenti".

L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu mill-1 ta’ Lulju qabel il-bidu tas-sena tal-marketing li għaliha qed tintalab l-għajnuna sal-31 ta’ Marzu tas-sena tal-marketing konċernata.

2. L-applikazzjonijiet għall-għajnuna għandu jkun fihom l-informazzjoni li ġejja:

- il-kunjom, l-ismijiet, l-indirizz u l-firma ta’ l-applikant,

- id-data ta’ l-applikazzjoni,

- il-kwantità ta’ qoton mhux imfesdaq li għalih qed tintalab l-għajnuna.

3. Fejn applikazzjoni għall-għajnuna tintbagħat qabel ma ssir l-applikazzjoni għall-ħażna sorveljata referita fl-Artikolu 6, għandha tkun valida biss jekk issir garanzija ta’ 12-il Ewro għal kull 100 kilogramma. Il-garanzija għandha tkun rilaxxata fi proporzjoni mal-kwantitajiet li għalihom l-obbligazzjoni tal-ħażna sorveljata pprovduta fl-Artikolu 6(1) hija mħarsa.

Ir-Regolament (KEE) Nru 2220/85 għandu jgħodd għall-garanziji pprovduti f’dan il-paragrafu u l-obbligazzjoni pprovduta fl-ewwel subparagrafu għandha tikkostitwixxi talba primarja skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 20 ta’ dak ir-Regolament.

4. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6(5), applikazzjonijiet għall-għajnuna mibgħuta matul il-perjodu meta l-prezz tas-suq dinji għall-qoton mhux imfesdaq stabbilit skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1051/2001 jkun fis-seħħ jista’ jkopri biss il-kwantitajiet fil-ħażna sorvejlata fid-data li l-applikazzjoni tkun intbagħtet.

Artikolu 6

Applikazzjoni għall-ħażna sorveljata

1. Meta qoton mhux imfesdaq jidħol fl-impjant tat-tfesdiq, l-impjant għandu jidentifika l-lott, il-kwantità u l-kuntratt(i) konċernati u jibgħat applikazzjoni għall-ħażna sorveljata. Il-partijiet fil-kuntratt għandhom imbagħad jieħdu, bi qbil bejn it-tnejn, il-kampjuni meħtieġa biex tiġi stabbilita l-kwalità ta’ kull lott.

2. Lott huwa kwantità speċifika ta’ qoton mhux imfesdaq innumerat meta jidħol fl-impjant tat-tfesdiq.

Qoton mhux imfesdaq huwa kkunsidrat li jkun daħal fl-impjant tat-tfesdiq meta jidħol:

(a) f’kull bini jew post ieħor fil-preċinti ta’ l-impjant tat-tfesdiq tal-qoton; jew

(b) f’kull post ta’ ħażna barra mill-impjant ta’ tfesdiq li joffri sigurtà biżżejjed u adegwata għall-għanijiet tal-kontroll fuq il-prodotti maħżuna u li jkun approvat bil-quddiem mill-korp ta’ l-ispezzjoni.

Ħlief fil-każijiet ta’ forza maġġuri, jew fejn il-korp ta’ l-ispezzjoni jagħti awtorizzazzjoni minn qabel, qoton li mhux imfesdaq li jkun daħal fl-impjant tat-tfesdiq u li għalih tkun intbagħtet applikazzjoni għall-ħażna sorveljata m’għandux joħroġ mill-impjant mhux imfesdaq.

3. Applikazzjonijiet għall-ħażna sorveljata ta’ lott wieħed jew aktar għandhom jintbagħtu lill-korp ta’ l-ispezzjoni għall-impjanti tat-tfesdiq, bejn l-1 ta’ Settembru u l-31 ta’ Marzu tas-sena tal-marketing konċernata.

Fejn japplika, l-Istati Membri jistgħu jiffissaw data finali bejn iż-żewġ dati ta’ hawn fuq. Iżda, fil-każ ta’ kondizzjonijiet ta’ temp mhux favorevoli, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw li l-qoton konċernat li jitpoġġa f’ħażna sorveljata matul l-aħħar ħamest ijiem tax-xogħol ta’ Marzu.

4. L-applikazzjonijiet għall-ħażna sorveljata għandu jkun fihom it-tagħrif li ġej:

- il-kunjom, l-ismijiet, l-indirizz u l-firma ta’ l-applikant,

- id-data ta’ l-applikazzjoni,

- il-kwantità ta’qoton mhux imfesdaq kopert mill-applikazzjoni,

- in-numru(i) tal-lott(ijiet) konċernati,

- in-numru jew identifikazzjoni tal-kuntratt(i) li jkopru kull lott,

- fejn japplika, mingħajr preġudizzju għal paragrafu 5, dikjarazzjoni li l-applikazzjoni għall-għajnuna sejra tintbagħat f’data aktar tard.

5. Il-kwantitajiet meħuda fil-ħażna sorveljata għandhom jitqabblu ma’ l-applikazzjonijiet għall-għajnuna, mingħajr referenza għal-lottijiet, fl-ordni kronoloġika li jkunu daħlu l-applikazzjonijiet.

6. Il-kwantità meħuda fil-ħażna sorveljat għandha tiġi mfesdqa f’perjodu stabbilit mill-Istat Membru konċernat u f’kull każ fi żmien 90 jum mid-dħul tagħha fil-ħażna sorveljata.

Fi żmien 90 jum minn meta tidħol fil-ħażna sorveljata, u f’kull każ qabel l-10 t’April tas-sena tal-marketing konċernata, l-impjant tat-tfesdiq għandu jinnotifika lill-Istat Membru bil-kwantità ta’qoton imfesdaq prodott mill-kwantità ta’ qoton mhux imfesdaq meħud fil-ħażna sorveljata, waqt li jispeċifika l-kwantitajiet imfesdqa għal partijiet terzi skond l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1051/2001. Il-kwantità ta’ qoton imfesdaq għandha tiġi stabbilita bl-użu tal-metodu mniżżel fl-Anness II.

Artikolu 7

Ħlas bil-quddiem fuq l-għajnuna

1. Mill-bidu tal-ħażna sorveljata, imma mhux qabel is-16 ta’ Ottubru tas-sena tal-marketing konċernata, l-Istati Membri għandhom jagħtu lil dawk konċernati ħlas bil-quddiem fuq l-għajnuna, b’dan illi tkun saret garanzija ta’ l-anqas ugwali għal 110 % tal-ħlas bil-quddiem. Il-ħlas bil-quddiem għandu jsir fi żmien 20 jum wara l-applikazzjoni tagħha.

Fuq it-talba tal-partijiet konċernati, ħlas bil-quddiem imħallas qabel is-16 ta’ Diċembru tas-sena tal-marketing konċernata għandu, fejn ikun japplika, jiżdied skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 1051/2001. Dawn it-talbiet għandhom ikunu akkumpanjati b’garanzija addizzjonali stabbilita fuq livell li jassigura konformità ma’ l-ewwel subparagrafu.

2. L-ammont tal-ħlas bil-quddiem f’ewro għal kull 100 kilogramma għandu jkun ugwali l-prezz gwida referit fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1051/2001, imnaqqas:

(a) bil-prezz tas-suq dinji referit fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament; u

(b) bit-tnaqqis proviżorju tal-prezz gwida referit fl-Artikolu 16(1) jew (2) ta’ dan ir-Regolament, skond il-każ.

Il-ħlas bil-quddiem li jrid jitħallas għandu jkun daqsinsew l-ammont referit fl-ewwel subparagrafu validu fil-jum li fih tkun intbagħtet l-applikazzjoni għall-ħażna sorveljata, moltiplikat bil-kwantitajiet koperti bl-applikazzjoni għall-ħlas bil-quddiem.

3. Ir-Regolament (KEE) Nru 2220/85 għandu jgħodd għall-garanziji li għalihom jipprovdi dan l-Artikolu.

Minkejja l-Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85, il-garanzija fuq il-ħlas bil-quddiem għandha tkun rilaxxata:

(a) sa 60 % mhux qabel l-1 t’April tas-sena tal-marketing konċernata, għall-kwantitajiet li jikkonformaw mal-ħtieġa riferita fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 6(6); u

(b) kollha kemm hi, bejn l-ewwel u l-15-il jum wara l-ħlas tal-bilanċ ta’ l-għajnuna referita fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 1051/2001, fi proporzjon mal-kwantitajiet li għalihom l-Istati Membri tagħaw l-għajnuna.

Iżda, meta jkun hemm irregolaritajiet sinjifikanti, il-garanziji disponibbli kollha li jkunu saru mill-impjant tat-tfesdiq u s-sena tal-marketing konċernata għandhom jiġu rilaxxati skond il-punt (b) tat-tieni subparagrafu.

Il-garanzija għandha tintilef bi proporzjon ma’ l-ammont li l-ħlas bil-quddiem jeċċedi l-ammont ta’ l-għajnuna li għandha tingħata.

Artikolu 8

Ħlas bil-quddiem fuq il-prezz minimu

Mhux aktar minn 30 jum wara li tintbagħat l-applikazzjoni għall-ħażna sorveljata, l-impjanti tat-tfesdiq kollha kif referiti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1051/2001 għandhom iħallsu lill-produtturi, għall-kwantitajiet koperti mill-applikazzjoni, ħlas bil-quddiem fuq il-prezz minimu waqt li jingħata kont ta’:

(a) t-tnaqqis proviżorju tal-prezz gwida referit fl-Artikolu 16(1) u (2); u

(b) l-kwalità tal-prodott imwassal, skond it-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 11(a) tar-Regolament (KE) Nru 1051/2001.

Iżda, meta l-ħlas bil-quddiem fuq il-prezz minimu referit fil-paragrafu preċedenti jirrelata mal-kwantitajiet imqiegħda fil-ħażna sorveljata bejn l-1 u l-25 ta’ Settembru tas-sena tal-marketing in kwistjoni, il-ħlas bil-quddiem għandu jitħallas lill-produttur bejn is-16 u s-26 ta’ Ottubru ta’ wara.

Artikolu 9

Dikjarazzjoni taż-żoni miżrugħa

1. Qabel id-data finali ffissata mill-Istat Membru, kull min ikabbar il-qoton fil-Komunità għandu jibgħat formola ta’ l-applikazzjoni għal għajnuna taż-żona, kif provdut taħt is-sistema integrata ta’ l-amministrazzjoni u l-kontroll, permezz ta’ dikjarazzjoni taż-żoni miżrugħa għas-sena tal-marketing li tkun ġejja. Il-biċċa jew il-bċejjeċ ta’ art agrikoli konċernati għandhom jiġu identifkati skond is-sistema għall-identifikazzjoni tal-bċejjeċ ta’ art agrikoli kif ipprovdut taħt is-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll. Fejn japplika, dawk li jkabbru għandhom jibagħtu dikjarazzjoni korretta li tkun tagħti kont taż-żona attwalment miżrugħa bil-qoton sal-jum iffissat mill-Istat Membru, u mhux aktar tard mill-31 ta’Mejju li jiġi qabel is-sena tal-marketing konċernata.

2. Jekk iż-żoni dikjarati jkunu differenti minn dawk misjuba waqt l-ispezzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jaġġustaw id-dikjarazzjonijiet konċernati. Mingħajr preġudizzju għall-penali stabbiliti skond l-Artikolu 14(1), l-Istati Membri għandhom jagħtu kont ta’ dawn l-aġġastamenti meta jistabbilixxu ż-żona totali dikjarata.

Artikolu 10

Il-Kuntratt

1. Meta l-qoton mhux imfesdaq jittieħed fil-ħażna sorveljata mill-inqas, l-impjanti tat-tfesdiq għandhom jibagħtu kuntratt wieħed jew aktar għal kull lott lill-korp kompetenti.

2. Il-kuntratti għandu jkun fihom mill-inqas il-partikolaritajiet li ġejjin:

(a) l-ismijiet, il-kunjomijiet, l-indirizzi u l-firem tal-partijiet fl-kuntratt;

(b) id-data ta’ l-iffirmar u s-sena taż-żrigħ;

(ċ) iż-żona, espressa f’ettari u ares, bl-’identifikazzjoni tal-biċċa jew bċejjeċ ta’ art agrikoli skond is-sistema għall-identifikazzjoni ta’ bċejjeċ ta’ art agrikoli preskritta taħt is-sistema integrata ta’ l-amministrazzjoni u l-kontroll;

(d) referenza għad-dikjarazzjoni taż-żona miżrugħa għall-qoton; iżda, jekk id-dikjarazzjoni ma tkunx disponibbli meta l-kuntratt jiġi konkluż, referenza għaliha għandha tiġi miżjuda mal-kuntratt hekk kif id-dikjarazzjoni tintbagħat u f’kull każ mhux aktar tard mill-1 ta’ Ġunju ta’ qabel is-sena tal-marketing konċernata;

(e) il-kwantità maħsuda fiż-żona riferita fiċ-(ċ) koperta bil-kuntratt jew, jekk il-kuntratt jiġi konkluż qabel il-ħsad, rabta mill-produttur li jikkunsinna, u mix-xerrej li jirċeviha, tal-kwantità maħsuda fiż-żona konċernata. F’dan il-każ, il-partijiet fil-kuntratt għandhom jagħmlu stima tal-kwantità bbażata fuq il-produzzjoni storika rekordjata fir-reġjun konċernat;

(f) il-prezz tal-bejgħ tal-qoton mhux imfesdaq għal kull unità ta’ piż, bl-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin:

(i) li l-prezz tal-bejgħ jiġi ffissat għall-qoton ta’ kwalità standard stabbilita għall-prezz gwida, ex-azjenda; l-aġġustamenti li għandhom isiru għal dak il-prezz biex jagħtu kont tad-differenza bejn il-kwalità standard u l-kwalità tal-qoton kunsinnat għandhom ikunu stabbiliti bi qbil komuni skond it-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 11(a) tar-Regolament (KE) Nru 1051/2001;

(ii) fejn l-Artikolu 7 u fejn japplika, l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1051/2001 jgħoddu, il-prezz tal-bejgħ għandu jkun addattat bl-ammonti li jirriżultaw rispettivament;

(g) it-termini tal-ħlas bil-quddiem tal-prezz minimu u tal-prezz tal-bejgħ, b’mod partikolari fir-rigward tal-limiti ta’ żmien, aġġustamenti għall-kwalità, u l-metodu għall-kalkolazzjoni ta’ dawk l-ammonti.

Artikolu 11

Tfesdiq għan-nom ta’ partijiet terzi

1. Minkejja l-Artikolu 10, dan l-Artikolu għandu jgħodd fejn il-qoton għandu jiġi mfesdaq għan-nom ta’ produttur individwali jew grupp ta’ produtturi skond l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1051/2001.

2. Mhux aktar tark minn 10 ijiem qabel id-data li fiha l-ewwel kwantità konċernata tittieħed fil-ħażna sorveljata, l-impjanti tat-tfesdiq għandhom jibagħtu dikjarazzjoni tat-tfesdiq għan-nom ta’ terzi partijiet mal-korp kompetenti.

3. Id-dikjarazzjoni għandha tinkludi:

(a) l-ismijiet, l-indirizzi u l-firem tal-partijiet konċernati;

(b) kif l-impjant tat-tfesdiq sejjer jamministra l-applikazzjonijiet kif provdut fl-Artikolu 5 u l-applikazzjonijiet għall-ħażna sorveljata kif provdut fl-Artikolu 6;

(ċ) kif l-impjant tat-tfesdiq sejjer jassigura li l-produttur individwali jew il-gruppi ta’ produtturi, skond kif ikun il-każ, se jħarsu l-obbligazzjonijiet li jintitolawhom għall-għajnuna;

(d) garanzija li l-għajnuna u l-ħlas bil-quddiem tagħha jiġu mgħoddija lill-produttur individwali fil-kuntratt jew lill-grupp ta’ produtturi, skond kif ikun il-każ.

Din il-garanzija tiġi mħarsa meta l-grupp jipprovdi provi li ħa l-impenn li jħallas lil kull membru għall-inqas il-prezz minimu, aġġustat skond l-Artikolu 11(a) tar-Regolament (KE) Nru 1051/2001. Għal dak il-għan, il-grupp ta’ produtturi għandu jipprovdi, b’mod partikolari, il-prezz li bih il-produtturi sejrin iwasslu l-qoton mhux imfesdaq, skond l-Artikolu 10(2)(f) u (ġ).

4. L-Artikolu 10(2)(d) għandu jgħodd b’mod analogu fejn il-qoton jiġi mfesdaq għan-nom ta’ produttur individwali jew grupp ta’ produtturi.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 5 u 6, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna u l-applikazzjonijiet għall-ħażna sorveljata għandhom jinkludu referenza għad-dikjarazzjoni għat-tfesdiq għan-nom ta’ parti terza.

Il-korp kompetenti jista’ jgħaddi d-dokumenti referiti fl-Artikoli 5 u 6 li jirrelataw ma’ l-applikazzjoni għall-għajnuna u l-applikazzjoni għall-ħażna sorveljata lill-produttur individwali jew il-grupp ta’ produtturi, jekk dawn jitolbuhom.

Artikolu 12

Dokumentazzjoni tal-ħażna

Id-dokumentazzjoni tal-ħażna kif ipprovdut fl-Artikolu 11(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 1051/2001 għandu jkollhom mill-inqas l-informazzjoni li ġejja, separatament għall-qoton maħsud ġewwa u barra mill-Komunità:

(a) il-kwantità ta’ qoton imfesdaq prodott, b’referenza għall-qoton mhux imfesdaq meħdud fil-ħażna sorveljata;

(b) il-kwantitajiet ta’ qoton mhux imfesdaq, qoton imfesdaq, żerriegħa u linters tal-qoton maħżuna fl-ewwel jum ta’ kull xahar;

(ċ) għal kull lott ta’ prodotti referiti fil-punt (b), il-kwantità konċernata u n-numru ta’ l-irċevuta jew fattura jew kull dokument ekwivalenti ieħor maħruġ għal kull lott;

(d) għal kull lott ta’ prodotti kif referiti fil-punt (b) li jħallu l-impjant tat-tfesdiq, il-kwantità konċernata u n-numru ta’ l-irċevuta jew fattura jew kull dokument ekwivalenti ieħor maħruġ għal kull lott.

Artikolu 13

Il-kontrolli

1. Il-korp ta’ l-ispezzjoni maħtur mill-Istat Membru produttur għandu jivverifika:

(a) li d-dikjarazzjonijiet taż-żoni miżrugħa għall-qoton huma eżatti, permezz ta’ verifiki fuq il-post li jirrelataw għal mhux anqas minn 5 % tad-dikjarazzjonijiet;

(b) li l-ħtiġiet preskritti fl-Artikolu 10 huma mħarsa;

(ċ) li l-kwantità ta’ qoton kopert bl-applikazzjonijiet ta’ l-għajnuna huma konsistenti mal-kwantità totali ta’ qoton mhux imfesdaq prodott fiż-żoni indikati fil-kuntratti;

(d) l-eżattezza tal-kwantitatjiet ta’ qoton mhux imfesdaq ikkomunikat mill-impjanti tat-tfesdiq skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 6(6);

(e) li d-dokumentazzjoni tal-ħażna kif ipprovdut fl-Artikolu 11(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 1051/2001 jkunu nżammu skond l-Artikolu 12 ta’ dan ir-Regolament. B’mod partikolari, il-verifiki għandhom jistabbilixxu jekk il-fatturi u dokumenti oħra referiti fl-Artikolu 12 ġewx iffirmati minn operaturi identifikati li jistgħu, jekk ikun hemm il-ħtieġa, juru l-oriġini tal-qoton mhux imfesdaq għas-sodisfazzjon ta’ l-Istat Membru konċernat;

(f) permezz ta’ verifiki doppji, li l-bċejjeċ ta’ l-art agrikoli msemmija fil-kuntratti jikkorrispondu ma’ dawk dikjarati minn dawk li jkabbru fid-dikjarazzjoni tagħhom taż-żoni miżrugħa għall-qoton.

2. Fejn jinstabu irregolaritajiet b’konnessjoni mad-dikjarazzjoni taż-żoni referiti fl-Artikolu 9, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-penali referiti fl-Artikolu 14(1), għandha tingħata għajnuna għall-kwantità ta’ qoton li jkun issodisfa l-ħtiġiet l-oħra kollha.

3. Meta diversi korpi jkunu responsabbli għall-arranġamenti ta’ l-ispezzjoni, l-Istat Membru għandu jistabbilixxi sistema ta’ koordinazzjoni għal dan il-għan.

Artikolu 14

Il-Penali

1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu arranġamenti għall-penali għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu kull miżura meħtieġa biex jassiguraw l-applikazzjoni tagħhom. Il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawn l-arranġamenti mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2001, u b’kull emenda sussegwenti fihom mill-aktar fis possibbli.

2. Mingħajr preġudizzju għall-penali stabbiliti mill-Istati Membri għas-sena tal-marketing konċernata:

(a) kull impjant tat-tfesdiq li xjentement jagħmel dikjarazzjoni falza jew bħala riżultat ta’ negliġenza għandu jiġi eskluż mill-iskema ta’ l-għajnuna għas-sena tal-marketing ta’ wara;

(b) kull grupp ta’ produtturi li jonqos milli jħares id-disposizzjonijiet riferiti fl-Artikolu 11(3)(d) ikun eskluż mill-iskema ta’ l-għajnuna għas-sena tal-marketing ta’ wara.

3. Ħlief f’każijiet ta’ forza maġġuri, fejn applikazzjonijiet għall-għajnuna jintbagħtu wara l-31 ta’ Marzu tas-sena tal-marketing konċernata, l-ammont ta’ l-għajununa li jkun jgħodd f’dik id-data għandu jitnaqqas b’1 % għal kull jum ta’ dewmien. Applikazzjonijiet li jintbagħtu aktar minn 25 jum tard ma jiġux aċċettati.

Artikolu 15

Komunikazzjonijiet

1. L-Istati Membri produtturi għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-ismijiet u l-indirizzi tal-korpi maħtura biex jimplimentaw dan ir-Regolament, malli dawn jiġu maħtura.

2. Mhux aktar tard mill-15 ta’ kull xahar, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, waqt li jispeċifikaw għal kull perjodu li għalih ikun japplika prezz differenti fis-suq dinji:

(a) il-kwantitajiet koperti b’applikazzjonijiet għall-għajnuna matul ix-xahar ta’ qabel;

(b) il-kwantitajiet korrispondenti meħuda fil-ħażna sorveljata matul ix-xahar ta’ qabel.

3. Mhux aktar tard mit-30 ta’ Jannar ta’ kull sena, Spanja u l-Greċja għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miżuri u l-programmi adottati taħt l-Artikolu 17(1), (2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1051/2001 għas-sena tal-marketing ta’ wara.

4. L-Istati Membri produtturi għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni:

(a) mhux aktar tard mill-15 ta’ Mejju ta’ kull sena:

(i) b’sommarju tal-kwantitajiet li għalihom kienet approvata l-għajnuna għas-sena tal-marketing kurrenti, maqsuma għal kull perjodu li għalih ikun japplika prezz differenti fis-suq dinji;

(ii) b’summarju tal-kwantitajiet tal-qoton imfesdaq għas-sena tal-marketing kurrenti għan-nom ta’ produtturi individwali jew grupp ta’ produtturi skond l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1051/2001;

(iii) il-kwalità medja ta’ qoton imfesdaq u l-medja ta’ qoton imfesdaq prodott u l-produzzjoni medja tal-qoton imfesdaq u ż-żerriegħa rrekordjati matul is-sena tal-marketing kurrenti;

(b) mhux aktar tard mill-31 ta’ Awissu ta’ kull sena:

(i) iż-żoni miżrugħa bil-qoton matul is-sena kurrenti, fejn meħtieġ aġġustati skond l- l-Artikolu 9(2);

(ii) stima tal-produzzjoni korrispondenti ta’qoton mhux imfesdaq;

(ċ) mhux aktar tard mill-25 ta’ Novembru ta’ kull sena:

(i) l-aktar figuri reċenti tal-kwantitatjiet imqiegħda fil-ħażna sorveljata;

(ii) l-istima riveduta tal-produzzjoni tal-qoton mhux imfesdaq.

5. Fejn jinstabu irregolaritajiet sinifikanti, b’mod partikolari fejn jikkonċernaw 5 % jew aktar taż-żoni spezzjonati taħt l-Artikolu 13(1)(a), l-Istati Membri għandhom jinfurmaw b’dan lill-Kummissjoni mingħajr dewmien, waqt li jiddikjaraw liema miżuri jkunu ġew adottati.

6. Meta Stat Membru jiddeċiedi taħt it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 6(3) li jiffissa data finali aktar kmieni mill-31 ta’ Marzu għas-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet għall-ħażna sorveljata, għandu jadotta d-data l-ġdida mhux aktar tard minn 30 jum qabel dik id-data u għandu jinforma b’dan minnufih lill-Kummissjoni.

Meta Stat Membru jiddeċiedi taħt it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 6(3) li jawtorizza teħid fil-ħażna sorveljata matul l-aħħar ħamest ijiem ta’ Marzu, għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan mhux aktar minn 10 ijiem qabel dak il-perjodu.

Artikolu 16

Stabbilir ta’ l-istima u tal-produzzjoni attwali

1. Il-produzzjoni stamata ta’ qoton mhux imfesdaq referita fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 1051/2001 u t-tnaqqis proviżorju bħala riżultat ta’ dan fil-prezz gwida għandhom jiġu stabbiliti qabel l-10 ta’ Settembru tas-sena tal-marketing konċernata.

2. L-istima tal-produzzjoni riveduta referita fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 1051/2001 u t-tnaqqis ġdid proviżorju bħala riżultat ta’ dan fil-prezz gwida għandhom jiġu stabbiliti qabel l-1 ta’ Diċembru tas-sena tal-marketing konċernata.

3. Il-produzzjoni attwali, it-tnaqqis tal-prezz gwida oġġettiv referit fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1051/2001 u kull żieda fl-għajnuna riferita fl-Artikolu 8 ta’ dak ir-Regolament għandhom jiġu stabbiliti qabel il-15 ta’ Ġunju tas-sena tal-marketing konċernata.

Artikolu 17

Miżuri transitorji

Għas-sena ta’marketing 2001/02, id-dikjarazzjonijiet taż-żoni miżrugħa kif riferiti fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KEE) Nru 1201/89 u l-kuntratti u d-dikjarazzjonijiet tat-tfesdiq kif referiti fl-Artikolu 10 ta’ dak ir-Regolament mibgħuta qabel l-1 ta’ Settembru 2001 għandhom ikunu kunsidrati bħala ekwivalenti għad-dikjarazzjonijiet taż-żoni miżrugħa, kuntratti u dikjarazzjonijiet tat-tfesdiq għan-nom ta’ partijiet terzi referiti fl-Artikoli 9, 10 u 11 ta’ dan ir-Regolament, rispettivament.

Artikolu 18

It-tħassir tar-Regolamenti

Ir-Regolament (KEE) Nru 1201/89 huwa b’dan imħassar b’effett mill-1 ta’ Settembru 2001.

Artikolu 19

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu jibda japplika mill-1 ta’ Settembru 2001.

Dan ir-Regolament għandu jkun jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-2 ta Awwissu 2001.

Għall-Kummissjoni

Frederik Bolkestein

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 291, tad-19.11.1979, p. 174.

[2] ĠU L 148, ta’ l-1.6.2001, p. 1.

[3] ĠU L 148, ta’ l-1.6.2001, p. 3.

[4] ĠU L 205, tat-3.8.1985, p. 5.

[5] ĠU L 240, ta’ l-10.9.1999, p. 11.

[6] ĠU L 355, tal-5.12.1992, p. 1.

[7] ĠU L 72, ta’ l-14.3.2001, p. 6.

[8] ĠU L 184, tat-3.7.1987, pġ 14.

[9] ĠU L 148, tat-30.6.1995, pġ 48.

[10] ĠU L 123, ta’ l-4.5.1989, pġ 23.

--------------------------------------------------

ANNESS I

Koeffiċjenti ta’ ekwivalenza għall-qoton imfesdaq

Żieda jew tnaqqis fil-prezz b’:

(a) 1 % għal kull mm aktar jew anqas minn 28 mm;

(b) 1,5 % għal kull nofs grad ogħla jew anqas minn grad 5.

--------------------------------------------------

ANNESS II

Stabbilir tal-piż ta’ lott ta’ qoton imfesdaq

1. Lott ta’ qoton imfesdaq iffisser balla qoton imfesdaq kif prodott mill-impriża inkwistjoni.

2. Mingħajr preġudizzju għal punt 4, il-piż eżatt ta’ lott ta’ qoton imfesdaq għandu jiżdied b’0,6 % għal kull nofs punt ta’ ndewwa anqas minn 8,5 % u mnaqqas bl-istess perċentwali għal kull nofs punt ta’ ndewwa aktar minn 8,5 %.

Il-kontenut ta’ l-indewwa ta’ lott:

- huwa stabbilit mill-korp ta’ l-ispezzjoni maħtur mill-Istat Membru billi jittieħdu kampjuni minn ta’ l-inqas 5 % tal-lottijiet prodotti minn kull impjant tat-tfesdiq, jew

- huwa ugwali għall-kontenut ta’ l-indewwa medja rekordjata għal kull impjant tat-tfesdiq bħala riżultat tal-kampjuni referiti fl-ewwel inċiż jekk il-lott konċernat ma kienx ittieħed kampjun minnu. Dan il-kontenut ta’ impurità għandu jiġi komunikat lill-impjant tat-tfesdiq mill-korp ta’ l-ispezzjoni.

3. Mingħajr preġudizzju għall-punt 4, il-piż attwali ta’ lott ta’ qoton imfesdaq għandu jiġi aġġustat kif ġej:

(a) għall-lottijiet gradati mill-korp ta’ l-ispezzjoni maħtur mill-Istat Membru, għandha tapplika it-tabella ta’ hawn taħt:

Grad | Perċentwali li bih għandu jiġi aġġustat il-piż |

3,5 u anqas | żid 1,5 |

4 | żid 1 |

4,5 | żid 0,5 |

5 | – |

5,5 | naqqas 0,5 |

6 | naqqas 1 |

6,5 | naqqas 1,5 |

7 | naqqas 2 |

7,5 | naqqas 2,5 |

8 | naqqas 4 |

8,5 u aktar | naqqas 5 |

(b) għal-lottijiet gradati mill-korp ta’ l-ispezzjoni maħtura mill-Istat Membru, il-piż attwali huwa aġġustat billi jingħata kont tal-medja tal-kontenut ta’ l-impurità rekorjata għal kull impjant tat-tfesdiq fuq il-bażi tal-kampjuni meħuda mill-korp ta’ l-ispezzjoni minn ta’ l-inqas 5 % tal-lottijiet mhux gradati. Dan il-kontenut ta’ impurità għandu jiġi komunikat lill-impjant tat-tfesdiq mill-korp ta’ l-ispezzjoni.

Il-piż attwali għandu jiġi miżjud b’0,6 % għal kull nofs punt ta’ ta’ impuritajiet taħt it-2,5 % u mnaqqas bl-istess perċentwali għal kull nofs punt ta’ impuritajiet ta’ aktar minn 2,5 %.

4. Iżda, jekk il-qoton mhux imfesdaq ma jiġix maħżun f’kondizzjonijiet ta’ ħażna normali, b’mod partikolari jekk jkunx miżmum f’post xott jew jekk il-kontenut ta’ l-indewwa tas-saffi ta’ barra tal-balla jeċċedu l-limiti prattikati mis-sengħa, l-istabbilir tal-piż kif deskritt hawn fuq jista’ jitkompla biss wara li l-limiti prattikati mis-sengħa jiġu mħarsa.

--------------------------------------------------

Top