EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001L0017

Id-Direttiva 2001/17/ke tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2001 fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta' impriżi ta' l-assigurazzjoni

ĠU L 110, 20.4.2001, p. 28–39 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2015; Imħassar b' 32009L0138 U Ara 32012L0023 U 32013L0058

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2001/17/oj

32001L0017



Official Journal L 110 , 20/04/2001 P. 0028 - 0039


Id-Direttiva 2001/17/ke tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tad-19 ta' Marzu 2001

fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta' impriżi ta' l-assigurazzjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 47(2) u 55 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [2],

Filwaqt li jaġixxu bi qbil mal-proċedura preskritta fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

Billi:

(1) L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 73/239/KEE ta' 1-24 ta' Lulju 1973 fuq il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar l-adozzjoni u l-eżerċizzju tan-negozju ta' assigurazzjoni diretta ħlief dik ta' l-assigurazzjoni fuq il-ħajja [4], kif miżjuda bid-Direttiva 92/49/KEE [5], u L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 79/267/KEE tal-5 ta' Marzu 1979 fuq il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar l-adozzjoni u l-eżerċizzju tan-negozju ta' assigurazzjoni diretta fuq il-ħajja [6] kif miżjuda bid-Direttiva 92/96/KEE [7], jipprovdu għall-awtorizzazzjoni waħdanija ta' l-impriżi ta' l-assigurazzjoni mogħtija mill-awtorità ta' superviżjoni ta' l-Istat Membru oriġinali. Din l-awtorizzazzjoni waħdanija tħalli l-impriża ta' assigurazzjoni li twettaq l-attivitajiet tagħha fil-Komunità permezz tat-twaqqif ta' l-għoti ta' servizzi b'xejn mingħajr awtorizzazzjoni ulterjuri mill-Istat Membru ospitanti u taħt is-superviżjoni waħdanija prudenti ta' l-awtoritajiet ta' superviżjoni ta' l-Istat Membru ta' l-oriġini.

(2) Id-direttivi ta' l-assigurazzjoni li jipprovdu awtorizzazzjoni waħdanija bi skop Komunitarju għall-impriżi ta' assigurazzjoni ma jkollhomx regoli ta' koordinament fl-eventwalità ta' proċeduri ta' stralċ. Impriżi ta' l-assigurazzjoni kif ukoll istituzzjonijiet oħra finanzjarji huma espressament esklużi mill-iskop tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta' Mejju 2000 fuq proċeduri ta' l-insolvenza [8]. Huwa fl-interess tat-tħaddim xieraq tas-suq intern u tal-protezzjoni tal-kredituri li regoli koordinati jkunu stabbiliti fuq livell tal-Komunità għall-proċeduri ta' l-istralċ fir-rigward ta' impriżi ta' l-assigurazzjoni.

(3) Regoli ta' koordinament għandhom ikunu stabbiliti biex jiżguraw li l-miżuri ta' riorganizzazzjoni, adottati mill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru biex jippriservaw u jirrestitwixxu l-qagħda finanzjarja soda ta' impriża ta' l-assigurazzjoni u biex ma jħallux kemm jista' jkun sitwazzjoni ta' stralċ, jipproduċu l-effetti sħaħ fil-Komunità kollha. Il-miżuri ta' riorganizzazzjoni koperti b'din id-Direttiva huma dawk li jaffettwaw drittijiet pre-eżistenti ta' partijiet li ma jkunux ta' l-impriża ta' assigurazzjoni nnifisha. Il-miżuri pprovduti fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 73/239/KEE u l-Artikolu 24 tad-Direttiva 79/267/KEE għandhom ikunu inklużi fl-iskop ta' din id-Direttiva iżda għandhom jikkonformaw mal-kondizzjonijiet misjuba fid-definizzjoni tal-miżuri ta' riorganizzazzjoni.

(4) Din id-Direttiva għandha skop Komunitarju li taffettwa l-impriżi ta' l-assigurazzjoni kif iddefiniti fid-Direttivi 73/239/KEE u 79/267/KEE li għandhom l-uffiċċju prinċipali fil-Komunità, friegħi ta' impriżi ta' l-assigurazzjoni li għandhom l-uffiċċju prinċipali f'pajjiżi terzi u kredituri residenti fil-Komunità. Din id-Direttiva m'għandhiex tirregola l-effetti tal-miżuri ta' riorganizzazzjoni u proċeduri ta' l-istralċ fir-rigward ta' pajjizi terzi.

(5) Din id-Direttiva għandha jkollha x'taqsam mal-proċeduri ta' l-istralċ kemm jekk huma ibbażati jew le fuq l-insolvenza u kemm jekk huma volontarji jew obbligatorji. Għandha tapplika għall-proċeduri kollettivi kif imfissra mil-leġislazzjoni ta' l-Istat Membru ta' l-oriġini skond l-Artikolu 10 li jinvolvi r-realizzazzjoni ta' l-assi ta' impriża ta' l-assigurazzjoni u t-tqassim tar-rikavat tagħhom. Proċeduri ta' l-istralċ li, mingħajr ma jkunu bbażati fuq l-insolvenza, jinvolvu għal ħlas ta' pretensjonijiet ta' l-assigurazzjoni ordni ta' prijorità skond l-Artikolu 10 għandhom ikunu inklużi ukoll fl-iskop ta' din id-Direttiva. Pretensjonijiet mill-impjegati ta' impriża ta' assigurazzjoni li joħorġu mill-kuntratti ta' impjieg u relazzjonijiet ta' impjieg għandhom ikunu kapaċi li jkunu surrogati għal skema nazzjonali ta' paga garantita; pretensjonijiet surrogati bħal dawn għandhom jibbenefikaw mit-trattament iddeterminat mil-liġi ta' l-Istat Membru ta' l-oriġini ( lex concursus) skond il-prinċipji ta' din id-Direttiva. Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw għall-każijiet differenti ta' proċeduri ta' l-istralċ kif xieraq.

(6) L-adozzjoni ta' miżuri ta' riorganizzazzjoni ma jipprekludux il-ftuħ ta' proċeduri għall-istralċ. Proċeduri ta' l-istralċ jistgħu jinbdew fl-assenza ta', jew wara, l-adozzjoni ta' miżuri ta' riorganizzazzjoni u jistgħu jintemmu b'kompożizzjoni jew miżuri oħra analogi, inkluż miżuri ta' riorganizzazzjoni.

(7) It-tifsira ta' fergħa, skond il-prinċipji eżistenti ta' l-insolvenza, għandha tikkonsidra l-personalità waħdanija ta' l-impriża ta' l-assigurazzjoni. Il-leġislazzjoni ta' l-Istat Membru ta' l-oriġini għandha tiddetermina l-mod li għandhom ikunu ttrattati fl-istralċ ta' impriża ta' l-assigurazzjoni l-assi u l-passiv miżmuma minn persuni indipendenti li għandhom awtorità permanenti li jaġixxu bħala aġent għall-impriża assiguratriċi.

(8) Għandha ssir distinzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti għall-iskopijiet tal-miżuri ta' riorganizzazzjoni u proċeduri ta' l-istralċ u l-awtoritajiet ta' superviżjoni ta' l-impriżi ta' assigurazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu ikunu awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji jiddipendi mil-leġislazzjoni ta' l-Istat Membru. Din id-Direttiva ma tridx tarmonizza l-leġislazzjoni nazzjonali dwar l-allokazzjoni ta' kompetenzi bejn dawn l-awtoritajiet.

(9) Din id-Direttiva ma tfittixx li tarmonizza l-leġislazzjoni nazzjonali dwar miżuri ta' riorganizzazzjoni u proċeduri ta' l-istralċ imma timmira li tiżgura r-rikonoxximent reċiproku tal-miżuri ta' riorganizzazzjoni ta' l-Istati Membri u l-leġislazzjoni ta' l-istralċ dwar l-impriżi ta' assigurazzjoni kif ukoll il-kooperazzjoni meħtieġa. Dan ir-rikonoxximent reċiproku huwa implimentat f'din id-Direttiva permezz tal-prinċipji ta' l-unità, l-universalità, il-koordinazzjoni, il-pubbliċità, it-trattament ekwivalenti u l-protezzjoni tal-kredituri ta' l-assigurazzjoni.

(10) L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' l-oriġini biss għandu jkollu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet fuq il-proċeduri ta' l-istralċ dwar l-impriżi ta' l-assigurazzjoni (prinċipju ta' unità). Dawn il-proċeduri għandhom jipproduċu l-effetti tagħhom fil-Komunità kollha u għandhom ikunu rikonoxxuti mill-Istati Membri kollha. L-assi u l-passiv kollha ta' l-impriża ta' l-assigurazzjoni għandhom, bħala regola ġenerali, ikunu ikkunsidrati fil-proċeduri ta' l-istralċ (prinċipju ta' l-universalità).

(11) Il-liġi ta' l-Istat Membru ta' l-oriġini għandha tiddetermina d-deċiżjoni ta' l-istralċ dwar impriża ta' assigurazzjoni, il-proċeduri ta' l-istralċ innifishom u l-effetti tagħhom, kemm sostantivi kif ukoll proċedurali, fuq il-persuni u r-relazzjonijiet legali kkonċernati, ħlief fejn din id-Direttiva tipprovdi xorta oħra. Għalhekk il-kondizzjonijiet kollha għall-ftuħ, it-tmexxija u l-għeluq tal-proċeduri ta' l-istralċ għandhom ġeneralment ikunu iggvernati mil-liġi ta' l-Istat Membru ta' l-origini. Biex tkun iffaċilitata l-applikazzjoni tagħha din id-Direttiva għandha tinkludi lista mhux eżawrjenti ta' aspetti li, partikolarment, huma soġġetti għar-regola ġenerali tal-leġislazzjoni ta' l-Istat Membru ta' l-oriġini.

(12) L-awtoritajiet ta' superviżjoni ta' l-Istati Membri ta' oriġini u dawk ta' l-Istati Membri kollha l-oħra għandhom ikunu informati bħala materja ta' urġenza bil-bidu tal-proċeduri ta' l-istralċ (prinċipju ta' koordinazzjoni).

(13) Huwa ta' importanza kbira li l-persuni assigurati, detenturi tal-poloz, benefiċjarji u kull parti li sofriet ħsara li jkollha dritt ta' azzjoni diretta kontra l-impriża ta' l-assigurazzjoni fuq pretensjoni li toħroġ mill-operazzjonijiet ta' l-assigurazzjoni ikunu mħarsa fil-proċeduri ta' l-istralċ. Din il-protezzjoni m'għandhiex tinkludi pretensjonijiet li joħorġu mill-obbligi taħt il-kuntratti ta' assigurazzjoni jew operazzjonijiet ta' assigurazzjoni imma minn responsabbilità ċivili kkawżata minn aġent fin-negozjati li għalihom, skond il-liġi applikabbli għall-kuntratt jew operazzjoni ta' l-assigurazzjoni, l-aġent innifsu mhux responsabbli taħt tali kuntratt jew operazzjoni ta' l-assigurazzjoni. Biex jilħaq dan il-għan l-Istati Membri għandhom jiżguraw trattament speċjali lill-kredituri ta' l-assigurazzjoni skond wieħed miż-żewġ metodi ta' għażla pprovduti f'din id-Direttiva. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu bejn li jagħtu lill-pretensjonijiet ta' assigurazzjoni preċedenza assoluta fuq kull pretensjoni oħra fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tekniċi jew l-għoti ta' pretensjonijiet ta' assigurazzjoni prijorità speċjali li tista' tkun preċeduta biss b'pretensjonijiet fuq salarji, sigurtà soċjali, taxxi u drittijiet in rem fuq l-assi kollha ta' l-impriza ta' assigurazzjoni. L-ebda waħda miż-żewġ metodi ipprovduti f'din id-Direttiva ma timpedixxi Stat Membru milli jistabbilixxi prijoritajiet bejn il-kategoriji differenti ta' pretensjonijiet ta' assigurazzjoni.

(14) Din id-Direttiva għandha tiżgura bilanċ xieraq bejn il-protezzjoni tal-kredituri ta' l-assigurazzjoni u kredituri privileġġati oħra protetti mil-leġislazzjoni ta' l-Istat Membru u ma tarmonizzax is-sistemi differenti tal-kredituri privileġġati li jeżistu fl-Istati Membri.

(15) Iż-żewġ metodi ta' l-għażla għat-trattament tal-pretensjonijiet ta' l-assigurazzjoni huma kkunsidrati sostanzjalment ekwivalenti. L-ewwel metodu jiżgura l-affettazzjoni ta' l-assi li jirrappreżentaw id-dispożizzjonijiet tekniċi għal pretensjonijiet ta' l-assigurazzjoni, it-tieni metodu jiżgura li l-pretensjonijiet ta' l-assigurazzjoni igawdu pożizzjoni fil-prijorità tal-kredituri li ma taffettwax biss l-assi li jirrapreżentaw id-dispożizzjonijiet tekniċi imma l-assi kollha ta' l-impriża ta' l-assigurazzjoni.

(16) Stati Membri li, biex jipproteġu l-kredituri ta' l-assigurazzjoni, jagħżlu metodu li jagħtu l-pretensjonijiet ta' l-assigurazzjoni preċedenza assoluta fir-rigward ta' l-assi li jirrapreżentaw id-dispożizzjonijiet tekniċi għandhom jeħtieġu mill-impriżi ta' l-assigurazzjoni tagħhom li jistabbilixxu u jżommu aġġornat reġistru speċjali ta' dawk l-assi. Dak ir-reġistru huwa strument utili biex jidentifika l-assi milquta b'dawk il-pretensjonijiet.

(17) Biex tissaħħaħ l-ekwivalenza bejn iż-żewġ metodi ta' trattament tal-pretensjonijiet ta' l-assigurazzjoni, din id-Direttiva għandha tobbliga lill-Istati Membri li japplikaw il-metodu msemmi fl-Artikolu 10(1)(b) biex teħtieġ kull impriża ta' l-assigurazzjoni biex tirrappreżenta, f'kull mument u indipendentement minn kull stralċ possibbli, pretensjonijiet, li skond dak il-metodu jistgħu ikollhom preċedenza fuq il-pretensjonijiet ta' l-assigurazzjoni u li huma rreġistrati fil-kontabbilità ta' l-impriża ta' l-assigurazzjoni, b'assi permessi mid-direttivi ta' l-assigurazzjoni fis-seħħ biex jirrappreżentaw id-dispożizzjonijiet tekniċi.

(18) L-Istat Membru ta' l-oriġini għandu jkun jista' jipprovdi li, fejn id-drittijiet tal-kredituri ta' l-assigurazzjoni kienu surrogati bi skema ta' garanzija stabbilita f'dak l-Istat Membru oriġinali, pretensjonijiet minn dik l-iskema m'għandhomx jibbenefikaw mit-trattament ta' pretensjonijiet ta' l-assigurazzjoni taħt din id-Direttiva.

(19) Il-bidu ta' proċeduri ta' stralċ għandu jinvolvi l-irtirar ta' l-awtorizzazzjoni biex isir in-negozju mogħti lill-impriża ta' l-assigurazzjoni ħlief jekk dik l-awtorizzazjoni kienet irtirata qabel.

(20) Id-deċiżjoni biex jinbdew il-proċeduri ta' stralċ, li jistgħu jipproduċu effetti fil-Komunità kollha skond il-prinċipju ta' l-universalità, għandu jkollha l-pubbliċità xierqa ġewwa l-Komunità. Sabiex il-partijiet interessati jkunu protetti, id-deċiżjoni għandha tkun ippubblikata skond il-proċeduri ta' l-Istat Membru u fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u, iżjed, b'kull mezz ieħor deċiż mill-awtoritajiet ta' superviżjoni ta' l-Istati Membri l-oħra fit-territorji rispettivi tagħhom. Barra l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni, kredituri magħrufa li joqogħdu fil-Komunità għandhom ikunu infurmati individwalment bid-deċiżjoni u din l-informazzjoni għandu jkollha ta' l-anqas l-elementi speċifikati f'din id-Direttiva. L-istralċjarji għandhom iżommu ukoll il-kredituri regolarment infurmati bil-progress tal-proċeduri ta' l-istralċ.

(21) Kredituri għandhom ikollhom id-dritt li jagħmlu l-pretensjonijiet jew jissottomettu osservazzjonijiet bil-miktub fil-proċeduri ta' l-istralċ. Pretensjonijiet minn kredituri li joqogħdu fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru ta' l-oriġini għandhom ikunu ttrattati bl-istess mod bħal pretensjonijiet ekwivalenti fl-Istat Membru ta' l-oriġini mingħajr diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' nazzjonalità jew residenza (prinċipju ta' trattament ekwivalenti).

(22) Din id-Direttiva għandha tapplika għall-miżuri ta' riorganizzazzjoni adottati minn awtorità kompetenti tal-prinċipji ta' Stat Membru li huma simili mutatis mutandis għal dawk ipprovduti fil-proċeduri ta' stralċ. Il-pubblikazzjoni ta' dawn il-miżuri ta' riorganizzazzjoni għandhom ikunu llimitati għall-każ fejn l-appell fl-Istat Membru ta' oriġini huwa possibbli minn partijiet li ma jkunux l-impriża ta' l-assigurazzjoni nnifisha. Meta miżuri ta' riorganizzazzjoni jaffettwaw esklussivament id-drittijiet ta' l-azzjonisti, membri u impjegati ta' l-impriża ta' l-assigurazzjoni kkunsidrati f'dawk il-kapaċitajiet, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeterminaw il-mod li bih il-partijiet affettwati għandhom ikunu mgħarrfa skond il-leġislazzjoni rilevanti.

(23) Din id-Direttiva tipprovdi għal regoli koordinati biex tkun iddeterminata l-liġi applikabbli għall-miżuri ta' riorganizzazzjoni u proċeduri ta' stralċ ta' l-impriżi ta' l-assigurazzjoni. Din id-Direttiva ma tfittixx li tistabbilixxi regoli tad-dritt privat internazzjonali li jiddeterminaw il-liġi applikabbli għall-kuntratti u relazzjonijiet oħra legali. B'mod partikolari, din id-Direttiva ma tfittixx li tiddetermina r-regoli applikabbli fuq l-eżistenza ta' kuntratt, id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet u l-valutazzjoni tad-debiti.

(24) Ir-regola ġenerali ta' din id-Direttiva, skond liema miżuri ta' riorganizzazzjoni tal-miżuri u l-proċeduri ta' stralċ huma iddeterminati mil-liġi ta' l-Istat Membru oriġinali, għandu jkollha serje ta' eċċezzjonijiet biex tipproteġi l-aspettattivi leġittimi u ċ-ċertezza ta' ċerti tranżazzjonijiet fl-Istati Membri li ma jkunx l-Istat Membru ta' oriġini. Dawn l-eċċezzjonijiet għandhom jikkonċernaw l-effetti ta' dawn il-miżuri ta' riorganizzazzjoni u proċeduri ta' stralċ fuq ċerti kuntratti u drittijiet, drittijiet in rem ta' terzi persuni, riservi tat-titolu, tpaċija, swieq regolati, atti ta' detriment, xerrejja ta' partijiet terzi u kawżi pendenti.

(25) L-eċċezzjoni dwar l-effetti tal-miżuri ta' riorganizzazzjoni u proċeduri ta' stralċ fuq ċerti kuntratti u drittijiet ipprovduti fl-Artikolu 19 għandha tkun illimitata għall-effetti speċifikati hemmhekk u m'għandhiex tinkludi kull kwistjoni oħra fuq miżuri ta' riorganizzazzjoni u proċeduri ta' stralċ bħal depożitu, verifika, ammissjoni u l-prijorità tal-pretensjonijiet dwar kuntratti u drittijiet, li għandhom ikunu ggvernati bil-leġislazzjoni ta' l-Istat Membru ta' l-oriġini.

(26) L-effetti ta' miżuri ta' riorganizzazjoni jew proċeduri ta' stralċ fuq kawża pendenti għandha tkun iddeterminata bil-liġi ta' l-Istati Membri fejn il-kawża hija pendenti dwar assi jew dritt minn liema impriża ta' l-assigurazzjoni tkun ġiet svestita bħala eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-liġi ta' l-Istat Membru ta' oriġini. L-effetti ta' dawn il-miżuri u proċeduri fuq azzjonijiet individwali ta' eżekuzzjoni li joħroġu minn dawn il-kawżi għandhom ikunu iggvernati mil-liġi ta' l-Istat Membru ta' l-origini, skond ir-regola ġenerali ta' din id-Direttiva.

(27) Il-persuni kollha meħtieġa li jirċievu jew jagħtu tagħrif konness mal-proċeduri ta' komunikazzjoni pprovduti f'din id-Direttiva għandhom ikunu marbuta bis-segretezza professjonali bl-istess mod kif inhu stabbilit fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 92/49/KEE u l-Artikolu 15 tad-Direttiva 92/96/KEE, bl-eċċezzjoni ta' kull awtorità gudizzjarja li tapplika għaliha l-leġislazzjoni nazzjonali.

(28) Għall-għan biss li japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għall-miżuri ta' riorganizzazzjoni u proċeduri ta' stralċ dwar friegħi li jinsabu fil-Komunità ta' impriża tal-Komunità li l-uffiċċju prinċipali tagħha jinsab f'pajjiż terz l-Istat Membru ta' l-oriġini għandu jkun definit bħala l-Istat Membru fejn tinsab il-fergħa u l-awtoritajiet ta' superviżjoni u l-awtoritajiet kompetenti bħala l-awtoritajiet ta' l-Istat Membru.

(29) Fejn hemm friegħi f'aktar minn Stat Membru wieħed ta' impriża ta' l-assigurazzjoni li l-uffiċċju prinċipali tagħha jinsab barra l-Komunità, kull fergħa għandha titqies għal rasha fir-rigward ta' l-applikazzjoni tad-Direttiva. F'dak il-każ l-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet ta' superviżjoni, l-amministraturi u l-istralċjarji għandhom jittentaw li jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

IT-TITOLU I

SKOP U DEFINIZZJONIJIET

L-Artikolu 1

Skop

1. Din id-Direttiva tapplika għal miżuri ta' riorganizzazzjoni u proċeduri ta' stralċ dwar l-impriżi ta' l-assigurazzjoni.

2. Din id-Direttiva tapplika ukoll, safejn hemm provdut fl-Artikolu 30, għall-miżuri ta' riorganizzazzjoni u proċeduri ta' stralċ dwar friegħi fit-territorju tal-Komunità ta' impriżi ta' assigurazzjoni li jkollhom l-uffiċċju prinċipali barra l-Komunità.

L-Artikolu 2

Tifsiriet

Għall-għan ta' din id-Direttiva:

"impriża ta' l-assigurazzjoni" tfisser impriża li rċeviet l-awtorizzazzjoni uffiċjali skond l-Artikolu 6 tad-Direttiva 73/239/KEE jew l-Artikolu 6 tad-Direttiva 79/267/KEE;

"fergħa" tfisser kull preżenza permanenti ta' impriża ta' l-assigurazzjoni fit-territorju ta Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru ta' oriġini li tagħmel negozju ta' l-assigurazzjoni;

"miżuri ta' riorganizzazzjoni" tfisser kull intervent mill-korpi amministrattivi jew awtoritajiet ġudizzjarji maħsuba sabiex jippreservaw jew jirrestawraw is-sitwazzjoni finanzjarja ta' l-impriża ta' l-assigurazzjoni u li jaffettwaw id-drittijiet ta' partijiet li ma tkunx l-impriża nnifisha li kienu jeżistu minn qabel, inklużi iżda mhux illimitati għall-miżuri li jinvolvu l-possibbilità ta' sospensjoni ta' pagamenti, sospensjoni ta' miżuri eżekuttivi jew ta' tnaqqis fil-pretensjonijiet;

"proċeduri ta' stralċ" tfisser il-proċeduri kollettivi li jinvolvu r-realizzazzjoni ta' l-assi ta' impriża ta' l-assigurazzjoni u d-distribuzzjoni tar-rikavat fost il-kredituri, azzjonisti jew membri kif xieraq, li neċessarjament jinvolvu intervent mill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji ta' Stat Membru, inkluż fejn il-proċeduri kollettivi huma mitmuma b'kompożizzjoni jew miżura oħra analoga, kemm jekk huma bbażati fuq l-insolvenza jew le jew huma volontarji jew obbligatorji;

"Stat Membru ta' oriġini" tfisser Stat Membru fejn impriża ta' assigurazzjoni kienet awtorizzata skond l-Artikolu 6 tad-Direttiva 73/239/KEE jew l-Artikolu 6 tad-Direttiva 79/267/KEE;

"Stat Membru ospitanti" tfisser l-Istat Membru li ma jkunx l-Istat Membru ta' oriġini fejn impriża ta' l-assigurazzjoni għandha fergħa;

"awtoritajiet kompetenti" tfisser awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji ta' l-Istati Membri li huma kompetenti għall-għanijiet ta' miżuri ta' riorganizzazzjoni jew proċeduri ta' stralċ;

"awtoritajiet ta'superviżjoni" tfisser awtoritajiet kompetenti fit-tifsira ta' l-Artikolu 1(k) tad-Direttiva 92/49/KEE u ta' l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 92/96/KEE;

"amministratur" tfisser kull persuna jew korp appuntat mill-awtoritajiet kompetenti għall-għan ta' l-amministrazzjoni tal-miżuri ta' riorganizzazzjoni;

"stralċjarju" tfisser kull persuna jew korp appuntat mill-awtoritajiet kompetenti jew mill-korpi tat-tmexxija ta' impriża ta' l-assigurazzjoni, kif xieraq, għall-għan ta' l-amministrazzjoni tal-proċeduri ta' l-istralċ;

"pretensjonijiet lill-assigurazzjoni" tfisser kull ammont li huwa dovut minn impriza ta' l-assigurazzjoni lill-persuni assigurati, detenturi tal-polza, benefiċjarji jew lil kull parti li sofriet dannu li jkollhom dritt dirett ta' azzjoni kontra l-impriża ta' l-assigurazzjoni u li toħroġ mill-kuntratt ta' assigurazzjoni jew minn kull operazzjoni pprovduta fl-Artikolu 1(2) u (3), tad-Direttiva 79/267/KEE fin-negozju ta' assigurazzjoni diretta, inkluż ammonti mwarrba għall-imsemmija persuni, meta xi elementi tad-dejn għadhom m'humiex magħrufin. Il-premiums dovuti minn impriża ta' l-assigurazzjoni bħala riżultat tan-nuqqas tal-konklużjoni jew tar-rexxissjoni ta' dawn il-kuntratti ta' assigurazzjoni u operazzjonijiet skond il-liġi applikabbli għal dawn il-kuntratti jew operazzjonijiet qabel il-bidu tal-proċeduri ta' l-istralċ għandhom ikunu kkunsidrati ukoll bħala pretensjonijiet ta' l-assigurazzjoni.

IT-TITOLU II

MIŻURI TA' RIORGANIZZAZZJONI

L-Artikolu 3

Skop

Dan it-Titolu japplika għar-riorganizzazzjoni ta' miżuri mfissra fl-Artikolu 2(ċ).

L-Artikolu 4

Adozzjoni ta' miżuri ta' riorganizzazjoni — Liġi applikabbli

1. L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' l-oriġini biss għandhom ikollhom is-setgħa li jiddeċiedu fuq il-miżuri ta' riorganizzazzjoni fuq impriżi ta' l-assigurazzjoni, inkluż il-friegħi tagħha fl-Istati Membri l-oħra. (6) Il-miżuri ta' riorganizzazzjoni ma jipprekludux il-ftuħ ta' proċeduri għall-istralċ mill-Istat Membru ta' oriġini.

2. Il-miżuri ta' riorganizzazzjoni għandhom ikunu ggvernati mil-liġi, ir-regolamenti u l-proċeduri applikabbli fl-Istat Membru ta' l-origini, ħlief kif ipprovdut fl-Artikoli 19 sa 26.

3. Il-miżuri ta' riorganizzazzjoni għandhom ikunu effettivi għal kollox ġewwa l-Komunità kollha skond il-leġislazzjoni ta' l-Istat Membru ta' l-oriġini mingħajr ebda formalitajiet oħra, inkluż kontra terzi persuni fi Stati Membri oħra, ukoll jekk il-leġislazzjoni ta' dawk l-Istati Membri l-oħra ma tipprovdix għal dawn il-miżuri ta' riorganizzazzjoni jew inkella tagħmel l-implimentazzjoni tagħhom soġġetta għall-kondizzjonijiet li mhumiex milħuqa.

4. Il-miżuri ta' riorganizzazzjoni għandhom ikunu effettivi ġewwa l-Komunità kollha ladarba jidħlu fis-seħħ fl-Istat Membru fejn ikunu ttieħdu.

L-Artikolu 5

Tagħrif lill-awtoritajiet ta' superviżjoni

L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' oriġini għandhom jinurmaw bħala kwistjoni ta' urġenza lill-awtoritajiet ta' superviżjoni ta' l-Istat Membru ta' oriġini bid-deċiżjoni tagħhom fuq kull miżura ta' riorganizzazzjoni, fejn possibbli qabel l-adozzjoni ta' dik il-miżura u jekk le minnufih wara. L-awtoritajiet ta' superviżjoni ta' l-Istat Membru ta' oriġini għandhom jinfurmaw bħala kwistjoni ta' urġenza lill-awtoritajiet ta' superviżjoni ta' l-Istat Membru bid-deċiżjoni li jadottaw miżuri ta' riorganizzazzjoni inkluż l-effetti prattiċi possibbli ta' dawk il-miżuri.

L-Artikolu 6

Pubblikazzjoni

1. Fejn appell huwa possibbli fl-Istat Membru ta' oriġini kontra miżura ta' riorganizzazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' oriġini, l-amministratur jew kull persuna intitolata li tagħmel hekk fl-Istat Membru ta' oriġini għandu jagħmel pubblika d-deċiżjoni tiegħu fuq miżura ta' riorganizzazzjoni skond il-pubblikazzjoni ta' proċeduri pprovduti fl-Istat Membru ta' oriġini u, ukoll, għandu jippubblika fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fl-ewwel opportunità estratt mid-dokument li jistabbilixxi l-miżura ta' riorganizzazzjoni. L-awtoritajiet ta' superviżjoni ta' l-Istati Membri l-oħra kollha li jkunu infurmati bid-deċiżjoni fuq miżura ta' riorganizzazzjoni bis-saħħa ta' l-Artikolu 5 jistgħu jiżguraw il-pubblikazzjoni ta' dik id-deċiżjoni fit-territorju tagħhom bil-mod li jikkunsidraw xieraq.

2. Il-pubblikazzjonijiet ipprovduti fil-paragrafu 1 għandhom jispeċifikaw ukoll l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru ta' oriġini, il-liġi applikabbli kif ipprovdut fl-Artikolu 4(2) u l-amministratur appuntat, jekk hemm. Għandhom ikunu fil-lingwa uffiċjali jew f'waħda mil-lingwi uffiċjali ta' l-Istat Membru fejn it-tagħrif huwa ppubblikat.

3. Il-miżuri ta' riorganizzazzjoni għandhom japplikaw immaterjalment mid-dispożizzjonijiet dwar il-pubblikazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 u għandhom ikunu effettivi għal kollox kontra l-kredituri, ħlief jekk l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat ta' oriġini jew il-liġi ta' dak l-Istat tipprovdi mod ieħor.

4. Meta miżuri ta' riorganizzazzjoni jaffettwaw esklussivament id-drittijiet ta' l-azzjonisti, membri jew impjegati ta' l-impriża ta' l-assigurazzjoni kkunsidrati f'dawk il-kapaċitajiet, dan l-Artikolu m'għandux japplika ħlief jekk il-liġi applikabbli għal dawn il-miżuri ta' riorganizzazzjoni jipprovdi mod ieħor. L-aworitajiet kompetenti għandhom jiddeterminaw il-mod kif il-partijiet interessati affettwati b'dawn il-miżuri ta' riorganizzazzjoni għandhom ikunu mgħarrfa skond il-leġislazzjoni rilevanti.

L-Artikolu 7

Tagħrif lill-kredituri magħrufa — Jedd li jsiru l-pretensjonijiet

1. Fejn il-leġislazzjoni ta' l-Istat Membru ta' oriġini teħtieġ il-preżentata ta' pretensjoni biex tkun rikonoxxuta jew tipprovdi għan-notifika obbligatorja ta' miżura ta' riorganizzazzjoni lill-kredituri li għandhom il-post tar-residenza tagħhom normali, domiċilju jew uffiċċju prinċipali f'dak l-Istat, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' oriġini jew l-amministratur għandhom jgħarrfu wuoll lill-kredituri magħrufa li għandhom il-post tar-residenza tagħhom normali, id-domiċilju jew l-uffiċċju prinċipali fi Stat Membru ieħor, skond il-proċeduri imsemmija fl-Artikoli 15 u 17(1).

2. Fejn il-leġislazzjoni ta' l-Istat Membru ta' oriġini tipprovdi għad-dritt tal-kredituri li għandhom il-post tar-residenza tagħhom normali, domiċilju jew uffiċċju prinċipali f'dak l-Istat, biex jippreżentaw pretensjonijiet jew jissottomettu l-osservazzjonijiet dwar il-pretensjonijiet tagħhom, kredituri li għandhom il-post tar-residenza tagħhom normali, domiċilju jew uffiċċju prinċipali fi Stat Membru ieħor għandu jkollhom l-istess dritt li jippreżentaw pretensjonijiet jew jissottomettu osservazzjonijiet skond il-proċeduri pprovduti fl-Artikoli 16 u 17(2).

IT-TITOLU III

PROĊEDURI TA' L-ISTRALĊ

L-Artikolu 8

Bidu ta' proċeduri ta' l-istralċ — Tagħrif lill-awtoritajiet ta' superviżjoni

1. L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' l-oriġini biss għandu jkollhom is-setgħa li jieħdu d-deċiżjoni fuq il-bidu tal-proċeduri ta' l-istralċ fir-rigward ta' impriżi ta' l-assigurazzjoni, inkluż il-friegħi tagħha fl-Istati Membri l-oħra. Din id-Deċiżjoni għandha tittieħed fl-assenza, jew wara l-adozzjoni, ta' miżuri ta' riorganizzazzjoni.

2. Deċiżjoni adottata skond il-leġislazzjoni ta' Stat Membru ta' oriġini dwar il-bidu ta' proċeduri ta' stralċ ta' impriża ta' assigurazzjoni, inkluż il-friegħi tagħha fl-Istati Membri l-oħra, għandha tkun rikonoxxuta mingħajr formalità oħra fit-territorju ta' l-Istati Membri l-oħra u għandhom ikunu effettivi hemmhekk hekk kif id-deċiżjoni tkun effettiva fl-Istat Membru fejn il-proċeduri huma miftuħa.

3. L-awtoritajiet ta' superviżjoni ta' l-Istat Membru ta' l-oriġini għandu jkun mgħarraf bħala kwistjoni ta' urġenza bid-deċiżjoni tal-bidu tal-proċeduri ta' l-istralċ, jekk possibbli qabel il-proċeduri jibdew u fin-nuqqas minnufih wara. L-awtoritajiet ta' superviżjoni ta' l-Istat Membru ta' oriġini għandhom jinfurmaw bħala kwistjoni ta' urġenza l-awtoritajiet ta' superviżjoni ta' l-Istati Membri oħrajn bid-deċiżjoni li jinbdew proċeduri ta' l-istralċ inkluż l-effetti prattiċi possibbli ta' dawk il-miżuri.

L-Artikolu 9

Il-liġi applikabbli

1. Id-deċiżjoni li jibdew proċeduri ta' stralċ fir-rigward ta' impriża ta' assigurazzjoni, il-proċeduri ta' l-istralċ u l-effetti tagħhom għandhom ikunu ggvernati bil-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli fl-Istat Membru ta' oriġini ħlief jekk mhux ipprovdut b'mod ieħor fl-Artikoli 19 sa 26.

2. Il-liġi ta' l-Istat Membru ta' oriġini għandha tiddetermina b'mod partikolari:

(a) l-assi li jiffurmaw parti mill-patrimonju u t-trattament ta' l-assi miksuba minn, jew li jiddevolvu fuq l-impriża ta' l-assigurazzjoni wara l-bidu tal-proċeduri ta' l-istralċ;

(b) il-poteri rispettivi tas-setgħat ta' l-impriża ta' assigurazzjoni u l-istralċjarju;

(ċ) il-kondizzjonijiet li taħthom it-tpaċija tista' tkun invokata;

(d) l-effetti tal-proċeduri ta' l-istralċ fuq kuntratti kurrenti li fihom l-impriża ta' l-assigurazzjoni hija parti;

(e) l-effetti tal-proċeduri ta' l-istralċ fuq proċeduri mibdija mill-kredituri individwali, bl-eċċezzjoni ta' kawżi pendenti kif ipprovdut fl-Artikolu 26;

(f) il-pretensjonijiet li huma preżentati kontra l-patrimonju ta' l-impriża ta' l-assigurazzjoni u t-trattament ta' pretensjonijiet li joħorġu wara l-bidu tal-proċeduri ta' l-istralċ;

(g) ir-regoli li jiggvernaw il-preżentata, il-verifika u l-ammissjoni tal-pretensjonijiet;

(h) ir-regoli li jiggvernaw it-tqassim tar-rikavat mir-realizzazzjoni ta' l-assi, il-prijorità tal-pretensjonijiet, u d-drittjiet tal-kredituri li kisbu sodisfazzjon parzjali wara l-bidu ta' proċeduri ta' l-istralċ bis-saħħa ta' dritt in rem jew permezz ta' tpaċija;

(i) il-kondizzjonijiet għall- u l-effetti ta' l-għeluq tal-proċeduri ta' l-istralċ, partikolarment b'komposizzjoni;

(j) drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq tal-proċeduri ta' l-istralċ;

(k) min għandu jħallas l-ispejjeż u l-infiq magħmula fil-proċeduri għall-istralċ;

(l) ir-regoli dwar in-nullità, l-annullabbilità jew in-nuqqas ta' eżekuzzjoni ta' atti legali ta' detriment lill-kredituri kollha.

L-Artikolu 10

Trattament ta' pretensjonijiet ta' l-assigurazzjoni

1. Stati Membri għandhom jassiguraw li pretensjonijiet ta' l-assigurazzjoni jiġu qabel pretensjonijiet oħra fuq l-impriża ta' l-assigurazzjoni skond wieħed jew iż-żewġ metodi li ġejjin:

(a) pretensjonijiet ta' assigurazzjoni għandhom, fir-rigward ta' assi li jirrapreżentaw id-dispożizzjonijiet tekniċi, jieħdu preċedenza assoluta fuq kull pretensjoni oħra fuq l-impriża ta' l-assigurazzjoni;

(b) pretensjonijiet ta' l-assigurazzjoni għandhom, fir-rigward ta' l-assi kollha ta' l-impriża ta' l-assigurazzjoni, jieħdu preċedenza fuq kull pretensjoni oħra fuq l-impriża ta' l-assigurazzjoni bl-unika eċċezzjoni possibbli ta':

(i) pretensjonijiet mill-impjegati li joħorġu mill-kuntratti ta' l-impjieġ u relazzjonijiet ta' impjieg,

(ii) pretensjonijiet minn korpi pubbliċi fuq taxxi,

(iii) pretensjonijiet minn sistemi ta' sigurtà soċjali,

(iv) pretensjonijiet fuq assi soġġetti għad-drittijiet in rem.

2. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, Stati Membri jistgħu jippruvaw li l-ispejjeż kollha jew parti minnhom li joħorġu mill-proċedura ta' l-istralċ, kif iddefinita mil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, għandhom jieħdu preċedenza fuq pretensjonijiet ta' l-assigurazzjoni.

3. Stati Membri li jagħżlu l-metodu pprovdut fil-paragrafu 1(a) għandhom jeħtieġu li l-impriżi ta' l-assigurazzjoni jistabbilixxu u jżommu aġġornat reġistru speċjali skond id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Anness.

L-Artikolu 11

Surroga fi skema ta' garanzija

L-Istat Membru ta' l-oriġini jista' jipprovdi li, fejn id-drittijiet tal-kredituri ta' l-assigurazzjoni kienu surrogati bi skema ta' garanzija stabbilita f'dak l-Istat Membru, pretensjonijiet minn dik l-iskema m'għandhomx jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 10(1).

L-Artikolu 12

Rappreżentanza ta' pretensjonijiet preferenzjali bl-assi

Bħala deroga għall-Artikolu 18 tad-Direttiva 73/239/KEE u ta' l-Artikolu 21 tad-Direttiva 79/267/KEE, Stati Membri li japplikaw il-metodu msemmi fl-Artikolu 10(1)(b) għandhom jeħtieġu kull impriża ta' l-assigurazzjoni tirrappreżenta, f'kull mument u indipendentement minn kull stralċ possibbli, il-pretensjonijiet li jistgħu ikollhom preċedenza fuq il-pretensjonijiet ta' l-assigurazzjoni bis-saħħa ta' l-Artikolu 10(1)(b) u li huma rreġistrati fil-kontabbilità ta' l-impriża ta' l-assigurazzjoni, b'assi msemmija fl-Artikolu 21 tad-Direttiva 92/49/KEE u l-Artikolu 21 tad-Direttiva 92/96/KEE.

L-Artikolu 13

L-irtirar ta' l-awtorizzazzjoni

1. Fejn il-bidu ta' proċeduri ta' l-istralċ ikun deċiż fir-rigward ta' impriża ta' assigurazzjoni, l-awtorizzazzjoni ta' l-impriża ta' l-assigurazzjoni għandha tkun irtirata, ħlief safejn meħtieġ għall-għanijiet tal-paragrafu 2, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 22 tad-Direttiva 73/239/KEE u l-Artikolu 26 tad-Diretttiva 79/267/KEE, jekk l-awtorizzazzjoni ma kenetx irtirata qabel.

2. L-irtirar ta' l-awtorizzazzjoni bis-saħħa tal-paragrafu 1 m'għandux jipprevjeni l-istralċjarju jew kull persuna oħra fdata mill-awtoritajiet kompetenti milli jwettaq xi attivitajiet ta' l-impriża ta' assigurazzjoni safejn huwa meħtieġ jew xieraq għall-għanijiet ta' l-istralċ. L-Istati Membri ta' oriġini jistgħu jipprovdu li dawk l-attivitajiet għandhom isiru bil-kunsens u taħt is-superviżjoni ta' l-awtoritajiet ta' superviżjoni ta' l-Istat Membru ta' oriġini.

L-Artikolu 14

Pubblikazzjoni

1. L-awtorità kompetenti, l-istralċjarju jew kull presuna appuntata għal dak il-għan mill-awtorità kompetenti għandha tippubblika d-deċiżjoni biex tibda proċeduri ta' stralċ skond il-proċeduri ta' pubblikazzjoni pprovduti fl-Istat Membru ta' oriġini u tippubblika ukoll estratt mid-deċiżjoni ta' l-istralċ fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. L-awtoritajiet ta' superviżjoni ta' l-Istati Membri l-oħra kollha li jkunu infurmati bid-deċiżjoni biex jinbdew proċeduri ta' l-istralċ skond l-Artikolu 8(3) jistgħu jiżguraw il-pubblikazzjoni ta' dik id-deċiżjoni fit-territorji tagħhom bil-mod li jikkunsidraw xieraq.

2. Il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni biex jinbdew il-proċeduri ta' stralċ ipprovduti fil-paragrafu 1 għandhom jispeċifikaw ukoll l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru ta' oriġini, il-liġi applikabbli u l-istralċjarju appuntat. Għandha tkun fil-lingwa uffiċjali jew f'waħda mil-lingwi uffiċjali ta' l-Istat Membru fejn it-tagħrif huwa ppubblikat.

L-Artikolu 15

Tagħrif għall-kredituri magħrufa

1. Meta proċeduri ta' stralċ jinbdew, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' oriġini, l-istralċjarju jew kull persuna maħtura għal dak il-għan mill-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħarrfu mingħajr dewmien individwalment b'notifika bil-miktub lil kull kreditur magħruf li għandu l-post ta' residenza normali tiegħu, id-domiċilju jew l-uffiċċju prinċipali fi Stat Membru ieħor tiegħu.

2. In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha b'mod partikolari tittratta l-limiti ta' żmien, il-pieni mniżżla fir-rigward dawk il-limiti ta' żmien, il-korp jew l-awtorità li għandha s-setgħa li taċċetta l-preżentata ta' pretensjonijiet jew osservazzjonjiet dwar il-pretensjonijiet u miżuri oħra msemmija. In-notifika għandha tindika ukoll jekk il-kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom huma preferenzjali jew garantiti in rem għandhomx bżonn jippreżentaw il-pretensjonijiet tagħhom. Fil-każ ta' pretensjonijiet ta' assigurazzjoni, in-notifika għandha tindika wkoll l-effetti ġenerali tal-proċeduri ta' l-istralċ fuq kuntratti ta' assigurazzjoni, partikolarment id-data li fiha l-kuntratti ta' assigurazzjoni jew operazzjoni jieqfu milli jkollhom effett u d-drittijiet u d-dmirijiet ta' persuni assigurati fir-rigward tal-kuntratt jew ta' l-operazzjoni.

L-Artikolu 16

Dritt li jippreżenta pretensjonijiet

1. Kull kreditur li għandu l-post ta' residenza normali tiegħu, domiċilju jew uffiċċju prinċipali fi Stat Membru li ma jkunx Stat Membru ta' oriġini, inkluż l-awtoritajiet pubbliċi ta' l-Istati Membri, għandu jkollhom id-dritt li jippreżentaw pretensjonijiet jew jissottomettu osservazzjonijiet bil-miktub dwar il-pretensjonijiet.

2. Il-pretensjonijiet tal-kredituri kollha li għandhom il-post ta' residenza normali tagħhom, domiċilju jew uffiċċju prinċipali fi Stat Membru li ma jkunx Stat Membru ta' oriġini, inkluż l-awtoritajiet imsemmija hawn fuq, għandhom ikunu ttrattati bl-istess mod u mogħtija l-istess prijorità bħal pretensjonijiet ta' natura ekwivalenti preżentabbli mill-kredituri li għandhom il-post ta' residenza normali tagħhom, id-domiċilju jew l-uffiċċju prinċipali fi Stat Membru ta' oriġini.

3. Ħlief f'każijiet fejn il-liġi ta' Stat Membru ta' oriġini tippermetti diversament, kreditur għandu jibgħat kopji ta' dokumenti ta' sostenn, jekk hemm, u għandu jindika n-natura tal-pretensjoni, id-data meta qamet u l-ammont, jekk jallega preferenza, garanzija in rem jew riserva ta' titolu fir-rigward ta' pretensjoni u liema assi huma koperti b'garanzija tiegħu. Il-preċedenza mogħtija lill-pretensjonijiet ta' l-assigurazzjoni mill-Artikolu 10 m'għandhomx għalfejn ikunu indikati.

L-Artikolu 17

Lingwi u forma

1. It-tagħrif fin-notifika imsemmija fl-Artikolu 15 għandu jingħata fil-lingwa uffiċjali jew f'waħda mil-lingwi uffiċjali ta' l-Istat Membru ta' oriġini. Għal dak il-għan formola għandha tintuża li jkollha l-intestatura "Stedina għall-preżentata ta' pretensjoni; termini li għandhom ikunu osservati" jew, fejn il-liġi ta' l-Istat Membru ta' oriġini tipprovdi għall-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet dwar pretensjonijiet, "Stedina għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet dwar pretensjoni; termini li għandhom ikunu osservati", fil-lingwi uffiċjali kollha ta' l-Unjoni Ewropea.

Iżda, fejn kreditur magħruf huwa detentur ta' pretensjoni ta' l-assigurazzjoni, it-tagħrif fin-notifika msemmija fl-Artikolu 15 għandu jingħata fil-lingwa uffiċjali jew f'waħda mil-lingwi uffiċjali ta' l-Istati Membri fejn il-kreditur għandu l-post ta' residenza normali tiegħu, id-domiċilju jew l-uffiċċju prinċipali.

2. Kull kreditur li għandu l-post ta' residenza normali tiegħu, id-domiċilju jew l-uffiċċju prinċipali fi Stat Membru li ma jkunx Stat Membru ta' oriġini, jista' jippreżenta l-pretensjoni tiegħu jew jissottometti osservazzjonijiet dwar il-pretensjoni tiegħu fil-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali ta' dak l-Istat Membru l-ieħor. Iżda, f'dak il-każ, il-preżentata tal-pretensjoni tiegħu jew is-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet fuq il-pretensjoni tiegħu, kif xieraq, għandha jkollha l-intestatura "Preżentata tal-pretensjoni" jew "Sottomissjoni ta' osservazzjonijiet dwar il-pretensjonijiet", kif xieraq, fil-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali ta' l-Istat Membru ta' oriġini.

L-Artikolu 18

Tagħrif regolari għall-kredituri

1. L-istralċjarji għandhom iżommu l-kredituri regolarment infurmati, b'mod xieraq, partikolarment bil-progress tal-proċeduri ta' l-istralċ.

2. L-awtoritajiet ta' superviżjoni ta' l-Istati Membri jistgħu jitolbu informazzjoni fuq żviluppi fil-proċedura ta' l-istralċ mill-awtoritajiet ta' superviżjoni ta' l-Istat Membru ta' oriġini.

IT-TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI GĦALL-MIŻURI TA' RIORGANIZZAZZJONI U PROĊEDURI TA' L-ISTRALĊ

L-Artikolu 19

Effetti fuq ċerti kuntratti u drittijiet

Bħala deroga għall-Artikoli 4 u 9, l-effetti tal-bidu ta' miżuri ta' riorganizzazzjoni jew proċeduri ta' l-istralċ fuq il-kuntratti jew drittijiet speċifikati hawn taħt għandhom ikunu ggvernati bir-regoli li ġejjin:

(a) kuntratti ta' impjieg u relazzjonijiet ta' impjieg għandhom ikunu ggvernati biss bil-liġi ta' l-Istat Membru applikabbli għall-kuntratt ta' impjieg jew ir-relazzjoni ta' impjieg;

(b) kuntratt li jagħti d-dritt li tintuża jew tkun akkwistata proprjetà immobbli għandu jkun iggvernat biss mil-liġi ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab il-proprjetà immobbli;

(ċ) drittijiet ta' impriża ta' assigurazzjoni fir-rigward ta' proprjetà immobbli, bastiment jew inġenju ta' l-ajru soġġett għar-reġistrazzjoni f'reġistru pubbliku għandhom ikunu ggvernati bil-liġi ta' l-Istat Membru li taħt l-awtorità tiegħu jinżamm ir-reġistru.

L-Artikolu 20

Drittijiet ta' terzi in rem

1. Il-bidu ta' miżuri ta' riorganizzazzjoni jew proċeduri ta' stralċ m'għandhomx jaffettwaw id-drittijiet in rem tal-kredituri jew terzi persuni dwar assi tanġibbli jew mhux tanġibbli, mobbli jew immobbli — kemm assi speċifiċi u kollezzjonijiet ta' assi indefiniti bħala oġġett sħiħ li jinbidel minn żmien għall-żmien — li jappartienu lill-impriża ta' assigurazzjoni li huma ġewwa t-territorju ta' Stat Membru ieħor fiż-żmien tal-bidu ta' dawn il-miżuri jew proċeduri.

2. Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ifissru partikolarment:

(a) id-dritt li tiddisponi mill-assi jew li jiġu disposti u biex tikseb sodisfazzjon mir-rikavat jew mid-dħul minn dawk l-assi, partikolarment bis-saħħa ta' preferenzajew ipoteka;

(b) id-dritt esklussiv li tintlaqa' pretensjoni, partikolarment dritt garantit bi preferenzadwar pretensjoni jew b'ċessjoni tal-pretensjoni bħala garanzija;

(ċ) id-dritt li titlob assi minn, u/jew teħtieġ ir-restituzzjoni minn, kull min għandu l-pussess jew l-użu tagħhom kuntrarjament għax-xewqat tal-parti li hi hekk intitolata;

(d) dritt in rem għall-użu li jagħti benefiċċju ta' l-assi.

3. Id-dritt, irreġistrat f'reġistru pubbliku u inforzabbli kontra terzi persuni, taħt liema dritt inrem fit-tifsira tal-paragrafu 1 jista' jinkiseb, għandu jkun ikkunsidrat dritt in rem.

4. Il-paragrafu 1 m' għandux jipprekludi azzjonijiet għan-nullità, annullabbilità jew nuqqas ta' infurzar imsemmija fl-Artikolu 9(2)(1).

L-Artikolu 21

Riserva ta' titolu

1. Il-bidu ta' miżuri ta' riorganizzazzjoni jew proċeduri ta' stralċ kontra impriża ta' assigurazzjoni li tixtri beni m'għandhomx jaffettwaw id-drittijiet ta' bejjiegħ ibbażati fuq riserva ta' titolu fejn fiż-żmien tal-ftuħ ta' dawk il-miżuri jew proċeduri l-beni jinsab ġewwa t-territorju ta' Stat Membru li ma jkunx l-Istat fejn dawk il-miżuri jew proċeduri inbdew.

2. Il-bidu ta' miżuri ta' riorganizzazzjoni jew proċeduri ta' stralċ kontra impriża ta' l-assigurazzjoni li tbigħ il-beni, wara l-konsenja tal-beni, m'għandhiex tikkostitwixxi bażi għar-rexxissjoni jew it-tmiem ta' bejgħ u m'għandux jipprevieni x-xerrej milli jakkwista titolu fejn fiż-żmien tal-bidu ta' dawn il-miżuri jew proċeduri l-beni mibjugħa tinsab ġewwa t-territorju ta' Stat Membru li ma jkunx l-Istat fejn dawn il-miżuri jew proċeduri inbdew.

3. Il-paragrafi 1 u 2 m'għandhomx jipprekludu azzjonijiet għan-nullità, l-annullabbilità jew in-nuqqas ta' infurzar imsemmija fl-Artikolu 9(2)(1).

L-Artikolu 22

Tpaċija

1. Il-bidu ta' miżuri ta' riorganizzazzjoni jew proċeduri ta' stralċ m'għandhomx jaffettwaw id-dritt tal-kredituri li jitolbu t-tpaċija tal-pretensjonijiet tagħhom kontra pretensjonijiet ta' l-impriża ta' l-assigurazzjoni, fejn din it-tpaċija hija permessa bil-liġi applikabbli għall-pretensjoni ta' l-impriża ta' l-assigurazzjoni.

2. Il-paragrafu 1 m' għandux jipprekludi azzjonijiet għan-nullità, l-annullabbilità jew in-nuqqas ta' infurzar imsemmija fl-Artikolu 9(2)(1).

L-Artikolu 23

Swieq regolati

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20 l-effetti ta' miżura ta' riorganizzazzjoni jew il-bidu ta' proċeduri ta' l-istralċ fuq id-drittijiet jew l-obbligi tal-partijiet f'suq regolat għandhom ikunu ggvernati biss bil-liġi applikabbli lil dak is-suq.

2. Il-paragrafu 1 m' għandux jipprekludi kull azzjoni għan-nullità, l-annullabbilità jew in-nuqqas ta' infurzar imsemmija fl-Artikolu 9(2)(1) li jistgħu jittieħdu biex jintrefgħu pagamenti jew tranżazzjonijiet taħt il-liġi applikabbli għal dak is-suq.

L-Artikolu 24

Atti ta' detriment

L-Artikolu 9(2)(1) m'għandux japplika, fejn persuna li bbenefikat minn att legali ta' detriment għall-kredituri kollha tipprovdi prova li:

(a) l-att imsemmi hu suġġett għal-liġi ta' Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru ta' oriġini, u

(b) dik il-liġi ma tħallix xi mezz ta' sfida ta' l-att fil-każ relevanti.

L-Artikolu 25

Drittijiet ta' xerrejja terzi

Fejn, b'att konkluż wara l-adozzjoni ta' miżura ta' riorganizzazzjoni jew il-bidu ta' proċeduri ta' stralċ, impriża ta' l-assigurazzjoni tiddisponi, għal konsiderazzjoni, minn:

(a) beni immobbli,

(b) bastiment jew inġenju ta' l-ajru soġġetti- għar-reġistrazzjoni ta' reġistru pubbliku, jew

(ċ) garanziji trasferibbli jew oħrajn li l-eżistenza tagħhom jew trasferiment jippresupponi dħul f'reġistru jew kont ipprovdut mil-liġi jew li huma mqiegħda f'sistema ta' depożitu ċentrali ggvernata b'liġi ta' Stat Membru,

il-validità ta' dak l-att għandha tkun iggvernata b'liġi ta' l-Istat Membru li ġewwa t-territorju tiegħu fejn jinsab il-beni mmobbli jew taħt l-awtorità tiegħu jinżamm ir-reġistru, kont jew sistema.

L-Artikolu 26

Kawżi pendenti

L-effetti ta' miżuri ta' riorganizzazjoni jew proċeduri ta' stralċ fuq kawża pendenti dwar beni jew dritt minn liema impriża ta' l-assigurazzjoni tkun ġiet svestita għandhom ikunu ggvernati biss bil-liġi ta' l-Istat Membru fejn il-kawża hija pendenti.

L-Artikolu 27

Amministraturi u stralċjarji

1. Il-ħatra ta' l-amministratur jew stralċjarju għandha tkun ippruvata b'kopja ċċertifikata tad-deċiżjoni oriġinali li taħtru jew b'kull ċertifikat ieħor maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' oriġini.

Tista' tenħtieġ traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali ta' l-Istat Membru ġewwa t-territorju li tiegħu l-amministratur jew stralċjarju jixtieq jaġixxi. L-ebda leġislazzjoni jew formalità oħra simili mhi meħtieġa.

2. Amministraturi u stralċjarji jkunu intitolati jeżerċitaw ġewwa t-territorju ta' l-Istati Membri kollha l-poteri kollha li huma intitolati jeżerċitaw ġewwa t-territorju ta' l-Istat Membru ta' oriġini. Persuni biex jassistu jew, fejn xieraq, jirrappreżentaw amministraturi u stralċjarji jistgħu jinħatru, skond il-leġislazzjoni ta' l-Istat Membru ta' oriġini, waqt il-miżura ta' riorganizzazzjoni jew proċeduri ta' l-istralċ, partikolarment fi Stati Membri ospitanti u, speċifikatament, biex jgħinu jegħlbu kull diffikultà li jsibu l-kredituri fl-Istat Membru ospitanti.

3. Fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu skond il-leġislazzjoni ta' l-Istat Membru ta' oriġini, amministratur jew stralċjarju għandu jikkonforma mal-liġi ta' l-Istati Membri li ġewwa t-territorju tagħhom jixtieq jaġixxi, partikolarment dwar proċeduri għar-realizzazzjoni ta' l-assi u t-tagħrif lill-impjegati. Dawk il-poteri ma jistgħux jinkludu l-użu tal-forza jew id-dritt li jkunu deċiżi proċeduri legali jew vertenzi.

L-Artikolu 28

Reġistrazzjoni f'reġistru pubbliku

1. L-amministratur, stralċjarju jew kull awtorità oħra jew persuna mogħtija s-setgħa kif jixraq fl-Istat Membru ta' oriġini jista' jitlob li miżura ta' riorganizzazzjoni jew id-deċiżjoni li jibdew il-proċeduri ta' l-istralċ tkun irreġistrata fir-reġistru ta' l-art, ir-reġistru tan-negozju u kull reġistru ieħor miżmum fl-Istati Membri l-oħra.

Iżda, jekk Stat Membru jippreskrivi reġistrazzjoni obbligatorja, l-awtorità jew persuna msemmija fis-subparagrafu 1 għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tkun żgurata din ir-reġistrazzjoni.

2. L-ispejjeż tar-reġistrazzjoni għandhom jitqiesu bħala spejjeż u infiq magħmula fil-proċeduri.

L-Artikolu 29

Segretezza professjonali

Il-persuni kollha meħtieġa li jirċievu jew jiddivulgaw tagħrif konness mal-proċeduri ta' komunikazzjoni provduti fl-Artikoli 5, 8 u 30 għandhom ikunu marbuta bis-segretezza professjonali bl-istess mod kif inhu stabbilit fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 92/49 KEE u l-Artikolu 15 tad-Direttiva 92/96KEE, bl-eċċezzjoni ta' kull awtorità ġudizzjarja li għalihom japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali.

L-Artikolu 30

Friegħi ta' impriżi ta' assigurazzjoni f'pajjiż terz

1. Minkejja t-tifsiriet ipprovduti fl-Artikolu 29(e), (f) u (g) u għall-għan li japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għall-miżuri ta' riorganizzazzjoni u proċeduri ta' l-istralċ dwar fergħa li tinsab fi Stat Membru ta' impriża ta' assigurazzjoni li l-uffiċċju prinċipali jinsab barra l-Komunità:

(a) "Stat Membru ta" oriġini' tfisser Stat Membru fejn il-fergħa ngħatat awtorizzazzjoni skond l-Artikolu 23 tad-Direttiva 73/239/KEE jew l-Artikolu 27 tad-Direttiva 79/267/KEE;

(b) "awtoritajiet ta" supervizzjoni' u "awtoritajiet kompetenti" tfisser dawk l-awtoritajiet ta' l-Istat Membru fejn il-fergħa kienet awtorizzata.

2. Meta l-impriża ta' assigurazzjoni li l-uffiċċju prinċipali tagħha huwa barra l-Komunità għandha friegħi stabbiliti f'aktar minn Stat Membru wieħed, kull fergħa għandha tkun ittrattata indipendentement fir-rigward l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva. L-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet ta' superviżjoni ta' dawn l-Istati Membri għandhom jippruvaw li jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom. Kull amministratur jew stralċjarju għandu ukoll jipprova li jikkoordina l-azzjonijiet tagħhom.

L-Artikolu 31

Implimentazzjoni ta' din id-Direttiva

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrativi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva qabel l-20 ta' April 2003. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bihom minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-referenza għandhom jiġu preskritti mill-Istati Membri.

2. Dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw biss għall-miżuri ta' riorganizzazzjoni jew proċeduri ta' l-istralċ adottati jew miftuħa wara d-data msemmija fil-paragrafu 1. Miżuri ta' riorganizzazzjoni adottati jew proċeduri ta' stralċ miftuħa qabel dik id-data għandhom ikomplu jkunu ggvernati bil-liġi li kienet applikabbli għalihom fi żmien ta' l-adozzjoni jew tal-bidu.

3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

L-Artikolu 32

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 33

Id-destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fid-19 ta' Marzu 2001.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

A. Lindh

[1] ĠU C 71, tad-19.3.1987, p. 5 uĠU C 253, tas-6.10.1989, p. 3.

[2] ĠU C 319, tat-30.1.1987, p. 10.

[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 1989 (ĠU C 96, tas-17.4.1989, p. 99), ikkonfermata fis-27 ta' Ottubru 1999, il-Pożizzjoni Komuni tal- Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2000 (ĠU C 344, ta' l-1.12.2000, p. 23) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2001.

[4] ĠU L 228, tas-16.8.1973, p. 3. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u d-Direttiva tal-Kunsill 95/26/KE (ĠU L 168, tat-18.7.1995, p.7).

[5] Id-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE tat-18 ta' Ġunju 1992 fuq il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar l-assigurazzjoni diretta li ma jkunux assigurazzjoni tal-ħajja u d-Direttivi li jemendaw 73/239/KEE u 88/357/KEE (it-tielet direttiva fuq l-assigurazzjoni mhux fuq il-ħajja) (ĠU L 228, tal-11. 8. 1992, p. 1).

[6] ĠU L 63, tat-13.3.1997, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 95/26/KE.

[7] Id-Direttiva tal-Kunsill 92/96/KEE ta' l-10 ta' Novembru 1992 fuq il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar l-assigurazzjoni diretta tal-ħajja u d-Direttivi li jemendaw 79/267/KEE u 90/619/KEE (it-tielet direttiva fuq l-assigurazzjoni fuq il-ħajja) (ĠU L 360, tad-9.12.1992, p. 1).

[8] ĠU L 160, tat-30.6.2000, p. 1.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

REĠISTRU SPEĊJALI MSEMMI FL-ARTIKOLU 10(3)

1. Kull impriża ta' l-assigurazzjoni għandha żżomm fl-uffiċċju prinċipali tagħha reġistru speċjali ta' l-assi użati biex ikopru d-dispożizzjonijiet tekniċi kkalkolati u investiti skond ir-regoli ta' l-Istat Membru ta' oriġini.

2. Fejn impriża ta' assigurazzjoni li tinnegozja kemm negozju mhux fuq il-ħajja u fuqha, għandha żżomm fl-uffiċċju prinċipali reġistri separati għal kull tip ta' negozju. Iżda, fejn Stat Membru jawtorizza impriża ta' assigurazzjoni biex tkopri l-ħajja u r-riskji elenkati fil-punti 1 u 2 ta' l-Anness A tad-Direttiva 73/239/KEE, tista' tipprovdi li dawk l-impriżi ta' assigurazzjoni għandhom iżommu reġistru wieħed għall-attivitajiet kollha tagħhom.

3. Il-valur totali ta' l-assi mdaħħla, valutati skond ir-regoli applikabbli fl-Istat Membru ta' oriġini, m'għandhom fl-ebda ħin ikunu anqas mill-valur tad-dispożizzjonijiet tekniċi.

4. Fejn beni mdaħħal fir-reġistru huwa soġġett għal dritt in rem favur kreditur jew terza persuna, bir-riżultat li parti mill-valur tal-beni mhux disponibbli għal għan li jkopri l-impennji, il-fatt ikun irreġistrat fir-reġistru u l-ammont mhux disponibbli ma jkunx inkluż fil-valur totali msemmi fil-punt 3.

5. Fejn beni użat biex ikopri d-dispożizzjonijiet tekniċi huwa soġġett għall-dritt in rem favur kreditur jew parti terza, mingħajr ma jilħaq il-kondizzjonijiet tal-punt 4, jew fejn dak il-beni huwa soġġett għal riserva ta' titolu favur kreditur jew terza persuna jew fejn kreditur għandu d-dritt li jitlob tpaċija tal-pretensjoni tiegħu kontra l-pretensjoni ta' l-impriża ta' assigurazzjoni, it-trattament ta' dan il-beni fil-każ ta' stralċ ta' kumpanija ta' l-assigurazzjoni dwar il-metodu pprovdut fl-Artikolu 10(1)(a) għandu jkun iddeterminat b'leġislazzjoni ta' l-Istat Membru ta' oriġini ħlief fejn l-Artikoli 20, 21 jew 22 japplikaw għal dak il-beni.

6. Il-kompożizzjoni ta' l-assi mdaħħla fir-reġistru skond il-punti 1 sa 5, fiż-żmien meta l-proċeduri ta' l-istralċ jinbdew, m'għandhomx jinbidlu wara u l-ebda bidla jekk mhux it-tiswija ta' żbalji purament klerikali m'għandha ssir fir-reġistri, ħlief bl-awtorizzazzjoni ta' l-awtorità kompetenti.

7. Minkejja l-punt 6, l-istralċjarji għandhom iżidu ma' l-imsemmija assi r-rendiment minnhom u l-valur ta' premiums puri riċevuti fir-rigward tal-klassi tan-negozju kkonċernat bejn il-bidu tal-proċeduri ta' l-istralċ u ż-żmien tal-ħlas tal-pretensjonijiet ta' l-assigurazzjoni jew sakemm isir it-trasferiment tal-portafoll.

8. Jekk il-prodott tar-realizzazzjoni ta' l-assi huwa anqas mill-valur stmat fir-reġistri, l-istralċjarji għandhom jenħtieġu li jiġġustifikaw dan lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri ta' l-oriġini.

9. L-awtoritajiet ta' superviżjoni ta' l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa mill-impriżi ta' l-assigurazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Anness.

--------------------------------------------------

Top