EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32000D0820

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 2000 li jistabbilixxi Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL)

ĠU L 336, 30.12.2000, p. 1–3 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2005; Imħassar b' 32005D0681

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2000/820/oj

32000D0820



Official Journal L 336 , 30/12/2000 P. 0001 - 0003


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tat-22 ta' Diċembru 2000

li jistabbilixxi Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL)

(2000/820/JHA)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 30(1)(ċ) u l-Artikolu 34(2)(ċ) ta' dan,

Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Repubblika Portugiża [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2];

Billi:

(1) Fil-laqgħa tiegħu f'Tampere fil-15 u s-16 ta' Ottubru 1999, il-Kunsill Ewropew qabel li Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija, minn hawn ’l hemm irreferit bħala "CEPOL" għandu jitwaqqaf sabiex iħarreġ uffiċjali għolja tal-forzi tal-pulizija, dawn il-forzi jinftiehmu li jfissru uffiċjali ta' l-infurzar kif irreferit fil-punt 47 tal-konklużjonijiet Presidenzjali.

(2) Il-Kunsill Ewropew f'Tampere qabel li CEPOL għandu jikkonsisti inizjalment minn qafas ta' istituzzjonijiet nazzjonali ta' taħriġ eżistenti, mingħajr ma jipprekludi l-istabbiliment ta' istituzzjoni permanenti aktar tard.

(3) Diġà jeżistu organizzazzjonijiet u korpi nazzjonali, Ewropej u internazzjonali attivi fil-qasam tat-taħriġ tal-pulizija, li s-CEPOL tista’ tafda fil-koperazzjoni tagħhom fil-qadi ta' dmirijietha.

(4) Huwa meħtieġ li tiżviluppa malajr relazzjoni bejn CEPOL u istituzzjonijiet nazzjonali tat-taħriġ f, pajjiżi applikanti li magħhom l-Unjoni Ewropea qiegħda tagħmel negozjati ta' adeżjoni kif ukoll dawk fl-Islanda u n-Norveġja, sabiex dawn l-istituzzjonijiet jista’ jkollhom aċċess għall-attivitajiet tas-CEPOL.

(5) L-Unjoni Ewropea ilha attiva f'dan il-qasam, b'mod partikolari billi tadotta u timplimenta programmi taħt it-Titolu VI tat-Trattat, bħalma hu l-programm komuni għall-bdil u t-taħriġ ta', u koperazzjoni bejn, l-awtoritajiet ta' l-inforzar tal-liġi (OISIN) [3] u l-programmi għall-bdil, it-taħriġ u l-koperazzjoni ta' persuni risponsabbli għall-azzjoni sabiex jikkumbattu l-kriminalità organizzata (Falcone) [4].

(6) CEPOL għandha taqdi dmirijietha bi stadji progressivi fid-dawl ta' l-objettivi stabbiliti fil-programmi annwali tax-xogħol u b'konsiderazzjoni tajba għar-riżorsi disponibbli.

(7) Huwa meħtieġ li din id-Deċiżjoni tiġi reveduta wara perjodu ta' tliet snin sabiex issir deċiżjoni dwar l-estensjoni tad-dmirijiet tas-CEPOL, u dwar modifikazzjonijiet lill-istruttura istituzzjonali tagħha,

IDDEĊIDA DAN LI ĠEJ:

TITOLU I

Organizzazzjoni

Artikolu 1

1. Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL) b’ dan qiegħed ikun stabbilit.

2. Mingħajr preġudizzju għall-iżviluppi fil-futur irrakkomandati fl-Artikolu 9, CEPOL għandu jitwaqqaf bħala network, billi jġib flimkien l-istituzzjonijiet tat-taħriġ nazzjonali għall-uffiċjali għolja tal-pulizija fl-Istati Membri, li għandhom jikkoperaw mill-qrib għal dak il-għan.

3. Id-dmir tas-CEPOL għandu jkun li jimplimenta l-programmi u inizjattivi li jkun iddeċieda fuqhom il-bord governattiv.

Artikolu 2

1. Id-diretturi ta' l-istituzzjonijiet nazzjonali tat-taħriġ għall-uffiċjali għolja tal-pulizija għandhom jiffurmaw il-bord governattiv tas-CEPOL. Fejn hemm diversi diretturi minn Stat Membru wieħed, għandhom, flimkien, jifformaw delegazzjoni.

2. Il-bord governattiv għandu jkun ippresedut mid-direttur ta' istitut nazzjonali tat-taħriġ ta' l-Istat Membru li għandu l-Presidenza tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea. Il-bord governattiv għandu jiltaqa’ mill-inqas darba kull Presidenza. Għandu jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu b'deċiżjoni unanima.

3. Kull delegazzjoni għandha jkollha vot wieħed fuq il-bord governattiv.

Rappreżentanti tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni u l-Europol għandhom jiġu mistiedna sabiex jattendu għal-laqgħat bħala osservaturi li ma jivvotawx. Il-Membri tal-bord governattiv jistgħu jiġu akkumpanjati minn esperti.

Artikolu 3

1. Il-bord governattiv għandu jiddeċidi dwar il-programm annwali ta' edukazzjoni kontinwa (kontenut ta' tagħlim, tip, numru u tul ta' miżuri ta' taħriġ li għandhom jiġu implimentati). Għandu jadotta programmi u inizjattivi addizzjonali, fejn xieraq.

2. Il-bord governattiv għandu jwaqqaf ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet tas-CEPOL.

3. Id-deċiżjonijiet tal-bord governattiv irreferiti fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu adottati unanimament imbagħad jgħaddu għall-Kunsill, li għandu jieħu nota tagħhom u jendorsjahom. Għandu jittieħed kont sew mill-bord governattiv ta' kull kumment magħmul mill-Kunsill.

Ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet tas-CEPOL għandu jintbagħat ukoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni għall-informazzjoni.

Artikolu 4

1. Il-bord governattiv għandu jwaqqaf segretarjat permanenti sabiex jassisti lis-CEPOL bid-dmirijiet amministrattivi meħtieġa sabiex tiffunzjona u timplimenta l-programm annwali u, fejn xieraq, il-programmi u inizjattivi addizzjonali. Is-segretarjat permanenti għandu jitwaqqaf fi ħdan waħda mill-akkademji tal-pulizija nazzjonali. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar il-lokazzjoni tas-siġġu tas-segretarjat parlamentari.

2. Is-segretarjat għandu jkun ippresjedut minn direttur amministrattiv innominat mill-bord governattiv għal terminu ta' tliet snin.

3. Id-deċiżjonijiet kollha tal-bord governattiv li jikkonċernaw is-segretarjat għandhom jittieħdu unanimament.

Artikolu 5

1. L-estimi tas-CEPOL għandhom jkunu amministrati mis-segretarjat abbażi ta' regolament finanzjarju.

2. L-ispejjeż għall-implimentazzjoni tal-miżuri fil-programm annwali li saret referenza għalih fl-Artikolu 3, flimkien ma’ l-ispejjeż amministrattivi tas-CEPOL, għandhom jitħallsu mill-Istati Membri. Għal dan il-għan, il-kontribuzzjoni annwali minn kull Stat Membru għandha tiġi stabbilita abbażi tal-prodott gross nazzjonali (PGN) skond l-iskala użata għad-determinazzjoni ta' l-element tal-PGN fir-riżorsi tiegħu stess għall-iffinanzjar ta' l-estimi ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea. Kull sena l-PGN tas-sena ta' qabel għandu jittieħed bħala bażi ta' referenza għal kull Stat Membru.

3. Ir-regolament finanzjarju u l-estimi annwali tas-CEPOL għandhom jiġu ppreparati mill-bord governattiv li jaġixxi unanimament, u sottomessi għall-approvazzjoni lill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill.

4. L-infiq fuq dawn li ġejjin għandu jintnefaq mill-estimi tas-CEPOL:

(a) il-preparament, l-implimentazzjoni u l-istima tal-programm annwali;

(b) kontijiet għall-kontributuri esterni;

(ċ) spejjeż tal-vjaġġar tal-membri tal-bord governattiv li jattendu għal-laqgħat tal-bord, bir-rata ta' żewġ membri għal kull Stat Membru;

(d) l-ispejjeż ġenerali ta' l-operat tas-segretarjat, ħlief għall-pagi tal-membri tiegħu;

(e) l-ispejjeż għal kull inizjattiva oħra adottata mill-bord governattiv jew meħuda mid-direttur amministrattiv in konformità mar-regolament finanzjarju;

(f) Flus rifużi, in proporzjon mal-kontribuzzjonijiet ta' l-Istati Membri, ta' l-ispejjeż li jkunu weħlu l-Istati Membri meta ħallsu l-pagi tal-membri tas-segretarjat.

5. Mingħajr preġudizzju għat-talbiet mill-Istati Membri u li jaħdmu fuq struzzjonijiet mill-bord governattiv, is-segretarjat jista’ jissottometti lill-Kummissjoni proġetti jew programmi ta' taħriġ għal ko-finanzjament li jinsab fi ħdan l-isfera ta' kompetenza ta' programmi li għandhom x'jaqsmu ma’ l-estimi amministrati mill-Kummissjoni.

TITOLU II

Għanijiet u xogħlijiet

Artikolu 6

1. L-għan tas-CEPOL għandu jkun li jgħin it-taħriġ ta' uffiċjali għolja tal-pulizija ta' l-Istati Membri billi tiġi ottimizzata l-koperazzjoni bejn id-diversi istituzzjonijiet komponenti tas-CEPOL. Għandu jappoġġja u jiżviluppa approċċ Ewropew għall-problemi ewlenin li jiffaċċjaw l-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-kriminalità, il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-manteniment tal-liġi u l-ordni u s-sigurtà pubblika, b'mod partikolari d-dimensjonijiet ta' dawn il-problemi li jaqsumu l-fruntieri.

2. L-għanijiet tas-CEPOL għandhom ikunu kif ġej:

(a) li jżid l-għarfien tas-sistemi nazzjonali tal-pulizija u strutturi ta' Stati Membri oħrajn, ta' l-Europol u ta' koperazzjoni tal-pulizija meta jinqasmu l-fruntieri fi ħdan l-Unjoni Ewropea;

(b) li jissaħħaħ l-għarfien ta' strumenti internazzjonali, b'mod partikolari dawk li diġà jeżistu fil-livell ta' l-Unjoni Ewropea fil-qasam ta' koperazzjoni fil-ġlieda kontra l-kriminalità.

(ċ) li jipprovdi taħriġ xieraq in rigward ir-rispett ta' salvagwardji demokratiċi b'referenza partikolari għad-drittijiet tad-difiża;

(d) li jinkoraġġixxi l-koperazzjoni bejn is-CEPOL u istituzzjonijiet oħrajn tat-taħriġ tal-pulizija.

3. Is-CEPOL għandha toffri l-infrastruttura tagħha wkoll lil uffiċjali għolja tal-pulizija ta' pajjiżi applikanti li l-Unjoni Ewropea qiegħda tikkonduċi negozjati ta' adeżjoni magħhom kif ukoll dawk ta' l-Islanda u n-Norveġja.

Artikolu 7

Sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet, is-CEPOL jista’, b'mod partikolari, jieħu l-azzjonijiet li ġejjin:

(a) jipprovdi sessjonijiet tat-taħriġ, ibbażati fuq standards komuni, għal uffiċjali għolja tal-pulizija;

(b) jikkontribwixxi għall-preparament ta' programmi armonizzati għat-taħriġ ta' uffiċjali tal-pulizija bi grad mezzan, uffiċjali tal-pulizija bi grad mezzan fil-kamp u uffiċjali tal-pulizija fil-kamp rigward il-koperazzjoni bejn il-fruntieri bejn il-forzi tal-pulizija fl-Ewropa, u jgħin sabiex jitwaqqfu programmi xierqa tat-taħriġ avvanzat;

(ċ) jipprovdi taħriġ speċjali għall-uffiċjali tal-pulizija li għandhom irwol prinċipali fil-kombattiment kontra l-kriminalità bejn il-fruntieri, b'enfasi partikolari fuq il-kriminalità organizzata;

(d) jiżviluppa u jipprovdi taħriġ għal min iħarreġ;

(e) ixerred l-aħjar prattiki u riżultati ta' riċerki;

(f) jiżviluppa u jipprovdi taħriġ sabiex jipprepara l-forzi tal-pulizija ta' l-Unjoni Ewropea għall-parteċipazzjoni f'immaniġġjar ta' kriżijiet li m'humiex militari;

(g) jiżviluppa u jipprovdi taħriġ għall-awtoritajiet tal-pulizija mill-Istati li japplikaw sabiex jissieħbu fl-Unjoni Ewropea, li jinkludi taħriġ għal uffiċjali tal-pulizija bi rwol ewlieni;

(h) jiffaċilita l-bdil u s-sekondar relevanti ta' uffiċjali tal-pulizija fil-kuntest ta' taħriġ;

(i) jiżviluppa network elettroniku sabiex jipprovdi back-up għas-CEPOL fil-qadi ta' dmirijietu, li jiżgura li l-miżuri meħtieġa tas-sigurtà jitqiegħdu f'posthom;

(j) jagħtu s-setgħa lill-uffiċjali għolja tal-pulizija ta' l-Istati Membri sabiex jiksbu l-kapaċitajiet lingwistiċi relevanti.

TITOLU III

Disposizzjonijiet oħra

Artikolu 8

Is-CEPOL għandha tikkunsidra fuq bażi ta' każ b'każ il-possibbiltà li jiddaħħlu uffiċjali ta' l-Istituzzjonijiet Ewropej u korpi oħra ta' l-Unjoni Ewropea.

Is-CEPOL jista’ jikkopera ma’ l-istituzzjonijiet nazzjonali ta' taħriġ tal-pulizija ta' Stati li m'humiex membri ta' l-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari, għandu jistabbilixxi relazzjonijiet ma’ l-istituzzjonijiet nazzjonali ta' pajjiżi applikanti li l-Unjoni Ewropea tkun qed tagħmel negozjati ta' adeżjoni magħhom kif ukoll dawk ta' l-Islanda u n-Norveġja.

Is-CEPOL għandu jikkoopera wkoll mal-korpi ta' taħriġ relevanti fl-Ewropa bħalma hi l-Akkademja tal-Pulizija Nordika Baltika (APNB) u l-Mitteleuropäische Polizeiakademie (MEPA).

Artikolu 9

Il-bord governattiv għandu, l-aktar tard waqt it-tielet sena wara li tidħol fis-seħħ din id-Deċiżjoni, jissottometti lill-Kunsill rapport dwar l-operat u l-futur tan-netwerk, in konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Tampere.

Artikolu 10

Din id-Deċiżjoni għandha jkollha effett mill-ġurnata wara li tiġi adottata mill-Kunsill.

Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2001.

Magħmula fi Brussel, fit-22 ta' Diċembru 2000.

Għall-Kunsill

Il-President

C. Pierret

[1] ĠU C 206, tad-19.7.2000, p. 3.

[2] Opinjoni mogħtija fis-17 ta' Novembru 2000 (għadha m'hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU L 7, ta' l-10.1.1997, p. 5.

[4] ĠU L 99, tal-31.3.1998, p. 8.

--------------------------------------------------

Top