Escolha as funcionalidades experimentais que pretende experimentar

Este documento é um excerto do sítio EUR-Lex

Documento 31997L0047

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 97/47/KE tat-28 ta' Lulju 1997 li temenda l-Annessi tad-Direttivi tal-Kunsill 77/101/KEE, 79/373/KEE u 91/357/KEETest b'relevanza ŻEE

ĠU L 211, 5.8.1997, pp. 45-47 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Estatuto jurídico do documento Já não está em vigor, Data do termo de validade: 31/08/2010; Impliċitament imħassar minn 32009R0767

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1997/47/oj

31997L0047

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 97/47/KE tat-28 ta' Lulju 1997 li temenda l-Annessi tad-Direttivi tal-Kunsill 77/101/KEE, 79/373/KEE u 91/357/KEETest b'relevanza ŻEE

Official Journal L 211 , 05/08/1997 P. 0045 - 0047
CS.ES Chapter 3 Volume 21 P. 338 - 340
ET.ES Chapter 3 Volume 21 P. 338 - 340
HU.ES Chapter 3 Volume 21 P. 338 - 340
LT.ES Chapter 3 Volume 21 P. 338 - 340
LV.ES Chapter 3 Volume 21 P. 338 - 340
MT.ES Chapter 3 Volume 21 P. 338 - 340
PL.ES Chapter 3 Volume 21 P. 338 - 340
SK.ES Chapter 3 Volume 21 P. 338 - 340
SL.ES Chapter 3 Volume 21 P. 338 - 340


Id-Direttiva tal-Kummissjoni 97/47/KE

tat-28 ta' Lulju 1997

li temenda l-Annessi tad-Direttivi tal-Kunsill 77/101/KEE, 79/373/KEE u 91/357/KEE

(Test b'relevanza ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 77/101/KEE tat-23 ta' Novembru 1976 dwar it-tqegħid fis-suq ta' għalf mhux imħallat [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 90/654/KEE [2], u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 79/373/KEE tat-2 ta' April 1979 dwar it-tqegħid fis-suq ta' għalf mhux imħallat [3], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 96/24/KEE [4], u b'mod partikolari l-Artikolu 10 (e) tagħha,

Billi każi ta' enċifalopatija sponġiformi ta' l-annimali tal-fart (BSE) ġew irrapportati f'xi Stati Membri; billi scrapie hija wkoll magħrufa li teżisti f'xi Stati Membri; billi l-aġenti tal-BSE u scrapie jistgħu jkunu trasmessi permezz tal-ħalq;

Billi l-BSE f'annimali tal-fart hija meqjusa li toriġina mill-użu fl-għalf ta' proteini minn annimali li jixtarru, li jikkostitwixxu mezz għat-trasmissjoni ta' aġenti ta' enċifalopatija sponġiformi u mhux ittrattati effettivament biex dawk l-aġenti jiġu inattivati;

Billi, biex l-annimali li jixtarru jiġu protetti minn riskji tas-saħħa li jinħolqu mill-fatt li l-metodi għall-ittrattar tal-proteini mhux dejjem jassigura li l-aġenti jiġu totalment inattivati, il-Kummissjoni adottatat id-Deċiżjoni 94/381/KE tas-27 ta' Ġunju 1994 dwar ċerti miżuri ta' protezzjoni fir-rigward ta' enċifalopatija sponġiformi ta' l-annimali tal-fart u t-tmigħ ta' proteina miksuba mill-mammiferi [5], kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni 95/60/KE [6]; billi dak l-istrument jipprojbixxi it-tmigħ lill-annimali li jixtarru ta' proteina miksuba minn ċelluli mammiferi waqt li jipprovdi li l-istess prodotti għandhom jiġu eżentati minħabba li ma jippreżentaw l-ebda riskju ta' saħħa;

Billi, minħabba r-riskji ta' saħħa assoċjati mat-tmigħ ta' għalf li jkun fih proteina infettata miksuba minn ċelluli mammiferi lill-annimali li jixtarru u l-fatt li t-trasmissjoni tal-marda lejnil-bniedem ma tistax tiġi eliminata, il-Kunsill iddeċieda fil-laqgħa tiegħu ta' mill-1 sat-3 ta' April 1996 li jadotta miżuri addizzjonali biex jipproteġi s-saħħa tal-bniedem u ta' l-annimal;

Billi, għal raġunijiet prattiċi u minħabba l-konsistenza legali, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 95/274/KE ta' l-10 ta' Lulju 1995 li temenda d-Deċiżjoni 91/516/KEE li tistabbilixxi lista ta' ingredjenti li l-użu tagħhom huwa pprojbit f'għalf kompost [7] tipprojbixxi l-użu ta' proteini miksuba minn ċelluli mammiferi f'għalf kompost għall-annimali li jixtarru;

Billi d-Direttivi 77/101/KEE u 79/373/KEE jipprovdu regoli speċifiċi u ġenerali għat-tqegħid fis-suq u t-tikkettjar ta' għalf mhux imħallat u dak kompost; billi, biex jiġi evitat li dawk li jużaw l-għalf li fih proteini miksuba minn ċerti ċelluli ta' mammiferi li jiġi mitmugħ lill-annimali li jixtarru minħabba injoranza tar-regoli preżenti dwar l-għalf u dawk veterinarji, it-tikkettjar kif imiss ta' dak l-għalf għandu jiġbed l-attenzjoni tal-projbizzjoni ta' l-użu tiegħu bħala ikel għall-annimali li jixtarru; billi d-Direttiva 77/101/KEE għandha tkun imħassra bid-Direttiva tal-Kunsill 96/25/KE [8] dwar iċ-ċirkolazzjoni ta' materjali ta' l-għalf, u miżuri simili għandhom ukoll ikunu stabbiliti fid-Direttiva 96/25/KE;

Billi d-disposizzjonijiet stabbiliti għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet l-aktar iebsa li l-Istati Membri setgħu adottaw kif permissibbli bl-Artikolu 1 (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/667/KEE tas-27 ta' Novembru 1990 li tistabbilixxi r-regoli veterinarji għad-disponiment u l-ipproċessar ta' skart ta' l-annimali, għat-tqegħid tiegħu fis-suq u għall-prevenzjoni ta' patoġeni f'għalf ta' oriġini mill-annimal jew mill-ħut u li temenda d-Direttiva 90/425/KEE [9];

Billi l-Istati Membri li japplikaw projbizzjonijiet aktar stretti għandhom jaddattaw id-disposizzjonijiet dwar l-ittikkettjar bi qbil mal-projbizzjonijiet applikabbli f'dawk l-Istati Membri;

Billi l-kategoriji ta' l-ingredjenti elenkati fid-Direttiva tal-Kummissjoni 91/357/KEE tat-13 ta' Ġunju 1991 li tistabbilixxi l-kategoriji ta' l-ingredjenti li jistgħu jintużaw għall-iskopijiet tat-tikkettjar ta' għalf kompost għall-annimali ħlief għall-annimali tad-delizzju [10] jippermettu li diversi ingredjenti jiġu raggruppati taħt deskrizzjoni komuni; billi, b'dana kollu, raħħala li jrabbu l-bhejjem għandhom ikollhom tagħrif eżatt u siewi dwar għalf kompost li jkun fih ingredjenti li jkun fihom proteini miksuba minn ċelluli tal-mammiferi; billi l-kategorija prodotti mill-annimali ta' l-art li tagħmel sehem minn dak il-grupp ta' ingredjenti għandha għalhekk titħassar mill-ittikkettjar ta' għalf kompost; billi b'konsegwenza, il-produtturi ta' l-għalf għandhom jagħtu deskrizzjoni eżatta ta' l-ingredjenti koperti b'dik il-kategorija minħabba li ma jidħlux aktar fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness tad-Direttiva 91/357/KEE;

Billi l-miżuri li hemm provvediment dwarhom f'din id-Deċiżjoni huma bi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar l-Għalf,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għad-Deċiżjoni 94/381/KE.

Artikolu 2

Emenda għad-Direttiva 77/101/KEE

Il-punt li ġej għandu jiżdied mat-Taqsima A ta' l-Anness tad-Direttiva 77/101/KEE:

"3. It-tikkettjar ta' l-għalf mhux imħallat li jkun fih proteini miksuba miċ-ċelluli ta' mammiferi.

3.1. It-tikkettjar ta' l-għalf mhux imħallat li jkun fih proteini miksuba miċ-ċelluli ta' mammiferi għandu jkun fih id-dikjarazzjoni li ġejja: Dan l-għalf mhux imħallat fih proteini miksuba minn ċelluli ta' mammiferi u t-tmigħ tiegħu lill-annimali li jixtarru huwa pprojbit.

Dan ma japplikax għal:

- ħalib u prodotti tal-ħalib,

- ġelatina,

- aċidi amino miksuba minn ġlud bi proċess li jinvolvi l-esponiment tal-materjal għal pH ta' 1 sa 2 segwit b'pH ta' > 11, segwit bi trattament tas-sħana f'140 °C għal 30 minuti fi 3 bars,

- dicalcium phosphate miksub minn għadam bix-xaħam imneħħi, u

- plasma niexfa u prodotti oħra mid-demm.

3.2. Meta l-Istat Membru jipprojbixxi l-użu ta' proteini miksuba minn ċelluli ta' mammiferi kif hemm referenza dwaru fit-3.1, l-ewwel sentenza, f'għalf għal ċerti annimali apparti minn annimali li jixtarru kif permissibli bl-Artikolu 1 (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/667/KEE [11], id-dikjarazzjoni meħtieġa fit-3.1 għandha b'żieda ssemmi l-ispeċi l-oħra jew il-kategoriji ta' annimali li għalihom ikun estenda l-projbizzjoni ta' l-użu tal-prodotti f'dak il-każ."

Artikolu 3

Emenda għad-Direttiva 79/373/KEE

Il-punt li ġej huwa b'dan miżjud mal-Parti A ta' l-Anness tad-Direttiva 79/373/KEE:

"7. It-tikkettjar ta' għalf kompost li jkun fih porteini miksuba miċ-ċelluli ta' mammiferi.

7.1. It-tikkettjar ta' għalf kompost li jkun fih proteini miksuba miċ-ċelluli ta' mammiferi u maħsub għall-annimali apparti milli l-annimali tad-delizzju għandu jkun fih id-dikjarazzjoni li ġejja: Dan l-għalf kompost fih proteini miksuba minn ċelluli ta' mammiferi u t-tmigħ tiegħu lill-annimali li jixtarru huwa pprojbit.

Dan ma japplikax għall-għalf kompost li ma jkun fih l-ebda proteini miksuba minn ċelluli ta' mammiferi apparti għal dawn li ġejjin:

- ħalib u prodotti tal-ħalib,

- ġelatin,

- aċidi amino miksuba minn ġlud bi proċess li jinvolvi l-esponiment tal-materjal għal pH ta' 1 sa 2 segwit b'pH ta' > 11, segwit bi trattament tas-sħana f'140 °C għal 30 minuti fi 3 bars,

- dicalcium phosphate miksub minn għadam bix-xaħam imneħħi, u

- plasma niexfa u prodotti oħra mid-demm.

7.2. Meta Stat Membru jipprojbixxi l-użu ta' proteini miksuba minn ċelluli ta' mammiferi li hemm referenza dwarhom fis-7.1, l-ewwel sentenza, f'għalf għal ċerti annimali apparti milli għall-annimali li jixtarru kif permissibli bl-Artikolu 1 (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/667/KEE [12], id-dikjarazzjoni meħtieġa fis-7.1 għandha b'żieda ssemmi l-ispeċi l-oħra jew il-kategoriji ta' annimali li dwarhom ikun estenda l-projbizzjoni ta' l-użu tal-prodotti f'dak il-każ."

Artikolu 4

Emenda għad-Direttiva 91/357/KEE

L-Anness tad-Direttiva 91/357/KE huwa b'dan emendat kif ġej:

1. Il-Kategorija 12 "Prodotti ta' l-annimali ta' l-art" hija mħassra;

2. fil-kolonna 1, in-numri "13", "14", "15" u "16" huma mibdula bi "12", "13", "14" u "15" rispettivament.

Artikolu 5

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ sa mhux aktar tard mill-1 ta' Diċembru 1997 il-liġijiet, ir-regolament u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma' din id-Direttiva. Għandhom minnufih jinfurmaw b'dan lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom ikun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'dik ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir dik ir-referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lejn il-Kummissjoni t-testi tad-disposizzjonijiet ewlenija tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-kamp kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 6

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum li jiġi wara wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 7

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, it-28 ta' Lulju 1997.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU Nru L 32, tat-3. 2. 1977, pġ. 1.

[2] ĠU Nru L 353, tas-17. 12. 1990, pġ. 48.

[3] ĠU Nru L 86, tas-6. 4. 1979, pġ. 30.

[4] ĠU Nru L 125, tat-23. 5. 1996, pġ. 33.

[5] ĠU Nru L 172, tas-7. 7. 1994, pġ. 23.

[6] ĠU Nru L 55, tal-11. 3. 1995, pġ. 43.

[7] ĠU Nru L 167, tat-18. 7. 1995, pġ. 24.

[8] ĠU Nru L 125, tat-23. 5. 1996, pġ. 35.

[9] ĠU Nru L 363, tas-27. 12. 1990, pġ. 51.

[10] ĠU Nru L 193, tas-17. 7. 1991, pġ. 34.

[11] ĠU Nru L 363, tas-27. 12. 1990, pġ. 51.

[12] ĠU Nru L 363, tas-27. 12. 1990, pġ. 51.

--------------------------------------------------

Início