Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31996R0745

    Ir-Regolament tal-Kummissijoni (KEE) Nru 745/96 tal-24 ta’ April 1996 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1469/95 dwar miżuri li għandhom jittieħdu għar-rigward ta’ ċerti benefiċjarji ta’ operazzjonijiet finanzjati mit-Taqsima ta’ Garanzija tal-FAEGG

    ĠU L 102, 25.4.1996, p. 15–18 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1996/745/oj

    31996R0745



    Official Journal L 102 , 25/04/1996 P. 0015 - 0018


    Ir-Regolament tal-Kummissijoni (KEE) Nru 745/96

    tal-24 ta’ April 1996

    li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1469/95 dwar miżuri li għandhom jittieħdu għar-rigward ta’ ċerti benefiċjarji ta’ operazzjonijiet finanzjati mit-Taqsima ta’ Garanzija tal-FAEGG

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1469/95 tat-22 ta’ Ġunju 1995 dwar miżuri li għandhom jittieħdu għar-rigward ta’ ċerti benefiċjarji ta’ operazzjonijiet finanzjati mit-Taqsima ta’ Garanzija tal-FAEGG [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 5 tiegħu,

    Billi Regolament (KE) Nru 1469/95 jintroduċi sistema tal-Komunità li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti kollha tal-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jidentifikaw, malajr kemm jista’ jkun, operaturi li jippreżentaw, fid-dawl tal-esperjenza miksuba magħhom għar-rigward tal-eżekuzzjoni proprja tal-obbligazzjoni tagħhom preċedenti, riskju ta’ non-affidabilità, rigward proċeduri tal-offerti, l-għoti ta’ fondi ta’ esportazzjoni jew bejgħ bi prezzijiet imnaqqsa ta’ prodotti ta’ ntervent; billi l-applikazzjoni tas-sistema hi ristretta għal operaturi li jkunu deliberatament jew bħala riżultat ta’ negliġenza serja ikkommettu irregolarita li tkun ta’ preġudizzju għall-fondi tal-Komunità jew li jkunu suspettati għal raġunijiet sodi li jkunu għamlu hekk; billi, fuq dik il-bażi, għandu jkun stabbilit, fid-dawl tal-gravità tal-offiża u dipendenti fuq jekk din tkunx ġiet stabbilita jew suspettata, serje ta’ miżuri diversi li jvarjaw minn kontrolli akbar sa l-esklużjoni tal-operaturi in kwistjoni milli jieħdu sehem f’operazzjonijiet li għandhom ikunu stabbiliti meta l-azzjonijiet ta’ frodi tagħhom ikunu stabbiliti;

    Billi ċerti mir-regoli li għandhom ikunu adottati għall-implimentazzjoni tas-sistema msemmija jistgħu, b’mod partikolari għar-rigward tat-tifsira ta’ irregolaritajiet skond l-Artikolu 1(3) tar-Regolament (KE) Nru 1469/95, għar-rigward ta’ kif jiġu stabbiliti l-operaturi skond it-tifsira tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament u għar-rigward tar-regoli dwar il-perjodu ta’ limitazzjoni, issa jirreferu għad-dispożizzjonijiet pertinenti orizzontali tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej [2]; billi, għar-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet l-oħra li għandhom isiru dwar każijiet ta’ suspett fondat ta’ xi irregolarità li teħtieġ l-applikazzjoni tas-sistema, hu meħtieġ li jiġi mfisser ir-‘rapport amministrattiv preliminari jew ġudizzjarju’ skond it-tifsira ta’ punt (b) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1469/95; billi, iżda, l-Istati Membri għandhom japplikaw ir-regoli nazzjonali rilevanti tagħhom biex jistabilixxu jekk l-irregolarità tkunx saret jew ikun sar attentat biex issir, deliberatament jew permezz ta’ negliġenza ċara;

    Billi, sabiex jiġi assigurat funzjonament kif xieraq tas-sistema u mingħajr preġudizzju għall-obbligazzjoni tal-Istati Membri’ li jipprevjenu u jipproċedu kontra kull irregolarità, l-applikazzjoni ta’ din is-sistema għandha tkun ristretta għal każijiet ta’ irregolaritajiet ta’ ċertu kobor; billi, sabiex jiġu applikati l-miżuri li għandhom jittieħdu fl-eventwalità ta’ irregolaritajiet suspettati jew stabbiliti b’mod uniformi kemm jista’ jkun possibbli, l-għanijiet ta’ dawn il-miżuri u l-kriterji għat-tul tagħhom għandhom ikunu stabbiliti;

    Billi r-regoli li jirregolaw il-kontenut u l-eżitu ta’ notifiki magħmula taħt ir-Regolament (KE) Nru 1469/95 għandhom jiġu adottati, inklużi dispożizzjonijiet biex jitneħħew minnufih mis-sistema magħluq preżenti ta’ identifikazzjoni u notifika dawk l-operaturi li ma jkunux aktar suspettati fuq bażi soda li jkunu għamlu xi irregolarità jew li għar-rigward tagħhom il-perjodu tal-applikazzjoni tal-miżura jew miżuri skond it-tifsira tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1469/95 jkun skada;

    Billi, fl-aħħarnett, skond it-tielet inċiż tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1469/95, hu meħtieġ li jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet li taħthom operaturi jistgħu jevitaw is-sospensjoni ta’ pagamenti billi jagħmlu garanzija f’każijiet fejn l-ebda wieħed mill-arranġamenti ta’ pagamenti bil-quddiem imsemmija fl-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2220/85 tat-22 ta’ Lulju 1985 li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ garanziji għal prodotti agrarji [3], skond l-aħħar emendi permezz tar-Regolament (KEE) Nru 3403/93 [4], japplikaw;

    Billi informazzjoni mibdula kif previst fis-sistema introdotta permezz tar-Regolament (KE) Nru 1469/95 tikkonċerna prinċipalment persuni naturali; billi s-sistema hi suġġetta għalhekk għar-regoli għall-protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet fundamentali li jinsabu fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi għar-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali dwar il-moviment ħieles ta’ dik id-data [5], u, mutatis mutandis, fid-dispożizzjonijiet stabbiliti għal dak il-għan u li jirreferu għal assistenza reċiproka f’materji ta’ dwana u u dawk agrarji;

    Billi l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG),

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Il-Kapitolu I: Tifsir

    Artikolu 1

    1. Għall-finijiet tar-Regolament (KE) Nru 1469/95, ‘irregolarità’, skond it-tifsira ta’ punt (a) tal-Artikolu 1(2) tiegħu, tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni ta’ liġi tal-Komunità, fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1(1) ta’ dak ir-Regolament, li tkun ir-riżultat ta’ xi att jew ommissjoni minn operatur ekonomiku li tkun ta’ dannu lil jew tista’ tkun ta’ dannu għat-Taqsima ta’ Garanzija tal-FAEGG.

    2. Ir-‘rapport preliminari amministrattiv jew ġudizzjarju’ skond it-tifsira ta’ punt (b) t’L-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1469/95 ifisser l-ewwel stima bil-miktub, anke jekk interna biss, minn awtorità kompetenti jew ġudizzjarja, li tikkonkludi abbażi ta’ fatti konkreti li tkun saret irregolarità, deliberatament jew minħabba negliġenza ċara mingħajr preġudizzju għall-possibiltà li din il-konklużjoni tkun riveduta jew sussegwentemnet irtirata abbażi ta’ żviluppi fil-proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja.

    3. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

    (a) ‘operaturi A’ tfisser l-operaturi msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1469/95; u

    (b) ‘operaturi B’ tfisser l-operaturi msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 1(2) ta’ dak ir-Regolament.

    Meta jiġu applikati r-regoli ntrodotti permezz tar-Regolament (KE) Nru 1469/95, għandu f’kull każ ikun speċifikat jekk ikunx involut operatur A jew operatur B.

    4. Għall-finijiet tal-Artikolu 1(2), l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1469/95, kif ukoll għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, operaturi A jew operaturi B, skond il-każ, jinkludu persuni li, skond it-tifsira t’L-Artikolu 7 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95, ikunu pparteċipaw fl-għemil ta’ irregolarità jew li jkollhom id-dmir li jieħdu r-responsabbiltà ta’ xi irregolarità jew li jassiguraw li din ma ssirx.

    5. Stati Membri għandhom japplikaw il-leġislazzjoni nazzjonali rilevanti tagħhom biex jistabilixxu jekk l-irregularità tkunx saret jew sar attentat biex issir, deliberatament jew minħabba negliġenza ċara;

    Il-Kapitolu II: Għan

    Artikolu 2

    1. Mingħajr preġudizzju għall-obbligazzjoni stabbilita fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KEE) Nru 729/70 tal-Kunsill [6] biex Stati Membri jipprevjenu u jieħdu azzjoni kontra xi irregolarità, Regolament (KE) Nru 1469/95 japplika biss għal każijiet ta’ irregolarità li jirreferu jew jistgħu jikkonċernaw, weħidhom jew flimkien ma’ irregolaritajiet oħra magħmula mill-istess operatur matul perjodu ta’ sena, ammont li jeċċedi il-100000 ECU.

    2. Il-perjodu ta’ sena msemmi fil-paragrafu 1 għandu jibda jgħodd fid-data li fiha l-ewwel irregolarità tkun saret.

    Artikolu 3

    1. Billi l-miżura meħuda għar-rigward ta’ operatur A jew ta’ xi operatur B tkun dik imsemmija f’punt (a) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1469/95, dik il-miżura għandha, minbarra f’każijiet eċċezzjonali u sostanzjati kif jixraq, tapplika għall-operazzjonijiet li l-operatur in kwistjoni jagħmel f’xi wieħed mill-oqsma li jinsabu fl-Artikolu 1(1) ta’ dak ir-Regolament.

    2. Il-miżura msemmija fil-punt (ċ) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1469/95 għandha tapplika biss għall-istess qasam skond it-tifsira tal-Artikolu 1(1) ta’ dak ir-Regolament u għall-istess settur ta’ prodott bħal dak li fih ikun stabbilit li tkun saret l-irregolarità jew ikun sar attentat biex issir.

    3. Fil-każ tal-miżura msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1469/95, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jagħmlu stima ta’ kull każ individwali u jistabbilixxu l-qasam jew oqsma u setturi tal-prodott in kwistjoni, meta jikkonsidraw ir-riskji reali ta’ xi irregolaritajiet oħra possibbli, u b’mod partikolari:

    - l-istat tal-inkjesta li tkun qed issir, li jiddependi fuq jekk operatur A jew operatur B jkunx involut,

    - il-volum tal-operazzjonijiet tiegħu fil-qasam tal-FAEGG,

    - l-ammont ta’ fondi tal-Komunità involuti fl-irregolarità suspetta jew stabbilita,

    - is-serjetà tal-irregolarità, skond jekk tkun magħmula jew sar attentat li ssir, delilberatament jew minħabba negliġenza ċara.

    4. Il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżura jew miżuri li għandhom jittieħedu għandhom ikunu stabbiliti skond il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 3.

    Għar-rigward tal-miżura msemmija fil-punt (ċ) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1469/95, il-perjodu ta’ applikazzjoni jkun ta’ minimu ta’ sitt xhur, minbarra f’każijiet eċċezzjonali li jkunu sostanzjati kif jixraq, u massimu ta’ ħames snin.

    Artikolu 4

    Billi l-Kummissjoni nnifisha tagħti kuntratti, din tista’ tagħżel li ma tieħux in konsiderazzjoni xi applikant li jkun ġie notifikat lilha bħala opertur A minn Stat Membru.

    L-esklużjoni ta’ operatur kif ikun hekk deċiż mill-Kummissjoni għandu jkun suġġett għall-istess regoli bħal dawk applikabbli għall-miżura msemmija fil-punt (ċ) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1469/95 kif deċiż minn Stat Membru. Għar-rigward tas-smiegħ minn qabel tal-operatur, il-Kummissjoni għandha tagħtih l-opportunità li jagħmel xi kummenti li hu jikkonsidra li jkunu utli sa perjodu massimu ta’ xahrejn.

    Il-Kapitolu III: Kontenut u follow-up ta’ notifiki reċiproċi

    Artikolu 5

    1. Kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità kompetenti waħda biex tagħmel u tirċievi notifiki skond it-tifsira tal-paragrafu 2. L-imsemmija awtorità għandha tibgħat in-notifiki tagħha lill-Kummissjoni, li għandha tibgħathom lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra.

    2. In-notifiki skambjati b’konformità mal-paragrafu1 għandhom ikunu kunfidenzali u għandhom ikopru l-punti li ġejjin:

    - dawn għandhom jidentifikaw il-persuni naturali jew legali skond it-tifsira tal-Artikolu 1(4) ta’ dan ir-Regolament li dwarhom tkun ittieħdet miżura jew aktar skond l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1469/95, fejn jiġi speċifikat jekk l-operaturi in kwistjoni jkunux A jew B,

    - dawn għandhomjagħtu indikazzjoni qasira tal-fatti konkreti li jkunu wasslu għall-miżura(i), fejn jiġi speċifikat l-istad kurrenti tal-inkjesta fejn din ma tkunx ġiet konkluża,

    - dawn għandhom jispeċifikaw il-miżura (i) meħuda mill-Istat Membru nteressat,

    - dawn għandhom jipprovdu referenzi li xi notifiki li setgħu diġa saru skond Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1468/81 [7], Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 595/91 [8] jew Regolament (KE) Nru 1469/95.

    Il-Kummissjoni għandha taqbel mal-Istati Membri fuq forma standard għal dawn in-notifiki li għandhom jintużaw mill-awtoritajiet kompetenti.

    3. Kull notifika għandha ssir kemm jista’ jkun malajr. Din għandha tkun supplimentata mill-awtorità kompetenti li tkun għamlitha meta, bil-għan li jiġi applikat l-Artikolu 6, il-Kummissjoni jew l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, permezz tal-Kummissjoni, titlob informazzjoni addizzjonali jew meta fatti ġodda sinifikanti jew bidliet jeħtieġ li jkunu notifikati.

    Artikolu 6

    Ladarba Stat Membru jew il-Kummissjoni jkunu rċevew notifika skond it-tifsira tal-Artikolu 5(2), dawn għandhom jiddeċiedu kemm jista’ jkun malajr dwar il-miżuri li għandhom ikunu applikati dwar l-operatur jew operaturi in kwistjoni għar-rigward ta’ dawk l-operazzjonijiet tiegħu jew tagħhom li jkunu taħt ir-responsabbiltà rispettiva tagħhom, meta jiġu kunsidrati l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3.

    Stati Membri għandhom, b’konformità mal-Artikolu 5, jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-passi li jkunu ħadu. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru li jkun għamel in-notifika tal-bidu.

    Artikolu 7

    1. Operaturi B għandhom ikunu eliminati mis-sistema ta’ identifikazzjoni u notifika u l-miżuri applikati għalihom għandhom jitwaqqfu malli l-ewwel stima msemmija fl-Artikolu 1(2) turi li ma tkunx fondata.

    2. Meta Stat Membru jinforma lill-Kummissjoni li persuna naturali jew legali li ismu jkun ġie notifikat qabel skond l-Artikolu 5(1) jkun ipprova, wara aktar investigazzjoni, li ma jkunxi mplikat fl-irregolarità, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tavża b’dan il-fatt lill-Istati Membri l-oħra, li minn naħa tagħhom għandhom minnufih jinfurmaw lil dawk li lilhom ikunu nnotifikaw b’din id-data personali skond ir-Regolament (KE) Nru 1469/95.

    Dik il-persuna għandha mbaghad ma tibqax tiġi trattata bħala persuna implikata fl-irregolarità abbażi tal-ewwel notifika.

    3. Kull operatur għandu jkun imneħħi mis-sistema ta’ identifikazzjoni u notifika fl-aħħar tal-perjodu tal-applikazzjoni tal-miżuri in kwistjoni skond it-tifsira tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1469/95.

    Il-Kapitolu IV: Arranġamenti ta’ l-aħħar

    Artikolu 8

    1. Il-miżura ta’ esklużjoni msemmija fil-punt (ċ) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1469/95 tista’ ma tiġix applikata għal irregolaritajiet magħmula qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dak ir-Regolament.

    2. Il-miżura msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tkun applikata biss f’perjodu ta’ erba’ snin miż-żmien meta l-irregolarità in kwistjoni tkun saret. Id-dispożizzjonijiet l-oħra dwar perjodu ta’ limitazzjoni fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 għandhom japplikaw ukoll.

    Artikolu 9

    1. Meta tittieħed il-miżura msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1469/95 u l-ebda wieħed mill-arranġamenti ta’ pagamenti bil-quddiem imsemija fl-Artikolu 18 tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85 ma jkun applikat, Stati Membri jistgħu ikunu awtorizzati li jħallsu il-pagament sospiż ladarba ssir garanzija ta’ ammont ekwivalenti flimkien ma’ 15 %.

    2. Il-garanzija għandha tiġi dikjarata bħala ċeduta lit-Taqsima ta’ Garanzija tal-FAEGG meta, għall-operazzjoni in kwistjoni, l-irregolarità tkun stabbilita permezz ta’ deċiżjoni definittiva amministrattiva jew ġudizzjarja skond it-tifsira tal-punt (a) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1469/95.

    Din għandha, aktar minn hekk, tibqa’ ċeduta jekk il-pagament sospiż jinstab li ma jkunx dovut għal raġunijiet minbarra l-eżistenza ta’ xi irregolarità..

    Meta l-ebda wieħed minn dawn ir-raġunijiet biex tiġi ċeduta l-garanzija ma jkun preżenti, din għandha tiġi rilaxxata minnufih għall-operazzjoni in kwistjoni.

    3. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85 japplikaw għall-garanzija msemmija fil-paragrafu 1, li għandha titqies bħala garanzija fuq pagament bil-quddiem skond it-tifsira tat-Titolu IV ta’ dak ir-Regolament.

    Artikolu 10

    1. Għall-finijiet tar-Regolament (KE) Nru 1469/95, Stati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha xierqa addizzjonali:

    (a) biex jassiguraw kordinazzjoni interna tajba bejn l-awtoritajiet in kwistjoni u, b’mod partikolari, biex jipprovdu informazzjoni rapida lill-awtoritajiet responsabbli biex japplika il-miżuri ta’ prevenzjoni adottati; u

    (b) biex iwaqqfu koperazzjoni diretta u effettivà bejn l-awtorità li jagħmlu speċifikament responsabbli għal din il-materja taħt l-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-Regolament u l-Kummissjoni.

    2. Qabel l-1 ta’ Ottubru 1996, Stati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-passi li jkunu ħadu taħt paragrafu 1.

    Artikolu 11

    1. Il-miżuri kollha tekniċi u organizzattivi xierqa meħtieġa biex tinżamm is-sigurtà tas-sistema ta’ identifikazzjoni u notifika għandhom jittieħdu mill-Istati Membri u l-Kummissjoni, kull wieħed għar-rigward tal-parti tas-sistema li tikkonċernah. L-għan tal-miżuri għandu, b’mod partikolari, jkun li jipprevjeni kull persuna mhux awtorizzata milli jikseb aċċess għal data jew meżżi tad-data jew għall-stallazzjonijiet użati għall-ipproċessar ta’ data.

    2. Stai Membri u l-Kummissjoni għandhom iqisu s-sistema ta’ identifikazzjoni u notifika għall-ipproċessar ta’ data personali u għandhom jassiguraw l-applikazzjoni xierqa tal-protezzjoni tad-data personali msemmija fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1469/95 u fid-Direttiva 95/46/KE.

    3. Għall-parti tas-sistema li jikkonċernah, kull Stat Membru u l-Kummissjoni għandu jkun responsabbli, b’konformità ma’ liġijiet nazzjonali, regolamenti u proċeduri jew dispożizzjonijiet ekwivalenti tal-Komunità, għal kull dannu kaġunat lil persuna permezz ta’ użu mhux legali ta’ informazzjoni personali taħt is-sistema, b’mod partikolari fejn id-dannu ġie kaġunat bħala riżultat tal-għoti mill-Istat Membru jew il-Kummissjoni ta’ data mhux korretta jew entratura mhux korrett ta’ data fis-sistema kontra dan ir-Regolament.

    4. Il-Kummissjoni għandha tippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej avviż dwar l-introduzzjoni tas-sistema ta’ identifikazzjoni u notifika.

    Artikolu 12

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Dan għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 1996.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fl-24 ta’ April 1996.

    Għall-Kummissjoni

    Franz Fischler

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU L 145, tad-29.6.1995, p. 1.

    [2] ĠU L 312, tat-23.12.1995, p. 1.

    [3] ĠU L 205, tat-3.8.1985, p. 5.

    [4] ĠU L 310, ta’ l-14.12.1993, p. 4.

    [5] ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31.

    [6] ĠU L 94, tat-28.4.1970, p. 13.

    [7] ĠU L 144, tat-2.6.1981, p. 1.

    [8] ĠU L 67, ta’ l-14.3.1991, p. 11.

    --------------------------------------------------

    Top