Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31996R0716

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 716/96 tad-19 ta’ April 1996 li jadotta miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq tal-laħam taċ-ċanga fir-Renju Unit

    ĠU L 99, 20.4.1996, p. 14–15 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 12/03/2014: This act has been changed. Current consolidated version: 23/01/2006

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1996/716/oj

    31996R0716



    Official Journal L 099 , 20/04/1996 P. 0014 - 0015


    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 716/96

    tad-19 ta’ April 1996

    li jadotta miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq tal-laħam taċ-ċanga fir-Renju Unit

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 805/68 tas-27 ta’ Ġunju 1968 dwar l-organizazzjoni komuni tas-suq fil-laħam taċ-ċanga u l-vitella [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2417/95 [2] u, b’mod partikolari, l-Artikolu 23 tiegħu,

    Billi d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/239/KE tas-27 ta’ Marzu 1996 dwar il-miżuri ta’ emerġenza għall-protezzjoni mill-enċefalopatija spunġiforma bovina (BSE) [3] tipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ annimali bovini ħajjin, jew kull parti minnhom, mir-Renju Unit lejn Stati Membri oħra u l-esportazzjoni tagħhom lejn pajjiżi terzi bħala riżultat ta’ l-inċidenza tal-BSE fir-Renju Unit; billi r-Renju Unit ipprojbixxa d-dħul ta’ annimali bovini ta’ iktar minn 30 xahar għomor fiż-żmien tal-qatla fil-katina ta’ l-ikel tal-bniedem u tal-għalf ta’ l-annimali; billi dawn il-miżuri jinvolvu disturbi serji fis-suq tar-Renju Unit; billi huwa għalhekk meħtieġ li jittieħdu miżuri eċċezzjonali sabiex jappoġġaw dan is-suq; billi huwa xieraq li tiġi stabbilita skema Komunitarja ta’ ko-finanzjament li tawtorizza lir-Renju Unit li jixtri l-annimali koperti bil-projbizzjoni msemmija hawn fuq bil-ħsieb li jinqatlu u sussegwentement jinqerdu;

    Billi, minħabba l-firxar tal-marda, b’mod partikolari, tat-tul probabbli taż-żmien li sejra tieħu, u b’konsegwenza ta’ dan il-kobor ta’ l-isforzi meħtieġa sabiex jappoġġjaw is-suq, għandu jkun xieraq li dawn l-isforzi jinqasmu bejn il-Komunità u r-Renju Unit;

    Billi, fil-biċċa l-kbira tal-każi l-annimali maqtula qabel il-għomor ta’ 30 xahar huma baqar magħżula għall-qatla; billi l-prezz osservat l-iktar reċenti tal-karkassi tal-baqar fis-suq tar-Renju Unit kien ekwivalenti għal 1 Ecu għal kull kilogramma piż ħaj u huwa għalhekk xieraq li l-prezz tax-xiri jiġi bażat fuq dan, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà ta’ aġġustament sussegwenti fid-dawl ta’ iżviluppi; billi, f’każi simili l-Komunità kkontribwixxiet għan-nefqa ġenerali miġrura bir-rata ta’ 70 %; billi l-prezz ta’ 1 Ecu għal kull kilogramma huwa ugwali fuq medja għall-prezz ta’ 560 Ecu għal kull annimal; billi huwa xieraq, bil-ħsieb tan-numri kbar ta’ annimali nvoluti u fl-interess tas-simplifikazzjoni, li tiġi provvduta kontribuzzjoni ta’ 392 Ecu għal kull annimal;

    Billi, huwa meħtieġ li jiġi żgurat illi l-annimali nvoluti jinqatlu u jinqerdu f’manjiera li ma tpoġġi l-ebda tehdida għas-saħħa tal-bniedem jew għas-saħħa ta’ l-annimali l-oħra; billi, huwa għalhekk meħtieġ li jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet għall-qerda ta’ dawn l-annimali u tal-kontrolli li għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet tar-Renju Unit; billi, sabiex jiġi evitat illi l-annimali li jridu jinqatu skond din l-iskema jitħalltu ma’ annimali mhux koperti b’din l-iskema u li jseħħu żbalji dwar l-identifikazzjoni, għandhom jinżammu għalihom fil-kenn ta’ biċċerija, kif ukoll fil-biċċerija nnfisha;

    Billi, għandha ssir dispożizzjoni sabiex l-esperti tal-Kummissjoni jivverifikaw il-konformità mal-kondizzjonijiet kif speċifikati;

    Billi l-Kumitat ta’ Ġestjoni tal-Laħam taċ-Ċanga u tal-Vitella ma tax l-opinjoni tiegħu fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-President tiegħu,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1. L-awtorità kompetenti tar-Renju Unit għandha tiġi awtorizzata li tixtri kull annimal bovin ta’ iktar minn 30 xahar għomor li ma juri l-ebda sinjal kliniku tal-BSE, presentat lilha minn kull produttur jew l-aġent tiegħu, li kien, matul perjodu ta’ żmien ta’ mill-inqas tliet xhur qabel il-bejgħ tigħu, f’azjenda li tinsab fit-territorju tar-Renju Unit.

    2. L-annimali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinqatlu f’biċċeriji nominati speċjalment, l-irjus, l-organi ġewwiena u l-karkassi għandhom jiġu markati bi dbabar permanenti. Il-materjal markat bid-dbabar għandu jiġi trasportat f’kontenituri siġillati lejn impjanti speċjalment awtorizzati ta’ inċinerazzjoni, fejn għandu jiġi proċessat u wara meqrud. L-ebda parti mill-annimali msemmija hawn fuq ma tista’ tiddaħħal fil-katina ta’ l-ikel tal-bniedem jew ta’ l-għalf ta’ l-annimali jew tiġi wżata għal prodotti kosmetiċi jew farmaċewtiċi.

    Rappreżentat ta’ l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit għandu jkun presenti permanentement fil-biċċerija msemmija hawn fuq sabiex jissorvelja l-operazzjonijiet in kwistjoni.

    Minkejja l-ewwel subparagrafu, l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit tista’ tippermetti qtil fir-razzett ta’ annimal fejn il-prattika eżistenti tal-ġid tal-bhima tkun teħtieġ dan.

    Minkejja t-tieni subparagrafu, il-ġlud ta’ l-annimali msemmija fil-paragrafu 1 m’għandhomx għalfejn jiġu markati bi dbabar jew meqruda sakemm ikun ġew ittrattati b’dak il-mod li jkunu jistgħu jintużaw biss għall-manifattura tal-ġilda.

    3. Il-biċċeriji msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu organizzati u mħaddma b’tali mod li jiżguraw illi:

    - l-ebda annimal bovin, li l-prodott tiegħu mill-qatla jkun maħsub għall-konsum mill-bniedem jew mill-annimali, ma jkun presenti fil-biċċerija meta l-bhejjem jkunu qegħdin jinqatlu skond din l-iskema,

    - fejn huwa meħtieġ li l-annimali bovini jinqatlu skond l-iskema li jridu jinżammu fil-kenn, għandhom jinżammu separatament minn annimali bovini li jkunu maħsuba għall-qatla għall konsum tal-bniedem jew ta’ l-annimali, u

    - fejn huwa meħtieġ li l-prodotti miksuba mill-annimali maqtula skond din l-iskema jridu jinħażnu, din il-ħażna għandha tkun separata minn kull faċilità tal-ħażna wżata għal-laħam jew għal prodotti oħra maħsuba għall-konsum mill-bniedem jew mill-annimali.

    4. L-awtorità kompetenti tar-Renju Unit għandha:

    - twettaq il-verifiki amministrattivi meħtieġa u sorveljanza effettiva fuq il-post ta’ l-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3, u

    - tikkontrolla dawn l-operazzjonijiet fuq il-bażi ta’ spezzjonijiet spissi u bla tagħrif minn qabel, b’mod partikolari sabiex tivverifika illi materjal kollu markat bid-dbabar kien effettivament meqrud;

    Ir-riżultati ta’ dawn il-verifiki u kontrolli għandhom ikunu disponibbi għall-Kummissjoni fuq talba.

    5. Jekk in-numru ta’ annimali presentati għall-bejgħ u l-qerda sussegwenti jaqbeż in-numru li għalih ikun hemm il-kapaċità tal-qerda tiegħu fir-Renju Unit, l-awtorità kompetenti tista’ tillimita l-aċċess għal din l-iskema.

    Artikolu 2

    1. Il-prezz li jrid jitħallas lill-produtturi jew lill-aġenti tagħhom mill-awtorità kompetenti tar-Renju Unit skond l-Artikolu 1(1) għandu jkun ta’ 1Ecu għal kull kilogramma piż ħaj.

    2. Il-Komunita għandha tikkofinanzja n-nefqa miġrura mir-Renju Unit għax-xiri msemmi taħt l-Artikolu 1(1) bir-rata 392 Ecu għal kull annimal mixtri u li jkun ġie meqrud skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-L-Artikolu 1.

    3. Ir-rata tal-kambju li trid tiġi applikata għandha tkun ir-rata agrikola valida fl-ewwel jum tax-xahar tax-xiri ta’ l-annimal involut.

    Artikolu 3

    Ir-Renju Unit għandu jadotta l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassigura l-applikazzjoni kif imiss ta’ din l-iskema u l-konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. Għandu jinforma lill-Kummissjoni malajr kemm jista’ jkun dwar il-miżuri li jkun ħa u dwar kull emendi għalihom.

    Artikolu 4

    L-awtorità kompetenti tar-Renju Unit:

    (a) għandha tinforma lill-Kummissjoni kull nhar ta’ Erbgħa, dwar in-numru ta’ annimali:

    - mixtrija, u

    - maqtula

    skond din l-iskema matul il-ġimgħa ta’ qabel;

    (b) għandha tistabbilixxi rapport dettaljat tal-kontrolli mittieħda minnhom skond il-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 u għandhom jikkomunikaw dan lill-Kummissjoni kull tlett xhur.

    Artikolu 5

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 [4], l-esperti tal-Kummissjoni, akkumpanjati fejn xieraq minn esperti mill-Istati Membri, għandhom iwettqu, b’kollaborazzjoni ma’ l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit, spezzjonijiet fuq il-post sabiex jivverifikaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 6

    Il-miżuri meħuda skond dan ir-Regolament għandhom jiġu kunsidrati li huma miżuri ta’ intervent skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KEE) Nru 729/70.

    Artikolu 7

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoi tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Għandu jibda japplika mid-29 ta’ April 1996.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fid-19 ta’ April 1996.

    Għall-Kummissjoni

    Franz Fischler

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU L 148, tat-28.6.1968, p. 24.

    [2] ĠU L 248, ta’ l-14.10.1995, p. 39.

    [3] ĠU L 78, tat-28.3.1996, p. 47.

    [4] ĠU L 94, tat-28.4.1970, p. 13.

    --------------------------------------------------

    Top