This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 31995R2610
Council Regulation (EC) No 2610/95 of 30 October 1995 amending Regulation (EC) No 2965/94 setting up a Translation Centre for bodies of the European Union
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2610/95 tat-30 ta' Ottubru 1995 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2965/94 li jistabbilixxi Ċentru tat-Traduzzjoni għall-korpi ta' l-Unjoni Ewropea
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2610/95 tat-30 ta' Ottubru 1995 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2965/94 li jistabbilixxi Ċentru tat-Traduzzjoni għall-korpi ta' l-Unjoni Ewropea
ĠU L 268, 10.11.1995, p. 1–2
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)
In force
Official Journal L 268 , 10/11/1995 P. 0001 - 0002
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2610/95 tat-30 ta' Ottubru 1995 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2965/94 li jistabbilixxi Ċentru tat-Traduzzjoni għall-korpi ta' l-Unjoni Ewropea IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 235 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2]; billi l-kompitu ewlieni taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 2965/94 [3] għadu dak li jissodisfa l-bżonnijiet ta' traduzzjoni ta' l-aġenziji u l-uffiċċji elenkati f'dak ir-Regolament; billi kull riskju ta' xogħol żejjed għaċ-Ċentru għandu jkun evitat għall-kwalunkwe prezz peress li jista' jkollu mplikazzjonijiet negattivi fuq l-operazzjonijiet ta' dawk l-aġenziji u uffiċċji u għall-persunal attwalment meħtieġ għall-funzjonament razzjonali taċ-Ċentru; billi l-objettiv essenzali taċ-Ċentru huwa t-tfittxija għall-aktar użu razzjonali u ekonomiku tal-mezzi disponibbli waqt li jinżamm l-istandard u l-kwalità meħtieġa tat-traduzzjonijiet, mingħajr ma fi kwalunkwe każ jaqta' barra l-possibbilità li jdur għas-suq; billi huwa meħtieġ li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni amministrattiva bejn l-istituzzjonijiet u l-korpi ta' l-Unjoni bil-għan li jiġu rrazzjonalizzati l-metodi tax-xogħol u jsir tfaddil komplessiv billi jiġi evitat xogħol superfluwu u l-ħolqien ta' strutturi paralleli li jqumu ħafna; billi t-traduzzjoni tikkostitwixxi wieħed mis-setturi ta' attività fejn din il-kollaborazzjoni interistituzzjonali tista' tiġi msaħħa; billi l-għan tal-kollaborazzjoni interistituzzjonali għandha tkun biex tagħmilha possibbli għaċ-Ċentru li jwettaq fi żmien medju, kull attività li l-amalgamazzjoni tagħha kienet deċiża skond ir-regoli fis-seħħ; billi għalhekk huwa meħtieġ li jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni tas-servizzi pprovduti miċ-Ċentru biex jagħmluha possibbli għal dawk l-istituzzjonijiet u korpi ta' l-Unjoni li diġà għandhom servizz ta' traduzzjoni li jkollhom aċċess għas-servizzi taċ-Ċentru, fuq bażi volontarja u bil-għan li jiġi assorbit kull xogħol żejjed u li jista' jinqala'; billi, biex tiġi evitata kull konfużjoni fuq l-estensjoni tat-tkabbir tal-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2965/94, huwa meħtieġ li tiġi mibdula fih il-kelma "korpi" bit-terminu "aġenziji u uffiċċji" kull fejn ikun meħtieġ; billi t-trattat ma jipprovdix setgħat speċifiċi ta' azzjoni għall-adozzjoni ta' dan ir-Regolament barra dawk li jinsabu fl-Artikolu 235, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Ir-Regolament (KE) Nru 2965/94 huwa b'dan emendat kif ġej: 1. L-Artikolu 2(1) għandu jiġi mibdul bit-test li ġej: "L-Artikolu 2 1. Iċ-Ċentru għandu jipprovdi s-servizzi ta' traduzzjoni meħtieġa għall-operazzjoni ta' l-aġenziji u uffiċċji li ġejjin: - L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, - Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ, - Iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ dwar id-Drogi u d-Dipendenza fuq id-Droga, - L-Aġenzija Ewropea għall-Valutazzjoni ta' Prodotti Mediċinali, - L-Aġenzija għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, - L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks, disinji u mudelli), - l-Uffiċċju tal-Pulizija Ewropew (Europol) u t-Taqsima tad-Drogi ta' l-Europol. Iċ-Ċentru u kull waħda mill-aġenziji u uffiċċji msemmija hawn fuq għandhom jikkonkludu arranġamenti li jkopru l-modi li bihom ser jikkooperaw. 2. Aġenziji u uffiċċji stabbiliti mill-Kunsill għajr dawk msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jkollhom aċċess għas-servizzi taċ-Ċentru fuq il-bażi ta' arranġamenti li għandhom jiġu konklużi maċ-Ċentru. 3. L-istituzzjonijiet u l-korpi ta' l-Unjoni li diġà għandhom is-servizz tat-traduzzjoni tagħhom jistgħu, fuq bażi volontarja, ikollhom aċċess għaċ-Ċentru skond l-arranġamenti li għandhom jiġu miftehma bejn il-partijiet biex ikunu jistgħu jagħmlu użu mis-servizzi tiegħu. 4. Iċ-Ċentru għandu jipparteċipa b'mod sħiħ fix-xogħol tal-Kumitat Interistituzzjonali għat-Traduzzjoni." 2. L-Artikolu 4(1) għandu jiġi mibdul b'dan it-test li ġej: "1. Iċ-Ċentru għandu jkollu Bord Amministrattiv kompost minn: (a) rappreżentant minn kull waħda mill-aġenziji u uffiċċji elenkati fl-Artikolu 2(1); kull arranġament msemmi fl-Artikolu 2(2) jista' jipprevedi rappreżentanza ta' l-aġenzija jew l-uffiċċju li huwa parti għal dak l-arranġament; (b) rappreżentant minn kull wieħed mill-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea; (ċ) żewġ rappreżentanti mill-Kummissjoni; u (d) rappreżentant wieħed mill-istituzzjonijiet u l-korpi li għandhom s-servizz ta' traduzzjoni tagħhom iżda li kkonkludew ftehim maċ-Ċentru għall-kollaborazzjoni fuq bażi volontarja." 3. L-Artikolu 10(2) għandu jiġi mibdul b'dan it-test li ġej: "2. (a) L-introjtu u l-ispejjeż murija fil-budget taċ-Ċentru għandhom ikunu f'bilanċ. (b) Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet stipulati fis-subparagrafu (ċ) dwar il-perjodu tal-bidu, l-introjtu għandu jiġi minn pagamenti magħmula mill-aġenziji u l-uffiċċji li lilhom iċ-Ċentru jagħti servizz u l-istituzzjonijiet u l-korpi li magħhom tkun ġiet miftehma kollaborazzjoni għax-xogħol imwettaq miċ-Ċentru. (ċ) Fil-perjodu tal-bidu, li m'għandux ikun aktar minn tliet snin finanzjarji: - l-uffiċċji u l-aġenziji, istituzzjonijiet u l-korpi li lilhom iċ-Ċentru jagħti servizz għandhom fil-bidu tas-sena finanzjarja jagħmlu kontribuzzjoni ta' somma waħda mill-budgets tagħhom li tkun ibbażata fuq l-aħjar informazzjoni possibbli u li tkun ġiet adattata fid-dawl tax-xogħol attwalwament imwettaq, - kontribuzzjoni tista' tiġi magħmula mill-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej liċ-Ċentru sabiex tiġi żgurata l-operazzjoni tiegħu." 4. L-Artikolu 11 għandu jiġu mibdul b'dan it-test li ġej: "L-Artikolu 11 1. Qabel ir-reviżjoni prevista fl-Artikolu 19, kull aġenzija jew uffiċċju msemmifl-Artikolu 2(1) li qiegħed jesperjenza diffikultajiet partikolari b'konnessjoni mal-provvediment ta' servizzi miċ-Ċentru jista' javviċina ċ-Ċentru sabiex jikseb l-aktar soluzzjonijiet xierqa għal dawk id-diffikultajiet. 2. Jekk jirriżulta mpossibli li jasal għal tali soluzzjoni fi żmien tliet xhur, l-aġenzija jew l-uffiċċju in kwistjoni jista' jibgħat komunikazzjoni ssostanzjata kif suppost lill-Kummissjoni, sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tieħu dawk il-miżuri meħtieġa u, jekk ikun xieraq, torganizza, taħt l-awspiċi taċ-ċentru u bl-assistenza tiegħu, modi aktar sistematiċi biex iddur fuq terzi persuni għat-traduzzjoni tad-dokumenti kkonċernati." 5. L-Artikolu 13(2) u (3) għandu jkun mibdul b'dan li ġej: "2. Il-Bord Amministrattiv għandu jadotta rendikont ta' l-istimi flimkien ma' pjan ta' stabbiliment u għandu jibgħathom immedjatament lill-Kummissjoni, li fuq dik il-bażi għandha tistabbilixxi l-istimi korrispondenti għas-sussidji mogħtija lill-aġenziji u uffiċċji elenkati fl-Artikolu 2 fl-abbozz preliminari tal-budget li tqiegħed quddiem il-Kunsill skond l-Artikolu 203 tat-Trattat. 3. Il-Bord Amministrattiv għandu jadotta il-budget taċ-Ċentru qabel il-bidu tas-sena finanzjarja, waqt li jaġġustah fejn meħtieġ għall-pagamenti magħmula mill-aġenziji u uffiċċji, istituzzjonijiet u l-korpi msemmija fl-Artikolu 2." Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan ir-regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Maghmul fil-Lussemburgu, fit-30 ta' Ottubru 1995. Għall-Kunsill Il-President J. Solana [1] Ġ.U. Nru. C 43, tad-9.6.1995, p. 25. [2] Ġ.U. Nru. C 269, tas-16.10.1995. [3] Ġ. U. Nru. L 314, tas-7.12.1994, p. 1. --------------------------------------------------