Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31992R0479

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 479/92 tal-25 ta' Frar 1992 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta' akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma bejn il-kumpanniji tat-tbaħħir tal-linja (consortia)

    ĠU L 55, 29.2.1992, p. 3–5 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 14/04/2009; Imħassar b' 32009R0246

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1992/479/oj

    31992R0479



    Official Journal L 055 , 29/02/1992 P. 0003 - 0005
    Finnish special edition: Chapter 8 Volume 2 P. 0008
    Swedish special edition: Chapter 8 Volume 2 P. 0008


    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 479/92

    tal-25 ta' Frar 1992

    dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta' akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma bejn il-kumpanniji tat-tbaħħir tal-linja (consortia)

    IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 87 ta' dan,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Soċjali u Ekonomiku [3],

    Billi l-Artikolu 85(1) tat-Trattat jista' bi qbil mal-Artikolu 85(3) ikun iddikjarat mhux applikabbli għall-kategoriji ta' akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma li jissodisfaw il-kondizzjonijiet li jintsabu fl-Artikolu 85(3);

    Billi, permezz ta' l-Artikolu 87 tat-Trattat, id-dispożizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat għandhom ikunu adottati permezz ta' Regolament; billi, bi qbil ma' l-Artikolu 87(2)(b), Regolament bħal dan għandu jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3), billi jittieħed akkont tal-ħtieġa li tkun assigurata s-sorveljanza effettiva, min-naħa l-waħda, u biex tissimplifika l-amministrazzjoni għal-limitu l-aktar possibli, min-naħa l-oħra; billi, permezz ta' l-Artikolu 87(2)(d), Regolament bħal dak huwa meħtieġ biex ikunu mfissra l-funzjonijiet rispettivi tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja;

    Billi t-tbaħħir tal-linja huwa industrija b'intensita tal-kapital; billi t-trasport bil-containers żied il-pressjoni fuq il-koperazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni; billi l-industrija tat-tbaħħir tal-Komunità teħtieġ li tilħaq l-iskala ta' l-ekonomiji meħtieġa biex tikkompeti b'suċċess fis-suq dinji tat-tbaħħir tal-linja;

    Billi l-akkordji ta' servizz konġunt bejn il-kumpaniji tat-tbaħħir tal-linja bil-għan li jirrazzjonalizzaw l-operazzjonijiet tagħhom permezz ta' arranġamenti tekniċi, operattivi u/jew kummerċjali (deskritti fl-ambjent tat-tbaħħir bħala consortia) jista' jgħin biex jipprovdi l-mezzi meħtieġa għat-titjib tal-produttività tas-servizzi tat-tbaħħir tal-passiġġieri u jħeġġeġ il-progress tekniku u ekonomiku;

    Wara li jikkunsidraw l-importanza tat-trasport marittimu għall-iżvilupp tal-kummerċ tal-Komunità u l-irwol li l-akkordji tal-consortia jista' jwettaq f'dan ir-rigward, billi jitqiesu l-karatteristiċi speċjali tat-tbaħħir internazzjonali tal-passiġġieri;

    Billi l-legalizzazzjoni ta' dawn l-akkordji hija miżura li tista' tagħti kontribut siewi għat-titjib tal-kompetittività fit-tbaħħir tal-Komunità;

    Billi l-utenti tas-servizzi tat-tbaħħir offruti mill-consortia jistgħu jibbenefikaw minn sehem mill-benefiċċji li jirriżultaw mit-titjib fil-produttività u fis-servizz, permezz ta', inter alia, r-regolarità, it-tnaqqis fl-ispejjeż li jirriżultaw minn livelli ogħla fl-utilizzazzjoni tal-kapaċità, u kwalità ta' servizz aħjar li tirriżulta minn titjieb fil-vapuri u fit-tagħmir;

    Billi l-Kummissjoni trid tingħata s-setgħa li tiddikjara permezz ta' Regolament li d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat ma japplikawx għal ċerti kategoriji ta' akkordji tal-consortia, ta' deċiżjonijiet u tal-prattiċi kkonċernati, sabiex ikun aktar faċli għall-impriżi biex jikkoperaw f'modi li huma ekonomikament mixtieqa u mingħajr effetti żvantaġġużi mill-angolu tal-politika dwar il-kompetizzjoni;

    Billi l-Kummissjoni, bi ftehim mill-qrib u ta' spiss ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, għandha tkun kapaċi li tiddiffenixxi eżatt l-iskop ta' dawn l-eżenzjonijiet u l-kondizzjonijiet marbuta magħhom;

    Billi l-consortia fil-qasam tat-tbaħħir tal-linja huma tip ta' impriża konġunta b'mod speċjalizzat u kumpless; billi hemm varjeta kbira ta' akkordji differenti ta' consortia li joperaw f'ċirkostanzi differenti; billi l-iskop, il-partijiet, l-attivitajiet, jew il-kondizzjonijiet tal-consortia huma spiss mibdula; billi l-Kummissjoni għandha għalhekk tingħata r-responsabbiltà li tiddefinixxi minn żmien għal żmien il-consortia li għalihom l-eżenzjoni tal-grupp tkun applikabbli;

    Billi, sabiex ikun assigurat li l-kondizzjonijiet kollha ta' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat jintlaħqu, il-kondizzjonjiet għandhom ikunu marbuta ma' l-eżenzjonijiet tal-grupp biex jassiguraw b'mod partikulari li sehem ġust mill-benefiċċji jkun mgħoddi lis-sidien tal-vapuri u li l-kompetizzjoni ma tkunx eliminata;

    Billi permezz ta' l-Artikolu 11(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4056/86 tat-22 ta' Diċembru 1986 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat għat-trasport marittimu [4] l-Kummissjoni tista' tipprovdi li deċiżjoni meħuda bi qbil ma' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat għandha tkun applikabbli b'effett retroattiv; billi huwa mixtieq li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa biex tadotta, permezz ta' Regolament, dispożizzjonijiet għal dak l-effett;

    Billi n-notifika ta' l-akkordji, tad-deċiżjonijiet u tal-prattiċi miftiehma li jidħlu fl-iskop ta' dan ir-Regolament m'għandhomx ikunu obbligatorji, billi hija r-responsabbiltà ewlenija ta' l-impriżi li jaraw li huma jkunu konformi mar-regoli dwar il-kompetizzjoni, u b'mod partikulari mal-kondizzjonijiet stabbiliti bir-Regolament tal-Kummissjoni sussegwenti li jimplementa dan ir-Regolament;

    Billi ma jistax ikun hemm eżenzjoni jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 85(3) tat-Trattat ma jkunux milħuqa; billi l-Kummissjoni għandha għalhekk ikollha s-setgħa li tieħu l-miżuri xierqa meta xi akkordju juri li għandu effetti inkompatibbli ma' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat; billi l-Kummissjoni għandha tkun kapaċi l-ewwelnett li tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-partijiet u mbagħad li tieħu d-deċiżjonijiet,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    L-Artikolu 1

    1. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 4056/86, il-Kummissjoni tista' permezz ta' regolament u bi qbil mal-Artikolu 85(3) tat-Trattat, tiddikjara li l-Artikolu 85(1) tat-Trattat m'għandux ikunu applikabbli għal ċerti kategoriji ta' akkordji bejn l-impriżi, deċiżjonijiet ta' assoċjazzjonijet ta' impriżi u prattiċi miftiehma li għandhom bħala l-oġġettiv li jippromwovu jew jistabbilixxu koperazzjoni fl-operazzjoni konġunta tas-servizzi tat-trasport marittimu bejn il-kumpanniji tat-tbaħħir tal-passiġġieri, għall-iskop tar-razjonalizzazzjoni ta' l-operazzjonijiet tagħhom permezz ta' arranġamenti tekniċi, operattivi u/jew kummerċjali — bl-eċċezzjoni ta' l-iffissar tal-prezzijiet (consortia).

    2. Dak ir-regolament li jkun adottat permezz tal-paragrafu 1 għandu jiddiffenixxi l-kategoriji ta' akkordji, tad-deċiżjonijiet u tal-prattiċi miftiehma li jkun japplika għalihom u għandu jispeċifika l-kondizzjonijiet u l-obbligazzjonijiet li taħthom, permezz ta' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat, huma għandhom ikunu meqjusa bħala eżentati mill-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat.

    L-Artikolu 2

    1. Ir-regolament adottat permezz ta' l-Artikolu 1 għandu jkun japplika għal perjodu ta' ħames snin, ikkalkulat mid-data tad-dħul fis-seħħtiegħu.

    2. Huwa jista' jkun revokat jew ikun emendat meta ċ-ċirkostanzi jkunu nbidlu fir-rigward ta' uħud mill-fatti li kienu bażiċi għall-adozzjoni tiegħu.

    L-Artikolu 3

    Ir-regolament adottat permezz ta' l-Artikolu 1 jista' jinkludi dispożizzjoni li tistqarr li jkun japplika b'effett retroattiv għall-akkordji, għad-deċiżjonijiet u għall-prattiċi miftiehma li kienu eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' regolament bħal dak, basta li jkunu konformi mal-kondizzjonijiet stabbiliti f'dak ir-regolament.

    L-Artikolu 4

    Qabel ma tadotta r-regolament tagħha, il-Kummissjoni għandha tippubblika abbozz tiegħu sabiex ikun possibli għall-persuni kollha u l-organizzazzjonijiet ikkonċernati li jippreżentaw il-kummenti tagħhom f'limitu ta' żmien raġonevoli li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, imma fl-ebda każ ma jkun anqas minn xahar.

    L-Artikolu 5

    1. Qabel ma jkun ippubblikat l-abbozz tar-regolament u qabel ma jkun adottat ir-regolament, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Kumitat konsultattiv dwar l-Akkordji u l-Pożizzjonijiet Dominanti fit-Trasport Marittimu stabbiliti bl-Artikolu 15(3) tar-Regolament (KEE) Nru 4056/86.

    2. Il-Paragrafi 5 u 6 ta' l-Artikolu 15 tar-Regolament (KEE) Nru 4056/86 li jirigwardaw il-konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, għandhom japplikaw, billi jkun meqjus li l-laqgħat konġunti mal-Kummissjoni għandhom iseħħu mhux aktar minn xahar wara li jkun intbagħat l-avviż dwarhom.

    L-Artikolu 6

    1. F'każ li l-persuni konċernati jkunu fi ksur ta' kondizzjoni jew obbligu marbut ma' eżenzjoni mogħtija mir-Regolament adottat permezz ta' l-Artikolu 1, il-Kummissjoni tista', sabiex ittemm dak il-ksur:

    - tindirizza rakkomandazzjonijiet lejn il-persuni konċernati, u

    - fil-każ li dawk il-persuni jonqsu milli josservaw dawk ir-rakkomandazzjonijiet, u jiddependi mill-gravità tal-ksur ikkonċernat, tadotta deċiżjoni li, jew tipprojbihom milli jwettqu, jew li tkun tenħtieġ li jwettqu atti speċifiċi jew, waqt li tneħħilhom il-benefiċċju ta' l-eżenzjoni tal-grupp li huma kienu jgawdu, tagħtihom eżenzjoni individwali skond l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KEE) Nru 4056/86, jew tirrevokalhom il-benefiċċju tal-grupp li kienu jgawdu.

    2. Meta l-Kummissjoni, jew fuq l-inizjattiva tagħha stess jew inkella fuq talba minn Stat Membru jew minn xi persuni naturali jew legali li għandhom interess leġittimu, issib li f'każ partikulari, akkordju, deċiżjoni jew prattika miftiehma li dwarha tkun ingħatat l-eżenzjoni tal-grupp permezz tar-Regolament adottat permezz ta' l-Artikolu 1 jkun applikabbli, b'danakollu jkollu effetti li ma humiex kompatibbli ma' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat jew mal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 86 tat-Trattat, tista' tirtira l-benefiċċju ta' l-eżenzjoni minn dawk l-akkordji, id-deċiżjonijiet jew il-prattiċi miftiehma u li tieħu l-miżuri kollha xireqa għall-iskop li ttemm dawk il-ksur, permezz ta' l-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 4056/86.

    3. Qabel ma tittieħed deċiżjoni permezz tal-paragrafu 2, il-Kummissjoni tista' tindirizza rakkomandazzjonijet lejn il-persuni konċernati biex jintemm il-ksur.

    L-Artikolu 7

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum li jsegwi l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fil-25 ta' Frar 1992.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    Vitor Martins

    [1] ĠU C 167, ta' l-10.7.1990, p. 9.

    [2] ĠU C 305, tal-25.11.1991, p. 39.

    [3] ĠU C 69, tat-18.3.1991, p. 16.

    [4] ĠU L 378, tal-31.12.1986, p. 4.

    --------------------------------------------------

    Top