Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31991R0613

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 613/91 ta' l-4 ta' Marzu 1991 dwar it-trasferiment ta' vapuri minn reġistru għal ieħor fi ħdan il-Komunità

ĠU L 68, 15.3.1991, pp. 1–3 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 19/05/2004; Imħassar b' 32004R0789

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1991/613/oj

31991R0613



Official Journal L 068 , 15/03/1991 P. 0001 - 0003
Finnish special edition: Chapter 7 Volume 4 P. 0012
Swedish special edition: Chapter 7 Volume 4 P. 0012


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 613/91

ta' l-4 ta' Marzu 1991

dwar it-trasferiment ta' vapuri minn reġistru għal ieħor fi ħdan il-Komunità

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 84(2) dwar dan,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi t-twaqqif u l-operat tas-suq intern jinvolvu l-eliminazzjoni ta' barrieri tekniċi għat-trasferiment ta' vapuri bejn ir-reġistri nazzjonali ta' Stati Membri; billi miżuri biex jiġi faċilitat it-trasferiment ta' vapuri ġewwa l-Komunità huma wkoll meħtieġa biex jeħilsu lil sidien Ewropej ta' vapuri mill-ispejjeż u proċeduri amministrattivi involuti f'kull bidla tar-reġistru fi ħdan il-Komunità u wkoll sabiex b'hekk jitjiebu l-kondizzjonijiet tal-ħidma u l-pożizzjoni kompettitiva tat-tbaħħir fil-Komunità;

Billi hu meħtieġ, fl-istess ħin, biex jiġi salvagwardat livell għoli ta' sigurtà tal-vapuri u ħarsien ambjentali, b'konformità mal-Konvenzjonijiet internazzjonali;

Billi t-trasferiment ta' vapuri li jtajru l-bandiera ta' kull Stat Membru bejn ir-reġistru ta' Stati Membri m'għandux, għalhekk, ikun impedut permezz ta' xkiel tekniku, kemm-il darba l-vapuri jkunu rikonoxxuti li jkunu qed jikonformaw id-dispożizzjonijiet ta' dawn il-Konvenzjonijiet internazzjonali;

Billi l-kwistjoni ta' ċertifikati internazzjonali dwar sigurtà u prevenzjoni ta' inkwinament, kif hemm previst fil-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1974 dwar is-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar (1974 Solas), il-Konvenzjoni Internazzjonali ta' l-1966 dwar il-Linji ta' Tagħbija (LL 1966), il-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1973 dwar il-Prevenzjoni ta' l-Inkwinament minn Vapuri, kif emendata permezz tal-Protokoll ta' l-1978 (Marpol 73/78) u r-riżoluzzjonijiet relatati dwar l-istat ta' mandatarju addottati mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), hi r-responsabbiltà ta' Stati; billi, fejn organizzazzjonijiet privati joħorġu ċertifikati għan-nom ta' kull Stat Membru, b'mod konformi ma' l-istess Konvenzjoni, dawn jagħmlu hekk ukoll fuq ir-responsabbiltà ta' dak l-Istat Membru, kif imfisser f'dawk il-Konvenzjonijiet;

Billi l-Konvenzjonijiet Internazzjonali jħallu punti ta' l-interpretazzjoni importanti fid-diskrezzjoni ta' Stati kontraenti individwali; billi, abbażi ta' l-interpretazzjoni rispettiva tagħhom tal-Konvenzjoni, Gvernijiet ta' Stati Memrbi joħorġu, lill-kull vapur li jtajru l-bandiera tagħhom li jkunu suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' dawn il-Konvenzjonijiet, ċertifikati internazzjonali li jattestaw l-aderenza tagħhom ma' dawn id-dispożizzjonijiet; billi l-Istati Membri jinfurzaw regolamenti tekniċi nazzjonali, ċerti dispożizzjonijiet minnhom ikollhom ħtiġiet oħra minbarra dawk fil-Konvenzjonijiet internazzjonali u standards tekniċi assoċjati; billi kull proċedura xierqa għandha tiġi stabbilita sabiex issolvi diverġenzi fl-interpretazzjoni ta' ħtiġiet eżistenti li jistgħu jqumu fuq kull talba għal trasferiment ta' vapuri u sabiex jittieħed kont ta' l-introduzzjoni ta' dispożizzjonijiet ġodda f'dawk il-Konvenzjonijiet;

Billi dan ir-Regolament ma jippreġudika bl-ebda mod il-preparazzjoni u l-interpretazzjoni ta' konvenzjonijiet mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO);

Billi vapuri li jibbenfikaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament riedu jkunu reġistrati u f'servizz attiv taħt il-bandiera ta' kull Stat Membru għal ta' l-inqas sitt xhur sabiex jagħtu lil dan ta' l-aħħar ħin biżżejjed biex jiċċekkja l-kondizzjoni tagħhom;

Billi għandu jitwaqqaf kull kumitat biex jassisti lill-Kummissjoni biex timplimenta u tinterpreta dan ir-Regolament bil-għan li jintlaħaq kull għan li jiġi faċilitat it-trasferiment ta' vapuri ġewwa l-Komunità filwaqt li jiġi assigurat li standards dwar sigurtà marittima u protezzjoni ambjentali ma jiġux imnaqqsa,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament:

(a) "Konvenzjonijiet" tfisser il-Konvenzjoni Internazzjonali ta' l-1974 dwar is-Sigurtà fuq il-Baħar (1974 Solas), il-Konvenzjoni Internazzjonali ta' l-1966 dwar il-Linji ta' Tagħbija (LL66) u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Prevenzjoni ta' l-Inkwinament minn Vapuri (Marpol 73/78), flimkien ma' l-emendi tagħhom fis-seħħ fid-data ta' l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, u riżoluzzjonijiet ta' statut mandatorju adottati mill-Organizzazzjni Marittima Internazzjonali (IMO);

Mingħajr preġudizzju għall-proċeduri biex jiġu emendati l-Konvenzjonijiet imsemmija, l-applikazzjoni, għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, dwar emendi sussegwenti għalihom li jkunu daħlu fis-seħħ għandhom jiġu deċiżi b'mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7;

(b) "ħtiġiet" tfisser is-sigurtà u ħtiġiet dwar prevenzjoni ta' inkwinament stabbiliti fil-Konvenzjonijiet;

(c) "ċertifikati" tfisser ċertifikati maħruġa minn jew għan-nom ta' kull Stat Membru b'mod konformi mal-Konvenzjonijiet kif ukoll ċertifikati maħruġa għal bastimenti li jġorru l-kimika u trasportaturi li jġorru l-gass mibnija qabel l-1 ta' Lulju 1986, b'mod konformi mal-kodiċi tal-Bulk Chemical [IMO Riżoluzzjoni A.212 (VII) jew il-kodiċi tal-Bulk Gas Carrier [IMO Riżoluzzjoni A.328 (IX)].

L-Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu japplika għal vapuri tat-tagħbija ta' 500 tunellata ta' tunnellaġġ gross jew aktar li:

(a) kienu mibnija fil-25 ta' Mejju 1980 jew wara, jew

kienu mibnija qabel dik id-data, iżda:

- li l-konformità ta' dawn mar-regolamenti għal vapuri ġodda imfissra fil-Konvenzjoni Solas ta' l-1974, u

- fil-każ ta' bastimenti li jġorru l-kimika u trasportaturi tal-gass, konformità tal-kodiċi dwar standards kif saret referenza għalihom fl-Artikolu 1(ċ) dwar vapuri mibnija fil-25 ta' Mejju 1980 jew qabel,

ikun attestat minn jew għan-nom ta' kull Stat Membru; u

(b) jkunu ilhom itajru l-bandiera ta', u reġistrati fi, Stat Membru, u f'servizz attiv taħt dik il-bandiera għal ta' l-inqas sitt xhur;

u

(c) jkollhom ċertifikati validi.

L-Artikolu 3

1. Stati Membri m'għandhomx joqogħdu lura milli jirreġistraw, għal raġunijet tekniċi li joħorġu mill-Konvenzjonijiet, vapur ta' tagħbija reġistrat fi Stat Membru ieħor li jonora l-ħtiġiet u li jkollu ċertifikati validi u fornituri u apparat approvati jew approvati skond it-tip fil-pajjiż ta' oriġini tal-vapur.

Sakemm fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament ikunu marbutin bi ftehim reġjonali għall-ħarsien ta' l-ambjent marittimu, Stati Membri jistgħu jimponu regoli addizzjonali li jkunu konformi mal-ħtiġiet ta' l-annessi mhux obbligatorji tal-Konvenzjonjijiet.

2. Mat-trasferiment tal-vapur, l-Istat Membru tal-bandiera riċevitur għandu joħroġ ċertifikati taħt l-istess kondizzjonijiet daqs li kieku taħt il-bandiera li qabel kienet tittajjar.

3. Meta ċ-ċertifikati joħorġu minn organizzazzjoni għan-nom ta' Stat Membru, dan ta' l-aħħar għandu jassigura li l-kwalifiki, esperjenza teknika u n-numru u l-kwalita ta' impjegati ta' l-imsemmija organizzazzjoni jkunu tali li jippermettulha, li fl-applikazzjoni tal-Konvenzjonijiet, toħroġ ċertifikati li jiggarantixxu livell għoli ta' sigurtà.

L-organizzazzjoni għandha tkun f'kull pożizzjoni li tiżviluppa u taġġorna regoli u regolamenti li jkollhom il-kwalità ta' standards tekniċi aċċettati, u għandha topera permezz ta' surveyors kwalifikati u ta' esperjenza sabiex jistmaw il-kondizzjoni ta' vapur b'mod adekwat.

4. Madankollu, mat-trasferiment, vapur jista' jiġi soġġett għal spezzjoni mill-Istat Membru tal-bandiera riċevitur sabiex jikkonferma li l-kondizzjoni attwali tal-vapur u l-apparat tiegħu jikkorispondu maċ-ċertifikati tiegħu u mad-dikjarazzjonijiet ta' konformità li għaliha saret referenza fl-Artikolu 2(a).

L-Artikolu 4

Sa fejn ħtiġiet għal vapuri eżistenti jibqgħu mhux mibdula, fil-ħin tat-tiġdid, estensjoni jew reviżjoni taċ-ċertifikati maħruġa taħt l-Artikolu 3, Stati Membri tal-bandiera li jirċievu m'għandhomx jimponu ħtiġiet minbarra dawk li oriġinalment ġew stabbiliti għaċ-ċertifikati ta' terminu sħiħ.

L-Artikolu 5

1. Stati Membri għandhom javżaw minnufih lill-Kummissjoni dwar kull rifjut li jinħarġu ċertifikati ġodda għal raġunijiet bażati fuq diverġenzi ta' interpretazzjoni tal-ħtiġiet jew tad-dispożizzjonijiet li l-Konvenzjonijiet iħallu fid-diskrezzjoni tal-Partijiet.

Sakemm il-Kummissjoni ma tkunx infurmata bi ftehim bejn l-Istati Membri inkwistjoni fi żmien xahar, din għandha tibda proċeduri sabiex tieħu deċiżjoni b'mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7.

2. Meta Stat Membru jikkonsidra li vapur ma jistax jiġi reġistrat taħt l-Artikolu 3 għal raġunijiet ta' periklu serju għas-sigurtà jew l-ambjent barra l-iskop taċ-ċertifikati, reġistrazzjoni tista' tiġi sospiża għal perjodu li ma jeċċedix tliet xhur, u l-Istat Membru għandu mingħajr dewmien iressaq il-kwistjoni quddiem il-Kummissjoni, fejn jagħti r-raġunijiet għal dan. Is-sospensjoni għandha tiġi konfermata jew revokata skond il-proċedura stabbilità fl-Artikolu 7.

L-Artikolu 6

Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat li jkun magħmul minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri u presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

L-Artikolu 7

Meta l-proċedura stabbilita f'dan l-Artikolu tkun ser tiġi segwita, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-kumitat abbozz tal-miżuri li jkunu ser jittieħdu. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz f'perjodu ta' żmien li jistabbilixxi l-president skond l-urġenza tal-każ. L-opinjoni għandha tingħata permezz tal-maġġoranza kif stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat tal-KEE fil-każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fil-kumitat għandhom ikollhom is-saħħa mwieżna bil-manjiera stabbilita f'dak l-Artikolu. Il-president ma jistax jivvota.

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri maħsuba jekk dawn ikunu konformi ma' l-opinjoni tal-kumitat.

Jekk il-miżuri maħsuba ma jkunux konformi ma' l-opinjoni tal-kumitat, jew fl-assenza ta' opinjoni, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tissottometti lill-Kunsill proposta li tirreferi għall-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi permezz ta' maġġoranza kwalifikata.

Jekk, wara li jgħaddi perjodu ta' tmien ġimgħat mid-data li fiha ssir ir-riferenza lill-Kunsill, il-Kunsill ma jkunx aġixxa, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.

L-Artikolu 8

Il-kumitat jista' jiġi konsultat ukoll mill-Kummissjoni dwar materja li tirreferi għall-implimentazzjoni u l-interpretazzjoni ta' dan ir-Regolament u, b'mod partikolari, sabiex jiġi assigurat li standards ta' sigurtà marittima u ħarsien ambjentali ma jiġux imnaqqsa.

Il-kumitat għandu jfassal r-regoli ta' proċedura tiegħu.

L-Artikolu 9

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1992.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fl-4 ta' Marzu 1991.

Għall-Kunsill

Il-President

J. F. Poos

[1] ĠU C 153, tat-22.6.1990, p. 14.

[2] ĠU C 19, tat-28.1.1991.

[3] ĠU C 60, tat-8.3.1991.

--------------------------------------------------

Top