This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 22020D2250
Decision No 6/2020 of the Joint Committee established by the Agreement on the withdrawal of the United Kingdom of Great Britain and Northern Ireland from the European Union and the European Atomic Energy Community of 17 December 2020 providing for the practical working arrangements relating to the exercise of the rights of Union representatives referred to in Article 12(2) of the Protocol on Ireland/Northern Ireland [2020/2250]
Deċiżjoni Nru 6/2020 tal-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tas-17 ta’ Diċembru 2020 li tipprevedi l-arranġamenti prattiċi ta’ ħidma relatati mal-eżerċizzju tad-drittijiet tar-rappreżentanti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 12(2) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq [2020/2250]
Deċiżjoni Nru 6/2020 tal-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika tas-17 ta’ Diċembru 2020 li tipprevedi l-arranġamenti prattiċi ta’ ħidma relatati mal-eżerċizzju tad-drittijiet tar-rappreżentanti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 12(2) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq [2020/2250]
PUB/2020/1062
ĠU L 443, 30.12.2020, p. 16–21
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
30.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 443/16 |
DEĊIŻJONI Nru 6/2020 TAL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT BIL-FTEHIM DWAR IL-ĦRUĠ TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ MILL-UNJONI EWROPEA U MILL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA
tas-17 ta’ Diċembru 2020
li tipprevedi l-arranġamenti prattiċi ta’ ħidma relatati mal-eżerċizzju tad-drittijiet tar-rappreżentanti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 12(2) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq [2020/2250]
IL-KUMITAT KONĠUNT,
Wara li kkunsidra l-Protokoll dwar l-Irlanda / l-Irlanda ta’ Fuq anness mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Suġġett
1. Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-arranġamenti prattiċi ta’ ħidma relatati mal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni, permezz tar-rappreżentanti tagħha, imsemmija fl-Artikolu 12(2) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq (“il-Protokoll”).
2. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, “attivitajiet koperti” tfisser kwalunkwe attività tal-awtoritajiet tar-Renju Unit relatata mal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli mill-Protokoll, kif ukoll attivitajiet relatati mal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 5 tal-Protokoll, inkluż id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt adottati taħtu, skont l-Artikolu 12(2) tal-Protokoll.
Artikolu 2
Rappreżentanti tal-Unjoni
1. L-Unjoni għandha tiżgura li r-rappreżentanti tagħha li jeżerċitaw id-drittijiet taħt l-Artikolu 12(2) tal-Protokoll jaġixxu in bona fede u jikkooperaw mill-qrib mal-awtoritajiet tar-Renju Unit li jwettqu attivitajiet koperti, u li jżommu komunikazzjoni mill-qrib magħhom.
2. Ir-rappreżentanti tal-Unjoni li jeżerċitaw id-drittijiet skont l-Artikolu 12(2) tal-Protokoll ma għandhom jieħdu sehem fl-ebda attività li ma tirrigwardax l-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet.
3. Ir-rappreżentanti tal-Unjoni għandhom iqisu l-gwida kkomunikata lilhom mill-awtoritajiet tar-Renju Unit dwar is-sikurezza tagħhom u s-sikurezza ta’ oħrajn meta jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jkunu preżenti. Huma għandhom jirrispettaw kwalunkwe rekwiżit impost legalment mill-awtoritajiet tar-Renju Unit responsabbli għall-infurzar tal-liġi, soġġett għat-Titolu XII u t-Titolu XIII (l-Artikoli 120 u 121) tat-Tielet Parti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.
4. L-Unjoni għandha tiżgura li r-rappreżentanti tagħha ma jkunux jistgħu jiżvelaw informazzjoni li jkollhom għarfien tagħha sabiex jeżerċitaw id-drittijiet skont l-Artikolu 12(2) tal-Protokoll għajr lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni kif ukoll lill-awtoritajiet tar-Renju Unit, sakemm ma jkunux ġew awtorizzati mill-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija kompetenti tal-Unjoni.
5. Ir-rappreżentanti tal-Unjoni għandhom id-dritt li jkunu preżenti matul attivitajiet koperti fir-Renju Unit, inkluż fil-postijiet kollha fejn l-oġġetti jew l-annimali jidħlu jew joħorġu mill-Irlanda ta’ Fuq permezz ta’ portijiet jew ajruporti. Ir-rappreżentanti tal-Unjoni jistgħu jaċċessaw biss il-faċilitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) meta r-rappreżentanti tal-awtoritajiet tar-Renju Unit ikunu preżenti u jużawhom għall-fini li jwettqu attivitajiet koperti, jew meta faċilità tkun b’xi mod ieħor operattiva għal dak il-għan. Ir-rappreżentanti tal-Unjoni jistgħu jakkumpanjaw kwalunkwe rappreżentant tal-awtoritajiet tar-Renju Unit kull meta dan tal-aħħar ikun qed iwettaq kwalunkwe waħda mill-attivitajiet koperti, inkluż għall-ispezzjonijiet ta’ siti għajr dawk imsemmija fis-sentenza preċedenti.
6. Ir-Renju Unit għandu jiffaċilita l-preżenza tar-rappreżentanti tal-Unjoni li jeżerċitaw id-drittijiet skont l-Artikolu 12(2) tal-Protokoll u għandu jipprovdi kwalunkwe tagħmir, kumditajiet u faċilitajiet oħra, bħal stazzjonijiet tax-xogħol mgħammra b’mod adegwat u konnessjonijiet adegwati tal-IT, meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom.
7. L-arkivji tal-Unjoni dwar kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ kwalunkwe attività koperta għandhom ikunu invjolabbli.
8. Ir-rappreżentanti tal-Unjoni preżenti fir-Renju Unit ma għandhomx jiġu mfixkla milli jiċċaqilqu liberament fir-Renju Unit għall-fini li jeżerċitaw id-drittijiet skont l-Artikolu 12(2) tal-Protokoll.
9. Meta jeżerċitaw id-drittijiet skont l-Artikolu 12(2) tal-Protokoll, ir-rappreżentanti tal-Unjoni għandhom iġorru karta tal-identità fotografika li tiċċertifika isimhom, il-funzjoni, u l-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija tal-Unjoni. L-Unjoni għandha toħroġ tali karti tal-identifikazzjoni billi tuża kampjun li l-Unjoni għandha taqsam mar-Renju Unit fi żmien xahar mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.
10. Mal-wasla fil-postijiet fejn jiġu eżerċitati d-drittijiet skont l-Artikolu 12(2) tal-Protokoll, ir-rappreżentant tal-Unjoni għandu jipproduċi l-karta tal-identifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 9. Soġġett għall-paragrafu 3, ladarba jiġi identifikat kif xieraq, dak ir-rappreżentant tal-Unjoni għandu jingħata aċċess minnufih għall-faċilità.
11. Ir-rappreżentanti tal-Unjoni għandhom ikunu intitolati jivvjaġġaw lejn ir-Renju Unit mingħajr notifika jew approvazzjoni minn qabel għall-fini li jeżerċitaw id-drittijiet skont l-Artikolu 12(2) tal-Protokoll. Huma jistgħu jivvjaġġaw lejn ir-Renju Unit bl-użu tal-laissez-passer maħruġ mill-Unjoni.
12. Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fir-Renju Unit għall-fini li jeżerċitaw id-drittijiet skont l-Artikolu 12(2) tal-Protokoll, flimkien mal-konjuġi tagħhom u l-membri dipendenti tal-familji tagħhom, ma għandhomx ikunu soġġetti għal restrizzjonijiet tal-immigrazzjoni jew għal formalitajiet għar-reġistrazzjoni tal-barranin.
13. Filwaqt li fir-Renju Unit għall-fini li jiġu eżerċitati d-drittijiet skont l-Artikolu 12(2) tal-Protokoll, ir-rappreżentanti tal-Unjoni għandhom jingħataw l-istess faċilitajiet fir-rigward tar-regolamenti dwar il-munita jew il-kambju li normalment jingħataw lil uffiċjali ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali li jirrisjedu fir-Renju Unit u għandhom ikunu eżentati mit-tassazzjoni nazzjonali fuq is-salarji, il-pagi u l-emolumenti tagħhom imħallsa mill-Unjoni jew mill-Istati Membri. Tali privileġġi u immunitajiet mit-tassazzjoni ma għandhomx japplikaw għal rappreżentant tal-Unjoni jekk ikun ċittadin Brittaniku (għajr ċittadin Brittaniku li jkun ukoll ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni u mhux residenti fir-Renju Unit fil-mument tal-ħatra) jew resident permanenti tar-Renju Unit.
14. Filwaqt li fir-Renju Unit ikunu qed jeżerċitaw id-drittijiet skont l-Artikolu 12(2) tal-Protokoll, ir-rappreżentanti tal-Unjoni għandhom igawdu d-dritt li jimportaw u jesportaw mill-ġdid mingħajr dazju l-għamara u l-oġġetti personali tagħhom, inklużi l-vetturi bil-mutur.
15. L-attivitajiet tar-rappreżentanti tal-Unjoni fir-Renju Unit taħt l-Artikolu 12(2) tal-Protokoll għandhom jitqiesu, għall-finijiet tat-Titolu XII u t-Titolu XIII (l-Artikoli 120 u 121) tat-Tielet Parti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, bħala attivitajiet tal-Unjoni skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ.
Artikolu 3
Punti ta' kuntatt
1. Ir-Renju Unit għandu jipprovdi lill-Unjoni b’lista ta’ awtoritajiet li jwettqu attivitajiet koperti u l-faċilitajiet tagħhom.
Ir-Renju Unit għandu jaħtar punt ta’ kuntatt għal kull waħda mill-awtoritajiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, u jipprovdi lill-Unjoni bid-dettalji ta’ kuntatt rilevanti.
2. Ir-Renju Unit għandu jikkomunika kwalunkwe emenda għal-lista msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, jew kwalunkwe bidla fil-punt ta’ kuntatt jew fid-dettalji ta’ kuntatt, lill-Unjoni malajr kemm jista’ jkun.
3. L-Unjoni għandha taħtar punt ta’ kuntatt għall-fini tal-paragrafu 2.
Artikolu 4
Modalitajiet biex tintalab informazzjoni
1. Ir-rappreżentant jew il-punt ta’ kuntatt tar-Renju Unit, skont il-każ, għandu jwieġeb għal kwalunkwe talba għal informazzjoni malajr, u b’hekk jagħti biżżejjed żmien lir-rappreżentant tal-Unjoni biex jivvaluta l-informazzjoni għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet skont l-Artikolu 12(2) tal-Protokoll.
2. Jekk l-awtoritajiet tar-Renju Unit iqisu li talba għal informazzjoni jew ir-rilevanza ta’ tali talba mhijiex ċara, jew li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-informazzjoni mitluba jagħmel il-konformità ma’ talba eċċessivament oneruża, huma jistgħu jitolbu lir-rappreżentant tal-Unjoni li għamel it-talba biex jiċċara jew jirfina l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.
3. Meta jeżerċitaw id-drittijiet skont l-Artikolu 12(2) tal-Protokoll, u b’kunsiderazzjoni xierqa tal-obbligi tagħhom imsemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-Deċiżjoni, ir-rappreżentanti tal-Unjoni għandu jkollhom id-dritt li jeżaminaw u, fejn meħtieġ, jikkupjaw dokumenti u rekords fil-pussess tal-awtoritajiet tar-Renju Unit li jkun fihom informazzjoni rilevanti għall-attivitajiet koperti. L-Unjoni għandha tipproteġi din l-informazzjoni skont l-Artikolu 2(4).
4. Ir-rappreżentanti tal-Unjoni jistgħu jitolbu li l-awtoritajiet tar-Renju Unit li jwettqu attivitajiet koperti jipprovdu informazzjoni rilevanti dwar dawk l-attivitajiet.
Artikolu 5
Aċċess elettroniku għal sistemi ta’ informazzjoni, bażijiet ta’ data u netwerks applikabbli
1. Fuq talba mill-Unjoni, ir-Renju Unit għandu jagħti lir-rappreżentanti tal-Unjoni aċċess elettroniku li għadu għaddej u kontinwu fuq bażi f’ħin reali għall-informazzjoni rilevanti li tinsab fin-netwerks, fis-sistemi tal-informazzjoni u fil-bażijiet tad-data tar-Renju Unit u fil-moduli nazzjonali tar-Renju Unit tas-sistemi tal-Unjoni (minn hawn’ il quddiem: “Sistemi tal-IT”) elenkati fl-Anness 1, sa fejn ikun meħtieġ biex rappreżentanti tal-Unjoni hemmhekk jeżerċitaw id-drittijiet skont l-Artikolu 12(2) tal-Protokoll. L-Unjoni għandha tiżgura li r-rappreżentanti tagħha jipproteġu tali informazzjoni skont il-paragrafi 3 u 4.
2. Fuq talba mill-Unjoni, ir-Renju Unit għandu jagħti wkoll lir-rappreżentanti tal-Unjoni aċċess elettroniku għall-informazzjoni rilevanti li tinsab fis-sistemi tal-IT imsemmija fl-Anness 2, sa fejn ikun meħtieġ għar-rappreżentanti tal-Unjoni biex jeżerċitaw id-drittijiet taħt l-Artikolu 12(2) tal-Protokoll. L-Unjoni għandha tiżgura li r-rappreżentanti tagħha jipproteġu tali informazzjoni skont il-paragrafi 3 u 4.
3. L-aċċess mogħti, li jista’ jiġi eżerċitat ukoll mill-bogħod, huwa soġġett għall-konformità mir-rappreżentanti tal-Unjoni mar-rekwiżiti tas-sigurtà u ta’ utenti oħra ta’ kull waħda minn dawn is-sistemi tal-IT.
4. L-Unjoni għandha tiżgura li r-rappreżentanti tagħha jkunu jistgħu jużaw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 biss għall-fini li jeżerċitaw id-drittijiet skont l-Artikolu 12(2) tal-Protokoll. L-Unjoni għandha tiżgura li r-rappreżentanti tagħha ma jiżvelawx informazzjoni aċċessata skont il-paragrafi 1 u 2 ħlief lill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni kif ukoll lill-awtoritajiet tar-Renju Unit, sakemm ma jkunux ġew awtorizzati hekk mill-awtoritajiet doganali tar-Renju Unit u mill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija kompetenti tal-Unjoni. L-awtoritajiet doganali tar-Renju Unit ma jistgħux jirrifjutaw li jawtorizzaw tali żvelar ħlief għal raġunijiet debitament iddikjarati.
5. Ir-Renju Unit għandu jikkomunika kwalunkwe bidla fir-rigward tal-eżistenza, il-kamp ta’ applikazzjoni jew it-tħaddim tas-sistemi tal-IT elenkati fl-Anness 1 u 2 lill-Unjoni, fi żmien xieraq qabel ma tali bidliet isiru effettivi.
Artikolu 6
Modalitajiet biex jintalbu miżuri ta’ kontroll
1. Ir-rappreżentanti tal-Unjoni jistgħu jitolbu miżuri ta’ kontroll f’każijiet individwali, kemm bil-fomm kif ukoll bil-miktub. Talbiet bħal dawn għandhom jiddikjaraw debitament ir-raġunijiet għat-talba tal-miżura speċifika ta’ kontroll. It-talbiet għandhom normalment ikunu diretti lejn il-persuna ta’ kuntatt rilevanti tal-awtorità tar-Renju Unit, iżda talbiet bil-fomm jistgħu jiġu indirizzati wkoll lil rappreżentant tal-awtoritajiet tar-Renju Unit.
2. L-awtoritajiet tar-Renju Unit għandhom iwettqu l-miżura ta’ kontroll mitluba malajr kemm jista’ jkun.
3. Jekk l-awtoritajiet tar-Renju Unit iqisu li r-raġunijiet mogħtija mir-rappreżentanti tal-Unjoni għat-talba tagħhom mhumiex biżżejjed jew mhumiex ċari, l-awtoritajiet tar-Renju Unit jistgħu jitolbu lir-rappreżentanti tal-Unjoni biex jiċċaraw jew jispjegaw ir-raġunijiet tagħhom f’aktar dettall.
Artikolu 7
Il-Kumitat Konġunt għandu jirrevedi din id-Deċiżjoni sa mhux aktar tard minn tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha u wara talba mill-Unjoni jew mir-Renju Unit.
Artikolu 8
Id-dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2020.
Għall-Kumitat Konġunt
Il-Kopresidenti
Maroš ŠEFČOVIČ
Michael GOVE
ANNESS 1
Sistemi tal-IT li fihom informazzjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Unjoni msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(3) tal-Protokoll u tal-Artikolu 5(1) u (2) tal-Protokoll
— |
Customs Declarations Service (CDS) (Is-servizz tad-Dikjarazzjonijiet Doganali), inklużi profili tar-riskju u informazzjoni dwar il-preżentazzjoni u l-ħżin temporanju tal-merkanzija fejn disponibbli |
— |
Goods Vehicle Movement Service (GVMS) (Servizz dwar il-Moviment ta’ Vetturi tal-Merkanzija) |
— |
Freight Targeting System, (Is-sistema ta’ Mmirar tal-Merkanzija), inkluża informazzjoni miġbura b’mezzi alternattivi fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-Renju Unit dwar id-dikjarazzjonijiet tal-esportazzjoni |
— |
National domain of Northern Ireland Import Control System (ICS), (Id-dominju nazzjonali tas-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni tal-Irlanda ta’ Fuq), inklużi l-profili tar-riskju |
— |
National domain of Northern Ireland New Computerised Transit System (NCTS) (Id-dominju nazzjonali tas-Sistema l-Ġdida ta’ Tranżitu Kompjuterizzata tal-Irlanda ta’ Fuq) |
Sistemi oħra użati mill-awtoritajiet tar-Renju Unit biex jimplimentaw l-Artikoli 5(2) u (4) u 6(1) tal-Protokoll, inkluża informazzjoni dwar l-awtorizzazzjonijiet (awtorizzazzjonijiet u deċiżjonijiet rilevanti għall-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u għall-Protokoll).
ANNESS 2
Sistemi oħra tal-IT li fihom informazzjoni meħtieġa għat-twettiq ta’ attivitajiet koperti
— |
National Domain Excise Movement and Control System (EMCS) (Is-Sistema ta’ Moviment u Kontroll tas-Sisa fid-Dominju Nazzjonali) |
— |
National Domain VAT Information Exchange System (VIES) (Is-Sistema ta’ Skambju ta’ Informazzjoni dwar il-VAT fid-Dominju Nazzjonali) u kwalunkwe database tar-Renju Unit li tkun direttament rilevanti, sabiex tiġi kkonsultata d-data tar-reġistrazzjoni tan-negozjanti tal-Irlanda ta’ Fuq u l-informazzjoni pprovduta min-negozjanti tal-Irlanda ta’ Fuq lill-amministrazzjoni tat-taxxa tar-Renju Unit dwar tranżazzjonijiet taxxabbli fir-rigward ta’ akkwisti intra-UE ta’ oġġetti li jseħħu fl-Irlanda ta’ Fuq u li jeħtieġ li jiġu ddikjarati min-negozjanti tal-Irlanda ta’ Fuq. |
— |
National Domain (Import) One Stop Shop (Punt Uniku ta’ Kuntatt għad-Dominju Nazzjonali (Importazzjoni) (IOSS u OSS) |
— |
National Domain VAT Refund (Rifużjoni tal-VAT fid-Dominju Nazzjonali) |