Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22020A1231(04)

FTEHIM BEJN IL-GVERN TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ U L-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA GĦALL-KOOPERAZZJONI DWAR L-UŻI SIKURI U PAĊIFIĊI TAL-ENERĠIJA NUKLEARI

Din il-verżjoni ġiet issostitwita ab initio bi 22021A0430(04).

ĠU L 445, 31.12.2020, p. 5–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Related Council decision

31.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 445/5


FTEHIM BEJN IL-GVERN TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ U L-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA GĦALL-KOOPERAZZJONI DWAR L-UŻI SIKURI U PAĊIFIĊI TAL-ENERĠIJA NUKLEARI


Il-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ bħala “r-Renju Unit”, u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom), minn hawn ’il quddiem imsejħa bħala “l-Komunità”, u minn hawn ’il quddiem imsejħin b’mod konġunt bħala “il-Partijiet” u individwalment bħala “il-Parti”;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li fl-24 ta’ Jannar 2020 ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, l-Unjoni Ewropea (l-“Unjoni”) u l-Komunità daħlu fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”) u li r-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni abbażi ta’ dan fil-23:00 GMT u 00:00 CET fil-31 ta’ Jannar 2020;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li t-Titolu IX tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprovdi għall-kwistjonijiet ta’ separazzjoni relatati mal-Euratom;

FILWAQT LI JINNUTAW li l-Unjoni u r-Renju Unit qablu dwar id-Dikjarazzjoni politika li tistabbilixxi l-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit wara l-ħruġ tar-Renju Unit;

Filwaqt li JIRRIKONOXXU l-livell ta’ integrazzjoni bejn il-Komunità u r-Renju Unit fil-qasam nukleari;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li r-Renju Unit, il-Komunità u l-Istati Membri tagħha kisbu livell avvanzat komparabbli fl-użu paċifiku tal-enerġija nukleari riżultat tal-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tagħhom dwar is-salvagwardji nukleari u s-sigurtà nukleari, is-saħħa pubblika, is-sikurezza nukleari, il-protezzjoni mir-radjazzjoni, il-ġestjoni tal-iskart radjuattiv u tal-fjuwil użat, u l-protezzjoni tal-ambjent;

Filwaqt li JINNOTAW l-impenn tar-Renju Unit li jiżviluppa u juża l-enerġija nukleari bħala parti mit-taħlita tal-enerġija diversifikata u b’livell baxx tal-karbonju tiegħu;

XEWQANA li jagħmlu arranġamenti kooperattivi fit-tul fil-qasam tal-użi paċifiċi u mhux splussivi tal-enerġija nukleari b’mod prevedibbli u prattiku, li jkunu jqisu l-ħtiġijiet tal-programmi rispettivi tagħhom dwar l-enerġija nukleari u li jiffaċilitaw il-kummerċ, ir-riċerka u l-iżvilupp u attivitajiet oħra ta’ kooperazzjoni bejn ir-Renju Unit u l-Komunità;

Filwaqt li JIRRIKONOXXU li r-Renju Unit u l-Komunità jibbenefikaw minn kooperazzjoni bejniethom fl-użu tal-enerġija nukleari għal finijiet paċifiċi;

Filwaqt li JIRRIAFFERMAW l-impenn tal-Partijiet li jiżguraw li l-iżvilupp internazzjonali u l-użu tal-enerġija nukleari għal finijiet paċifiċi għandhom imexxu ’l quddiem l-objettiv tan-nonproliferazzjoni tal-armi nukleari;

Filwaqt li JAFFERMAW MILL-ĠDID l-appoġġ tar-Renju Unit, tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha għall-objettivi tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (l-“IAEA”) u s-sistema ta’ salvagwardji tal-IAEA, u x-xewqa tagħhom li jaħdmu flimkien biex jiżguraw l-effettività kontinwa tagħha;

Filwaqt li JOSSERVAW li r-Renju Unit u l-Istati Membri kollha tal-Komunità huma Partijiet għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari magħmul f’Washington, f’Londra u f’Moska fl-1 ta’ Lulju 1968 u li daħal fis-seħħ b’mod ġenerali fil-5 ta’ Marzu 1970, (l-“NPT”);

Filwaqt li JIRRIAFFERMAW l-appoġġ tal-Partijiet għall-objettivi tal-NPT u x-xewqa tagħhom li jippromwovu aderenza universali mal-NPT;

Filwaqt li JFAKKRU l-impenn qawwi tar-Renju Unit, tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha għan-nonproliferazzjoni nukleari li tinkludi t-tisħiħ u l-applikazzjoni effiċjenti tas-salvagwardji relatati u s-sistemi ta’ kontroll tal-esportazzjoni li bis-saħħa tagħhom titwettaq il-kooperazzjoni fl-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari bejn ir-Renju Unit u l-Komunità;

Filwaqt li JIRRIKONOXXU li r-Renju Unit, bħala Stat b’armi nukleari skont l-NPT, daħal b’mod volontarju fil-Ftehim bejn ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika għall-Applikazzjoni tas-Salvagwardji fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq b’Rabta mat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari u l-Protokoll Addizzjonali għal dak il-Ftehim, li t-tnejn li huma saru fi Vjenna fis-7 ta’ Ġunju 2018 (minn hawn ’il quddiem kollettivament imsejħa l-“Ftehim dwar is-Salvagwardji bejn ir-Renju Unit u l-IAEA”);

Filwaqt li JINNOTAW li s-salvagwardji nukleari jiġu applikati fl-Istati Membri kollha tal-Komunità f’konformità mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (it-“Trattat Euratom”) u mal-ftehimiet tas-salvagwardji konklużi bejn il-Komunità, l-Istati Membri tagħha u l-IAEA;

Filwaqt li JFAKKRU fl-impenn qawwi tar-Renju Unit, tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha għall-użu sigur tal-materjal nukleari bħala Partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal Nukleari, magħmula fi Vjenna u fi New York fit-3 ta’ Marzu 1980 u li daħlet fis-seħħ b’mod ġenerali fit-8 ta’ Frar 1987, u għall-emenda għal dik il-Konvenzjoni magħmula fi Vjenna fit-8 ta’ Lulju 2005 u li daħlet fis-seħħ b’mod ġenerali fit-8 ta’ Mejju 2016 (minn hawn ’il quddiem kollettivament imsejħa s-“CPPNM Emendat”);

Filwaqt li JINNUTAW li r-Renju Unit u l-Istati Membri kollha tal-Komunità jipparteċipaw fil-Grupp ta’ Fornituri Nukleari;

Filwaqt li JINNUTAW li jenħtieġ jitqiesu l-impenji tar-Renju Unit u ta’ kull Stat Membru tal-Komunità fil-qafas tal-Grupp ta’ Fornituri Nukleari;

Filwaqt li JIRRIKONOXXU li dan il-Ftehim huwa mingħajr preġudizzju għall-Ftehim bejn ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju tan-Netherlands dwar il-Kollaborazzjoni fl-Iżvilupp u l-Esplojtazzjoni tal-Proċess taċ-Ċentrifuga tal-Gass għall-produzzjoni tal-Uranju Arrikkit, magħmul f’Almelo fl-4 ta’ Marzu 1970, u l-Ftehim bejn il-Gvernijiet tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, ir-Renju tan-Netherlands, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar il-Kollaborazzjoni fit-Teknoloġija tal-Karburanti, magħmul f’Cardiff fit-12 ta’ Lulju 2005;

Filwaqt li JIRRIAFFERMAW l-appoġġ tar-Renju Unit, tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha għall-konvenzjonijiet internazzjonali dwar is-sikurezza nukleari, l-iskart radjuattiv u l-ġestjoni tal-fjuwil użat, in-notifika bikrija ta’ inċident nukleari u l-assistenza f’każ ta’ emerġenzi;

Filwaqt li JIRRIAFFERMAW l-impenn tal-Partijiet għall-użu sikur tal-materjal u tal-faċilitajiet nukleari, u għall-protezzjoni tan-nies u tal-ambjent mill-effetti dannużi tar-radjazzjoni jonizzanti; l-importanza għall-komunità internazzjonali li jkun żgurat li l-użu tal-enerġija nukleari huwa sikur, regolat tajjeb u favur l-ambjent; u l-importanza ta’ kooperazzjoni bilaterali u multilaterali għal arranġamenti effettivi ta’ sikurezza nukleari, u għat-titjib ta’ dawn l-arranġamenti;

Filwaqt li JIRRIKONOXXU l-prinċipju tat-titjib kontinwu tas-sikurezza nukleari u l-pożizzjoni ta’ tmexxija li għandhom iż-żewġ Partijiet f’dan il-qasam, inkluż il-promozzjoni ta’ standards għoljin madwar id-dinja, u jirrikonoxxu l-importanza li kull Parti żżomm livell għoli ta’ sikurezza nukleari;

Filwaqt li JIKKUNSIDRAW l-importanza tar-riċerka xjentifika u teknoloġika dwar il-fissjoni u l-fużjoni nukleari, għall-applikazzjonijiet tal-enerġija u għal dawk li mhumiex tal-enerġija, għall-Partijiet, u l-interess reċiproku tagħhom fil-kooperazzjoni f’din il-materja;

Filwaqt li JIRRIAFFERMAW li bl-iffirmar tal-Ftehim dwar l-Istabbiliment tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER għall-Implimentazzjoni Konġunta tal-Proġett ITER (1), il-Komunità impenjat ruħha li tipparteċipa fil-kostruzzjoni tal-Proġett ITER (“ITER”) u fl-isfruttar tiegħu fil-futur; il-kontribuzzjoni tal-Komunità hija ġestita permezz tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni (Fużjoni għall-Enerġija), stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom (2);

Filwaqt li JIKKUNSIDRAW li t-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi rigward il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fil-proġett ITER jew f’attivitajiet oħra permezz tal-Fużjoni għall-Enerġija u l-parteċipazzjoni tar-Renju Unit bħala pajjiż assoċjat fil-programm ta’ riċerka u taħriġ tal-Komunità, inkluż il-kontribuzzjoni finanzjarja, huma stabbiliti b’mod separat;

Filwaqt li JIRRIKONOXXU l-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-merkanzija, tal-prodotti u tal-kapital kif ukoll il-libertà ta’ impjieg għall-ispeċjalisti fi ħdan is-suq komuni nukleari intern tal-Komunità;

Filwaqt li JIRRIKONOXXU li dan il-Ftehim jenħtieġ ikun konformi mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni u tar-Renju Unit skont il-ftehimiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ;

Filwaqt li JTENNU l-impenji tar-Renju Unit u tal-Istati Membri tal-Komunità għall-ftehimiet bilaterali tagħhom fl-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Objettiv

1.   Dan il-Ftehim għandu l-objettiv li jipprevedi qafas għall-kooperazzjoni bejn il-Partijiet fl-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari abbażi ta’ benefiċċju reċiproku u reċiproċità, u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi ta’ kull Parti.

2.   Il-kooperazzjoni permezz ta’ dan il-Ftehim għandha ssir esklussivament għal finijiet paċifiċi.

3.   L-oġġetti soġġetti għal dan il-Ftehim għandhom jintużaw biss għal finijiet paċifiċi u ma għandhomx jintużaw għal xi arma nukleari jew apparat splussiv nukleari, u lanqas għar-riċerka dwar xi arma nukleari jew apparat splussiv nukleari ieħor, jew għall-iżvilupp tagħhom, jew għal xi skop militari.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“awtorità kompetenti” tfisser:

(i)

għar-Renju Unit, id-Dipartiment għan-Negozju, l-Enerġija u l-Istrateġija Industrijali u l-Uffiċċju għar-Regolamentazzjoni Nukleari;

(ii)

għall-Komunità, il-Kummissjoni Ewropea;

jew awtorità oħra bħal din li l-Parti kkonċernata tista’ f’xi ħin tinnotifika dwarha bil-miktub lill-Parti l-oħra;

(b)

“tagħmir” tfisser dawk l-oġġetti elenkati fit-Taqsimiet 1, 3, 4, 5, 6 u 7 tal-Anness B tal-NSG;

(c)

“Linji Gwida għat-Trasferimenti Nukleari” tfisser il-linji gwida stabbiliti fid-dokument INFCIRC/254/Part 1 tal-IAEA, li jistgħu jiġu riveduti minn żmien għal żmien, u li jimplimentaw il-Partijiet sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor wara konsultazzjonijiet fil-Kumitat Konġunt;

(d)

“proprjetà intellettwali” tfisser skont kif imsemmi fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali, magħmula fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967, kif emendata fit-28 ta’ Settembru 1979, u tista’ tinkludi kontenut ieħor kif miftiehem b’mod reċiproku mill-Partijiet;

(e)

“Kumitat Konġunt” tfisser il-kumitat stabbilit skont l-Artikolu 19 [il-Kumitat Konġunt];

(f)

“materjal mhux nukleari” tfisser kif stabbilit fl-Anness B tal-NSG;

(g)

“Anness B tal-NSG” tfisser l-Anness B tal-Linji Gwida għat-Trasferimenti Nukleari;

(h)

“materjal nukleari” tfisser kwalunkwe “materjal sors” jew “materjal fissjonabbli speċjali” kif definit fl-Artikolu XX tal-Istatut tal-IAEA magħmul fil-Kwartieri tan-Nazzjonijiet Uniti fit-23 ta’ Ottubru 1956 u li daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Lulju 1957 (l-“Istatut tal-IAEA”). Kull materja li jistabbilixxi l-Bord tal-Gvernaturi tal-IAEA skont l-Artikolu XX tal-Istatut tal-IAEA li temenda l-lista tal-materjali meqjusa bħala “materjal sors” jew “materjal fissjonabbli speċjali”, għandu jkollha effett biss skont dan il-Ftehim jekk il-Partijiet jilħqu ftehim wara konsultazzjonijiet fil-Kumitat Konġunt;

(i)

“fini paċifika” tinkludi l-użu ta’ materjal nukleari, inkluż materjal nukleari li jitnissel minn xi proċess wieħed jew aktar, materjal mhux nukleari, tagħmir u teknoloġija f’dawn l-oqsma bħall-ġenerazzjoni tal-enerġija elettrika u tas-sħana, il-mediċina, l-agrikoltura u l-industrija, iżda ma tinkludix il-manifattura ta’ armi nukleari jew xi apparat splussiv nukleari ieħor, jew ir-riċerka dwarhom jew l-iżvilupp tagħhom, u lanqas xi skop militari. Skop militari ma tinkludix il-provvista tal-enerġija għal bażi militari minn xi network tal-enerġija, jew il-produzzjoni ta’ isotopi radjuattivi, biex jintużaw għal finijiet mediċi fi sptar militari;

(j)

“persuni” tfisser kwalunkwe persuna naturali, impriża jew entità oħra rregolata mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli fil-ġurisdizzjoni territorjali rispettiva tal-Partijiet, iżda ma tinkludix il-Partijiet għal dan il-Ftehim;

(k)

“teknoloġija” tfisser kif stabbilit fl-Anness A tal-Linji Gwida għat-Trasferimenti Nukleari;

(l)

“perjodu ta’ tranżizzjoni” tfisser kif stabbilit fil-Ftehim dwar il-Ħruġ; u

(m)

“Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni” tfisser Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, u

ir-referenzi f’dan il-Ftehim għall-Artikoli huma għall-Artikoli f’dan il-Ftehim, sakemm ma jkunx previst mod ieħor.

Artikolu 3

Ambitu tal-kooperazzjoni nukleari

1.   Il-kooperazzjoni fl-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari prevista bejn il-Partijiet skont dan il-Ftehim tista’ tinkludi:

(a)

l-iffaċilitar tal-kummerċ u l-kooperazzjoni kummerċjali;

(b)

il-provvista ta’ materjal nukleari, materjal mhux nukleari, u tagħmir;

(c)

it-trasferiment tat-teknoloġija, inkluż l-għoti ta’ informazzjoni rilevanti għal dan l-Artikolu;

(d)

l-akkwist pubbliku ta' tagħmir u apparat;

(e)

l-aċċess għal tagħmir u faċilitajiet, u l-użu tagħhom;

(f)

il-ġestjoni sikura tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv, inkluż ir-rimi ġeoloġiku;

(g)

is-sikurezza nukleari u l-protezzjoni mir-radjazzjoni, inkluż it-tħejjija għal emerġenza u l-monitoraġġ tal-livelli ta’ radjuattività fl-ambjent;

(h)

salvagwardji nukleari u l-protezzjoni fiżika;

(i)

l-użu ta’ isotopi radjuattivi u radjazzjoni fl-agrikoltura, fl-industrija, fil-mediċina u fir-riċerka; b’mod partikolari, biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskji ta’ nuqqas ta’ provvista ta’ isotopi radjuattivi mediċi, u biex jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ teknoloġiji u trattamenti ġodda li jinvolvu isotopi radjuattivi, fl-interess tas-saħħa pubblika;

(j)

l-esplorazzjoni, l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-ipproċessar ulterjuri ġeoloġiċi u ġeofiżiċi kif ukoll l-użu tar-riżorsi tal-uranju;

(k)

aspetti regolatorji tal-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari;

(l)

ir-riċerka u l-iżvilupp; u

(m)

oqsma oħra rilevanti għas-suġġett ta’ dan il-Ftehim, kif jistgħu jiġu stabbiliti b’mod reċiproku mill-Partijiet bil-miktub wara konsultazzjonijiet fil-Kumitat Konġunt.

2.   Il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi deskritti fil-paragrafu 1 tista’ tiġi implimentata kif meħtieġ b’arranġamenti bejn entità ġuridika stabbilita fir-Renju Unit u entità ġuridika stabbilita fil-Komunità, li l-awtorità kompetenti rispettiva tinnotifika lill-awtorità kompetenti l-oħra dwarha bħala dik awtorizzata kif dovut biex timplimenta din il-kooperazzjoni. Arranġamenti bħal dawn għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jittrattaw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, meta jkunu jeżistu jew jitnisslu dawn id-drittijiet.

Artikolu 4

Forom ta’ kooperazzjoni nukleari

Il-kooperazzjoni deskritta fl-Artikolu 3 [Ambitu tal-kooperazzjoni nukleari] tista’ tieħu l-forom li ġejjin, iżda mhix limitata għalihom:

(a)

it-trasferimenti ta’ materjal nukleari, materjal mhux nukleari, ta’ tagħmir u ta’ teknoloġija;

(b)

l-iskambju ta’ informazzjoni f’oqsma ta’ interess reċiproku, bħas-salvagwardji nukleari, is-sikurezza nukleari, il-livelli tar-radjuattività fl-ambjent u l-provvista ta’ isotopi radjuattivi;

(c)

l-iffaċilitar ta’ skambji, żjarat u taħriġ tal-persunal u tal-esperti, inkluż taħriġ professjonali u avvanzat għall-persunal amministrattiv, xjentifiku u tekniku;

(d)

l-organizzazzjoni ta’ konferenzi u laqgħat;

(e)

l-iskambju ta’ informazzjoni xjentifika u teknika, assistenza u servizzi inkluż fir-rigward tal-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp;

(f)

l-organizzazzjoni ta’ proġetti konġunti u l-parteċipazzjoni fihom, u l-istabbiliment ta’ impriżi konġunti u gruppi ta’ ħidma jew studji bilaterali xierqa;

(g)

l-iffaċilitar ta’ kooperazzjoni kummerċjali relatata maċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari, bħall-forniment ta’ servizzi taċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari, inkluż il-konverżjoni tal-uranju u l-arrikkiment isotopiku; u

(h)

forom oħra ta’ kooperazzjoni li jistgħu jiġu stabbiliti b’mod reċiproku mill-Partijiet bil-miktub wara konsultazzjonijiet fil-Kumitat Konġunt.

Artikolu 5

Oġġetti soġġetti għal dan il-Ftehim

1.   Dan il-Ftehim għandu japplika għall-oġġetti stabbiliti fil-paragrafu 2, sakemm:

(a)

ma jiġix stabbilit b’mod reċiproku mill-Partijiet bil-miktub; jew

(b)

ma tkunx tapplika eċċezzjoni skont il-paragrafu 4.

2.   L-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 huma dawn li ġejjin:

(a)

il-materjal nukleari, il-materjal mhux nukleari, it-tagħmir jew it-teknoloġija trasferiti bejn il-Partijiet jew il-persuni rispettivi tagħhom, direttament jew permezz ta’ parti terza. Dawn il-materjal nukleari, il-materjal mhux nukleari, it-tagħmir jew it-teknoloġija għandhom ikunu soġġetti għal dan il-Ftehim meta jidħol fil-ġurisdizzjoni territorjali tal-Parti riċeventi, diment li l-Parti fornitriċi tkun innotifikat lill-Parti riċeventi bil-miktub bit-trasferiment, u l-Parti riċeventi tkun ikkonfermat bil-miktub li dan l-oġġett hu soġġett jew se jkun soġġett għal dan il-Ftehim u li r-riċevitur propost, jekk mhux il-Parti riċeventi, huwa persuna awtorizzata skont il-ġurisdizzjoni territorjali tal-Parti riċeventi;

(b)

il-materjal nukleari, il-materjal mhux nukleari jew it-tagħmir użat f’oġġetti soġġetti għal dan il-Ftehim, jew magħmulin bl-użu ta’ dawn l-oġġetti, u kif jista’ jiġi stabbilit ulterjorment fl-arranġamenti amministrattivi stabbiliti skont l-Artikolu 15 [Arranġamenti Amministrattivi];

(c)

il-materjal nukleari, il-materjal mhux nukleari, it-tagħmir jew it-teknoloġija, kif stabbilit skont il-proċeduri stabbiliti fl-arranġamenti amministrattivi stabbiliti skont l-Artikolu 15 [Arranġamenti amministrattivi] li huma soġġetti għal dan il-Ftehim wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim; u

(d)

kwalunkwe oġġett ieħor kif stabbilit mill-Partijiet wara konsultazzjonijiet fil-Kumitat Konġunt.

3.   L-oġġetti li japplika għalihom dan il-Ftehim kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom jibqgħu soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim sakemm ikun ġie stabbilit, skont il-proċeduri stabbiliti fl-arranġamenti amministrattivi stabbiliti skont l-Artikolu 15 [Arranġamenti amministrattivi], li:

(a)

dan l-oġġett ġie trasferit mill-ġdid lil hinn mill-ġurisdizzjoni tal-Parti riċeventi skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan il-Ftehim;

(b)

rigward il-materjal nukleari, dan il-materjal nukleari ma jkunx jista’ jintuża aktar għal xi attività nukleari rilevanti mil-lat tas-salvagwardji msemmija fl-Artikolu 6(1) [Salvagwardji] jew ikun sar prattikament rikuperabbli; għall-fini li jiġi stabbilit meta l-materjal nukleari soġġett għal dan il-Ftehim ma jkunx jista’ jintuża aktar jew prattikament ma jkunx jista’ jiġi rkuprat aktar biex jiġi pproċessat f’forma li tkun tista’ tintuża f’xi attività nukleari rilevanti mil-lat tas-salvagwardji, iż-żewġ Partijiet għandhom jaċċettaw dak li jiġi stabbilit mill-IAEA skont id-dispożizzjonijiet għat-terminazzjoni tas-salvagwardji tal-ftehim rilevanti dwar is-salvagwardji li l-IAEA tkun parti għalih;

(c)

rigward il-materjal mhux nukleari u t-tagħmir, dan l-oġġett ma jkunx jista’ jintuża aktar għal finijiet nukleari;

(d)

dan l-oġġett ma jkunx għadu soġġett għal dan il-Ftehim skont il-kriterji definiti fl-arranġamenti amministrattivi stabbiliti skont l-Artikolu 15 [Arranġamenti amministrattivi]; jew

(e)

ikun ġie stabbilit mod ieħor b’mod reċiproku mill-Partijiet bil-miktub wara konsultazzjonijiet fil-Kumitat Konġunt.

4.   It-teknoloġija għandha tkun soġġetta għal dan il-Ftehim għall-Istati Membri kollha tal-Komunità, għajr għall-Istati Membri speċifikati mill-Komunità f’notifika bil-miktub lir-Renju Unit mad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, liema Stati Membri jkunu esprimew ir-rieda tagħhom li ma jqegħdux it-teknoloġija fil-qafas ta’ dan il-Ftehim. Din l-azzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari r-regoli dwar is-suq komuni nukleari. Kwalunkwe Stat Membru, li fir-rigward tiegħu tkun saret notifika skont dan il-paragrafu, għandu jassisti lill-awtorità kompetenti tal-Komunità fit-twettiq tal-obbligi skont dan il-Ftehim fir-rigward tat-trasferimenti u tat-trasferimenti mill-ġdid ta’ teknoloġija. Wara konsultazzjonijiet fil-Kumitat Konġunt, in-notifika msemmija f’dan il-paragrafu tista’ tiġi rtirata bil-miktub għar-rigward ta’ xi Stat Membru kkonċernat, f’kull ħin, wara li dan l-Istat Membru jkun esprima r-rieda tiegħu f’dan is-sens. Il-modalitajiet prattiċi għall-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għandhom jiġu definiti fl-arranġamenti amministrattivi stabbiliti skont l-Artikolu 15 [Arranġamenti amministrattivi].

Artikolu 6

Salvagwardji

1.   Il-materjal nukleari soġġett għal dan il-Ftehim għandu jkun soġġett għal dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

fil-Komunità, għas-salvagwardji tal-Euratom skont it-Trattat Euratom u għas-salvagwardji tal-IAEA skont il-ftehimiet ta’ salvagwardja li ġejjin, kif jistgħu jiġu riveduti u sostitwiti, u skont l-NPT:

(i)

il-Ftehim bejn l-Istati Membri tal-Komunità li ma għandhomx armi nukleari, il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika, magħmul fi Brussell fil-5 ta’ April 1973 u li daħal fis-seħħ fil-21 ta’ Frar 1977 (INFCIRC/193 tal-IAEA) u l-Ftehim bejn Franza, il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika, magħmul f’Lulju tal-1978 u li daħal fis-seħħ fit-12 ta’ Settembru 1981 (INFCIRC/290 tal-IAEA); u

(ii)

il-Protokolli Addizzjonali INFCIRC/193/Add.8 tal-IAEA, u INFCIRC/290/Add.1 tal-IAEA iffirmati fi Vjenna fit-22 ta’ Settembru 1998 u li daħlu fis-seħħ fit-30 ta’ April 2004 abbażi tal-INFCIRC/540 tal-IAEA (ikkoreġut) (Sistema Msaħħa ta’ Salvagwardji, il-Parti II);

(b)

fir-Renju Unit:

(i)

għas-sistema ta’ salvagwardji domestiċi kif implimentata mill-awtorità nazzjonali kompetenti; u

(ii)

għas-salvagwardji tal-IAEA skont il-Ftehim dwar is-Salvagwardji bejn ir-Renju Unit u l-IAEA.

2.   Jekk, għal xi raġuni, tiġi sospiża jew titwaqqaf l-applikazzjoni ta’ xi ftehim mal-IAEA, imsemmi fil-paragrafu 1, fi ħdan il-Komunità jew fir-Renju Unit, il-Parti rilevanti għandha, mingħajr dewmien, tidħol fi ftehim mal-IAEA li jipprovdi għal effikaċja u kopertura ekwivalenti għal dawk previsti fil-ftehimiet rilevanti ta’ salvagwardja msemmija fil-punti (a) jew (b) tal-paragrafu 1, jew, jekk dak ma jkunx possibbli:

(a)

il-Komunità, sa fejn hija kkonċernata, għandha tapplika salvagwardji bbażati fuq is-sistema ta’ salvagwardji tal-Euratom, li jipprevedu effettività u kopertura ekwivalenti għal dawk previsti fil-ftehimiet ta’ salvagwardja msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 u r-Renju Unit, sa fejn huwa kkonċernat, għandu japplika salvagwardji li jipprovdu għal effikaċja u kopertura ekwivalenti għal dawk previsti fil-ftehimiet ta’ salvagwardja msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1;

(b)

jew, jekk dan ma jkunx possibbli, il-Partijiet għandhom jidħlu f’arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ salvagwardji li jipprovdu għal effikaċja u kopertura ekwivalenti għal dawk previsti fil-ftehimiet ta’ salvagwardja msemmija fil-punt (a) jew (b) tal-paragrafu 1.

3.   Iż-żewġ Partijiet jaqblu li jimplimentaw fil-ġurisdizzjoni rispettiva tagħhom sistema robusta u effettiva ta’ akkontabbiltà u kontroll tal-materjal nukleari bil-għan li jiżguraw li l-materjal nukleari soġġett għal dan il-Ftehim ma jiġix iddevjat mill-użu paċifiku tiegħu. Is-superviżjoni, inkluż l-ispezzjonijiet fl-installazzjonijiet li jżommu materjal nukleari soġġett għal dan il-Ftehim, għandha ssir b’tali mod li l-awtoritajiet kompetenti rispettivi jkunu jistgħu jaslu għal konklużjonijiet indipendenti u, meta meħtieġ, jitolbu li jittieħdu azzjonijiet korrettivi xierqa u jimmonitorjaw dawn l-azzjonijiet.

Artikolu 7

Protezzjoni fiżika

1.   L-applikazzjoni ta’ miżuri tal-protezzjoni fiżika għanda tkun, f’kull ħin, f’livelli li jissodisfaw tal-anqas il-kriterji stabbiliti fl-Anness C tal-Linji Gwida għat-Trasferimenti Nukleari. Supplimentari għal dak id-dokument, ir-Renju Unit, il-Komunità kif rappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea meta xieraq, u l-Istati Membri tal-Komunità għandhom jirreferu, meta japplikaw miżuri tal-protezzjoni fiżika, għall-obbligi tagħhom skont is-CPPNM Emendat, inkluż kull emenda li tkun fis-seħħ għal kull Parti, u r-rakkomandazzjonijiet li hemm fl-INFCIRC/225/Rev.5 tal-IAEA (Rakkomandazzjonijiet dwar is-Sigurtà Nukleari għall-Protezzjoni Fiżika ta’ Materjal Nukleari u Faċilitajiet Nukleari) inkluż kull reviżjoni, sakemm ma jkunx ġie stabbilit mod ieħor mill-Partijiet wara konsultazzjonijiet fil-Kumitat Konġunt.

2.   It-trasport tal-materjal nukleari għandu jkun soġġett għad-dispożizzjonijiet tas-CPPNM Emendat, inkluż kull emenda li tkun fis-seħħ għal kull Parti, u għar-Regolamenti tal-IAEA għat-Trasport Sikur tal-Materjal Radjuattiv (Serje tal-Istandards tas-Sikurezza tal-IAEA Nru TS-R-1), inkluż kull reviżjoni, sakemm ma jkunx ġie stabbilit mod ieħor mill-Partijiet wara konsultazzjonijiet fil-Kumitat Konġunt.

Artikolu 8

Sikurezza nukleari

1.   Il-Komunità u r-Renju Unit huma Partijiet għall-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari, magħmula fi Vjenna fis-17 ta’ Ġunju 1994 u li daħlet fis-seħħ fl-24 ta’ Ottubru 1996 (INFCIRC/449 tal-IAEA), il-Konvenzjoni Konġunta dwar is-Sikurezza fil-Ġestjoni tal-Fjuwil Irradjat u dwar is-Sikurezza fil-Ġestjoni tal-Iskart Radjuattiv, magħmula fi Vjenna fil-5 ta’ Settembru 1997 u li daħlet fis-seħħ fit-18 ta’ Ġunju 2001 (INFCIRC/546 tal-IAEA), il-Konvenzjoni dwar l-Assistenza f’Każ ta’ Inċident Nukleari jew Emerġenza Radjoloġika, magħmula fi Vjenna fis-26 ta’ Settembru 1986 u li daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Frar 1987 (INFCIRC/336 tal-IAEA), u l-Konvenzjoni dwar in-Notifika Bikrija ta’ Inċident Nukleari, magħmula fi Vjenna fis-26 ta’ Settembru 1986 u li daħlet fis-seħħ fis-27 ta’ Ottubru 1986 (INFCIRC/335 tal-IAEA). Kull emenda għal xi waħda mill-Konvenzjonijiet imsemmija hawn fuq tapplika għal dan il-Ftehim sakemm Parti ma tkunx innotifikat lill-Parti l-oħra bil-miktub li ma taċċettax l-emenda. Il-Komunità, l-Istati Membri tagħha u r-Renju Unit approvaw id-Dikjarazzjoni ta’ Vjenna dwar is-Sikurezza Nukleari adottata fid-9 ta’ Frar 2015 (INFCIRC/872 tal-IAEA).

2.   Il-partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-kooperazzjoni internazzjonali għal arranġamenti effettivi tas-sikurezza nukleari u, filwaqt li jirrikonoxxu l-pożizzjoni ta’ tmexxija taż-żewġ Partijiet f’dan il-qasam, għandhom jaħdmu flimkien għat-titjib kontinwu tal-istandards u l-Konvenzjonijiet internazzjonali tas-sikurezza nukleari, u l-implimentazzjoni tagħhom.

3.   Filwaqt li tirrikonoxxi l-prinċipju ta’ titjib kontinwu tas-sikurezza nukleari u d-dritt ta’ kull Parti li timplimenta standards tas-sikurezza nukleari, u sakemm dan ma jkunx f’kunflitt mal-iżviluppi fl-istandards internazzjonali vinkolanti legalment dwar is-sikurezza nukleari, kull Parti ma għandhiex iddgħajjef jew tnaqqas il-livelli ta’ protezzjoni b’mod li jiġu anqas minn dawk previsti mill-istandards ta’ protezzjoni, u l-infurzar tagħhom, kondiviżi mill-Partijiet fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni fir-rigward tas-sikurezza nukleari, il-protezzjoni mir-radjazzjoni, il-ġestjoni sikura tal-iskart radjuattiv u tal-fjuwil użat, id-dekummissjonar, il-vjeġġi sikuri tal-materjal nukleari, u t-tħejjija u r-rispons għal emerġenza.

4.   Il-Partijiet għandhom ikomplu jikkooperaw, iżommu kuntatti regolari u jiskambjaw l-informazzjoni dwar kwistjonijiet rilevanti għas-sikurezza nukleari, il-protezzjoni mir-radjazzjoni, it-tħejjija u r-rispons għal emerġenza, u l-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv, inkluż ir-riżultati ta’ evalwazzjonijiet internazzjonali bejn il-pari, meta xieraq.

5.   Il-Partijiet għandhom ikomplu jikkooperaw fis-suġġetti koperti minn:

(a)

sistemi tal-Komunità stabbiliti għall-monitoraġġ u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-livelli tar-radjuattività fl-ambjent, inkluż:

(i)

is-Sistema Komunitarja tal-Iskambju ta’ Informazzjoni Radjoloġika Urġenti (ECURIE); u

(ii)

il-Pjattaforma Ewropea għall-Iskambju tad-Data Radjoloġika (EURDEP);

(b)

gruppi konsultattivi ta’ esperti stabbiliti fil-qasam tas-sikurezza nukleari, inkluż il-Grupp ta’ Regolaturi Ewropew dwar is-Sikurezza Nukleari; u

(c)

kwalunkwe sistema jew grupp ieħor tal-Komunità li jistgħu jiġu miftiehma bejn il-Partijiet permezz tal-awtoritajiet kompetenti tagħhom.

Il-Komunità, permezz tal-awtorità kompetenti tagħha, tista’ tistieden lir-Renju Unit biex jipparteċipa bħala pajjiż terz f’dawk is-sistemi u l-gruppi.

Artikolu 9

Trasferimenti, trasferimenti mill-ġdid u faċilitazzjoni tal-kummerċ

1.   Kull trasferiment ta’ materjal nukleari, ta’ materjal mhux nukleari, ta’ tagħmir jew ta’ teknoloġija mwettaq skont l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni skont dan il-Ftehim għandu jsir skont l-impenji internazzjonali rilevanti tal-Komunità, tal-Istati Membri tal-Komunità, u tar-Renju Unit fir-rigward tal-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari kif elenkati fl-Artikolu 6 [Salvagwardji] u fl-Artikolu 7 [Protezzjoni Fiżika] u fir-rigward tal-impenji meħuda mill-Istati Membri individwali tal-Komunità u mir-Renju Unit fi ħdan il-Grupp ta’ Fornituri Nukleari, kif stabbilit fil-Linji Gwida għat-Trasferimenti Nukleari.

2.   Il-Partijiet għandhom jiffaċilitaw il-kummerċ ta’ oġġetti soġġetti għal dan il-Ftehim bejniethom jew bejn persuni stabbiliti fit-territorji rispettivi tal-Partijiet fl-interess reċiproku tal-produtturi, tal-industrija taċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari, tas-servizzi u tal-konsumaturi.

3.   Safejn huwa prattikabbli, il-Partijiet għandhom jassistu lil xulxin fl-akkwist pubbliku, minn Parti jew oħra jew minn persuni fi ħdan il-Komunità jew fil-ġurisdizzjoni tar-Renju Unit, ta’ materjal nukleari, ta’ materjal mhux nukleari, ta’ tagħmir jew ta’ teknoloġija.

4.   It-tkomplija tal-kooperazzjoni prevista f’dan il-Ftehim għandha tkun kontinġenti fuq l-applikazzjoni sodisfaċenti b’mod reċiproku tas-sistema għas-salvagwardji u l-kontroll stabbilita mill-Komunità skont it-Trattat Euratom u tas-sistema għas-salvagwardji u l-kontroll stabbilita mir-Renju Unit.

5.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma għandhomx jintużaw biex jipperikolaw l-integrità u l-funzjonament bla xkiel tas-suq nukleari komuni tal-Komunità, b’mod partikolari biex ixekklu l-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi fi ħdanu, jew biex ifixklu l-politika komuni tal-Komunità dwar il-provvista nukleari.

6.   It-trasferimenti tal-materjal nukleari, tal-materjal mhux nukleari, tat-tagħmir jew tat-teknoloġija, u s-servizzi adegwati, għandhom isiru skont kundizzjonijiet kummerċjali ġusti. L-implimentazzjoni ta’ dan il-paragrafu għandha tkun mingħajr preġudizzju għat-Trattat Euratom u l-leġislazzjoni derivata minnu, u għal-liġijiet u r-regolamenti tar-Renju Unit.

7.   Kull trasferiment mill-ġdid ta’ materjal nukleari, ta’ materjal mhux nukleari, ta’ tagħmir jew ta’ teknoloġija soġġett għal dan il-Ftehim barra mill-ġurisdizzjoni tal-Partijiet għandu jsir biss skont il-qafas tal-impenji meħuda mill-Istati Membri individwali tal-Komunità u mir-Renju Unit fi ħdan il-Grupp ta’ Fornituri Nukleari. B’mod partikolari, il-Linji Gwida għat-Trasferimenti Nukleari għandhom japplikaw għat-trasferimenti mill-ġdid ta’ l-oġġetti soġġetti għal dan il-Ftehim.

8.   Notifiki bil-miktub fir-rigward tat-trasferimenti tal-oġġetti soġġetti għal dan il-Ftehim u tat-trasferimenti mill-ġdid ta’ materjal mhux nukleari, tagħmir u teknoloġija soġġetti għal dan il-Ftehim għandhom jiġu skambjati skont il-proċeduri stabbiliti fl-arranġamenti amministrattivi stabbiliti skont l-Artikolu 15 [Arranġamenti amministrattivi].

9.   Il-materjal mhux nukleari, it-tagħmir u t-teknoloġija soġġetti għal dan il-Ftehim ma għandhomx jiġu trasferiti lil hinn mill-ġurisdizzjoni territorjali tal-Parti riċeventi mingħajr il-kunsens bil-miktub minn qabel tal-Parti fornitriċi, għajr jekk mhux skont il-paragrafu 11 ta’ dan l-Artikolu. Din id-dispożizzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(4) [Oġġetti soġġetti għal dan il-Ftehim].

10.   Meta l-Linji Gwida għat-Trasferimenti Nukleari jkunu jeħtieġu l-kunsens tal-Parti fornitriċi, il-materjal nukleari soġġett għal dan il-Ftehim ma għandux jiġi trasferit lil hinn mill-ġurisdizzjoni territorjali tal-Parti riċeventi mingħajr il-kunsens bil-miktub minn qabel tal-Parti fornitriċi, għajr jekk mhux skont il-paragrafu 11.

11.   Mad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jiskambjaw listi ta’ pajjiżi li lilhom huma awtorizzati trasferimenti mill-ġdid ta’ materjal nukleari, ta’ materjal mhux nukleari, ta’ tagħmir u ta’ teknoloġija mill-Parti l-oħra skont il-paragrafi 9 u 10 ta’ dan l-Artikolu. Kull Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra dwar kull bidla f’xi waħda mil-listi tagħha tal-pajjiżi skont il-proċeduri definiti fl-arranġamenti amministrattivi stabbiliti skont l-Artikolu 15 [Arranġamenti amministrattivi].

12.   Meta r-Renju Unit jew xi Stat Membru tal-Komunità jittrasferixxu teknoloġija soġġetta għal dan il-Ftehim lil xi Stat Membru li jaqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(4) [Oġġetti soġġetti għal dan il-Ftehim], japplikaw il-paragrafi 7 u 9 ta’ dan l-Artikolu. Il-modalitajiet prattiċi għall-implimentazzjoni ta’ dan il-paragrafu għandhom jiġu definiti fil-qafas tal-arranġamenti amministrattivi stabbiliti skont l-Artikolu 15 [Arranġamenti amministrattivi].

Artikolu 10

Arrikkiment

Parti waħda għandha tikseb il-kunsens bil-miktub tal-Parti l-oħra qabel l-arrikkiment ta’ materjal nukleari soġġett għal dan il-Ftehim għal 20% jew aktar fl-isotopi Uranju-235. Dan il-kunsens, jekk jingħata, għandu jiddeskrivi l-kundizzjonijiet li skonthom ikun jista’ jintuża l-uranju arrikkit riżultanti għal 20% jew aktar. Jistgħu jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet ulterjuri li huma meħtieġa għall-iffaċilitar tal-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fl-arranġamenti amministrattivi stabbiliti skont l-Artikolu 15 [Arranġamenti amministrattivi].

Artikolu 11

Riproċessar

Kull Parti tagħti l-kunsens tagħha lill-Parti l-oħra fir-riproċessar tal-fjuwil nukleari li jinkludi materjal nukleari soġġett għal dan il-Ftehim, diment li dan ir-riproċessar isir skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness [Riproċessar].

Artikolu 12

Kooperazzjoni dwar ir-riċerka u l-iżvilupp nukleari

1.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw bejniethom u mal-aġenziji tagħhom fir-riċerka u l-iżvilupp għal użi paċifiċi tal-enerġija nukleari maħsuba għall-enerġija u mhux għall-enerġija, inkluż l-iżvilupp tal-enerġija mill-fużjoni, meta l-Partijiet ikollhom interessi komuni u sa fejn huwa kopert mill-programmi u l-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp rispettivi tagħhom. Il-Partijiet jew l-aġenziji tagħhom, kif xieraq, jistgħu jippermettu l-parteċipazzjoni f’din il-kooperazzjoni ta’ riċerkaturi u organizzazzjonijiet mis-setturi kollha tar-riċerka, inkluż minn universitajiet, laboratorji u mis-settur privat. Il-Partijiet għandhom, f’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tagħhom, ifittxu li jiffaċilitaw din il-kooperazzjoni bejn il-persuni f’dan il-qasam.

2.   Kooperazzjoni skont dan l-Artikolu tista’ tinkludi:

(a)

il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit bħala pajjiż terz fil-programmi u attivitajiet ta’ riċerka u taħriġ tal-Komunità; u

(b)

is-sħubija tar-Renju Unit fil-Fużjoni għall-Enerġija,

skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni.

3.   Sa fejn ikun meħtieġ, il-Partijiet, jew l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, jistgħu jikkonkludu arranġamenti ta’ implimentazzjoni separati li jistabbilixxu l-ambitu, it-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi għall-kooperazzjoni soġġetta għal dan l-Artikolu.

4.   L-arranġamenti ta’ implimentazzjoni stabbiliti skont il-paragrafu 3 jistgħu jkopru, fost l-oħrajn, dispożizzjonijiet ta’ finanzjament, assenjar ta’ responsabbiltajiet maniġerjali u operazzjonali, u dispożizzjonijiet dettaljati dwar it-tixrid u l-iskambju tal-informazzjoni, u l-proprjetà intellettwali.

Artikolu 13

Skambju ta’ Informazzjoni u Għarfien Tekniku

1.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu u jiffaċilitaw l-iskambju xieraq u proporzjonat ta’ informazzjoni u għarfien tekniku bejniethom, u bejn l-awtoritajiet kompetenti rispettivi tagħhom, dwar kwistjonijiet fl-ambitu ta’ dan il-Ftehim.

2.   Il-Partijiet jistgħu jqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ xulxin, tal-awtoritajiet kompetenti tagħhom u għal persuni fil-Komunità jew fil-ġurisdizzjoni tar-Renju Unit, informazzjoni li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom dwar kwistjonijiet li huma fl-ambitu ta’ dan il-Ftehim.

3.   L-informazzjoni riċevuta mingħand xi pajjiż terz skont termini li jipprevjenu l-forniment ulterjuri ta’ dik l-informazzjoni għandha tkun eskluża mill-ambitu ta’ dan il-Ftehim.

4.   L-informazzjoni li l-Parti fornitriċi tqis li għandha valur kummerċjali għandha tingħata biss skont it-termini u l-kondizzjonijiet speċifikati mill-Parti fornitriċi.

5.   Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw l-iskambju tal-informazzjoni bejn il-persuni fil-ġurisdizzjoni tar-Renju Unit, minn naħa, u l-persuni fil-Komunità, min-naħa l-oħra, dwar kwistjonijiet li huma fl-ambitu ta’ dan il-Ftehim.

6.   L-informazzjoni fil-pussess ta’ dawn il-persuni għandha tingħata biss bil-kunsens ta’ dawk il-persuni, u skont it-termini u l-kundizzjonijiet speċifikati minnhom.

7.   Il-Partijiet għandhom jieħdu kull prekawzjoni xierqa biex iżommu l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni riċevuta permezz tat-twettiq ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 14

Proprjetà intellettwali

1.   Il-Partijiet għandhom jiżguraw il-protezzjoni adegwata u effikaċi tal-proprjetà intellettwali maħluqa u t-teknoloġija trasferita skont il-kooperazzjoni fl-ambitu ta’ dan il-Ftehim, skont il-ftehimiet u l-arranġamenti internazzjonali rilevanti u l-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ fir-Renju Unit u fl-Unjoni, il-Komunità jew l-Istati Membri tagħhom.

2.   Dan il-Ftehim mhux maħsub biex jipprovdi għat-trasferiment ta’ xi proprjetà intellettwali. Il-proprjetà intellettwali ġġenerata fil-qafas ta’ kooperazzjoni previst f’dan il-Ftehim għandha tiġi allokata abbażi ta’ każ b’każ fi ftehimiet, arranġament jew kuntratti speċifiċi assoċjati ma’ dan il-Ftehim.

Artikolu 15

Arranġamenti amministrattivi

1.   Il-Partijiet, permezz tal-awtoritajiet kompetenti rispettivi tagħhom, għandhom jistabbilixxu arranġamenti amministrattivi biex jimplimentaw dan il-Ftehim b’mod effettiv. Dawn l-arranġamenti għandhom jinkludu l-proċeduri meħtieġa biex l-awtoritajiet kompetenti jimplimentaw u jamministraw dan il-Ftehim.

2.   L-arranġamenti amministrattivi stabbiliti skont dan l-Artikolu jistgħu jiġu emendati kif stabbilit b’mod reċiproku bil-miktub mill-awtoritajiet kompetenti.

3.   L-arranġamenti amministrattivi jistgħu jipprovdu għall-iskambju ta’ listi tal-inventarju b’rabta mal-oġġetti soġġetti għal dan il-Ftehim.

4.   L-arranġamenti amministrattivi jistgħu jistabbilixxu mekkaniżmi għal konsultazzjonijiet bejn l-awtoritajiet kompetenti.

5.   Il-akkontabbiltà tal-materjal nukleari u tal-materjal mhux nukleari soġġetti għal dan il-Ftehim għandha tkun ibbażata fuq il-funġibbiltà u l-prinċipji tal-proporzjonalità u l-ekwivalenza tal-materjal nukleari u tal-materjal mhux nukleari kif stabbilit fl-arranġamenti amministrattivi stabbiliti skont dan l-Artikolu.

Artikolu 16

Implimentazzjoni

1.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu implimentati in bona fede b’mod li jevita t-tfixkil, id-dewmien jew interferenzi żejda fl-attivitajiet nukleari fir-Renju Unit u fil-Komunità u b’mod konsistenti mal-prattiki ta’ ġestjoni prudenti meħtieġa għal kondotta ekonomika u sikura tal-attivitajiet nukleari.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma għandhomx jintużaw bil-għan li jinkisbu vantaġġi kummerċjali jew industrijali, jew bil-għan li jkun hemm interferenzi fl-interessi industrijali u kummerċjali, kemm domestiċi kif ukoll internazzjonali, ta’ xi Parti jew persuni awtorizzati, jew bil-għan li jkun hemm interferenzi fil-politika nukleari ta’ xi Parti jew tal-Istati Membri tal-Komunità, jew bil-għan li tixxekkel il-promozzjoni tal-użi paċifiċi u mhux splussivi tal-enerġija nukleari, jew bil-għan li jixxekkel il-moviment tal-oġġetti soġġetti għal dan il-Ftehim, jew notifikati biex li jridu jkunu soġġetti għal dan il-Ftehim, kemm fil-ġurisdizzjoni territorjali rispettiva tal-Partijiet jew jekk bejn ir-Renju Unit u l-Komunità.

Artikolu 17

Liġi applikabbli

1.   Il-kooperazzjoni prevista f’dan il-Ftehim għandha ssir skont il-liġijiet u r-regolamenti rispettivi fis-seħħ fir-Renju Unit u fi ħdan l-Unjoni u l-Komunità kif ukoll skont il-ftehimiet internazzjonali li jidħlu fihom il-Partijiet, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18 [Arranġamenti eżistenti]. Fil-każ tal-Komunità, il-liġi applikabbli tinkludi t-Trattat Euratom u l-leġiżlazzjoni derivata minnu.

2.   Kull Parti għandha tkun responsabbli lejn l-oħra biex tiżgura li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ikunu aċċettati u li jkun hemm konformità magħhom, fir-rigward tar-Renju Unit, mill-persuni kollha fil-ġurisdizzjoni tagħha li ngħataw awtorizzazzjoni skont dan il-Ftehim, u fir-rigward tal-Komunità, mill-persuni kollha fil-Komunità li ngħataw awtorizzazzjoni skont dan il-Ftehim.

Artikolu 18

Arranġamenti eżistenti

1.   Id-dispożizzjonijiet ta’ kull ftehim ċivili ta’ kooperazzjoni nukleari bilaterali fis-seħħ bejn ir-Renju Unit u l-Istati Membri tal-Komunità għandhom jitqiesu bħala kumplimentari għal dan il-Ftehim u, meta xieraq, għandhom jiġu sostitwiti bid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

2.   Dan il-Ftehim ma għandux jikkostitwixxi ftehim supplimentari għall-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni.

3.   Dan il-Ftehim japplika mingħajr preġudizzju għal xi ftehim bilaterali preċedenti bejn ir-Renju Unit minn naħa, u l-Unjoni u l-Euratom min-naħa l-oħra.

Artikolu 19

Kumitat Konġunt

1.   B’dan, il-Partijiet qed jistabbilixxu Kumitat Konġunt.

2.   Il-kompożizzjoni tal-Kumitat Konġunt u l-proċeduri tiegħu għandhom jiġi stabbiliti fl-arranġamenti amministrattivi stabbiliti skont l-Artikolu 15 [Arranġamenti amministrattivi].

3.   Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ b’mod regolari, u meta jintalab minn awtorità kompetenti ta’ xi waħda mill-Partijiet, għandu jwettaq superviżjoni tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

4.   Il-funzjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom jinkludu dawn li ġejjin, iżda mingħajr ma jkunu limitati għalihom:

(a)

l-iskambju ta’ informazzjoni, diskussjoni tal-aqwa prattiki, il-qsim tal-esperjenza fl-implimentazzjoni;

(b)

it-twaqqif ta’ gruppi ta’ ħidma li jaġixxu fl-ambitu ta’ dan il-Ftehim, u l-koordinazzjoni tagħhom;

(c)

l-identifikazzjoni, id-diskussjoni u l-konsultazzjoni dwar kwistjonijiet tekniċi;

(d)

l-adozzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet għal deċiżjonijiet konġunti li jridu jagħmlu l-Partijiet meta previst fil-Ftehim, inkluż fil-każ ta’ deċiżjonijiet konġunti biex jiġi emendat dan il-Ftehim;

(e)

ikun forum għall-konsultazzjoni, inkluż rigward ir-riżoluzzjoni tat-tilwim;

(f)

il-koordinazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ kooperazzjoni f’użi tal-enerġija nukleari li mhumiex relatati mal-enerġija, b’mod partikolari biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskji ta’ nuqqas ta’ provvista ta’ isotopi radjuattivi mediċi, u biex jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ teknoloġiji u trattamenti ġodda li jinvolvu isotopi radjuattivi, fl-interess tas-saħħa pubblika; u

(g)

ikun forum tekniku għal kull kwistjoni oħra rigward dan il-Ftehim.

Artikolu 20

Konsultazzjoni

Meta jintalab minn xi waħda mill-Partijiet, għandhom jiltaqgħu rappreżentanti tal-Partijiet biex jikkonsultaw bejniethom, meta meħtieġ, fil-qafas tal-Kumitat Konġunt dwar kwistjonijiet li jqumu mill-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, biex titwettaq superviżjoni tat-tħaddim tiegħu u biex jiġu diskussi arranġamenti addizzjonali ta’ kooperazzjoni minbarra dawk previsti f’dan il-Ftehim. Dawn il-konsultazzjonijiet jistgħu jieħdu l-forma ta’ skambju ta’ korrispondenza.

Artikolu 21

Riżoluzzjoni tat-tilwim

1.   Il-Partijiet għandhom jiddiskutu minnufih fil-Kumitat Konġunt kull tilwima bejniethom dwar l-applikazzjoni, l-interpretazzjoni jew l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni għat-tilwim permezz ta’ negozjati. Kull diskussjoni jew negozjar ta’ dan it-tip jistgħu jieħdu l-forma ta’ skambju ta’ korrispondenza.

2.   Kwalunkwe tilwim bħal dan li ma jissolviex b’negozjati u konsultazzjonijiet obbligatorji fil-qafas tal-Kumitat Konġunt għandu, meta jintalab minn xi waħda mill-Partijiet, jiġi ppreżentat quddiem tribunal tal-arbitraġġ li għandu jkun magħmul minn tliet arbitri. Kull Parti għandha taħtar arbitru wieħed, u ż-żewġ arbitri hekk maħtura għandhom jeleġġu t-tielet wieħed, li ma jkunx ċittadin ta’ wieħed mill-Partijiet u li għandu jkun il-president.

3.   Jekk fi żmien 30 jum mit-talba għall-arbitraġġ, xi Parti tkun għadha ma ħatritx arbitru, il-Parti l-oħra tista’ titlob lill-President tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja biex jinnomina arbitru lill-Parti li ma tkunx ħatret wieħed. Jekk fi żmien 30 jum mill-ħatra jew min-nomina tal-arbitri għaż-żewġ Partijiet, it-tielet arbitru ma jkunx ġie elett, waħda mill-Partijiet tista’ titlob lill-President tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja biex jinnomina t-tielet arbitru.

4.   Maġġoranza tal-membri tat-tribunal tal-arbitraġġ għandhom jikkostitwixxu kworum, u d-deċiżjonijiet kollha għandhom isiru b’maġġoranza tal-voti tal-membri kollha tat-tribunal tal-arbitraġġ. Il-proċedura tal-arbitraġġ għandha tiġi stabbilita mit-tribunal. Id-deċiżjonijiet tat-tribunal għandhom ikunu vinkolanti fuq iż-żewġ Partijiet u għandhom jiġu implimentati minnhom. Ir-rimunerazzjoni tal-arbitri għandha tkun stabbilita fuq l-istess bażi ta’ dik tal-imħallfin ad hoc tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja. Kwalunkwe deċiżjoni tal-arbitraġġ għandha tiġi eżegwita f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli kollha tal-Partijiet u mal-liġi internazzjonali.

Artikolu 22

Waqfien tal-kooperazzjoni f’każ ta’ ksur serju

1.   F’każ li:

(a)

xi waħda mill-Partijiet, jew xi Stat Membru tal-Komunità jkunu wettqu ksur serju ta’ xi obbligu materjali skont l-Artikolu 1 [l-Objettiv], l-Artikolu 5 [Oġġetti soġġetti għal dan il-Ftehim], l-Artikolu 6 [Salvagwardji], l-Artikolu 7 [Protezzjoni Fiżika], l-Artikolu 9 [Trasferimenti, Trasferimenti mill-ġdid u Faċilitazzjoni tal-Kummerċ], l-Artikolu 10 [Arrikkiment], l-Artikolu 11 [Riproċessar] jew l-Artikolu 15 [Arranġamenti amministrattivi], jew xi obbligi oħra skont dan il-Ftehim kif jista’ jiġi stabbilit b’mod reċiproku mill-Partijiet bil-miktub wara konsultazzjonijiet fil-Kumitat Konġunt; jew

(b)

b’mod partikolari, Stat Membru tal-Komunità li għandu armi mhux nukleari jisplodi apparat splussiv nukleari, jew Stat Membru tal-Komunità li għandu armi nukleari jew ir-Renju Unit jisplodi apparat splussiv nukleari permezz ta’ xi oġġett soġġett għal dan il-Ftehim,

il-Parti l-oħra tista’, wara li tkun għamlet notifika bil-miktub għal dak il-għan, tissospendi jew tittermina għalkollox jew parzjalment il-kooperazzjoni skont dan il-Ftehim. Fin-notifika tagħha, il-Parti għandha tidentifika l-miżuri li tqis li jikkostitwixxu ksur serju tal-obbligi skont dan il-Ftehim, tispeċifika d-dispożizzjonijiet li beħsiebha tissospendi jew tittermina, u d-data minn meta tkun beħsiebha tapplika s-sospensjoni jew it-terminazzjoni.

2.   Qabel ma waħda mill-Partijiet tieħu azzjoni b’dak il-għan, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw bejniethom fil-qafas tal-Kumitat Konġunt biex jaslu għal riżoluzzjoni amikevoli, inkluż deċiżjoni dwar jekk hemmx bżonn miżuri korrettivi jew miżuri oħra, u jekk ikun hekk, liema miżuri jridu jittieħdu u ż-żmien li matulu jridu jittieħdu dawk il-miżuri.

3.   Is-sospensjoni jew it-terminazzjoni skont il-paragrafu 1 għandhom isiru biss meta jkun seħħ falliment fl-implimentazzjoni tal-miżuri korrettivi jew ta’ miżuri oħra fiż-żmien stipulat mill-Kumitat Konġunt jew, jekk ma tinstabx soluzzjoni amikevoli, fi żmien raġonevoli iżda mingħajr dewmien.

4.   Sospensjoni ma tibqax tapplika jekk il-Parti li tissospendi tkun sodisfatta li l-Parti l-oħra qed tikkonforma mal-obbligi tagħha skont dan il-Ftehim, kemm jekk minn jeddha kif ukoll jekk bħala riżultat ta’ deċiżjoni ta’ tribunal tal-arbitraġġ.

5.   F’każ ta’ sospensjoni jew terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-Parti fornitriċi għandu jkollha d-dritt titlob ir-ritorn tal-oġġetti soġġetti għal dan il-Ftehim.

Artikolu 23

Emendi

1.   Meta titlob xi waħda mill-Partijiet, il-Partijiet jistgħu jikkonsultaw bejniethom, fil-qafas tal-Kumitat Konġunt, dwar emendi possibbli għal dan il-Ftehim b’mod partikolari biex jitqiesu żviluppi internazzjonali fil-qasam tas-salvagwardji nukleari.

2.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat jekk il-Partijiet jaqblu hekk

3.   Kwalunkwe emenda għandha tidħol fis-seħħ fid-data speċifikata mill-Partijiet, permezz ta’ skambju ta’ noti diplomatiċi bejn il-Partijiet jew permezz tal-awtoritajiet kompetenti tagħhom, skont l-każ, li jinfurmaw lil xulxin li twettqu l-proċeduri interni rispettivi tagħhom meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tagħha.

4.   L-Anness ta’ dan il-Ftehim jifforma parti integrali minn dan il-Ftehim u jista’ jiġi emendat skont dan l-Artikolu.

Artikolu 24

Dħul fis-seħħ u durata

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara dak meta ż-żewġ Partijiet jinnotifikaw lil xulxin li jkunu wettqu r-rekwiżiti u l-proċeduri interni rispettivi tagħhom li jistabbilixxu l-kunsens tagħhom li jintrabtu.

2.   Dan il-Ftehim għandu jibqa’ fis-seħħ għal perjodu inizjali ta’ 30 sena. Sussegwentement, dan il-Ftehim għandu jiġġedded awtomatikament għal perjodi addizzjonali ta’ għaxar snin, sakemm, mill-inqas sitt xhur qabel l-iskadenza tal-perjodu inizjali ta’ 30 sena jew ta’ xi perjodu addizzjonali ta’ għaxar snin, Parti ma tkunx innotifikat lill-Parti l-oħra bi skambju ta’ noti diplomatiċi bl-intenzjoni tagħha li ttemm il-Ftehim.

3.   Minkejja s-sospensjoni, it-terminazzjoni jew l-iskadenza ta’ dan il-Ftehim jew ta’ xi kooperazzjoni permezz tiegħu, għal xi raġuni, l-obbligi fl-Artikolu 1 [Objettiv], l-Artikolu 5 [Oġġetti soġġetti għal dan il-Ftehim], l-Artikolu 6 [Salvagwardji], l-Artikolu 7 [Protezzjoni Fiżika], l-Artikolu 9 [Trasferimenti, Trasferimenti mill-Ġdid u Faċilitazzjoni tal-Kummerċ], l-Artikolu 10 [Arrikkiment], l-Artikolu 11 [Riproċessar], l-Artikolu 13 [Skambju ta’ Informazzjoni u Għarfien Tekniku], l-Artikolu 14 [Proprjetà Intellettwali], l-Artikolu 15 [Arranġamenti amministrattivi], l-Artikolu 16 (Implimentazzjoni], l-Artikolu 17 [Liġi applikabbli], l-Artikolu 18 [Ftehimiet eżistenti], l-Artikolu 20 [Konsultazzjoni], l-Artikolu 21 [Riżoluzzjoni tat-Tilwim] u l-Artikolu 22 [Waqfien ta’ Kooperazzjoni fil-Każ ta’ Ksur Serju] għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm kwalunkwe oġġett soġġett ta’ dawn l-Artikoli jibqa’ fit-territorju tal-Parti l-oħra jew fil-ġurisdizzjoni jew fil-kontroll tagħha f’xi post, jew sakemm jiġi stabbilit b’mod reċiproku mill-Partijiet skont l-Artikolu 5 [Oġġetti soġġetti għal dan il-Ftehim] li l-materjal nukleari soġġett għal dan il-Ftehim ma jkunx jista’ jintuża aktar, jew ma jkunx prattikament rikuperabbli biex jiġi pproċessat f’xi forma li tkun tista’ tintuża, għal xi attività nukleari mil-lat tas-salvagwardji.

Artikolu 25

Testi awtentiċi

Dan il-Ftehim huwa magħmul b’żewġ kopji bil-lingwa Bulgara, Kroata, Ċeka, Daniża, Olandiża, Ingliża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Irlandiża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola u Żvediża. Il-Partijiet għandhom jawtentikaw sat-30 ta’ April 2021, il-verżjonijiet lingwistiċi għajr il-verżjoni Ingliża bi skambju ta’ noti diplomatiċi.

Image 1

Image 2

Image 3


(1)   ĠU L 358, 16.12.2006, p. 62.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom tas-27 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferixxi l-vantaġġi fuqha (ĠU L 90, 30.3.2007, p. 58).


ANNESS - RIPROĊESSAR

Artikolu 1

Materjal nukleari soġġett għal dan il-Ftehim għandu jkun soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ir-riproċessar għandu jsir għall-fini tal-użu tal-enerġija jew il-ġestjoni tal-materjali li jinsabu fil-fjuwil użat, skont il-programm taċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari kif stabbilit b’mod reċiproku b’konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti;

(b)

deskrizzjoni ta’ kwalunkwe programm taċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari propost, inkluż id-dettalji dwar il-qafas ta’ politika, legali u regolatorju rilevanti għar-riproċessar u għall-ħżin, l-użu u t-trasportazzjoni tal-plutonju għandha ssir mill-awtoritajiet kompetenti tal-Parti li jkun beħsiebha tagħmel dawn l-attivitajiet;

(c)

il-plutonju rkuprat għandu jinħażen u jintuża skont il-programm taċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari msemmi fil-punt (a); u

(d)

ir-riproċessar u l-użu tal-plutonju rkuprat għal finijiet paċifiċi u mhux splussivi, inkluż ir-riċerka, mhux inklużi fil-programm taċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari msemmi fil-punt (a), għandhom isiru biss skont kundizzjonijiet stabbiliti b’mod reċiproku bil-miktub bejn il-Partijiet wara konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 2 ta’ dan l-Anness.

Artikolu 2

Il-konsultazzjonijiet għandhom isiru fil-Kumitat Konġunt fi żmien 40 jum mill-wasla ta’ talba mingħand xi waħda miż-żewġ Partijiet, biex:

(a)

jiġi rivedut it-tħaddim tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness;

(b)

jiġu kkunsidrati emendi għall-programm taċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari msemmi fl-Artikolu 1 ta’ dan l-Anness;

(c)

jiġi kkunsidrat titjib fis-salvagwardji internazzjonali u tekniċi oħra tal-kontroll, inkluż l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ġodda u aċċettati b’mod ġenerali fil-livell internazzjonali li huma rilevanti għar-riproċessar u għall-plutonju; jew

(d)

jiġu kkunsidrati proposti għar-riproċessar, l-użu, il-ħżin u t-trasportazzjoni tal-plutonju rkuprat għal skopijiet oħra paċifiċi u mhux splussivi, inkluż ir-riċerka.


Top