EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22016A0322(01)

Konvenzjoni dwar in-notifika barra mill-pajjiż ta' dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali

ĠU L 75, 22.3.2016, p. 3–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/convention/2016/414/oj

Related Council decision

22.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 75/3


TRADUZZJONI

KONVENZJONI

dwar in-notifika barra mill-pajjiż ta' dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali

(Konkluża fil-15 ta' Novembru 1965)

L-ISTATI FIRMATARJI TA' DIN IL-KONVENZJONI,

Bix-xewqa li joħolqu mezzi adegwati biex jiġi żgurat li dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji li jinħtieġu jiġu nnotifikati barra mill-pajjiż ikollhom jinġiebu għall-attenzjoni tad-destinatarju fi żmien suffiċjenti,

Bix-xewqa li tittejjeb l-organizzazzjoni tal-assistenza ġudizzjarja reċiproka għal dak il-għan billi tiġi ssimplifikata u mħaffa l-proċedura,

Iddeċidew li jikkonkludu Konvenzjoni għal dan il-għan u ftiehmu dwar id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

Artikolu 1

Din il-Konvenzjoni tapplika fil-każijiet kollha, fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali, fejn tinqala' l-okkażjoni biex jiġi trażmess dokument ġudizzjarju jew extraġudizzjarji għal notifika barra mill-pajjiż.

Din il-Konvenzjoni ma tapplikax fejn l-indirizz tal-persuna li għandha tiġi nnotifikata bid-dokument ma jkunx magħruf.

KAPITOLU I

DOKUMENTI ĠUDIZZJARJI

Artikolu 2

Kull Stat Kontraenti għandu jinnomina Awtorità Ċentrali li tieħu l-inkarigu li tirċievi t-talbiet għal notifiki li ġejjin minn Stati Kontraenti oħra u li tipproċedi f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 3 sa 6.

Kull Stat għandu jorganizza l-Awtorità Ċentrali skont il-liġi tiegħu stess.

Artikolu 3

L-awtorità jew l-uffiċjal ġudizzjarju kompetenti taħt il-liġi tal-Istat li fih joriġinaw id-dokumenti għandhom jibagħtu, lill-Awtorità Ċentrali tal-Istat indirizzat, talba li tikkonforma mal-mudell anness ma' din il-Konvenzjoni, mingħajr kwalunkwe rekwiżit ta' legalizzazzjoni jew formalità oħra ekwivalenti.

Id-dokument li għandu jkun innotifikat, jew kopja tiegħu, għandhom jiġu annessi mat-talba. Kemm it-talba kif ukoll id-dokument għandhom jingħataw duplikati.

Artikolu 4

Jekk l-Awtorità Ċentrali tqis li t-talba ma tkunx konformi mad-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni, hija għandha tgħarraf minnufih lill-applikant u tispeċifika l-oġġezzjonijiet tagħha għat-talba.

Artikolu 5

L-Awtorità Ċentrali tal-Istat indirizzat għandha tinnotifika d-dokument hi stess jew tirranġa sabiex dan ikun innotifikat permezz ta' aġenzija adatta, jew —

a)

permezz ta' metodu preskritt mil-liġi interna tiegħu għan-notifika ta' dokumenti f'azzjonijiet domestiċi lil persuni li jinsabu fit-territorju tiegħu, jew

b)

permezz ta' metodu partikolari mitlub mill-applikant, dejjem jekk dan il-metodu jkun konformi mal-liġi tal-Istat indirizzat.

Suġġett għas-subparagrafu (b) tal-ewwel paragrafu ta' dan l-Artikolu, id-dokument jista' dejjem jiġi nnotifikat billi jitwassal lil destinatarju li jaċċettah b'mod volontarju.

Jekk id-dokument għandu jkun innotifikat taħt l-ewwel paragrafu hawn fuq, l-Awtorità Ċentrali tista' tesiġi li d-dokument jinkiteb jew jiġi tradott bil-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat indirizzat.

Dik il-parti tat-talba, fil-formola mehmuża ma' din il-Konvenzjoni, li tinkludi sommarju tad-dokument li għandu jkun innotifikat, għandha tkun innotifikata mad-dokument.

Artikolu 6

L-Awtorità Ċentrali tal-Istat indirizzat, jew kwalunkwe awtorità li setgħet ġiet nominata għal dak l-iskop, għandha timla ċertifikat fil-forma tal-mudell anness ma' din il-Konvenzjoni.

Iċ-ċertifikat għandu jiddikjara li d-dokument ġie nnotifikat u għandu jinkludi fih il-metodu, il-post u d-data tan-notifika u l-persuna li lilha d-dokument ġie mwassal. Jekk id-dokument ma jkunx ġie nnotifikat, iċ-ċertifikat għandu jagħti r-raġunijiet li impedixxew in-notifika.

L-applikant jista' jitlob li ċertifikat li ma jkunx tlesta minn Awtorità Ċentrali jew minn awtorità ġudizzjarja jiġi ffirmat ukoll minn waħda minn dawn l-awtoritajiet.

Iċ-ċertifikat għandu jintbagħat direttament lill-applikant.

Artikolu 7

It-termini standard fil-mudell anness ma' din il-Konvenzjoni għandhom jinkitbu f'kull każ bil-Franċiż jew bl-Ingliż. Dawn jistgħu wkoll jinkitbu bil-lingwa uffiċjali, jew f'waħda mill-lingwi uffiċjali, tal-Istat li fih joriġinaw id-dokumenti.

L-ispazji vojta korrispondenti għandhom jimtlew jew bil-lingwa tal-Istat indirizzat jew bil-Franċiż jew bl-Ingliż.

Artikolu 8

Kull Stat Kontraenti huwa liberu li jagħmel notifika ta' dokumenti ġudizzjarji lil persuni barra mill-pajjiż, mingħajr l-applikazzjoni ta' kwalunkwe kostrizzjoni, direttament permezz tal-aġenti diplomatiċi jew konsulari tiegħu.

Kwalunkwe Stat jista' jiddikjara li joġġezzjona għal tali notifika fit-territorju tiegħu, sakemm id-dokument mhuwiex se jiġi nnotifikat lil ċittadin mill-Istat li fih joriġinaw id-dokumenti.

Artikolu 9

Barra minn hekk, kull Stat Kontraenti huwa liberu li juża mezzi konsulari biex jgħaddi dokumenti, bil-għan li jinnotifikahom, lil dawk l-awtoritajiet ta' Stat Kontraenti ieħor li jkunu nominati minn dan tal-aħħar għal dan l-għan.

Kull Stat Kontraenti jista', jekk ċirkostanzi eċċezzjonali jeħtieġu hekk, juża mezzi diplomatiċi għall-istess skop.

Artikolu 10

Dejjem jekk l-Istat ta' destinazzjoni ma joġġezzjonax, din il-Konvenzjoni ma tinterferixxix ma' —

a)

il-libertà li dokumenti ġudizzjarji jintbagħtu, b'mezzi postali, direttament lil persuni barra mill-pajjiż,

b)

il-libertà ta' uffiċjali ġudizzjarji, uffiċjali jew persuni kompetenti oħra tal-Istat ta' oriġini li jagħmlu n-notifika ta' dokumenti ġudizzjarji direttament permezz ta' uffiċjali ġudizzjarji, uffiċjali jew persuni kompetenti oħra tal-Istat ta' destinazzjoni,

c)

il-libertà ta' kwalunkwe persuna interessata fi proċediment ġudizzjarju li tagħmel notifika ta' dokumenti ġudizzjarji direttament permezz ta' uffiċjali ġudizzjarji, uffiċjali jew persuni kompetenti oħra tal-Istat ta' destinazzjoni.

Artikolu 11

Din il-Konvenzjoni ma timpedixxix xi żewġ Stati Kontraenti jew aktar milli jiftiehmu li jippermettu, bl-iskop li jiġu nnotifikati dokumenti ġudizzjarji, mezzi ta' trażmissjoni oħra apparti dawk previsti fl-Artikoli preċedenti u, b'mod partikolari, komunikazzjoni diretta bejn l-awtoritajiet rispettivi tagħhom.

Artikolu 12

In-notifika ta' dokumenti ġudizzjarji derivanti minn Stat Kontraenti m'għandha tagħti lok għal ebda pagament jew rimborż ta' taxxi jew spejjeż għas-servizzi mogħtija mill-Istat Membru indirizzat.

L-applikant għandu jħallas jew jirrifondi l-ispejjeż ikkaġunati minn —

a)

l-impjieg ta' uffiċjal ġudizzjarju jew ta' persuna kompetenti taħt il-liġi tal-Istat ta' destinazzjoni,

b)

l-użu ta' metodu partikolari ta' notifika.

Artikolu 13

Fejn talba għal notifika tikkonforma mat-termini ta' din il-Konvenzjoni, l-Istat indirizzat jista' jirrifjuta li jikkonforma magħha biss jekk iqis li l-konformità tkun qed tikser is-sovranità jew sigurtà tiegħu.

Huwa ma jistax jirrifjuta li jikkonforma minħabba l-uniku fatt li, taħt il-liġi interna tiegħu, jippretendi ġurisdizzjoni esklussiva fuq il-materja tal-azzjoni jew il-liġi interna tiegħu ma tippermettix l-azzjoni li fuqha l-applikazzjoni hija bbażata.

L-Awtorità Ċentrali għandha, f'każ ta' rifjut, tinforma minnufih lill-applikant u tiddikjara ir-raġunijiet tar-rifjut.

Artikolu 14

Id-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu relattivament għat-trażmissjoni ta' dokumenti ġudizzjarji bil-għan ta' notifika għandhom jiġu riżolti permezz ta' mezzi diplomatiċi.

Artikolu 15

Fejn ċitazzjoni jew dokument ekwivalenti kellhom jiġu trażmessi barra mill-pajjiż bil-għan ta' notifika, taħt id-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni, u l-konvenut kien kontumaċi, is-sentenza ma għandhiex tingħata qabel ma jkun stabbilit li —

a)

id-dokument kien innotifikat permezz ta' metodu preskritt mil-liġi interna tal-Istat indirizzat għan-notifika ta' dokumenti f'azzjonijiet domestiċi lil persuni li jinsabu fit-territorju tiegħu; jew

b)

id-dokument kien fil-fatt twassal lill-konvenut jew fir-residenza tiegħu b'mezz ieħor previst minn din il-Konvenzjoni;

u li fi kwalunkwe wieħed minn dawn il-każijiet in-notifika jew il-konsenja saret fi żmien suffiċjenti sabiex il-konvenut ikunu jista' jiddefendi lilu nnifsu.

Kull Stat Kontraenti huwa liberu li jiddikjara li l-imħallef, irrispettivament mid-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu ta' dan l-Artikolu, jista' jagħti s-sentenza anke jekk l-ebda ċertifikat ta' notifika jew ta' konsenja ma jkun riċevut, jekk ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin —

a)

id-dokument ġie trasmess permezz ta' wieħed mill-metodi previsti f'din il-Konvenzjoni,

b)

ikun għadda perjodu ta' żmien ta' mhux anqas minn sitt xhur, kif ikkunsidrat xieraq mill-imħallef fil-każ partikolari, mid-data tat-trasmissjoni tad-dokument,

c)

ma ġie riċevut ebda tip ta' ċertifikat, għalkemm ikun sar kull sforz raġonevoli biex dan jinkiseb permezz tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat indirizzat.

Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafi preċedenti, l-imħallef jista' jordna, f'każ ta' urġenza, kwalunkwe miżura provviżorja jew protettiva.

Artikolu 16

Meta ċitazzjoni jew dokument ekwivalenti kellhom jiġu trażmessi barra mill-pajjiż bil-għan ta' notifika, taħt id-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni, u tkun ingħatat sentenza kontra konvenut li kien kontumaċi, l-imħallef ikollu s-setgħa li jeżonera lill-konvenut mill-effetti ta' skadenza għall-appell mis-sentenza jekk ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin —

a)

il-konvenut, mingħajr ma jkollu ħtija, ma kienx jaf bid-dokument fi żmien biżżejjed biex jiddefendi ruħu, jew ma kienx jaf bis-sentenza fi żmien biżżejjed biex jappella; u

b)

il-konvenut juri li għandu eċċezzjonijiet prima facie xi jressaq kontra l-meriti tal-azzjoni.

Applikazzjoni għall-eżoneru tista' tiġi ppreżentata biss fi żmien raġonevoli wara li l-konvenut isir jaf bis-sentenza.

Kull Stat Kontraenti jista' jiddikjara li l-applikazzjoni ma tiġix ikkunsidrata jekk tkun ippreżentata wara li jiskadi żmien li għandu jkun indikat fid-dikjarazzjoni, iżda li f'kull każ m'għandux ikun inqas minn sena wara d-data tas-sentenza.

Dan l-Artikolu ma japplikax għal sentenzi dwar l-istatus jew il-kapaċità ta' persuni.

KAPITOLU II

DOKUMENTI EXTRAĠUDIZZJARJI

Artikolu 17

Dokumenti extraġudizzjarji derivanti minn awtoritajiet u minn uffiċjali ġudizzjarji ta' Stat Kontraenti jistgħu jiġu trażmessi bil-għan ta' notifika fi Stat Kontraenti ieħor bil-metodi u taħt id-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni.

KAPITOLU III

KLAWSOLI ĠENERALI

Artikolu 18

Kull Stat Kontraenti jista' jinnomina awtoritajiet oħra addizzjonalment għall-Awtorità Ċentrali u għandu jiddetermina sa fejn twassal il-kompetenza tagħhom.

L-applikant, madankollu, fil-każijiet kollha, għandu dritt li jindirizza talba direttament lill-Awtorità Ċentrali.

L-Istati Federali huma liberi li jinnominaw iktar minn Awtorità Ċentrali waħda.

Artikolu 19

Safejn il-liġi interna ta' Stat Kontraenti tippermetti metodi ta' trażmissjoni, apparti dawk previsti fl-Artikoli preċedenti, ta' dokumenti derivanti minn barra mill-pajjiż, bil-għan ta' notifika ġewwa t-territorju tiegħu, din il-Konvenzjoni ma taffettwax tali dispożizzjonijiet.

Artikolu 20

Din il-Konvenzjoni ma timpedixxix ftehim bejn kwalunkwe żewġ Stati Kontraenti jew aktar sabiex jidderogaw minn —

a)

il-ħtieġa ta' duplikati ta' dokumenti trażmessi kif rekwiżit taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 3,

b)

ir-rekwiżiti lingwistiċi taħt it-tielet paragrafu tal-Artikolu 5 u taħt l-Artikolu 7,

c)

id-dispożizzjonijiet tar-raba' paragrafu tal-Artikolu 5,

d)

id-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 12.

Artikolu 21

Kull Stat Kontraenti għandu, fil-waqt tad-depożitu tal-istrument tiegħu ta' ratifika jew adeżjoni, jew f'data aktar tard, jgħarraf lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tan-Netherlands b'dan li ġej —

a)

in-nomina ta' awtoritajiet, skont l-Artikoli 2 u 18,

b)

in-nomina tal-awtorità li jkollha l-kompetenza tlesti ċ-ċertifikat skont l-Artikolu 6,

c)

in-nomina tal-awtorità li jkollha l-kompetenza tirċievi dokumenti trażmessi permezz ta' mezzi konsulari, skont l-Artikolu 9,

Kull Stat Kontraenti għandu, bl-istess mod, jgħarraf lill-Ministeru, skont il-każ, dwar —

a)

oppożizzjoni għall-użu ta' metodi ta' trażmissjoni skont l-Artikoli 8 u 10,

b)

dikjarazzjonijiet skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 15 u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 16,

c)

il-modifiki kollha tan-nomini, oppożizzjonijiet u dikjarazzjonijiet ta' hawn fuq.

Artikolu 22

Fejn xi Partijiet għal din il-Konvenzjoni jkunu wkoll Partijiet għal waħda minn jew għaż-żewġ Konvenzjonijiet dwar il-proċedura ċivili iffirmati fl-Aja nhar is-17 ta' Lulju 1905, u fl-1 ta' Marzu 1954, din il-Konvenzjoni tieħu post l-Artikoli 1 sa 7 tal-Konvenzjonijiet preċedenti.

Artikolu 23

Din il-Konvenzjoni ma taffettwax l-applikazzjoni tal-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni dwar il-proċedura ċivili ffirmata fl-Aja fis-17 ta' Lulju 1905, jew l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni dwar il-proċedura ċivili ffirmata fl-Aja fl-1 ta' Marzu 1954.

Dawn l-Artikoli għandhom, madankollu, japplikaw biss jekk il-metodi ta' komunikazzjoni, identiċi għal dawk previsti f'dawn il-Konvenzjonijiet, ikunu użati.

Artikolu 24

Il-ftehimiet supplimentari bejn il-Partijiet għall-Konvenzjonijiet tal-1905 u tal-1954 għandhom jitqiesu bħala applikabbli ugwalment għal din il-Konvenzjoni, sakemm il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor.

Artikolu 25

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 22 u 24, din il-Konvenzjoni ma tidderogax minn Konvenzjonijiet li fihom dispożizzjonijiet dwar kwistjonijiet regolati minn din il-Konvenzjoni li għalihom l-Istati Kontraenti huma, jew se jsiru, Partijiet.

Artikolu 26

Din il-Konvenzjoni għandha tinfetaħ għall-iffirmar mill-Istati rrappreżentati fl-Għaxar Sessjoni tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.

Hija għandha tiġi rratifikata, u l-istrumenti ta' ratifika għandhom jiġu ddepositati mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tan-Netherlands.

Artikolu 27

Din il-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ fis-sittin jum wara d-depożitu tat-tielet strument ta' ratifika msemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 26.

Il-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ għal kull Stat firmatarju li jirratifikaha sussegwentement fis-sittin jum wara d-depożitu tal-istrument tiegħu tar-ratifika.

Artikolu 28

Kwalunkwe Stat li ma jkunx rappreżentat fl-Għaxar Sessjoni tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat jista' jaderixxi ma' din il-Konvenzjoni wara li tkun daħlet fis-seħħ skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27. L-istrument ta' adeżjoni għandu jiġi ddepositat mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tan-Netherlands.

Il-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ għal tali Stat fin-nuqqas ta' kwalunkwe oġġezzjoni, minn Stat li jkun irratifika l-Konvenzjoni qabel tali depożitu, innotifikata lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tan-Netherlands fi żmien sitt xhur mid-data li fiha l-imsemmi Ministeru jkun innotifikah b'tali adeżjoni.

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe tali oġġezzjoni, il-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ għall-Istat aderenti fl-ewwel jum tax-xahar wara li jiskadi l-aħħar perjodu minn dawk imsemmija fil-paragrafu preċedenti.

Artikolu 29

Kwalunkwe Stat jista', fil-waqt tal-iffirmar, tar-ratifika jew tal-adeżjoni, jiddikjara li din il-Konvenzjoni għandha testendi għat-territorji kollha li għar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom huwa responsabbli, jew għal wieħed jew aktar minnhom. Tali dikjarazzjoni ssir effettiva fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din il-Konvenzjoni għall-Istat ikkonċernat.

Fi kwalunkwe żmien suċċessivament, tali estensjonijiet għandhom jiġu nnotifikati lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tan-Netherlands.

Il-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ għat-territorji msemmija f'tali estensjoni fis-sittin jum wara n-notifika msemmija fil-paragrafu preċedenti.

Artikolu 30

Din il-Konvenzjoni tibqa' fis-seħħ għal ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27, anke għal Stati li rratifikawha jew aderixxew magħha sussegwentement.

Jekk ma ssir ebda denunzja, hija tiġġedded b'mod taċitu kull ħames snin.

Kwalunkwe denunzja għandha tiġi nnotifikata lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tan-Netherlands mill-anqas sitt xhur qabel tmiem il-perjodu ta' ħames snin.

Din tista' tkun limitata għal ċerti territorji li għalihom tapplika l-Konvenzjoni.

Id-denunzja jkollha effett biss fir-rigward tal-Istat li nnotifikaha. Il-Konvenzjoni tibqa' fis-seħħ għall-Istati Kontraenti oħra.

Artikolu 31

Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tan-Netherlands għandu javża lill-Istati msemmija fl-Artikolu 26, u lill-Istati li jkunu aderixxew skont l-Artikolu 28, b'dan li ġej —

a)

il-firem u r-ratifiki msemmija fl-Artikolu 26;

b)

id-data li fiha din il-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27;

c)

l-adeżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 28 u d-dati li fihom isiru effettivi;

d)

l-estensjonijiet imsemmija fl-Artikolu 29 u d-dati li fihom isiru effettivi;

e)

in-nomini, oppożizzjonijiet u dikjarazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 21;

f)

id-denunzji msemmija fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 30.

B'xhieda ta' dan, is-sottoskritti, debitament awtorizzati għal dan l-iskop, iffirmaw din il-Konvenzjoni.

Magħmul fl-Aja, fil- 15-il jum ta' Novembru,1965 , fl-ilsien Ingliż u fl-ilsien Franċiż, biż-żewġ testi ugwalment awtentiċi, f'eżemplari wieħed li jiġi ddepożitat fl-arkivji tal-Gvern tan-Netherlands, u li tiegħu kopja ċertifikata għandha tintbagħat, permezz tal-mezz diplomatiku, lil kull wieħed mill-Istati rappreżentati fl-Għaxar Sessjoni tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.

 


Top