Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22014A0617(01)

    Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat tal-Iżrael dwar il-parteċipazzjoni tal-Istat tal-Iżrael fil-programm tal-Unjoni “Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)”

    ĠU L 177, 17.6.2014, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2014/617/oj

    17.6.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 177/1


    FTEHIM

    bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat tal-Iżrael dwar il-parteċipazzjoni tal-Istat tal-Iżrael fil-programm tal-Unjoni “Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)”

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA, minn issa 'l quddiem imsejħa “il-Kummissjoni”, f'isem l-Unjoni Ewropea,

    min-naħa l-waħda, u

    IL-GVERN TAL-ISTAT TAL-IŻRAEL, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “l-Iżrael”,

    min-naħa l-oħra, minn hawn 'il quddiem imsejħa “il-Partijiet”,

    Billi:

    (1)

    Il-Protokoll (1) għall-Ftehim Ewro-Mediterranju (2) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Istat tal-Iżrael, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim ta' Qafas bejn il-Komunità Ewropea u l-Istat tal-Iżrael fuq il-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-parteċipazzjoni tal-Istat tal-Iżrael fi Programmi Komunitarji, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”, jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Iżrael fi programmi tal-Unjoni, u jħalli f'idejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Iżrael jiddeterminaw il-patti u l-kundizzjonijiet speċifiċi, inklużi kontributi finanzjarji, fir-rigward ta' tali parteċipazzjoni f'kull programm partikulari.

    (2)

    Il-Programm Orizzont 2020 ġie stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

    (3)

    Il-programm Orizzont 2020 għandu jikkontribwixxi għall-ħolqien taż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

    (4)

    Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1291/2013, il-patti u l-kundizzjonijiet speċifiċi rigward il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi assoċjati fil-programm Orizzont 2020, inkluż il-kontribut finanzjarju, abbażi tal-prodott domestiku gross tal-pajjiż assoċjat, għandhom jiġu ddeterminati permezz ta' ftehimiet internazzjonali bejn l-Unjoni u l-pajjiż assoċjat.

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Kamp ta' applikazzjoni

    L-Iżrael se jipparteċipa fi “Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)” (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Programm”), skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-Protokoll, u skont il-patti u l-kundizzjonijiet stipulati f'dan il-Ftehim.

    Artikolu 2

    Patti u kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fil-Programm

    1.   L-Iżrael se jipparteċipa fl-attivitajiet tal-Programm skont l-għanijiet, il-kriterji u l-proċeduri ddefiniti fir-Regolament (UE) Nru 1291/2013, ir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), inklużi l-atti ddelegati u kull regola oħra sussegwenti, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE (5) u kull regola oħra marbuta mal-implimentazzjoni tal-Programm.

    Ir-Regolament (KE) Nru 294/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 1292/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) għandu japplika għall-parteċipazzjoni ta' entitajiet legali Iżraeljani fil-Komunitajiet ta' Konoxxenza u Innovazzjoni.

    F'każ li l-Unjoni tistipula dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 185 u 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Iżrael għandu jkollu l-permess li jipparteċipa fl-istrutturi legali maħluqin skont dawk id-dispożizzjonijiet, f'konformità mad-deċiżjonijiet u r-regolamenti li ġew adottati jew li jkunu ġew adottati għall-istabbilment ta' dawk l-istrutturi legali.

    2.   L-entitajiet eliġibbli tal-Iżrael għandhom jipparteċipaw f'azzjonijiet diretti taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka u f'azzjonijiet indiretti tal-Programm skont l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għall-entitajiet legali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

    3.   F'dak li jirrigwarda l-entitajiet eliġibbli tal-Iżrael, il-patti u l-kundizzjonijiet applikabbli għall-valutazzjoni tal-proposti, kif ukoll dawk għall-konklużjoni ta' ftehimiet ta' għotjiet u n-notifika tad-deċiżjonijiet ta' għotjiet, għandhom ikunu l-istess bħall-patti u l-kundizzjonijiet applikabbli għall-ftehimiet ta' għotja u għad-deċiżjonijiet ta' għotjiet fir-rigward ta' entitajiet ta' riċerka fl-Unjoni.

    4.   Għandu jintuża lsien uffiċjali tal-Unjoni, f'dan il-każ l-Ingliż, għall-proċeduri marbutin mat-talbiet, mal-ftehimiet ta' għotja u mar-rapporti, kif ukoll għal aspetti oħra legali u amministrattivi tal-Programm.

    5.   Ir-rappreżentanti tal-Iżrael għandu jkollhom il-permess li jipparteċipaw bħala osservaturi fil-kumitati responsabbli għall-monitoraġġ tal-miżuri tal-Programm li l-Iżrael jikkontribwixxi finanzjarjament għalih, kif ukoll li jipparteċipaw f'dawk il-punti tal-aġenda dwar miżuri li l-Iżrael jipparteċipa fihom.

    Fil-ħin tal-votazzjoni, dawn il-kumitati għandhom jiltaqgħu mingħajr il-preżenza tar-rappreżentanti tal-Iżrael. L-Iżrael għandu jkun infurmat bir-riżultat.

    Il-parteċipazzjoni kif jirriferi għaliha dan il-paragrafu għandha tieħu l-istess forma, inklużi l-proċeduri għar-riċeviment ta' informazzjoni u dokumentazzjoni, bħal dik applikabbli għar-rappreżentanti minn Stati Membri tal-Unjoni Ewropea.

    6.   Ir-rappreżentanti tal-Iżrael għandhom jipparteċipaw bħala osservaturi fil-Bord ta' Gvernaturi taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka. Il-parteċipazzjoni kif jirriferi għaliha dan il-paragrafu għandha tieħu l-istess forma, inklużi l-proċeduri għar-riċeviment ta' informazzjoni u dokumentazzjoni, bħal dik applikabbli għar-rappreżentanti minn Stati Membri tal-Unjoni Ewropea.

    7.   L-ispejjeż tal-ivvjaġġjar u tas-sussistenza mġarrba mir-rappreżentanti u l-esperti tal-Iżrael għall-finijiet tal-parteċipazzjoni tagħhom bħala osservaturi fil-ħidma tal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni 2013/743/UE li tistabbilixxi l-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020, jew il-parteċipazzjoni tagħhom f'laqgħat oħra marbutin mal-implimentazzjoni tal-Programm, għandhom jitħallsu lura mill-Kummissjoni bl-istess bażi u skont l-istess proċeduri fis-seħħ bħal fil-każ tar-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 3

    Kontribut finanzjarju

    Biex jipparteċipa fil-Programm, l-Iżrael għandu jħallas kull sena kontribut finanzjarju lill-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, skont l-Anness I ta' dan il-Ftehim.

    Il-kontribut finanzjarju tal-Iżrael fir-rigward tal-parteċipazzjoni u l-implimentazzjoni tiegħu tal-Programm għandu jiżdied mal-ammont allokat kull sena fil-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għal approprjazzjonijiet ta' impenji biex tissodisfa l-obbligi finanzjarji li jitnisslu minn forom differenti ta' miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni, il-ġestjoni u l-operat tal-Programm.

    Artikolu 4

    Rappurtar u valutazzjoni

    Ir-regoli li jiggvernaw ir-rappurtar u l-valutazzjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Iżrael fil-Programm huma stipulati fl-Anness II ta' dan il-Ftehim.

    Artikolu 5

    Kumitat Konġunt bejn l-UE u l-Iżrael

    1.   B'dan qed jitwaqqaf il-Kumitat Konġunt bejn l-UE u l-Iżrael, magħmul mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Iżrael.

    2.   Il-funzjonijiet tal-Kumitat għandhom ikunu dawn li ġejjin:

    (a)

    Li jiżgura, jivvaluta u jirrevedi l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim.

    (b)

    Li jiżgura u jħaffef il-forniment f'waqtu u kontinwu ta' informazzjoni rigward l-implimentazzjoni ta' attivitajiet fil-qafas tal-Programm Orizzont 2020.

    3.   Il-ħidma tal-Kumitat għandha tkun kumplimentari u konsistenti mal-ħidma tal-entitajiet rilevanti ta' djalogu u kooperazzjoni bilaterali mwaqqfa mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael.

    4.   Il-Kumitat għandu jiltaqa' fuq talba ta' waħda mill-Partijiet. Il-Kumitat għandu jaħdem b'mod kontinwu permezz tal-iskambju ta' dokumenti, e-mails u mezzi oħra ta' komunikazzjoni. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

    Artikolu 6

    Dispożizzjonijiet finali

    1.   B'konformità mal-politika tal-UE, dan il-Ftehim ma għandux japplika għall-istess żoni ġeografiċi li waqgħu taħt l-amministrazzjoni tal-Istat tal-Iżrael wara l-5 ta' Ġunju 1967. Din il-pożizzjoni għandha titqies mingħajr ħsara għall-pożizzjoni ta' prinċipju tal-Iżrael fir-rigward ta' din il-kwistjoni. Kif xieraq, il-Partijiet jaqblu li l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim huwa mingħajr ħsara għall-istatus ta' dawk iż-żoni.

    2.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha ż-żewġ Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri tagħhom għal dak il-għan. Japplika mill-1 ta' Jannar 2014. Il-parteċipazzjoni tal-Iżrael fil-programm pluriennali sussegwenti ta' riċerka tal-Unjoni, jekk l-Iżrael titlobha, tista' tkun soġġetta għal Ftehim ġdid li jkollu jiġi maqbul bejn il-Partijiet.

    3.   Dan il-Ftehim jista' jiġi konkluż mill-Partijiet fi kwalunkwe mument matul il-perjodu tal-Programm, permezz ta' avviż bil-miktub li jinforma bl-intenzjoni li titwaqqaf il-parteċipazzjoni fil-Programm.

    Mingħajr ħsara għas-sentenza ta' qabel din, jekk jieqaf japplika l-Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri, min-naħa l-waħda, u l-Istat tal-Iżrael min-naħa l-oħra, dwar Ftehim ta' Qafas bejn il-Komunità Ewropea u l-Istat tal-Iżrael fuq il-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-parteċipazzjoni tal-Istat tal-Iżrael fi programmi Komunitarji, dan il-Ftehim ikollu jieqaf japplika wkoll fl-istess ġurnata, mingħajr il-bżonn ta' avviż bil-miktub għal dan il-għan.

    4.   Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta' hawn taħt, il-konklużjoni tal-Ftehim għandha tidħol fis-seħħ tliet xhur kalendarji wara d-data li fiha l-avviż bil-miktub ikun wasal għand id-destinatarju.

    L-iskadenza u/jew il-konklużjoni u/jew il-waqfien tal-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim ma għandhomx jaffettwaw:

    (a)

    kwalunkwe attività jew proġett li tkun/jkun għaddej(ja),

    (b)

    l-implimentazzjoni ta' kwalunkwe ftehim kuntrattwali li japplika għal dawn l-attivitajiet jew proġetti, kif stipulat fis-subparagrafu 4(a) aktar 'il fuq.

    5.   Jekk dan il-Ftehim jiġi konkluż jew jieqaf japplika:

    (a)

    Għas-sena li fiha jieqaf japplika l-Ftehim, l-Iżrael għandu jħallas il-kontribut finanzjarju b'mod proporzjonali għall-għadd ta' xhur tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-Programm matul dik l-istess sena. Għall-finijiet tal-kalkolu ta' tali kontribut, ix-xahar li jkun beda fil-mument tal-wasla tan-notifika skont l-ewwel sentenza tal-paragrafu 3, jew fil-mument li l-Ftehim jieqaf japplika skont it-tieni sentenza tal-paragrafu 3, għandu jingħadd bħala xahar sħiħ.

    (b)

    L-Unjoni għandha tħallas lura lill-Iżrael il-parti tal-kontribut tiegħu li tkun diġà tħallset fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, u li ma tkunx se tintefaq minħabba l-konklużjoni u/jew il-waqfien tal-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim.

    6.   L-Annessi jifformaw parti integrali minn dan il-Ftehim.

    7.   Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat biss bil-miktub u bil-kunsens komuni tal-Partijiet. Kull emenda għandha tidħol fis-seħħ skont il-proċedura stipulata fil-paragrafu (2) ta' dan l-Artikolu.

    Magħmul f'Ġerusalem nhar it-8 ta' Ġunju tas-sena elfejn u erbatax, li jikkorrispondi għall-għaxar jum ta' Sivan tas-sena ħamest elef, seba' mija u erbgħa u sebgħin fil-kalendarju Ebrew, f'żewġ verżjonijiet oriġinali, bl-Ingliż u bl-Ebrew, biż-żewġ testijiet awtentiċi ndaqs.

    Għall-Gvern tal-Iżrael

    Yaakov PERRY

    Għall-Kummissjoni,

    f'isem l-Unjoni Ewropea

    Lars FAABORG-ANDERSEN


    (1)  ĠU L 129, 17.5.2008, p. 40.

    (2)  OJ L 147/3, 21.6.2000, p. 3.

    (3)  Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).

    (4)  Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f' “Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)” u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 81).

    (5)  Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 3 ta' Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2006/971/KE, 2006/972/KE, 2006/973/KE, 2006/974/KE u 2006/975/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 965).

    (6)  Regolament (KE) Nru 294/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Marzu 2008 li jistabbilixxi l-Istitut Ewropew ta' l-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (ĠU L 97, 9.4.2008, p. 1).

    (7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1292/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 294/2008 li jistabbilixxi l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 174).


    ANNESS I

    REGOLI LI JIGGVERNAW IL-KONTRIBUT FINANZJARJU TAL-IŻRAEL GĦAL “ORIZZONT 2020 — IL-PROGRAMM QAFAS GĦAR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI (2014-2020)”

    I.   Kalkolu tal-kontribut finanzjarju tal-Iżrael

    1.

    Il-kontribut finanzjarju tal-Iżrael għall-Programm għandu jiġi stabbilit kull sena proporzjonalment u b'żieda mal-ammont disponibbli kull sena fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-approprjazzjonijiet ta' impenji meħtieġa għall-implimentazzjoni, il-ġestjoni u l-operat tal-Programm.

    2.

    Il-fattur ta' proporzjonalità li jirregola l-kontribut tal-Iżrael għandu jinħadem billi jiġi stabbilit il-proporzjon bejn il-prodott domestiku gross tal-Iżrael, fi prezzijiet tas-suq, u bejn is-somma tal-prodotti domestiċi grossi, fi prezzijiet tas-suq, tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Dan il-proporzjon għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-aktar dejta statistika riċenti għall-istess sena mill-Bank Internazzjonali għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, disponibbli fil-mument tal-pubblikazzjoni tal-abbozz tal-baġit tal-Unjoni Ewropea.

    3.

    Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Iżrael, kemm jista' jkun malajr, u sa mhux aktar tard mill-1 ta' Settembru tas-sena ta' qabel kull sena finanzjarja, l-informazzjoni li ġejja flimkien ma' materjal ta' sfond rilevanti:

    l-ammonti f'approprjazzjonijiet tal-impenji, fl-istqarrija ta' nfiq tal-abbozz tal-baġit tal-Unjoni Ewropea li jikkorrispondi għall-Programm,

    l-istima tal-ammont tal-kontributi mnissla mill-abbozz tal-baġit, li jikkorrispondi għall-parteċipazzjoni tal-Iżrael fil-Programm skont il-paragrafi 1, 2 u 3.

    Ladabra l-baġit ġenerali jkun ġie adottat, il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Iżrael, fl-istqarrija ta' nfiq korrispondenti għall-parteċipazzjoni tal-Iżrael, l-ammonti aħħarija msemmija fl-ewwel subparagrafu.

    4.

    Fir-raba' sena wara li jibda japplika dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jirrevedu l-fattur ta' proporzjonalità li jirregola l-kontribut finanzjarju tal-Iżrael, abbażi tad-dejta dwar il-parteċipazzjoni ta' entitajiet legali tal-Iżrael f'azzjonijiet indiretti u direttifil-qafas tal-Programm fis-snin 2014-2016.

    II.   Ħlas tal-kontribut finanzjarju tal-Iżrael

    1.

    Il-Kummissjoni għandha toħroġ, l-iktar tard f'Jannar u Ġunju ta' kull sena finanzjarja, sejħa għal fondi lill-Iżrael li jikkorrispondu mal-kontribut tiegħu fil-qafas ta' dan il-Ftehim. Dawn is-sejħiet għal fondi għandhom jipprevedu, rispettivament, għall-ħlas ta' sitta minn kull tnax tal-kontribut tal-Iżrael, sa mhux iktar tard minn 90 jum wara l-wasla tas-sejħiet għal fondi. Madankollu, is-sitta minn kull tnax li għandhom jitħallsu sa mhux iktar tard minn 90 jum wara l-wasla tas-sejħa maħruġa f'Jannar għandhom jiġu kkalkulati abbażi tal-ammont stipulat fl-istqarrija ta' dħul tal-abbozz tal-baġit: ir-regolarizzazzjoni tal-ammont b'hekk imħallas għandha ssir mal-ħlas tas-sitta-minn kull tnax sa mhux aktar tard minn 90 jum wara l-wasla tas-sejħa għal fondi maħruġa l-iktar tard f'Ġunju.

    Għall-ewwel sena ta' implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, il-Kummissjoni għandha toħroġ l-ewwel sejħa għal fondi fi żmien 30 jum mid-dħul fis-seħħ tiegħu. Jekk din is-sejħa toħroġ wara l-15 ta' Ġunju, għandha tipprevedi għall-ħlas ta' tnax minn kull tnax tal-kontribut tal-Iżrael fi żmien 90 jum, ikkalkulat abbażi tal-ammont stipulat fl-istqarrija tad-dħul tal-baġit.

    2.

    Il-kontribut tal-Iżrael għandu jkun espress u mħallas f'euro. Il-ħlas mill-Iżrael għandu jkun ikkreditat lill-programmi tal-Unjoni bħala dħul fil-baġit allokat għall-intestatura xierqa tal-baġit fl-istqarrija tad-dħul tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament Finanzjarju”, applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, għandu japplika għall-ġestjoni tal-approprjazzjonijiet.

    3.

    L-Iżrael għandu jħallas il-kontribut tiegħu fil-qafas ta' dan il-Ftehim skont l-iskeda fil-paragrafu 1. Kull dewmien fil-ħlas tal-kontribut għandu jiskatta l-ħlas ta' mgħax b'kontumaċja mill-Iżrael fuq l-ammont mhux imħallas mid-data dovuta. Ir-rata tal-imgħax għandha tkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operati ewlenin tiegħu ta' rifinanzjament f'euro fid-data tal-iskadenza, biż-żieda ta' 1.5 punti perċentwali.

    Fil-każ li d-dewmien fil-ħlas tal-kontribut ikun tali li jista' jipperikola b'mod sinifikanti l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-Programm, il-parteċipazzjoni tal-Iżrael fil-Programm għas-sena finanzjarja kkonċernata għandha tkun sospiża mill-Kummissjoni wara n-nuqqas ta' ħlas 20 jum ta' xogħol wara li ittra formali ta' tfakkira tkun intbagħtet lill-Iżrael, mingħajr ħsara għall-obbligi tal-Unjoni skont ftehimiet ta' għoti u/jew kuntratti ta' għoti diġà konklużi rilevanti għall-implimentazzjoni ta' azzjonijiet indiretti magħżula.

    4.

    Sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju tas-sena wara sena finanzjarja, l-istqarrija ta' approprjazzjonijiet għall-Programm għal dik is-sena finanzjarja għandha titħejja u tintbagħat lill-Iżrael għall-informazzjoni tiegħu, skont il-format tar-rendikont ta' dħul u nfiq tal-Kummissjoni.

    5.

    Fil-mument tal-għeluq tal-kontijiet marbutin ma' kull sena finanzjarja, il-Kummissjoni, fil-qafas tal-istabbiliment tar-rendikont tad-dħul u l-infiq, għandha tipproċedi għar-regolarizzazzjoni tal-kontijiet fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Iżrael. Din ir-regolarizzazzjoni għandha tqis l-emendi li jkunu saru, sew bi trasferiment, kanċellazzjonijiet, trasferimenti 'l quddiem, diżimpenji, sew permezz ta' baġits supplimentari jew ta' emenda matul is-sena finanzjarja. Din ir-regolarizzazzjoni għandha ssir fil-mument tat-tieni ħlas għas-sena finanzjarja ta' wara, u għall-aħħar sena finanzjarja f'Lulju 2021. Regolarizzazzjoni ulterjuri għandha ssir kull sena sa Lulju 2023.


    (1)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).


    ANNESS II

    KONTROLL FINANZJARJU TAL-PARTEĊIPANTI MILL-IŻRAEL FIL-PROGRAMMI KOPERTI MINN DAN IL-FTEHIM

    I.   Komunikazzjoni diretta

    Il-Kummissjoni għandha tikkomunika direttament mal-parteċipanti fil-Programm stabbiliti fl-Iżrael, kif ukoll mas-subkuntratturi tagħhom. Dawn jistgħu jressqu direttament lill-Kummissjoni kull informazzjoni u dokumentazzjoni rilevanti li huma rikjesti li jippreżentaw abbażi tal-istrumenti msemmija f'dan il-Ftehim, kif ukoll abbażi tal-arranġamenti għall-għoti ta' għajnuna u/jew kuntratti konklużi għall-implimentazzjoni tagħhom.

    II.   Verifika finanzjarja

    1.

    B'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (minn issa 'l quddiem imsejjaħ “ir-Regolament Finanzjarju”) u mar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (1) (minn issa 'l quddiem imsejjaħ “ir-Regoli ta' Applikazzjoni”), kif ukoll mar-regoli l-oħra msemmija f'dan il-Ftehim, il-ftehimiet ta' għotja u/jew il-kuntratt konklużi ma' parteċipanti fil-Programm stabbilit fl-Iżrael jistgħu jipprevedu għal verifika xjentifika, finanzjarja, teknoloġika jew ta' natura oħra, li tista' ssir fi kwalunkwe mument fuq il-proprjetà tal-parteċipanti u tas-subkuntratturi tagħhom, minn aġenti tal-Kummissjoni jew minn persuni oħra b'mandat tal-Kummissjoni.

    2.

    Aġenti tal-Kummissjoni, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u persuni oħrajn li jkunu ngħataw is-setgħa mill-Kummissjoni għandu jkollhom aċċess xieraq għas-siti, xogħlijiet u dokumenti (kemm elettroniċi u kemm fuq il-karta), kif ukoll għal kull informazzjoni meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jwettqu tali verifika fuq il-post, soġġett għall-inklużjoni ta' dan id-dritt għall-aċċess li għandu jiġi ddikjarat b'mod espliċitu fil-ftehimiet ta' għotja u/jew fil-kuntratti konklużi biex jiġu implimentati l-istrumenti msemmija f'dan il-Ftehim ma' parteċipanti mill-Iżrael. Jekk dawn id-drittijiet ta' aċċess ma jingħatawx, ikun jitqies li l-kostijiet mhumiex issostanzjati, u b'konsegwenza ta' dan, jitqies bħala ksur potenzjali tal-ftehimiet ta' għotja.

    3.

    Il-verifika tista' ssir wara li jiskadi l-Programm jew dan il-Ftehim, bil-kundizzjonijiet stipulati fil-ftehimiet ta' għotja u/jew fil-kuntratti kkonċernati. Kull verifika li ssir wara l-iskadenza tal-Programm jew ta' dan il-Ftehim għandha ssir skont il-kundizzjonijiet stipulati f'dan l-Anness II.

    III.   Verifiki fuq il-post mill-OLAF

    1.

    Fil-qafas ta' dan il-Ftehim, il-Kummissjoni (OLAF) għandha tkun awtorizzata li tagħmel verifiki u spezzjonijiet fuq il-post fl-istabbilimenti tal-parteċipanti u tas-subkuntratturi tagħhom mill-Iżrael, skont il-patti u l-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (2).

    2.

    Il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom jitħejjew u jitwettqu mill-Kummissjoni b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtorità kompetenti tal-Iżrael maħtura mill-gvern Iżraeljan.

    Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu tal-Anness II, fi kwistjonijiet ċivili jew amministrattivi, l-Awtorità Iżraeljana maħtura hija l-Uffiċċju tax-Xjenzat Prinċipali fil-Ministeru tal-Ekonomija. Madankollu, talba għat-twettiq ta' atti ta' investigazzjoni, spezzjonijiet u l-ksib ta' dokumenti b'rabta ma' kwistjoni jew stħarriġ kriminali, għandha ssir skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Internazzjonali dwar l-Assistenza Legali 5758-1998. Fir-rigward ta' kwistjonijiet marbutin ma' tali talbiet, l-Awtorità Iżraeljana maħtura għandha tkun id-Dipartiment ta' Affarijiet Internazzjonali tal-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat fil-Ministeru tal-Ġustizzja Iżraeljan. L-awtorità maħtura għandha tiġi nnotifikata, bil-quddiem u bi żmien raġonevoli, bil-għan, l-iskop u l-bażi legali tal-verifiki u spezzjonijiet, sabiex tkun tista' tipprovdi assistenza. Għal dak il-għan, l-uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti Iżraeljani jistgħu jipparteċipaw fil-verifiki u fl-ispezzjonijiet fuq il-post.

    3.

    Jekk l-awtoritajiet Iżraeljani kkonċernati jkunu jixtiequ, il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post jistgħu jsiru b'mod konġunt minnhom u mill-Kummissjoni.

    4.

    Meta l-parteċipanti fil-Programm jopponu verifika jew spezzjoni fuq il-post, l-awtoritajiet Iżraeljani, filwaqt li jaġixxu skont ir-regoli u r-regolamenti nazzjonali, għandhom jassistu lill-ispetturi tal-Kummissjoni, sakemm ikun xieraq u kif ikun meħtieġ sabiex dawn ikunu jistgħu jaqdu dmirijiethom fil-verifika jew spezzjoni fuq il-post.

    5.

    Il-Kummissjoni għandha tirrapporta malajr kemm jista' jkun lill-awtorità kompetenti Iżraeljana bi kwalunkwe fatt jew suspett li jkollu x'jaqsam ma' irregolarità li tkun ġiet innotifikata lilha matul il-verifika jew spezzjoni fuq il-post. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtorità msemmija hawn fuq bir-riżultati ta' tali verifiki u spezzjonijiet.

    IV.   Informazzjoni u konsultazzjoni

    1.

    Għall-finijiet tal-implimentazzjoni xierqa ta' dan l-Anness, l-awtoritajiet kompetenti tal-Iżrael u tal-Unjoni għandhom jagħmlu skambju tal-informazzjoni regolarment, sakemm dan ma jkunx ipprojbit jew illeċitu skont regoli u regolamenti nazzjonali, u, fuq talba ta' waħda mill-Partijiet, għandhom isiru konsultazzjonijiet.

    2.

    L-awtoritajiet kompetenti tal-Iżrael għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni fi żmien xieraq bi kwalunkwe fatt jew suspett li jkun ġie nnotifikat lilhom u li jkollu x'jaqsam ma' xi irregolarità rigward il-konklużjoni u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' għotja u/jew tal-kuntratti konklużi fl-applikazzjoni tal-istrumenti msemmija f'dan il-Ftehim.

    V.   Kunfidenzjalità

    Informazzjoni li tkun ikkomunikata jew miksuba fi kwalunkwe forma fil-qafas ta' dan l-Anness għandha tkun koperta bis-segretezza professjonali u protetta bl-istess mod bħal ma tkun protetta informazzjoni simili permezz tal-liġi Iżraeljana u permezz tad-dispożizzjonijiet korrispondenti applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Tali informazzjoni ma għandhiex tiġi kkomunikata ħlief lil persuni fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew fl-Istati Membri jew fl-Iżrael li l-funzjonijiet tagħhom jirrikjedu legalment li huma jkunu jafuha, u tali informazzjoni lanqas ma għandha tintuża għal skopijiet oħra ħlief sabiex tkun żgurata l-protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Partijiet (3).

    VI.   Miżuri u penali amministrattivi

    Mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tal-liġi kriminali tal-Iżrael, il-Kummissjoni tista' timponi miżuri u penali amministrattivi skont ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 966/2012, ir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1268/2012 u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (4).

    VII.   Irkupru u infurzar

    Id-deċiżjonijiet meħudin mill-Kummissjoni fil-qafas tal-Programmi koperti minn dan il-Ftehim li jimponu obbligu monetarju fuq persuni li mhumiex Stati għandhom ikunu infurzati fl-Iżrael. Fuq talba tal-Kummissjoni, l-awtorità maħtura mill-gvern tal-Istat tal-Iżrael għandha tibda l-proċeduri ta' infurzar tad-deċiżjoni f'isem il-Kummissjoni. F'dan il-każ, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha titressaq quddiem il-Qorti Iżraeljana, mingħajr formalitajiet oħra ħlief il-verifika tal-awtentiċità tad-deċiżjoni, mill-awtorità maħtura għal dan il-għan mill-Gvern tal-Istat tal-Iżrael, li għandu jgħarraf lill-Kummissjoni b'dan. L-infurzar għandu jseħħ b'konformità mal-liġi u r-regoli ta' proċedura tal-Iżrael. Id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' infurzar huma inkorporati fil-ftehimiet ta' għotja u/jew fil-kuntratti mal-parteċipanti mill-Iżrael. Il-Qorti ta' Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha l-ġuriżdizzjoni li tirrevedi l-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, kif ukoll li tissuspendi l-infurzar ta' tali deċiżjoni. Barra minn hekk, il-qrati tal-Iżrael għandu jkollhom ġuriżdizzjoni fuq ilmenti li l-infurzar ikun qed isir b'mod irregolari.


    (1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (EURATOM, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

    (3)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

    (4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).


    Top