Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22011A0720(01)

    Ftehim Monetarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Franċiża dwar iż-żamma tal-euro f’Saint-Barthélemy wara l-modifikazzjoni fl-istatus tagħha fir-rigward tal-Unjoni Ewropea

    ĠU L 189, 20.7.2011, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2011/433/oj

    Related Council decision

    22011A0720(01)

    Ftehim Monetarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Franċiża dwar iż-żamma tal-euro f’Saint-Barthélemy wara l-modifikazzjoni fl-istatus tagħha fir-rigward tal-Unjoni Ewropea

    Official Journal L 189 , 20/07/2011 P. 0003 - 0004


    TRADUZZJONI

    Ftehim Monetarju

    bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Franċiża dwar iż-żamma tal-euro f’Saint-Barthélemy wara l-modifikazzjoni fl-istatus tagħha fir-rigward tal-Unjoni Ewropea

    L-UNJONI EWROPEA, rappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea,

    u

    IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA, li taġixxi fl-interess ta’ Saint-Barthélemy,

    Billi:

    (1) Saint-Barthélemy hija parti integrali mir-Repubblika Franċiża iżda mhux se tibqa’ parti mill-Unjoni Ewropea mill- 1 ta’ Jannar 2012, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2010/718/UE tad- 29 ta’ Ottubru 2010 li timmodifika l-istatus fir-rigward tal-Unjoni Ewropea tal-gżira ta’ Saint-Barthélemy [1];

    (2) Ir-Repubblika Franċiża tixtieq li Saint-Barthélemy żżomm l-istess munita bħal dik fi Franza metropolitana u għaldaqstant, fit-territorju ta’ Saint-Barthélemy, se tkompli tagħti status ta’ valuta legali esklużivament lill-karti tal-flus u l-muniti tal-euro maħruġa mill-Eurosistema u mill-Istati Membri li adottaw l-euro;

    (3) Huwa meħtieġ li f’Saint-Barthélemy tiġi żgurata l-kontinwità tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni Ewropea, attwali u tal-futur, neċessarji għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, sabiex b’mod partikolari, tiżgura l-unità tal-politika monetarja tal-Eurosistema, tagħmel il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni ugwali bejn l-istabbilimenti finanzjarji fiż-żona euro, u tipprevjeni l-frodi u l-falsifikazzjoni tal-mezzi ta’ ħlas bi flus kontanti jew le u l-ħasil ta’ flus;

    (4) Dan il-Ftehim huwa konkluż ma’ Stat Membru li jaġixxi fl-interess ta’ entità mhux sovrana u, għal dan il-għan, ma jipprovdix għad-dritt tal-istampar tal-flus (mint coinage). Il-munita u l-liġi bankarja u finanzjarja jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Istat Franċiż. Fil-kwistjonijiet relatati mal-funzjonament tajjeb tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolatorji tal-liġi Franċiża japplikaw awtomatikament għal Saint-Barthélemy skont l-istatus tagħha.

    QABLU DWAR ID-DISPOŻIZZJONIJIET LI ĠEJJIN:

    Artikolu 1

    L-euro għandha tibqa’ l-munita ta’ Saint-Barthélemy.

    Artikolu 2

    Ir-Repubblika Franċiża se tibqa’ tagħti status ta’ valuta legali lill-karti tal-flus u lill-muniti tal-euro f’ Saint-Barthélemy.

    Artikolu 3

    1. Ir-Repubblika Franċiża f’Saint-Barthélemy se tkompli tapplika l-atti legali u r-regoli tal-Unjoni Ewropea neċessarji għall-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja fl-oqsma li ġejjin:

    (a) Il-karti tal-flus u l-muniti tal-euro;

    (b) Il-prevenzjoni tal-frodi u l-falsifikazzjoni tal-mezzi ta’ ħlas bi flus kontanti jew b’mezzi oħrajn;

    (c) Il-midalji u t-towkins;

    (d) Il-miżuri neċessarji għall-użu tal-euro bħala munita unika adottati skont l-Artikolu 133 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

    (e) Il-leġiżlazzjoni bankarja u finanzjarja, inkluż l-atti legali adottati mill-Bank Ċentrali Ewropew;

    (f) Il-prevenzjoni tal-ħasil ta’ flus;

    (g) L-obbligi ta’ komunikazzjoni tal-informazzjoni f’forma statistika stabbilita mill-Eurosistema.

    2. Ir-Repubblika Franċiża għandha timpenja ruħha li tikkoopera b’mod sħiħ mal-Europol fit-territorju ta’ Saint-Barthélemy fir-rigward tal-prevenzjoni tal-frodi u l-falsifikazzjoni tal-mezzi ta’ ħlas kif ukoll tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

    Artikolu 4

    Il-miżuri li ttieħdu mill-awtoritajiet Franċiżi kompetenti sabiex jittrasponu l-atti adottati mill-Unjoni Ewropea — inkluż dawk tal-Bank Ċentrali Ewropew — fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 3(1) għandhom japplikaw b’mod awtomatiku u bl-istess kundizzjonijiet f’Saint-Barthélemy.

    Artikolu 5

    L-atti tal-Unjoni Ewropea adottati fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 3(1) — inklużi dawk tal-Bank Ċentrali Ewropew — u li huma applikabbli direttament fl-Istati Membri, għandhom japplikaw b’mod awtomatiku u bl-istess kundizzjonijiet f’Saint-Barthélemy.

    Artikolu 6

    L-istituzzjonijiet ta’ kreditu u, jekk applikabbli, l-istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn awtorizzati li jwettqu l-attivitajiet tagħhom f’Saint-Barthélemy għandu jkollhom aċċess għas-sistemi interbankarji ta’ saldu u ta’ ħlas u għas-sistemi ta’ saldu tat-titoli fiż-żona euro bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli fl-istituzzjonijiet fi Franza metropolitana.

    Artikolu 7

    Ir-Repubblika Franċiża kull sentejn għandha tippreżenta lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni tal-atti legali u r-regoli tal-Unjoni Ewropea koperti minn dan il-Ftehim f’Saint-Barthélemy. Dan ir-rapport għandu jinkludi b’mod partikolari lista tal-atti tal-Unjoni Ewropea li huma applikabbli b’mod dirett, inklużi dawk tal-Bank Ċentrali Ewropew li huma applikabbli b’mod awtomatiku f’Saint-Barthélemy skont l-Artikolu 5. L-ewwel rapport għandu jkun ippreżentat qabel tmiem l-2012.

    Artikolu 8

    1. Għandu jissejjaħ kumitat konġunt skont il-bżonn. Huwa għandu jkun ippresedut mill-Kummissjoni u magħmul mir-rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea u tar-Repubblika Franċiża.

    2. Id-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea hija ppreseduta mill-Kummissjoni u tinkludi rappreżentanti mill-Bank Ċentrali Ewropew.

    3. Il-kumitat konġunt għandu jiltaqa’ jekk dan ikun mitlub minn wieħed mill-membri tad-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea jew tar-Repubblika Franċiża sabiex tiġi analizzata kwalunkwe problema li jista’ jkun hemm minħabba l-applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni.

    Artikolu 9

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkollha l-kompetenza esklużiva biex issolvi t-tilwim kollu li jista’ jirriżulta bejn il-partijiet minħabba l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim u li ma jkunx seta’ jiġi solvut fi ħdan il-kumitat konġunt.

    Artikolu 10

    L-Unjoni Ewropea jew ir-Repubblika Franċiża jistgħu jtemmu dan il-Ftehim jekk issir notifikazzjoni sa sena qabel.

    Artikolu 11

    Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl- 1 ta’ Jannar 2012, wara li l-partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri ta’ ratifika tagħhom stess.

    Artikolu 12

    Dan il-Ftehim huwa stabbilit f’żewġ kopji, bil-lingwa Franċiża u dik Ingliża, biż-żewġ testi jkunu ugwalment awtentiċi.

    Magħmul fi Brussell, fit-tnax-il jum ta’ Lulju tas-sena elfejn u ħdax.

    Għall-Unjoni Ewropea

    Għar-Repubblika Franċiża

    [1] ĠU L 325, 9.12.2010, p. 4.

    --------------------------------------------------

    Top