Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22009A0203(01)

    Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u ir-Repubblika ta’ Ġibuti dwar l-istatus tal-forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea fir-Repubblika ta’ Ġibuti fil-qafas tal-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea Atalanta

    ĠU L 33, 3.2.2009, p. 43–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2009/88/oj

    Related Council decision

    22009A0203(01)

    Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u ir-Repubblika ta’ Ġibuti dwar l-istatus tal-forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea fir-Repubblika ta’ Ġibuti fil-qafas tal-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea Atalanta

    Official Journal L 033 , 03/02/2009 P. 0043 - 0048


    TRADUZZJONI

    Ftehim

    bejn l-Unjoni Ewropea u ir-Repubblika ta’ Ġibuti dwar l-istatus tal-forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea fir-Repubblika ta’ Ġibuti fil-qafas tal-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea Atalanta

    L-UNJONI EWROPEA (UE),

    minn naħa waħda, u

    IR-REPUBBLIKA TA’ ĠIBUTI, minn hawn ‘il quddiem imsejħa "Stat Ospitanti",

    min-naħa l-oħra,

    minn hawn ‘il quddiem imsejħa "Partijiet",

    Imħassbin dwar il-mewġa ġdida tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi kontra bastimenti li jittrasportaw l-għajnuna umanitarja u bastimenti li jbaħħru ‘l barra mix-xtut tas-Somalja,

    WARA LI KKUNSIDRAW:

    ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1814 (2008), 1838 (2008) u 1846 (2008);

    l-ittra tar-Repubblika ta’ Ġibuti bid-data l- 1 ta’ Diċembru 2008 fejn taċċetta b’mod partikolari l-preżenza ta’ elementi tal-forza navali tal-UE fit-territorju tagħha;

    l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 2008/851/PESK tal- 10 ta’ Novembru 2008 dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ‘l barra mix-xtut tas-Somalja (operazzjoni "Atalanta");

    li dan il-Ftehim ma jolqotx id-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet taħt strumenti ta’ ftehim internazzjonali u strumenti oħrajn li jistabbilixxu qrati u tribunali internazzjonali, inkluż l-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

    QABLU DWAR DAN LI ĠEJ:

    Artikolu 1

    Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet

    1. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għandhom japplikaw għall-Forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea u l-persunal tagħhom.

    2. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għandhom japplikaw biss fit-territorju tal-Istat Ospitanti, inklużi l-ilmijiet interni, il-baħar territorjali u l-ispazju tal-ajru tiegħu.

    3. Għall-fini ta’ dan il-Ftehim:

    (a) "forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea" (EUNAVFOR) għandha tfisser il-kwartieri ġenerali militari tal-UE u l-kontinġenti nazzjonali li jikkontribwixxu għall-operazzjoni, il-bastimenti tagħhom, l-inġenji tal-ajru tagħhom, it-tagħmir tagħhom u l-mezzi tat-trasport tagħhom;

    (b) "operazzjoni" għandha tfisser it-tħejjija, l-istabbiliment, it-twettiq u l-appoġġ tal-missjoni militari segwenti għall-mandat li jirriżulta mir-Riżoluzzjonijiet 1814 (2008) u 1816 (2008) kif ukoll kull Riżoluzzjoni sussegwenti rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar iffirmata fl- 10 ta’ Diċembru 1982;

    (ċ) "Kmandant tal-Operazzjoni" għandha tfisser il-Kmandant tal-Operazzjoni;

    (d) "Kmandant tal-Forza tal-UE" għandha tfisser il-Kmandant fiż-żona tal-operazzjonijiet;

    (e) "kwartieri ġenerali militari tal-UE" għandha tfisser il-kwartieri ġenerali militari u l-elementi tagħhom, irrispettivament minn fejn jinsabu, taħt l-awtorità tal-kmandanti militari tal-UE li jeżerċitaw il-kmand jew il-kontroll militari tal-operazzjoni;

    (f) "kontinġenti nazzjonali" għandha tfisser l-unitajiet, il-bastimenti, l-inġenji tal-ajru u l-elementi, partikolarment l-istakkamenti ta’ protezzjoni u elementi militari imbarkati abbord bastimenti merkantili, li huma l-proprjetà tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati l-oħra li jipparteċipaw fl-operazzjoni;

    (g) "persunal tal-EUNAVFOR" għandha tfisser il-persunal ċivili u militari assenjat lill-EUNAVFOR, kif ukoll il-persunal skjerat għat-tħejjija tal-operazzjoni u l-persunal fuq missjoni, kif ukoll il-persunal tal-pulizija li jiskorta lill-persuni arrestati mill-EUNAVFOR, għal Stat Mittenti ta’ oriġini jew istituzzjoni tal-UE fil-qafas tal-operazzjoni, li jinsabu, ħlief kif ipprovdut mod ieħor f’dan il-Ftehim, fit-territorju tal-Istat Ospitanti, bl-eċċezzjoni tal-persunal impjegat lokalment u l-persunal impjegat minn kuntratturi kummerċjali internazzjonali;

    (h) "persunal impjegat lokalment" għandha tfisser il-membri tal-persunal li jkunu ċittadini tal-Istat Ospitanti jew ikunu residenti permanenti fih;

    (i) "faċilitajiet" għandha tfisser il-bini, l-akkomodazzjoni u l-art kollha meħtieġa għall-EUNAVFOR u għall-persunal tagħha;

    (j) "Stat Mittenti" għandha tfisser Stat li jipprovdi kontinġent nazzjonali għad-dispożizzjoni tal-EUNAVFOR;

    (k) "ilmijiet" għandha tfisser l-ilmijiet interni u l-baħar territorjali tal-Istat Ospitanti, kif ukoll l-ispazju tal-ajru fuq dawn l-ilmijiet;

    (l) "korrispondenza uffiċjali" għandha tfisser kull korrispondenza relatata mal-operazzjoni u mal-funzjonijiet tagħha.

    Artikolu 2

    Dispożizzjonijiet ġenerali

    1. L-EUNAVFOR u l-persunal tiegħu għandhom jirrispettaw il-liġijiet u r-regolamenti tal-Istat Ospitanti u għandhom jastjenu minn kull azzjoni jew attività li tkun inkompatibbli mal-objettivi tal-operazzjoni.

    2. L-EUNAVFOR għandha tinforma, regolarment u minn qabel, lill-gvern tal-Istat Ospitanti bin-numru tal-membri tal-persunal tagħha li jgħaddu mit-territorju tal-Istat Ospitanti jew li jkunu stazzjonati fih, kif ukoll bl-identità tal-bastimenti, l-inġenji tal-ajru u l-unitajiet li joperaw fl-ilmijiet tal-Istat Ospitanti jew li jidħlu fil-portijiet tiegħu.

    Artikolu 3

    Identifikazzjoni

    1. Il-membri tal-persunal tal-EUNAVFOR li jkunu fuq l-art fit-territorju tal-Istat Ospitanti għandhom dejjem iġorru magħhom il-passaport jew il-karta tal-identità militari tagħhom.

    2. Il-vetturi, l-inġenji tal-ajru, il-bastimenti u l-mezzi l-oħrajn tat-trasport tal-EUNAVFOR għandhom ikollhom fuqhom marki ta’ identifikazzjoni u/jew pjanċi tar-reġistrazzjoni distintivi tal-EUNAVFOR, li dwarhom għandhom ikunu notifikati minn qabel l-awtoritajiet tal-Istat Ospitanti.

    3. L-EUNAVFOR għandha jkollha d-dritt li turi l-bandiera tal-Unjoni Ewropea u marki distintivi, bħal ma huma insinji militari, titoli u simboli uffiċjali, fuq il-faċilitajiet, il-vetturi u l-mezzi l-oħrajn tat-trasport tagħha. L-uniformijiet tal-persunal tal-EUNAVFOR għandu jkollhom emblema distintiva tal-EUNAVFOR. Il-bnadar jew l-insinji nazzjonali tal-kontinġenti nazzjonali li jikkostitwixxu l-operazzjoni jistgħu jkunu murija fuq il-faċilitajiet, il-vetturi u l-mezzi l-oħrajn tat-trasport u l-uniformijiet tal-EUNAVFOR, skont id-deċiżjoni tal-Kmandant tal-Forza tal-UE.

    Artikolu 4

    Qsim tal-fruntieri u moviment fit-territorju tal-Istat Ospitanti

    1. Il-membri tal-persunal tal-EUNAVFOR m’għandhomx jidħlu fit-territorju tal-Istat Ospitanti ħlief bil-preżentazzjoni ta’ passaport validu, u, jekk ikun l-ewwel dħul, ħlief fil-każ tal-ekwipaġġi tal-bastimenti u tal-inġenji tal-ajru tal-EUNAVFOR, ta’ ordni ta’ missjoni individwali jew kollettiva maħruġa mill-EUNAVFOR. Meta huma jidħlu fit-territorju tal-Istat Ospitanti, jitilqu minnu jew ikunu qegħdin fih, huma għandhom ikunu eżenti minn spezzjonijiet fil-qafas tal-formalitajiet tal-immigrazzjoni u tal-kontroll doganali. L-ekwipaġġi tal-bastimenti u tal-inġenji tal-ajru tal-EUNAVFOR għandhom ikunu eżenti mid-dispożizzjonijiet relatati mal-viża.

    2. Il-membri tal-persunal tal-EUNAVFOR għandhom ikunu eżenti mid-dispożizzjonijiet tal-Istat Ospitanti dwar ir-reġistrazzjoni u l-kontroll tal-barranin, iżda m’għandhom jiksbu l-ebda dritt għal residenza jew domiċilju permanenti fit-territorju tal-Istat Ospitanti.

    3. L-Istat Opsitanti għandu jiġi pprovdut, għal fini ta’ informazzjoni, b’lista ġenerali tar-riżorsi tal-EUNAVFOR li jidħlu fit-territorju tiegħu. Dawn ir-riżorsi għandu jkollhom marka ta’ identifikazzjoni tal-EUNAVFOR. L-EUNAVFOR għandha tkun eżenti milli tipproduċi xi dokument doganali ieħor kif ukoll minn kull tip ta’ spezzjoni.

    4. Il-membri tal-persunal tal-EUNAVFOR jistgħu jsuqu vetturi bil-mutur u jinnavigaw bastimenti u inġenji tal-ajru fit-territorju tal-Istat Ospitanti bil-kondizzjoni li jkollhom, skont il- każ, liċenzja tas-sewqan, ċertifikat ta’ kaptan ta’ bastiment jew liċenzja ta’ bdot valida nazzjonali, internazzjonali jew militari, li tkun inħarġet minn wieħed mill-Istati Mittenti.

    5. Għall-finijiet tal-operazzjoni, l-Istat Ospitanti għandu jagħti lill-EUNAVFOR u lill-persunal tagħha l-libertà tal-moviment u tal-ivvjaġġar fit-territorju tiegħu, inkluż fl-ilmijiet u fl-ispazju tal-ajru tiegħu. Il-libertà tal-moviment fil-baħar territorjali tal-Istat Ospitanti għandha tinkludi partikolarment il-waqfien u l-ankoraġġ.

    6. Għall-finijiet tal-operazzjoni, l-EUNAVFOR tista’ twettaq l-illanċjar, l-inżul jew it-teħid abbord ta’ inġenji tal-ajru jew tagħmir militari fl-ilmijiet tal-Istat Ospitanti.

    7. Għall-finijiet tal-operazzjoni, l-EUNAVFOR u l-mezzi tat-trasport li tikri jistgħu jużaw it-toroq, il-pontijiet, il-laneċ, l-ajruporti u l-portijiet mingħajr ma jħallsu taxxi jew tariffi simili. L-EUNAVFOR m’għandhiex tkun eżenti minn kontributi finanzjarji bħala kumpens għas-servizzi li tibbenefika minnhom fuq talba tagħha.

    Artikolu 5

    Privileġġi u immunitajiet tal-EUNAVFOR mogħtija mill-Istat Ospitanti

    1. Il-faċilitajiet tal-EUNAVFOR u l-bastimenti u l-inġenji tal-ajru tagħha għandhom ikunu invjolabbli. Madankollu, l-aġenti tal-Istat Ospitanti jistgħu jidħlu fihom bil-kunsens tal-Kmandant tal-Forza tal-UE.

    2. L-EUNAVFOR, kif ukoll il-beni u r-riżorsi tagħha, irrispettivament minn fejn jinsabu u mid-detentur tagħhom, għandu jkollhom immunità mill-ġurisdizzjoni.

    3. Il-faċilitajiet tal-EUNAVFOR, it-tagħmir tagħhom u l-beni oħra fihom kif ukoll il-mezzi ta’ trasport tagħhom għandhom ikunu ħielsa minn kull tfittxija, rekwiżizzjoni, sekwestru jew miżura ta’ eżekuzzjoni.

    4. L-arkivji u d-dokumenti tal-EUNAVFOR għandhom ikunu dejjem invjolabbli, ikunu fejn ikunu.

    5. Il-korrispondenza uffiċjali tal-EUNAVFOR għandha tkun invjolabbli.

    6. L-Istat Ospitanti għandu jawtorizza d-dħul ta’ oġġetti għall-operazzjoni u jagħtihom eżenzjoni minn kull dazju doganali, taxxa jew tariffi simili, ħlief għall-ispejjeż għal ħżin, trasport u servizzi oħra mwettqa.

    7. L-EUNAVFOR għandha tkun eżenti mill-imposti, it-taxxi u t-tariffi simili kollha nazzjonali, reġjonali jew komunali fir-rigward ta’ merkanzija mixtrija u importata, servizzi pprovduti u faċilitajiet użati minnha għall-finijiet tal-operazzjoni. L-EUNAVFOR m’għandhiex tkun eżenti minn imposti jew ħlasijiet oħra li jirrappreżentaw ħlas għal servizzi mwettqa.

    Artikolu 6

    Privileġġi u immunitajiet tal-persunal tal-EUNAVFOR mogħtija mill-Istat Ospitanti

    1. Il-persunal tal-EUNAVFOR ma jista’ jkun soġġett għal ebda forma ta’ arrest jew detenzjoni. F’każ ta’ reat f’postijiet pubbliċi li jiġi nnotat waqt li jkun qed iseħħ minn awtorità tal-pulizija tal-Istat Ospitanti, din għandha, jekk il-persuna li twettaq ir-reat tkun ippreġudikat l-integrità fiżika ta’ ċittadin tal-Istat Ospitanti, tkun awtorizzata li żżommha taħt arrest biex tiżgura l-protezzjoni tagħha sakemm jaslu l-awtoritajiet kompetenti tal-EUNAVFOR.

    2. Id-dokumenti, il-korrispondenza u l-proprjetà tal-persunal tal-EUNAVFOR għandhom ikunu invjolabbli, ħlief fil-każ ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni awtorizzati skont il-paragrafu 6.

    3. Il-persunal tal-EUNAVFOR għandu jkollu immunità mill-ġurisdizzjoni kriminali tal-Istat Ospitanti.

    L-immunità mill-ġurisdizzjoni kriminali tal-persunal tal-EUNAVFOR tista’ tiġi rrinunċjata mill-Istat Mittenti jew l-istituzzjoni kkonċernata tal-UE, skont il-każ. Din ir-rinunzja għandha dejjem issir bil-miktub.

    4. Il-persunal tal-EUNAVFOR għandu jgawdi immunità mill-ġurisdizzjoni ċivili u amministrattiva tal-Istat Ospitanti fir-rigward tal-kliem li jgħid jew jikteb u l-atti kollha li jwettaq fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu.

    Meta jitressaq xi proċediment ċivili kontra l-persunal tal-EUNAVFOR quddiem qorti tal-Istat Ospitanti, il-Kmandant tal-Forza tal-UE u l-awtorità kompetenti tal-Istat Mittenti jew tal-istituzzjoni tal-UE għandhom jiġu nnotifikati minnufih dwaru. Qabel il-bidu tal-ftuħ tal-proċediment quddiem il-qorti kompetenti, il-Kmandant tal-Forza tal-UE u l-awtorità kompetenti tal-Istat Mittenti jew tal-istituzzjoni kkonċernata tal-UE għandha tiċċertifika jekk l-att inkwistjoni kienx twettaq mill-persunal tal-EUNAVFOR fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu.

    Meta l-att ikun twettaq fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali, il-proċediment m’għandux jinbeda u għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15. Jekk l-att ma jkunx twettaq fl-eżerċizzju ta’ funzjonijiet uffiċjali, il-proċediment jista’ jitkompla. L-Istat Ospitanti għandu jiżgura ruħu li l-qorti kompetenti tirrikonoxxi ċ-ċertifikazzjoni mill-Kmandant tal-Forza tal-UE u l-awtorità kompetenti tal-Istat Mittenti jew l-istituzzjoni kkonċernata tal-UE.

    Jekk il-persunal tal-EUNAVFOR jibda proċedura ċivili, huwa ma jkunx jista’ jinvoka aktar l-immunità mill-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ kull kontrotalba relatata direttament mat-talba prinċipali.

    5. Il-persunal tal-EUNAVFOR mhux obbligat li jagħti xhieda.

    6. Ma tista’ tittieħed l-ebda miżura ta’ twettiq fir-rigward tal-persunal tal-EUNAVFOR, ħlief jekk jinfetaħ kontrih proċediment ċivili mhux relatat mal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu. Il-beni tal-persunal tal-EUNAVFOR, li jkunu ċċertifikati mill-Kmandant tal-Forza tal-UE bħala meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu, għandhom ikunu ħielsa minn sekwestru għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-qorti. Fi proċedimenti ċivili l-persunal tal-EUNAVFOR m’għandu jkun soġġett għall-ebda restrizzjoni tal-libertà personali tiegħu jew għal xi miżuri oħra restrittiva.

    7. L-immunità tal-persunal tal-EUNAVFOR mill-ġurisdizzjoni tal-Istat Ospitanti ma teżentahx mill-ġurisdizzjoni tal-Istat Mittenti.

    8. Il-persunal tal-EUNAVFOR għandu jkun eżenti minn kull forma ta’ tassazzjoni fl-Istat Ospitanti kemm fuq ir-remunerazzjoni u l-emolumenti mħallsa lilu mill-EUNAVFOR jew mill-Istati Mittenti, kif ukoll fuq kull dħul li jirċievi minn barra l-Istat Ospitanti.

    9. L-Istat Ospitanti għandu, konformement mal-liġijiet u r-regolamenti li jista’ jadotta, jippermetti d-dħul ta’ oġġetti għall-użu personali tal-persunal tal-EUNAVFOR u jeżentahom minn kull dazju doganali, taxxa u tariffa relatata ħlief għat-tariffi għal ħżin, ġarr u servizzi simili.

    Il-bagalji personali tal-persunal tal-EUNAVFOR għandhom ikunu eżenti mill-ispezzjoni, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet serji biex wieħed jaħseb li jkun fihom oġġetti li ma jkunux għall-użu personali tiegħu, jew oġġetti li l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tagħhom tkun ipprojbita mil-liġi jew ikkontrollata bir-regolamenti ta’ kwarantina tal-Istat Ospitanti. Tali spezzjoni għandha titwettaq biss fil-preżenza tal-persunal tal-EUNAVFOR ikkonċernat jew ta’ rappreżentant awtorizzat tal-EUNAVFOR.

    Artikolu 7

    Persunal impjegat lokalment

    Il-persunal impjegat lokalment m’għandu jibbenefika minn ebda privileġġ jew immunità. Madankollu, l-Istat Ospitanti għandu jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq dak il-persunal b’tali mod li ma jfixkilx eċċessivament it-twettiq tal-funzjonijiet tal-operazzjoni.

    Artikolu 8

    Ġurisdizzjoni kriminali

    L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Mittenti jistgħu jeżerċitaw fit-territorju tal-Istat Ospitanti, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti ta’ dan tal-aħħar, is-setgħat kollha ta’ ġurisdizzjoni kriminali u dixxiplinarji kollha mogħtija lilhom bil-liġi tal-Istat Mittenti fir-rigward tal-persunal kollu tal-EUNAVFOR soġġett għal din il-leġislazzjoni.

    Artikolu 9

    Uniformi u armi

    1. L-ilbies ta’ uniformi għandu jkun soġġett għar-regoli adottati mill-Kmandant tal-Forza tal-UE.

    2. Għall-finijiet tal-operazzjoni, il-membri tal-persunal militari tal-EUNAVFOR, kif ukoll il-persunal tal-pulizija li jiskortaw lill-persuni arrestati mill-EUNAVFOR, jistgħu jġorru jew jittrasportaw armi u munizzjon bil-kondizzjoni li jkunu awtorizzati jagħmlu dan bl-ordnijiet li jkollhom.

    Artikolu 10

    Appoġġ mill-Istat Ospitanti u għoti ta’ kuntratti

    1. L-Istat Ospitanti għandu jaċċetta, jekk jintalab, li jgħin lill-EUNAVFOR issib faċilitajiet adatti.

    2. Fil-limiti tal-mezzi u l-kapaċitajiet tiegħu, l-Istat Ospitanti għandu jgħin fit-tħejjija, l-istabbiliment, it-twettiq u l-appoġġ għall-operazzjoni.

    3. Il-liġi applikabbli għall-kuntratti konklużi mill-EUNAVFOR fl-Istat Ospitanti għandha tkun stabbilita fil-kuntratt.

    4. Il-kuntratt jista’ jistipula li l-proċedura tar-riżoluzzjoni tat-tilwim previst fl-Artikolu 15(3) u (4), għandha tkun applikabbli għat-tilwim li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-kuntratt.

    5. L-Istat Ospitanti għandu jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-kuntratti konklużi mill-EUNAVFOR ma’ entitajiet kummerċjali għall-finijiet tal-operazzjoni.

    Artikolu 11

    Modifika tal-faċilitajiet

    L-EUNAVFOR għandha tkun awtorizzata li tibni jew timmodifika l-faċilitajiet skont il-ħtiġijiet operattivi tagħha, bil-qbil minn qabel tal-Istat Ospitanti.

    Artikolu 12

    Persunal deċedut tal-EUNAVFOR

    1. Il-Kmandant tal-Forza tal-UE għandu jkollu d-dritt li jieħu f’idejh u li jagħmel l-arranġamenti adatti għar-ripatrijazzjoni ta’ kull membru deċedut tal-persunal tal-EUNAVFOR, kif ukoll tal-proprjetà personali tiegħu.

    2. M’għandha ssir l-ebda awtopsja fuq membru deċedut tal-persunal tal-EUNAVFOR mingħajr il-qbil tal-Istat ikkonċernat u mingħajr il-preżenza ta’ rappreżentant tal-EUNAVFOR u/jew l-Istat ikkonċernat.

    3. L-Istat Ospitanti u l-EUNAVFOR għandhom jikkooperaw b’kull mezz possibbli biex jiżguraw li l-membru deċedut tal-persunal tal-EUNAVFOR jiġi ripatrijat malajr kemm jista’ jkun.

    Artikolu 13

    Sigurtà tal-EUNAVFOR u Pulizija Militari

    1. L-Istat Ospitanti għandu jieħu l-miżuri kollha adatti biex jiżgura s-sigurtà tal-EUNAVFOR u tal-persunal tagħha, meta jkunu barra mill-faċilitajiet tagħha.

    2. L-EUNAVFOR għandha tkun awtorizzata, fuq l-art fit-territorju tal-Istat Ospitanti u l-ilmijiet interni tiegħu, li tieħu l-miżuri meħtieġa biex tipproteġi l-faċilitajiet, il-bastimenti, l-inġenji tal-ajru tagħha kif ukoll il-bastimenti li qed tipproteġi, kontra kull attakk jew intrużjoni esterni, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż ospitanti.

    3. Il-Kmandant tal-Forza tal-UE jista’ joħloq unità ta’ pulizija militari sabiex tinżamm l-ordni fil-faċilitajiet tal-EUNAVFOR.

    4. L-unità tal-pulizija militari tista’ wkoll, f’konsultazzjoni u kooperazzjoni mal-pulizija militari jew il-pulizija tal-Istat Ospitanti, tintervjeni barra minn dawk il-faċilitajiet sabiex tiżgura ż-żamma tal-ordni u d-dixxiplina fost il-persunal tal-EUNAVFOR.

    5. Il-persunal tal-EUNAVFOR li jgħaddi mit-territorju ta’ Ġibuti biex jiskorta lill-persuni arrestati mill-EUNAVFOR jista’ juża l-miżuri restrittivi meħtieġa kontra dawn il-persuni.

    Artikolu 14

    Komunikazzjoni

    1. L-EUNAVFOR tista’ tinstalla u topera stazzjonijiet tar-radju mittenti u riċeventi, kif ukoll sistemi satellitari. Hija għandha tikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Ospitanti biex jiġi evitat kull konflitt fl-użu tal-frekwenzi adatti. L-Istat Ospitanti għandu jagħti l-aċċess għall-ispettru tal-frekwenzi konformement mal-leġislazzjoni fis-seħħ tiegħu.

    2. L-EUNAVFOR għandu jkollha d-dritt għal komunikazzjoni, mingħajr kwalunkwe restrizzjoni, bir-radju (inkluż radju satellitari, mobbli jew portabbli), bit-telefon, bit-telegrafu, bil-faks u b’mezzi oħrajn, kif ukoll id-dritt li tinstalla t-tagħmir meħtieġ biex tiżgura l-komunikazzjoni meħtieġa ġewwa u bejn il-faċilitajiet tal-EUNAVFOR, inkluż id-dritt li tqiegħed kejbils u linji fissi għall-finijiet tal-operazzjoni.

    3. Fil-faċilitajiet tagħha stess l-EUNAVFOR tista’ tagħmel l-arranġamenti meħtieġa sabiex tiżgura t-trasmissjoni tal-posta indirizzata lill-EUNAVFOR jew lill-persunal tagħha jew li tkun qed tintbagħat mill-EUNAVFOR jew mill-persunal tagħha.

    4. Il-modalitajiet tal-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu s-suġġett ta’ arranġamenti mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Ospitanti.

    Artikolu 15

    Talbiet għal indennizz f’każ ta’ mewt, korriment, dannu jew telf

    1. It-talbiet għal indennizz f’każ ta’ dannu jew telf ta’ beni ċivili jew pubbliċi, kif ukoll it-talbiet għal indennizz f’każ ta’ mewt jew korriment ta’ persuna u ta’ dannu jew telf ta’ beni tal-EUNAVFOR, għandhom jiġu solvuti bonarjament.

    2. Dawn it-talbiet għandhom jitressqu lill-EUNAVFOR permezz tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Ospitanti fir-rigward tat-talbiet imressqa minn persuni ġuridiċi jew fiżiċi mill-Istat Ospitanti, jew lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Ospitanti fir-rigward tat-talbiet imressqa mill-EUNAVFOR.

    3. Meta ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni bonarja, it-talba għal indennizz għandha tintbagħat lil kummissjoni ta’ indennizz magħmula fuq bażi indaqs minn rappreżentanti tal-EUNAVFOR u rappreżentanti tal-Istat Ospitanti. Id-deċiżjonijiet dwar it-talbiet għandu jintlaħaq bi qbil komuni.

    4. Meta ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni fil-kummissjoni ta’ indennizz, it-talbiet:

    (a) għal ammont ta’ EUR 80000 jew inqas għandhom jiġu riżolti b’mezzi diplomatiċi bejn l-Istat Ospitanti u r-rappreżentanti tal-UE;

    (b) għal ammont akbar minn dak stabbilit fil-punt (a) għandhom jitressqu quddiem tribunal tal-arbitraġġ, li d-deċiżjonijiet tagħha għandhom ikunu vinkolanti.

    5. It-tribunal tal-arbitraġġ għandu jkun magħmul minn tlitt arbitri, li wieħed minnhom ikun maħtur mill-Istat Ospitanti, ieħor ikun maħtur mill-EUNAVFOR u t-tielet wieħed ikun maħtur bi qbil komuni mill-Istat Ospitanti u l-EUNAVFOR. Jekk waħda mill-partijiet ma taħtarx arbitru fi żmien xahrejn, jew jekk ma jkunx jista’ jintlaħaq qbil bejn l-Istat Ospitanti u l-EUNAVFOR dwar il-ħatra tat-tielet arbitru, l-arbitru inkwistjoni għandu jinħatar mill-President tal-Qorti Suprema tar-Repubblika ta’ Ġibuti.

    6. Għandhom jiġu konklużi arranġamenti amministrattivi bejn l-EUNAVFOR u l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istat Ospitanti sabiex jiġi definit il-mandat tal-kummissjoni ta’ indennizz u tat-tribunal tal-arbitraġġ, il-proċeduri applikabbli f’dawn l-organi u l-kondizzjonijiet li bihom għandhom jiġu ppreżentati t-talbiet għal indennizz.

    Artikolu 16

    Kollegament u tilwim

    1. Il-kwistjonijiet kollha marbutin mal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu eżaminati konġuntement mir-rappreżentanti tal-EUNAVFOR u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Ospitanti.

    2. Jekk ma jkunx hemm soluzzjoni minn qabel, it-tilwim rigward l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandu jiġi solvut esklużivament b’mezzi diplomatiċi bejn l-Istat Ospitanti u r-rappreżentanti tal-UE.

    Artikolu 17

    Dispożizzjonijiet oħra

    1. Kull meta dan il-Ftehim jirreferi għall-privileġġi, l-immunitajiet u d-drittijiet tal-EUNAVFOR u tal-persunal tagħha, il-Gvern tal-Istat Ospitanti għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tagħhom u għall-konformità magħhom min-naħa tal-awtoritajiet lokali kkonċernati tal-Istat Ospitanti.

    2. L-ebda dispożizzjoni ta’ dan il-Ftehim m’hi maħsuba jew m’għandha tinftiehem li tidderoga minn kull dritt li jista’ jkollu Stat Membru tal-UE jew kull Stat ieħor li jikkontribwixxi għall-EUNAVFOR bis-saħħa ta’ strumenti ta’ ftehim oħrajn.

    Artikolu 18

    Arranġamenti implimentattivi

    Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-kwistjonijiet operattivi, amministrattivi, finanzjarji jew tekniċi jistgħu jkunu s-suġġett ta’ arranġamenti separati li jiġu konklużi bejn il-Kmandant tal-Forza tal-UE u l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istat Ospitanti.

    Artikolu 19

    Dħul fis-seħħ u tmiem

    1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fil-jum meta jiġi ffirmat u għandu jibqa’ fis-seħħ għal perijodu ta’ tnax-il xahar. Huwa għandu jiġġedded b’mod impliċitu għal perijodi suċċessivi ta’ tliet xhur. Kull Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra mill-anqas xahar qabel bl-intenzjoni tagħha li ma ġġeddidx dan il-Ftehim.

    2. Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(7), l-Artikolu 5 (1) sa (3), 5(6) u (7), l-Artikolu 6(1), 6(3), 6(4), 6(6), 6(8) u(9), l-Artikolu 11 u l-Artikolu 15 għandhom jitqiesu li kienu japplikaw mid-data tal-iskjerament tal-ewwel membri tal-persunal tal-EUNAVFOR jekk dik id-data tkun qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

    3. Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat abbażi ta’ ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet.

    4. It-tmiem ta’ dan il-Ftehim m’għandux jaffettwa d-drittijiet jew l-obbligi li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni ta’ dan il-Ftehim qabel tali tmiem.

    Magħmula f’Ġibuti, fil- 5 ta’ Jannar 2009, f’żewġ kopji oriġinali fil-lingwa Franċiża.

    Għall-Unjoni Ewropea

    Għall-Istat Ospitanti

    --------------------------------------------------

    Top