Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22008D0991

    2008/991/KE: Deċiżjoni Nru 3/2008 tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE tal- 15 ta' Diċembru 2008 biex jiġu adottati emendi għall-Anness IV tal-Ftehim ta' Sħubija

    ĠU L 352, 31.12.2008, p. 59–60 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/991/oj

    31.12.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 352/59


    DEĊIŻJONI Nru 3/2008 TAL-KUNSILL TAL-MINISTRI AKP-KE

    tal-15 ta' Diċembru 2008

    biex jiġu adottati emendi għall-Anness IV tal-Ftehim ta' Sħubija

    (2008/991/KE)

    IL-KUNSILL TAL-MINISTRI AKP-KE,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri ta' l-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (“il-AKP”) min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, ffirmat f'Cotonou (Benin) fit-23 ta' Ġunju tas-sena 2000 u rivedut fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (“il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE”) (1) u b'mod partikolari l-Artikoli 15.3, 81 u 100 tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Kooperazzjoni Finanzjarja ta' l-AKP-KE

    Billi:

    (1)

    Sabiex titjieb l-effiċjenza u tkun promossa l-armoniżazzjoni, serje ta' dispożizzjonijiet ġew inkorporati fl-Anness IV tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE fir-rigward ta' proċeduri ta' ġestjoni u implimentazzjoni. Madanakollu, id-dispożizzjonijiet fl-Anness IV li jikkonċernaw it-tqassim u l-prestazzjoni ta' kuntratti baqgħu taħt diskussjoni.

    (2)

    L-iffirmar tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE rivedut, fil-25 ta' Ġunju 2005 kien akkompanjat minn Dikjarazzjoni nru VIII, taħt it-titolu “Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Artikolu 19a ta' Anness IV”, li tgħid “Il-Kunsill tal-Ministri ser jeżamina, skond l-Artikolu 100 tal-Ftehim ta’ Kotonù, id-disposizzjonijiet ta’ l-Anness IV dwar l-għoti u l-eżekuzzjoni ta’ kuntratti bil-ħsieb li dawn jiġu adottati qabel ma jidħol fis-seħħ il-Ftehim li jemenda l-Ftehim ta’ Kotonù.”

    (3)

    It-test għall-Artikolu ġdid 19c li jieħu post l-Artikoli 21, 23, 25, 27, 28 u 29 ta' l-Anness IV tilħaq l-għanijiet ta' simplifikazzjoni, kjarifikazzjoni u armonizzazzjoni tal-proċeduri ta' ksib u l-proċeduri ta' ġestjoni li jirregolaw il-kuntratti li huma ffinazjati mill-Komunità Ewropea.

    (4)

    Għalhekk huwa f'loku li l-Anness IV tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE jiġi emendat kif xieraq,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    L-Aness IV tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE huwa b'dan emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikoli 21, 23, 25, 27, 28 u 29 għandhom jiġu mħassra;

    (2)

    L-Artikolu li ġej għandu jiġi mdaħħal:

    “Artikolu 19c

    Għoti ta' kuntratti, ta' għotjiet u l-eżekuzzjoni tal-kuntratti

    1.   Ħlief għad-dispożizzjoni ta' l-Artikolu 26, kuntratti u għotjiet għandhom jingħataw u jkunu implimentati skond ir-regoli tal-Komunità u, minn barra f'każijiet speċifiċi mfissrin f'dawn ir-regoli, skond il-proċeduri standard u d-dokumentazzjoni stipulati u ppubblikati mill-Kummissjoni għall-fini ta' l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u li kieni fis-seħħ fiż-żmien meta l-proċedura msemmija bdiet tintuża.

    2.   F′ġestjoni deċentraliżżatta, fejn evalwazzjoni konġunta turi li l-proċeduri wżati għat-tqassim tal-kuntratti u għotjiet fl-Istat AKP jew fir-reġjun li jirċievi jew il-proċeduri approvati mill-fornituri tal-fondi, huma skond il-prinċipji tat-trasparenza, tal-propozjonalità, tat-trattament ugwali, ta' kontra d-diskriminazzjoni u li jipprekludu kull tip ta' konflitt ta' interessi, il-Kummissjoni għandha tuża dawn il-proċeduri, b'konformità mad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi u bla ħsara għall-Artikolu 26, b'rispett sħiħ lejn ir-regoli li jirregolaw l-awtorità tagħha f'dan il-qasam.

    3.   L-Istat AKP jew ir-reġjun reċipjent huwa responsabbli li jiċċekkja, b'mod regolari, li l-operazzjonijiet iffinanzjati mill-Fond ġew implimentati kif suppost, li jieħu l-miżuri neċessarji biex jostakola l-ksur tar-regoli u l-frodi, u, jekk neċessarju, jieħu passi legali biex jirkupra fondi li tħallsu bla bżonn.

    4.   F′ġestjoni deċentraliżżata, il-kuntratti jiġu negozjati, stabbiliti, iffirmati u eżegwiti mill-Istati AKP. Iżda, dawn l-Istati jistgħu jsejħu lill-Kummissjoni biex tinnegozja, tistabbilixxi, tiffirma u teżegwixxi kuntratti hi f'isimhom.

    5.   B'konformità mal-impenn imsemmi fl-Artikolu 50 ta' dan il-Ftehim, kuntratti u għotjiet iffinanzjati minn riżorsi tal-Fond se jinħadmu skond standards bażiċi internazzjonali fil-qasam tal-liġi dwar ix-xogħol.

    6.   Grupp espert ta' rappreżentanti tas-Segretarjat tal-Grupp ta' l-Istati AKP u l-Kummissjoni se jingħaqad biex jidentifika, fuq talba ta' wieħed jew aktar mill-partijiet, kwalunkwe tibdil li huwa f'loku u biex jipproponi emendi u titjib fir-regoli u l-proċeduri msemmijin fil-paragrafi 1 u 2.

    Dan il-grupp se jressaq rapport perjodiku, lil Kumitat ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp Finanzjaru AKP-KE biex jassistih f'xogħlu li jeżamina l-problemi marbutin ma' l-implimentazzjoni ta' l-iżvilupp ta' attivitajiet ta' kooperazzjoni u jipproponi miżuri approprjati”.

    Artikolu 2

    Il-proċedura għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni preżenti fi ħdan il-Kunsill tal-Ministri tal-AKP-KE għandha tkun proċedura bil-miktub.

    Magħmula fi Brussell, 15 ta’ Diċembru 2008.

    Il-President

    tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-KE b'delega, għall-Kunsill tal-Ministri AKP-KE

    P. SELLAL


    (1)  ĠU L 287, 28.10.2005, p. 4.


    Top