Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 21985A0201(01)

    Ftehim dwar is-sajd bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea, min-naħa l-waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern lokali ta' Greenland, min-naħa l-oħra

    ĠU L 29, 1.2.1985, p. 9–12 (DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 01/07/2007; Revokat u sostitwit bi 22006A1230(10)

    Related Council regulation

    21985A0201(01)



    Official Journal L 029 , 01/02/1985 P. 0009 - 0012
    Finnish special edition: Chapter 11 Volume 11 P. 0174
    Spanish special edition: Chapter 04 Volume 3 P. 0104
    Swedish special edition: Chapter 11 Volume 11 P. 0174
    Portuguese special edition Chapter 04 Volume 3 P. 0104


    Ftehim

    dwar is-sajd bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea, min-naħa l-waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern lokali ta' Greenland, min-naħa l-oħra

    IL-KOMUNITÀ EKONOMIKA EWROPEA, hawnhekk iżjed ‘il quddiem msejħa "il-Komunità",

    min-naħa l-waħda, u

    L-GVERN TAD-DANIMARKA U L-GVERN LOKALI TA' GREENLAND,

    min-naħa l-oħra,

    FI SPIRTU ta' koperazzjoni li tirriżulta mid-deċiżjoni tal-Komunità li tagħti status ta' territorju barrani lil Greenland u wara li kkunsidrat il-Protokoll dwar arranġamenti speċjali applikabbli għal Greenland;

    WAQT LI JFAKKRU li l-istatus ta' Greenland, li hi kemm awtonoma u kemm parti integrali minn wieħed mill-Istati Membri tal-Komunità;

    WARA LI KKUNSIDRAW l-importanza vitali tas-sajd għal Greenland, importanza li tikkostitwixxi attività ekonomika essenzali;

    WARA LI KKUNSIDRAW l-interess reċiproku tagħhom fil-konservazzjoni u l-amministrazzjonali ragonevoli ta' ħażniet ta' ħut fl-ilmijiet li jinsabu lil hinn mill-kosta ta' Greenland;

    BILLI, għall-Komunità, iż-żamma ta' attivitajiet tas-sajd, fl-ilmijiet ta' Greenland, ta' bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru tifforma parti importanti mit-tħaddim kif suppost tal-politika dwar is-sajd komuni;

    BILLI l-proċeduri għall-adeżjoni tad-Danimarka, fir-rigward ta' Greenland, mal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tas-Salamun fl-Oċean Atlantiku tat-Tramuntana [1] inbdew; billi, sa ma jintemmu, għandhom jittieħdu passi xierqa mill-awtoritajiet responsabbli biex Greenland tirregola s-sajd għas-salamun fl-ilmijiet ta' Greenland b'konformità ma' l-obbligi li joħorġu minn dik il-Konvenzjoni,

    FTIEHMU kif ġej:

    Artikolu 1

    Dan il-Ftehim jistabbilixxi l-prinċipji u r-regoli li għandhom jirregolaw l-attivitajiet tas-sajd, fl-ilmijiet ta' Greenland, ta' bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru tal-Komunità reġistrat f'dak l-Istat Membru.

    Artikolu 2

    1. Bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru tal-Komunità reġistrati f'dak l-Istat Membru huma awtorizzati joperaw fl-ilmijiet ta' Greenland bla ħsara għall-kondizzjonijiet preskritti mill-Partijiet ta' dan il-Ftehim fil-Protokolli ta' implimentazzjoni.

    2. Il-possibiltajiet ta' qbid skond il-paragrafu 1 jiġu ffissati fi kwantità illi, waqt li titqies il-posizzjoni tal-ħażniet, tiżgura li l-attivitajiet Komunitarji tas-sajd fiż-żona ta' sajd ta' Greenland jitwettqu b'mod sodisfaċenti.

    Il-kwantitajiet ta' qbid għall-Komunità fl-ewwel Protokoll ta' implimentazzjoni u l-mod kif il-ħażniet jiżviluppaw jikkostitwixxu bażi ta' referenza biex jiġu ffissati l-possibiltajiet ta' qbid għall-ġejjieni.

    3. Il-kwoti tas-sajd allokati lill-Komunità skond il-paragrafu 1 jistgħu jittieħdu minn bastimenti li ma jtajrux il-bandiera ta' Stat Membru tal-Komunità sal-punt li dan ikun meħtieġ għat-tħaddim kif suppost tal-ftehimiet dwar is-sajd konklużi mill-Komunità ma' pajjiżi terzi u skond it-termini miftiehma bejn il-Partijiet.

    Artikolu 3

    L-awtoritajiet kompetenti tal-Komunità għandhom, meta jasal iż-żmien, javżaw lill-awtoritajiet responsabbli għal Greenland bl-ismijiet, numri ta' reġistrazzjoni u karatteristiċi essenzali oħra ta' bastimenti tas-sajd li jistgħu ikunu awtorizzati biex jistadu fiż-żona ta' ġurisdizzjoni għas-sajd ta' Greenland. L-awtoritajiet responsabbli għal Greenland imbagħad għandhom joħorġu lill-bastimenti nominati mill-Komunità liċenzi proporzjonatament mal-possibiltajiet ta' sajd mogħtija skond l-Artikolu 2.

    Artikolu 4

    1. L-awtoritajiet responsabbli għal Greenland għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw il-konservazzjoni u l-amministrazzjoni għaqlija ta' ħażniet u r-regolazzjoni tas-sajd fiż-żona ta' ġurisdizzjoni għas-sajd ta' Greenland.

    Għal dan il-għan, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, għandhom jimplimentaw miżuri li jikkorrispondu għal dawk fis-seħħ fil-jum ta' qabel.

    2. Bastimenti tas-sajd tal-Komunità għandhom, meta jistadu fiż-żona ta' ġurisdizzjoni għas-sajd ta' Greenland, joqogħdu għall-miżuri ta' konservazzjoni, termini u kondizzjonijiet oħra, u r-regoli u regolamenti kollha li jirregolaw l-attivitajiet tas-sajd f'dik iż-żona, kif previst fil-paragrafu 1.

    3. L-awtoritajiet responsabbli għal Greenland għandhom jinnotifikaw minn qabel u fil-ħin xieraq il-miżuri, termini, regoli jew regolamenti kollha.

    4. Id-disposizzjonijiet adottati skond dan l-Artikolu u l-kontrolli mwettqa biex jiżguraw konformità magħhom għandhom iqisu l-bżonn li l-possibiltajiet ta' qbid miftiehma ma jkunux kompromessi.

    Artikolu 5

    1. L-awtoritajiet responsabbli għal Greenland jistgħu jieħdu l-miżuri li jkun hemm bżonn li jikkonformaw mal-liġi internazzjonali biex tiġi żgurata konformità mad-disposizzjonijiet ta' dan il-Ftehim minn bastimenti tal-Komunità fiż-żona ta' ġurisdizzjoni għas-sajd ta' Greenland.

    2. L-awtoritajiet tal-Komunità għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw konformità minn dawn il-bastimenti mad-disposizzjonijiet ta' dan il-Ftehim u regoli rilevanti oħra.

    Artikolu 6

    Bi tpattija għall-possibiltajiet ta' sajd utilizzati skond dan il-Ftehim, il-Komunità għandha tħallas lil Greenland kumpens finanzjarju kif ikun iffissat mill-Protokolli fl-Artikolu 2(1).

    Artikolu 7

    Meta, għal xi sena tas-sajd partikolari, ċirkostanzi bijoloġiċi jeħtieġu li l-volum totali ta' qbid minn xi ħażna partikolari ikun iffissat f'livell li ma jippermettix lil Greenland tonora l-obbligu li joħroġ mill-Artikolu 2(1), il-kwoti korrispondenti miftiehma mal-Komunità dwar il-ħażna jew ħażniet konċernati għandhom jitnaqqsu skond dan, bla ma dan it-tnaqqis jaffettwa l-livell ta' kumpens finanzjarju msemmi fl-Artikolu 6.

    Il-Partijiet għandhom iwettqu konsulti biex jeżaminaw is-sitwazzjoni tal-ħażniet u l-miżuri xierqa għar-rikostituzzjoni tagħhom kif ukoll biex jinstabu modi li permezz tagħhom il-kwoti msemmija hawn fuq ikunu jistgħu jiġu trasferiti għal xi ħażniet oħra, għal xi speċi oħra jew għal xi snin ta' wara.

    Artikolu 8

    1. Prijorità speċjali lill-Komunità għal aċċess għal possibiltajiet ta' qbid supplimentari, li jaqbżu l-kapaċità ta' qbid tal-flotta ta' Greenland u l-kwoti annwali miftiehma għall-Komunità skond il-Protokolli msemmija fl-Artikolu 2(1), għandha tiġi offerta mill-awtoritajiet responsabbli għal Greenland fid-dawl ta' l-interessi speċjali tal-Komunità fl-isfruttar tal-ħażniet konċernati u waqt li ma tridx tintesa l-kontribuzzjoni tagħha għall-konservazzjoni tagħhom u l-parteċipazzjoni tagħha fl-iżvilupp ta' Greenland.

    2. Fl-allokazzjoni tal-possibiltajiet ta' qbid supplimentari msemmija fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet responsabbli għal Greenland għandhom joffru lill-Komunità, kontra ħlas xieraq, kwantitajiet li jikkorrispondu, għall-merluzz mill-ħażniet tal-punent ta' Greenland, għal mill-inqas 20 % ta' żieda fit-TAC 'il fuq minn 75000 tunnellata metrika.

    Artikolu 9

    Il-Partijiet jintrabtu li jikkoperaw, direttament jew fi ħdan organizzazzjonijiet internazzjonali, li jiżguraw l-amministrazzjoni u l-konservazzjoni ta' ħażniet kif suppost li fihom għandhom interess reċiproku u li jiffaċilitaw ir-riċerka xjentifika meħtieġa.

    Artikolu 10

    Jekk il-posizzjoni ta' xi waħda mill-Partijiet tiħżien sostanzjalment minħabba xi ksur serju mill-Parti l-oħra ta' l-obbligi li tkun daħlet għalihom b'dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jibdew konsultazzjonijiet bla telf ta' żmien bil-ħsieb li jerġgħu jistabbilixxu bilanċ fir-relazzjonijiet tagħhom dwar affarijiet konnessi mas-sajd. Meta ma tinstabx soluzzjoni sodisfaċenti fi żmien xahrejn, il-Parti li tħoss li l-interessi tagħha marru minn taħt tista' tissospendi l-applikazzjoni tal-Ftehim.

    Artikolu 11

    Xejn f'dan il-Ftehim m'għandu jaffettwa jew jippreġudika b'xi mod ieħor il-veduti ta' xi waħda mill-Partijiet fir-rigward ta' xi materja li għandha x'taqsam mal-Liġi dwar il-Baħar.

    Artikolu 12

    Dan il-Ftehim għandu japplika, min-naħa l-waħda, għat-territorji li għalihom japplika t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea u bil-kondizzjonijiet preskritti f'dak it-Trattat u, min-naħa l-oħra, għal Greenland.

    Artikolu 13

    Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat li jemenda, fir-rigward ta' Greenland, it-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej. Il-Partijiet għandhom javżaw lil xulxin meta jtemmu l-proċeduri meħtieġa għal dan il-għan.

    Artikolu 14

    Il-Partijiet għandhom iwettqu konsultazzjonijiet fuq affarijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-implimentazzjoni u t-tħaddim kif suppost ta' dan il-Ftehim u tal-protokolli konklużi għall-implimentazzjoni tiegħu u, fi żmien xieraq qabel jiskadu dawk il-Protokolli, bil-ħsieb li jiġu stabbiliti l-arranġamenti dwar is-sajd għall-perjodu ta' wara.

    Artikolu 15

    Dan il-ftehim għandu jiġi konkluż għal perjodu ta' 10 snin li jibdew mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu. Sakemm il-Ftehim ma jintemmx minn xi wieħed mill-Partijiet permezz ta' avviż ta' terminazzjoni mogħti mill-inqas disa' xhur qabel id-data ta' l-iskadenza tal-perjodu ta' 10 snin, għandu jibqa' fis-seħħ għal perjodi miżjuda ta' sitt snin, sakemm xi avviż ta' terminazzjoni ma jkunx ingħata disa' xhur qabel l-iskadenza ta' kull perjodu.

    Artikolu 16

    Dan il-Ftehim hu mfassal b'kopja fil-lingwa Daniża, Olandiża, Ingliża, Franċiża, Ġermaniża, Griega u Taljana, b'kull test ikun ugwalment awtentiku.

    Udfærdiget i Bruxelles, den trettende marts nitten hundrede og fireogfirs.

    Geschehen zu Brüssel am dreizehnten März neunzehnhundertvierundachtzig.

    Έγινε στις Βρυξέλλες, στις δεκατρείς Mαρτίου χίλια εννιακόσια ογδόντα τέσσερα.

    Done at Brussels on the thirteenth day of March in the year one thousand nine hundred and eighty-four.

    Fait à Bruxelles, le treize mars mil neuf cent quatre-vingt-quatre.

    Fatto a Bruxelles, addì tredici marzo millenovecentottantaquattro.

    Gedaan te Brussel, de dertiende maart negentienhonderd vierentachtig.

    For Rådet for De europæiske FællesskaberFür den Rat der Europäischen GemeinschaftenΓια το Συμβούλιο των Ευρωπαϊκών ΚοινoτήτωνFor the Council of the European CommunitiesPour le Conseil des Communautés européennesPer il Consiglio delle Comunità europeeVoor de Raad van de Europese Gemeenschappen

    +++++ TIFF +++++

    For den danske regering og det grønlandske landsstyreFür die Regierung Dänemarks und die örtliche Regierung GrönlandsΓια την κυβέρνηση την Δανίας και την τοπική κυβέρνηση της ΓροιλανδίαςFor the Government of Denmark and the local Government of GreenlandPour le gouvernement du Danemark et le gouvernement local du GroenlandPer il governo della Danimarca ed il governo locale della GroenlandiaVoor de Regering van Danemarken en de Plaatselijke Regering van Groenland

    +++++ TIFF +++++

    [1] ĠU L 378, tal-31.12.1982, p. 25

    --------------------------------------------------

    Top