Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02019D1894-20200227

    Consolidated text: Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1894 tal-11 ta’ Novembru 2019 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet ta' tħaffir mhux awtorizzat tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/1894/2020-02-27

    02019D1894 — MT — 27.02.2020 — 001.001


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2019/1894

    tal-11 ta’ Novembru 2019

    dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet ta' tħaffir mhux awtorizzat tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran

    (ĠU L 291 12.11.2019, p. 47)

    Emendata bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      Nru

    Paġna

    Data

    ►M1

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/275 tas-27 ta’ Frar 2020

      L 56I

    5

    27.2.2020




    ▼B

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2019/1894

    tal-11 ta’ Novembru 2019

    dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet ta' tħaffir mhux awtorizzat tat-Turkija fil-Lvant tal-Mediterran



    Artikolu 1

    1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-transitu minnhom, minn:

    (a) 

    persuni fiżiċi li huma responsabbli għal, jew li huma involuti fi, inkluż permezz ta' ppjanar, tħejjija, parteċipazzjoni, jew assistenza, attivitajiet ta' tħaffir b'rabta mal‐esplorazzjoni u l-produzzjoni tal-idrokarburi, jew l-estrazzjoni ta' idrokarburi li jirriżultaw minn tali attivitajiet, li ma ġewx awtorizzati mir-Repubblika ta' Ċipru, fil-baħar territorjali tagħha jew fiż-żona ekonomika esklużiva tagħha jew fuq il-blata kontinentali tagħha.

    Dak għandu jinkludi, f'każijiet fejn iż-żona ekonomika esklużiva jew il-blata kontinentali ma tkunx ġiet delimitata f'konformità mad-dritt internazzjonali ma' Stat li jkollu kosta faċċata, attivitajiet li jistgħu jipperikolaw jew ixekklu li jintlaħaq ftehim ta' delimitazzjoni;

    (b) 

    persuni fiżiċi li jipprovdu appoġġ finanzjarju, tekniku jew materjali għal attivitajiet ta' tħaffir marbuta ma' attivitajiet ta' esplorazzjoni u ta' produzzjoni ta' idrokarburi, jew l‐estrazzjoni tal-idrokarburi li tirriżulta minn tali attivitajiet, imsemmija fil-punt (a);

    (c) 

    persuni fiżiċi assoċjati mal-persuni fiżiċi msemmija mill-punti (a) u (b),

    kif elenkati fl-Anness.

    2.  Il-paragrafu 1 ma għandux jobbliga lil Stat Membru li jirrifjuta d-dħul fit-territorju tiegħu taċ-ċittadini tiegħu stess.

    3.  Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għal każijiet fejn Stat Membru jkun marbut b'obbligu skont id-dritt internazzjonali, jiġifieri:

    (a) 

    bħala pajjiż ospitanti ta' organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali;

    (b) 

    bħala pajjiż ospitanti ta' konferenza internazzjonali mlaqqa' min-Nazzjonijiet Uniti jew taħt il-patroċinju tagħha;

    (c) 

    taħt ftehim multilaterali li jagħti privileġġi u immunitajiet; jew

    (d) 

    skont it-Trattat ta' Konċiljazzjoni (il-Patt tal-Lateran) tal-1929 konkluż mis-Santa Sede (l-Istat tal-Belt tal-Vatikan) u l-Italja.

    4.  Il-paragrafu 3 għandu jitqies bħala li japplika wkoll f'każijiet fejn Stat Membru jkun il-pajjiż ospitanti tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE).

    5.  Il-Kunsill għandu jiġi debitament infurmat fil-każijiet kollha fejn Stat Membru jagħti eżenzjoni skont il-paragrafu 3 jew 4.

    6.  L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti skont il-paragrafu 1 fejn l‐ivvjaġġar ikun ġustifikat għal raġunijiet ta' bżonn umanitarju urġenti, jew għal raġunijiet ta' attendenza għal laqgħat intergovernattivi u laqgħat promossi jew ospitati mill-Unjoni, jew ospitati minn Stat Membru li jkollu l-Presidenza attwali tal-OSKE, fejn isir djalogu politiku li jippromwovi direttament l-objettivi ta' politika tal-miżuri restrittivi.

    7.  L-Istati Membri jistgħu wkoll jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti skont il-paragrafu 1 fejn id-dħul jew it-transitu jkun neċessarju għall-fini ta' proċess ġudizzjarju.

    8.  Stat Membru li jixtieq jagħti eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 6 jew 7 għandu jinnotifika lill-Kunsill bil-miktub. L-eżenzjoni għandha titqies li tkun ingħatat sakemm ma joġġezzjonax membru wieħed jew aktar tal-Kunsill bil-miktub fi żmien jumejn ta' xogħol minn meta tasal in-notifika dwar l-eżenzjoni proposta. Fil-każ li membru wieħed jew aktar tal-Kunsill iqajmu oġġezzjoni, il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jiddeċiedi li jagħti l-eżenzjoni proposta.

    9.  Fejn, skont il-paragrafu 3, 4, 6, 7 jew 8, Stat Membru jawtorizza d-dħul fit-territorju tiegħu, jew it-transitu minnu, minn persuni elenkati fl-Anness, l-awtorizzazzjoni għandha tkun strettament limitata għall-iskop li għalih tkun ingħatat u għall-persuni direttament ikkonċernati minnha.

    Artikolu 2

    1.  Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, li huma l-proprjetà ta', jew li huma miżmuma jew ikkontrollati minn:

    (a) 

    persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li huma responsabbli għal, jew li huma involuti, fi, inkluż permezz ta' ppjanar, tħejjija, parteċipazzjoni, jew assistenza, attivitajiet ta' tħaffir b'rabta mal-esplorazzjoni u l-produzzjoni tal-idrokarburi, jew l-estrazzjoni ta' idrokarburi li jirriżultaw minn tali attivitajiet, li ma ġewx awtorizzati mir-Repubblika ta' Ċipru, fil-baħar territorjali tagħha jew fiż-żona ekonomika esklużiva tagħha jew fuq il-blata kontinentali tagħha.

    Dak għandu jinkludi, f'każijiet fejn iż-żona ekonomika esklużiva jew il-blata kontinentali ma tkunx ġiet delimitata f'konformità mad-dritt internazzjonali ma' Stat li jkollu kosta faċċata, attivitajiet li jistgħu jipperikolaw jew ixekklu li jintlaħaq ftehim ta' delimitazzjoni;

    (b) 

    persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jipprovdu appoġġ finanzjarju, tekniku jew materjali għal attivitajiet ta' tħaffir marbuta mal-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta' idrokarburi, jew l-estrazzjoni tal-idrokarburi li tirriżulta minn tali attivitajiet, imsemmija fil-punt (a);

    (c) 

    persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati mal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l‐entitajiet jew il-korpi msemmija mill-punti (a) u (b),

    kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

    2.  L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni, direttament jew indirettament, tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi elenkati fl-Anness, jew għall-benefiċċju tagħhom.

    3.  B'deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tista' tawtorizza r-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li jagħmlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, skont dawk il-kondizzjonijiet li hi tqis xierqa, wara li tkun iddeterminat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati jkunu:

    (a) 

    neċessarji biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet bażiċi ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness u l-membri tal-familja dipendenti ta' tali persuni fiżiċi, inkluż pagamenti għal oġġetti tal-ikel, kera jew ipoteki, mediċini u trattament mediku, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni, u imposti ta' servizzi pubbliċi;

    (b) 

    maħsuba esklużivament għall-pagament ta' tariffi professjonali raġonevoli u għar‐rimborż tal-ispejjeż imġarrba assoċjati mal-għotia ta' servizzi legali;

    (c) 

    maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' tariffi jew imposti għal servizzi ta' kustodja jew ġestjoni normali ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

    (d) 

    neċessarji għal spejjeż straordinarji, bil-kondizzjoni li l-awtorità kompetenti tkun innotifikat lill‐awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom hija tqis li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, mill-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni; jew

    (e) 

    ser jitħallsu f'kont jew minn kont ta' missjoni diplomatika jew konsulari jew ta' organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi immunitajiet f'konformità mad-dritt internazzjonali, sa fejn tali pagamenti jkunu maħsuba biex jintużaw għal finijiet uffiċjali tal-missjoni diplomatika jew konsulari jew tal-organizzazzjoni internazzjonali.

    L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan il-paragrafu.

    4.  B'deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir‐rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, bil-kondizzjoni li jkunu ssodisfati l‐kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a) 

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma s-suġġett ta' deċiżjoni arbitrali mogħtija qabel id‐data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmija fil-paragrafu 1 kienu elenkati fl-Anness, jew ta' deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl‐Unjoni, jew deċiżjoni ġudizzjarja infurzabbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel jew wara dik id-data;

    (b) 

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu ser jintużaw esklużivament biex jiġu ssodisfati pretensjonijiet garantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f'tali deċiżjoni, fil‐limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta' persuni li jkollhom tali pretensjonijiet;

    (c) 

    id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness; u

    (d) 

    ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jmurx kontra l-ordni pubbliku fl-Istat Membru kkonċernat.

    L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan il-paragrafu.

    5.  Il-paragrafu 1 ma għandux iżomm lil persuna fiżika jew ġuridika, lil entità jew korp elenkati fl-Anness milli jagħmlu pagament dovut taħt kuntratt konkluż qabel id-data li fiha tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikunu ġew elenkati fih, bil-kondizzjoni li l-Istat Membru kkonċernat ikun iddetermina liil-pagament mhuwiex, direttament jew indirettament, riċevut minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmija fil-paragrafu 1.

    6.  Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għaż-żieda ma' kontijiet iffriżati ta':

    (a) 

    imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet;

    (b) 

    pagamenti dovuti skont kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew li rriżultaw qabel id-data li fiha dawk il-kontijiet ikunu saru soġġetti għall-miżuri previsti fil-paragrafi 1 u 2; jew

    (c) 

    pagamenti dovuti skont deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali mogħtija fl‐Unjoni jew li huma eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat,

    bil-kondizzjoni li kwalunkwe tali imgħax, dħul u pagamenti oħrajn jibqgħu soġġetti għall-miżuri previsti fil-paragrafu 1.

    Artikolu 3

    1.  Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'unanimità fuq proposta minn Stat Membru jew mir-Rappreżentant Għoli, għandu jistabbilixxi u jemenda l-lista stabbilita fl-Anness.

    2.  Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjonijiet msemmija fil-paragrafu 1, inkluż ir-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernati, direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviż, li jipprovdi lil tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp b'opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

    3.  Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew tiġi ppreżentata evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernati skont il-każ.

    Artikolu 4

    1.  L-Anness għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmijin fl-Artikoli 1 u 2.

    2.  L-Anness għandu jinkludi wkoll, fejn disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati. Fir-rigward ta' persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista' tinkludi ismijiet u psewdonimi, id-data u l-post tat‐twelid, iċ-ċittadinanza, in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità, il-ġeneru; l-indirizz jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta' persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.

    Artikolu 5

    Ebda pretensjoni b'konnessjoni ma' xi kuntratt jew tranżazzjoni li l-prestazzjoni tagħhom tkun ġiet affettwata, direttament jew indirettament, totalment jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont din id-Deċiżjoni, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta' dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b'mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew għall-ħlas ta' bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta' liema forma tkun, ma għandha tiġi sodisfatta, jekk din issir minn:

    (a) 

    persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi deżinjati elenkati fl-Anness;

    (b) 

    kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu permezz ta' waħda mill-persuni, entitajiet jew korpi imsemmijin fil-punt (a) jew f'isimhom.

    Artikolu 6

    1.  Il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli jistgħu jipproċessaw data personali sabiex iwettqu l‐kompiti tagħhom skont din id-Deċiżjoni, b'mod partikolari:

    (a) 

    fir-rigward tal-Kunsill, it-tħejjija u l-emendar tal-Anness;

    (b) 

    fir-rigward tar-Rappreżentant Għoli, it-tħejjija ta' emendi għall-Anness.

    2.  Il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli jistgħu jipproċessaw, fejn applikabbli, data rilevanti relatata ma' reati kriminali mwettqa minn persuni fiżiċi elenkati, ma' kundanni kriminali ta' tali persuni jew ma' miżuri ta' sigurtà li jikkonċernaw lit-tali persuni, biss sa fejn tali pproċessar ikun meħtieġ għat-tħejjija tal-Anness.

    3.  Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, il-Kunsill u r-Rappreżentant Għoli huma ddeżinjati bħala "kontrolluri" fit-tifsira tal-punt 8 tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ), sabiex ikun żgurat li l-persuni fiżiċi kkonċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont ir-Regolament (UE) Nru 2018/1725.

    Artikolu 7

    Sabiex l-impatt tal-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni jkun kemm jista' jkun qawwi, l-Unjoni għandha tħeġġeġ lil Stati terzi biex jadottaw miżuri restrittivi simili għal dawk previsti f'din id‐Deċiżjoni.

    Artikolu 8

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-12 ta’ Novembru 2019 u għandha tinżamm taħt rieżami kostanti. Hija għandha tiġġedded jew tiġi emendata, kif xieraq, jekk il-Kunsill iqis li l‐objettivi tagħha ma jkunux intlaħqu.

    Artikolu 9

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.




    ANNESS

    LISTA TA' PERSUNI FIŻIĊI U ĠURIDIĊI, ENTITAJIET U KORPI MSEMMIJA FL-ARTIKOLI 1 U 2

    ▼M1



     

    Isem

    Informazzjoni ta' identifikazzjoni

    Raġunijiet

    Data tal-elenkar

    1.

    Mehmet Ferruh AKALIN

    Data tat-twelid: 9.12. 1960

    Numru tal-passaport jew dokument ta' identità: 13571379758

    Ċittadinanza: Turkija

    Sess: raġel

    Mehmet Ferruh Akalin huwa Viċi President (Assistant General Manager) u membru tal-Bord tad-Diretturi tat-Turkish Petroleum Corporation (TPAO). Huwa l-kap tad-Dipartimenti tat-TPAO għall-Esplorazzjoni, iċ-Ċentru għar-Riċerka u l-Iżvilupp u t-Teknoloġiji tal-Informazzjoni.

    Fil-kapaċità tiegħu bħala Viċi President tat-TPAO u kap tad-Dipartiment għall-Esplorazzjoni tagħha, Mehmet Ferruh Akalin huwa responsabbli għall-ippjanar, id-direzzjoni u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tat-TPAO għall-esplorazzjoni għall-idrokarburi fil-baħar. Dawn jinkludu l-attivitajiet ta' tħaffir tat-TPAO li ma ġewx awtorizzati mir-Repubblika ta' Ċipru, kif jidher hawn taħt.

    Dawk l-attivitajiet ta' tħaffir mhux awtorizzat twettqu minn:

    (a)  il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Yavuz fil-baħar territorjali tar-Repubblika ta' Ċipru bejn Lulju u Settembru 2019;

    (b)  il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Yavuz fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta' Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti u delimitata fi ftehim mal-Eġittu, bejn Ottubru 2019 u Jannar 2020;

    (c)  il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Fatih fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta' Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti, qrib ħafna għall-baħar territorjali tagħha, minn Novembru 2019 'il quddiem;

    (d)  il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Fatih fil-parti tal-punent taż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta' Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti, bejn Mejju u Novembru 2019.

    It-TPAO ħabbret ukoll aktar attivitajiet ta' tħaffir ippjanati li ser jitwettqu, mingħajr l-awtorizzazzjoni tar-Repubblika ta' Ċipru, mill-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Yavuz f'parti miż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta' Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti u delimitata fi ftehimiet mal-Eġittu u l-Iżrael, bejn Jannar u Mejju 2020.

    27.2.2020

    2.

    Ali Coscun NAMOGLU

    Data tat-twelid: 27.11.1956

    Numru tal-passaport jew dokument ta' identità: 11096919534

    Ċittadinanza: Turkija

    Sess: raġel

    Ali Coscun Namoglu huwa l-Viċi Direttur tad-Dipartiment għall-Esplorazzjoni tat-Turkish Petroleum Corporation (TPAO).

    F'din il-kapaċità, Ali Coscun Namoglu huwa involut fl-ippjanar, id-direzzjoni u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tat-TPAO għall-esplorazzjoni għall-idrokarburi fil-baħar. Dawn jinkludu l-attivitajiet ta' tħaffir tat-TPAO li ma ġewx awtorizzati mir-Repubblika ta' Ċipru, kif jidher hawn taħt.

    Dawk l-attivitajiet ta' tħaffir mhux awtorizzat twettqu minn:

    (a)  il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Yavuz fil-baħar territorjali tar-Repubblika ta' Ċipru bejn Lulju u Settembru 2019;

    (b)  il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Yavuz fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta' Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti u delimitata fi ftehim mal-Eġittu, bejn Ottubru 2019 u Jannar 2020;

    (c)  il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Fatih fiż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta' Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti, qrib ħafna għall-baħar territorjali tagħha, minn Novembru 2019 ' il-quddiem;

    (d)  il-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Fatih fil-parti tal-punent taż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta' Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti, bejn Mejju u Novembru 2019.

    It-TPAO ħabbret ukoll aktar attivitajiet ta' tħaffir ippjanati li ser jitwettqu, mingħajr l-awtorizzazzjoni tar-Repubblika ta' Ċipru, mill-bastiment tat-TPAO għat-tħaffir Yavuz f'parti miż-żona ekonomika esklussiva tar-Repubblika ta' Ċipru nnotifikata minnha lin-Nazzjonijiet Uniti u delimitata fi ftehimiet mal-Eġittu u l-Iżrael, bejn Jannar u Mejju 2020.

    27.2.2020



    ( 1 ) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill‐istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

    Top