Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02014R1286-20190801

    Consolidated text: Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/1286/2019-08-01

    02014R1286 — MT — 01.08.2019 — 002.001


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    REGOLAMENT (UE) Nru 1286/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-26 ta' Novembru 2014

    dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (ĠU L 352 9.12.2014, p. 1)

    Emendat bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      Nru

    Paġna

    Data

    ►M1

    REGOLAMENT (UE) 2016/2340 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-14 ta' Diċembru 2016

      L 354

    35

    23.12.2016

    ►M2

    REGOLAMENT (UE) 2019/1156 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-20 ta' Ġunju 2019

      L 188

    55

    12.7.2019


    Ikkoreġut bi:

    ►C1

    Rettifika, ĠU L 358, 13.12.2014, p.  50 (1286/2014)




    ▼B

    REGOLAMENT (UE) Nru 1286/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-26 ta' Novembru 2014

    dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)



    KAPITOLU I

    SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

    Artikolu 1

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli uniformi dwar il-format u l-kontenut tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija li għandu jitfassal mill-manifatturi tal-PRIIP u dwar l-għoti tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija lill-investituri fil-livell tal-konsumatur sabiex jippermetti lill-investituri fil-livell tal-konsumatur biex jifhmu u jipparagunaw il-karatteristiċi ewlenin u r-riskji tal-PRIIP.

    Artikolu 2

    1.  Dan ir-Regolament għandu japplika għall-manifatturi tal-PRIIP u l-persuni li jagħtu pariri dwar il-PRIIPs jew ibigħuhom.

    2.  Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal dawn il-prodotti li ġejjin:

    (a) il-prodotti ta’ assigurazzjoni li ma jkunux fuq il-ħajja, kif elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2009/138/KE;

    (b) il-kuntratti ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja meta l-benefiċċji skont il-kuntratt ikunu jistgħu jitħallsu biss mal-mewt jew fir-rigward ta’ inkapaċità minħabba korriment, mard jew nuqqas ta’ saħħa;

    (c) depożiti għajr depożiti strutturati kif definiti fil-punt (43) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

    (d) titoli kif imsemmija fil-punti (b) sa (g), (i) u (j) tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2003/71/KE;

    (e) prodotti tal-pensjoni li, skont il-liġi nazzjonali, ikun rikonoxxut li għandhom l-għan ewlieni li jipprovdu lill-investitur bi dħul wara li jirtira, u li jintitolaw lill-investitur għal ċerti benefiċċji;

    (f) l-iskemi għal pensjoni okkupazzjonali rikonoxxuti uffiċjalment li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ) jew id-Direttiva 2009/138/KE;

    (g) il-prodotti tal-pensjoni individwali li għalihom, skont il-liġi nazzjonali, hija rikjesta kontribuzzjoni finanzjarja mill-impjegatur u fejn l-impjegatur jew l-impjegat ma jkollhom l-ebda għażla fir-rigward tal-prodott tal-pensjoni jew tal-fornitur.

    Artikolu 3

    1.  Fejn il-manifatturi tal-PRIIP soġġetti għal dan ir-Regolament huma wkoll soġġetti għad-Direttiva 2003/71/KE, dan ir-Regolament u d-Direttiva 2003/71/KE għandhom japplikaw it-tnejn.

    2.  Fejn il-manifatturi tal-PRIIP soġġetti għal dan ir-Regolament huma wkoll soġġetti għad-Direttiva 2009/138/KE, dan ir-Regolament u d-Direttiva 2009/138/KE għandhom japplikaw it-tnejn.

    Artikolu 4

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1) “prodott aggregat ta’ investiment għall-konsumaturi” jew “PRIP” tfisser investiment, inklużi strumenti maħruġin minn strumenti ta’ għan speċjali kif definiti fil-punt (26) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE jew entitajiet ta’ titolizzazzjoni b’għan speċjali kif definiti fil-punt (an) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ), fejn, minkejja l-forma legali tal-investiment, l-ammont li jitħallas lura lill-investitur fil-livell tal-konsumatur huwa soġġett għal varjazzjonijiet minħabba l-esponiment għall-valuri ta’ referenza jew għall-prestazzjoni ta’ assi wieħed jew aktar li ma jkunux direttament mixtrija mill-investitur fil-livell tal-konsumatur;

    (2) “prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni” tfisser prodott ta’ assigurazzjoni li joffri valur fil-maturità jew valur ta’ ċessjoni u meta dak il-valur fil-maturità jew dak il-valur ta’ ċessjoni ikunu kompletament jew parzjalment esposti, direttament jew indirettament, għall-varjazzjonijiet tas-suq;

    (3) “prodott aggregat ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni” jew “PRIIP” tfisser prodott li huwa wieħed minn, jew it-tnejn li ġejjin:

    (a) PRIP;

    (b) prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni;

    (4) “manifattur ta’ prodott aggregat ta’ investiment għall-konsumaturi bbażat fuq l-assigurazzjoni” jew “manifattur tal-PRIIP” tfisser:

    (a) kwalunkwe entità li timmanifattura PRIIPs;

    (b) kwalunkwe entità li tibdel PRIIP eżistenti inkluż, iżda mhux limitat għal, tibdil fil-profil tar-riskju jew tal-benefiċċji tiegħu jew l-ispejjeż assoċjati ma’ investiment fiPRIIP;

    (5) “persuna li tbiegħ PRIIP” tfisser persuna li toffri jew tikkonkludi kuntratt tal-PRIIP ma’ investitur fil-livell tal-konsumatur;

    (6) “investitur fil-livell tal-konsumatur” tfisser:

    (a) klijent fil-livell ta’ konsumatur kif definit fil-punt (11) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

    (b) konsumatur fit-tifsira tad-Direttiva 2002/92/KE, fejn dak il-konsuatur ma jikkwalifikax bħala klijent professjonali kif definit fil-punt (10) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

    (7) “mezz dejjiemi” tfisser mezz dejjiemi kif definit fil-punt (m) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/65/KE;

    (8) “awtoritajiet kompetenti” tfisser l-awtoritajiet nazzjonali maħtura minn Stat Membru biex jissorveljaw ir-rekwiżiti li dan ir-Regolament jimponi fuq il-manifatturi tal-PRIIP u l-persuni li jagħtu pariri dwar il-PRIIP, jew li jbigħuh.



    KAPITOLU II

    DOKUMENT BL-INFORMAZZJONI EWLENIJA



    TAQSIMA I

    Tfassil tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija

    Artikolu 5

    1.  Qabel ma PRIIP ikun disponibbli għall-investituri fil-livell tal-konsumatur, il-manifattur tal-PRIIP għandu jfassal dokument bl-informazzjoni ewlenija għal dak il-prodott f’konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament u għandu jippubblika d-dokument fuq is-sit elettroniku tiegħu.

    2.  Kwalunkwe Stat Membru jista’ jirrikjedi n-notifika ex ante tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija mill-manifattur tal-PRIIP jew mill-persuna li tbigħ PRIIP lill-awtorità kompetenti għall-PRIIPs kummerċjalizzati f’dak l-Istat Membru.



    TAQSIMA II

    Forma u kontenut tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija

    Artikolu 6

    1.  Id-dokument bl-informazzjoni ewlenija għandu jikkostitwixxi informazzjoni prekuntrattwali. Dan għandu jkun preċiż, ġust, ċar u ma jiżgwidax. Għandu jipprovdi informazzjoni ewlenija u għandu jkun konsistenti ma’ kwalunkwe dokument kuntrattwali vinkolanti, bil-partijiet rilevanti tad-dokumenti ta’ offerta u bit-termini u l-kundizzjonijiet tal-PRIIP.

    2.  Id-dokument bl-informazzjoni ewlenija għandu jkun dokument awtonomu, separat b’mod ċar mill-materjal tal-kummerċjalizzazzjoni. M’għandux ikun fih kontroreferenzi għal materjal ta’ kummerċjalizzazzjoni. Jista’ jkun fih kontroreferenzi għal dokumenti oħrajn inkluż prospectus fejn applikabbli, u biss fejn il-kontroreferenza hija relatata mal-informazzjoni rekwiżita li għandha tiġi inkluża fid-dokument bl-informazzjoni ewlenija minn dan ir-Regolament.

    3.  Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu fejn PRIIP joffri lill-investitur fil-livell tal-konsumatur varjetà ta’ għażliet għall-investimenti, b’tali mod li l-informazzjoni kollha rekwiżita fl-Artikolu 8(3) fir-rigward ta’ kull għażla ta’ investiment sottostanti ma tistax tiġi pprovduta ġewwa dokument waħdieni, konċiż u awtonomu, id-dokument bl-informazzjoni ewlenija għandu jipprovdi tal-anqas deskrizzjoni ġenerika tal-għażliet ta’ investiment sottostanti u jiddikjara fejn u kif tista’ tinstab dokumentazzjoni ta’ informazzjoni prekuntrattwali aktar iddettaljata relatata mal-prodotti ta’ investiment li jappoġġaw l-għażliet ta’ investiment sottostanti.

    4.  Id-dokument bl-informazzjoni ewlenija għandu jitfassal bħala dokument qasir li jkun miktub b’mod konċiż u li jkollu massimu ta’ tliet faċċati ta’ karta A4 meta stampat li jippromwovi l-paragunabbiltà. Huwa għandu jkun:

    (a) ippreżentat u strutturat b’mod li jkun faċli jinqara, bl-użu ta’ tipa ta’ daqs li tinqara;

    (b) iffukat fuq l-informazzjoni ewlenija li jeħtieġu l-investituri fil-livell tal-konsumatur;

    (c) espress b’mod ċar u miktub b’lingwaġġ u stil li jikkomunikaw b’mod li jiffaċilita l-fehim tal-informazzjoni, b’mod partikolari, f’lingwaġġ li jkun ċar, fil-qosor u jista’ jinftiehem.

    5.  Jekk jintużaw kuluri fid-dokument bl-informazzjoni ewlenija, dawn ma għandhomx inaqqsu l-komprensjonabbiltà tal-informazzjoni jekk id-dokument bl-informazzjoni ewlenija jiġi stampat jew fotokopjat fl-iswed u l-abjad.

    6.  Fejn il-marka korporattiva jew il-logo tal-manifattur tal-PRIIP jew tal-grupp li minnu jagħmel parti jintużaw fid-dokument bl-informazzjoni ewlenija, dan ma għandux itellef lill-investitur fil-livell tal-konsumatur mill-informazzjoni li jkun hemm fid-dokument jew joskura t-test.

    Artikolu 7

    1.  Id-dokument bl-informazzjoni ewlenija għandu jinkiteb bil-lingwi uffiċjali, jew b’waħda mil-lingwi uffiċjali użati fil-parti tal-Istat Membru fejn jiġi distribwit il-PRIIP, jew b’lingwa oħra aċċettata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru, jew fejn ikun ġie miktub b’lingwa differenti, dan għandu jiġi tradott f’waħda minn dawn il-lingwi.

    It-traduzzjoni għandha tirrifletti b’mod eżatt u preċiż il-kontenut tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija oriġinali.

    2.  Jekk PRIIP jiġi promoss fi Stat Membru permezz ta’ dokumenti ta’ kummerċjalizzazzjoni miktubin b’lingwa uffiċjali waħda jew aktar ta’ dak l-Istat Membru, id-dokument bl-informazzjoni ewlenija għandu tal-inqas jinkiteb bil-lingwi uffiċjali korrispondenti.

    Artikolu 8

    1.  It-titolu “Dokument bl-Informazzjoni Ewlenija” għandu jidher b’mod prominenti fuq in-naħa ta’ fuq tal-ewwel paġna tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija.

    Id-dokument bl-informazzjoni ewlenija għandu jiġi ppreżentat fis-sekwenza stipulata fil-paragrafi 2 u 3.

    2.  Nota spjegattiva għandha tidher direttament taħt it-titolu tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija. Din għandha taqra:

    “Dan id-dokument jipprovdilek informazzjoni ewlenija dwar dan il-prodott ta’ investiment. Dan mhuwiex materjal ta’ kummerċjalizzazzjoni. L-informazzjoni hija meħtieġa bil-liġi biex tgħinek tifhem in-natura, ir-riskji, l-ispejjeż, il-gwadanji u t-telf potenzjali ta’ dan il-prodott u biex tgħinek tipparagunah ma’ prodotti oħrajn.”.

    3.  Id-dokument bl-informazzjoni ewlenija għandu jinkludi din l-informazzjoni li ġejja:

    (a) fil-bidu tad-dokument, l-isem tal-PRIIP, l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tal-manifattur tal-PRIIP, informazzjoni dwar l-awtorità kompetenti tal-manifattur tal-PRIIP u d-data tad-dokument;

    (b) fejn applikabbli, allert ta’ komprensjoni li għandu jaqra: “Ser tixtri prodott li mhuwiex sempliċi u li jista’ jkun diffiċli li tifhmu.”;

    (c) taħt taqsima bit-titolu “X’inhu dan il-prodott?”, in-natura u l-karatteristiċi ewlenin tal-PRIIP, inkluż:

    (i) it-tip ta’ PRIIP;

    (ii) l-objettivi tiegħu u l-modi kif jinkisbu, b’mod partikolari jekk l-objettivi jinkisbux permezz ta’ esponiment dirett jew indirett għall-assi ta’ investiment sottostanti, inkluża deskrizzjoni tal-istrumenti sottostanti jew il-valuri ta’ referenza, inkluża speċifikazzjoni tas-swieq li l-PRIIP jinvesti fihom, inklużi, fejn applikabbli, l-objettivi ambjentali jew soċjali speċifiċi li l-prodott jimmira għalihom, kif ukoll kif jiġi determinat ir-redditu;

    (iii) deskrizzjoni tat-tip ta’ investituri fil-livell tal-konsumatur li lejh huwa intiż li jiġi kummerċjalizzat il-PRIIP, b’mod partikolari f’termini tal-kapaċità tiegħu li jkun jiflaħ għat-telf tal-investiment u l-orizzont tal-investiment;

    (iv) fejn il-PRIIP joffri benefiċċji tal-assigurazzjoni, id-dettalji ta’ dawk il-benefiċċji tal-assigurazzjoni, inklużi ċ-ċirkostanzi li joħolquhom;

    (v) it-terminu ta’ żmien tal-PRIIP, jekk magħruf;

    (d) taħt taqsima bit-titolu “X’inhuma r-riskji u x’nista’ niggwadanja?”, deskrizzjoni fil-qasir tal-profil tar-riskji u l-gwadanji li jinkludi l-elementi li ġejjin:

    (i) indikatur sommarju tar-riskji, issupplementat minn spjegazzjoni narrattiva ta’ dak l-indikatur, il-limitazzjonijiet ewlenin tiegħu u spjegazzjoni narrattiva tar-riskji li huma materjalment rilevanti għall-PRIIP u li ma jinqabdux adegwatament mill-indikatur sommarju tar-riskji;

    (ii) it-telf massimu possibbli tal-kapital investit, inklużainformazzjoni dwar:

     jekk l-investitur fil-livell tal-konsumatur jistax jitlef il-kapital investit kollu, jew

     jekk l-investitur fil-livell tal-konsumatur huwiex fir-riskju li jsostni impenji jew obbligi finanzjarji addizzjonali, inkluż obbligazzjonijiet kontinġenti minbarra l-kapital investit fil-PRIIP; u

     fejn applikabbli, jekk il-PRIIP jinkludix protezzjoni ta’ kapital kontra r-riskju tas-suq, u d-dettalji dwar il-kopertura u l-limitazzjonijiet tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward taż-żmien ta’ meta dan japplika;

    (iii) xenarji adatti tal-prestazzjoni, u l-preżunzjonijiet li saru biex dawn ġew prodotti;

    (iv) fejn applikabbli, informazzjoni dwar il-kondizzjonijiet għar-redditi għall-investituri fil-livell tal-konsumatur jew limiti massimi ta’ prestazzjoni inkorporati;

    (v) dikjarazzjoni li l-leġiżlazzjoni tat-taxxa tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-investitur fil-livell tal-konsumatur jista’ jkollha impatt fuq l-iżborż innifsu;

    (e) taħt taqsima bit-titolu “X’jiġri jekk [l-isem tal-manifattur tal-PRIIP] ma jkunx jista’ jagħti żborż?”, deskrizzjoni fil-qasir dwar jekk it-telf relatat ikunx kopert minn skema ta’ kumpens jew garanzija mill-investituru jekk ikun hekk, liema skema hi, l-isem tal-garanti u liema riskji huma koperti mill-iskema u liem mhumiex;

    (f) taħt it-taqsima bit-titolu “X’inhuma l-ispejjeż?”, l-ispejjeż assoċjati mal-investiment fil-PRIIP, li jinkludu kemm l-ispejjeż diretti kif ukoll dawk indiretti li għandu jsostni l-investitur fil-livell tal-konsumatur, inkluż l-ispejjeż ta’ darba u dawk rikorrenti, ippreżentati permezz ta’ indikaturi sommarji ta’ dawn l-ispejjeż u, biex tkun żgurata l-paragunabbiltà, l-ispejjeż totali espressi f’termini monetarji u perċentwali, biex jintwerew l-effetti totali tal-ispejjeż fuq l-investiment.

    Id-dokument bl-informazzjoni ewlenija għandu jinkludi indikazzjoni ċara li dawk li jagħtu l-pariri, id-distributuri jew kwalunkwe persuna oħra li tagħti l-pariri jew tbiegħ il-PRIIP ser tipprovdi l-informazzjoni li tagħti d-dettalji dwar kwalunkwe spiża tad-distribuzzjoni li mhijiex diġà inkluża fl-ispejjeż speċifikati hawn fuq, sabiex l-investitur fil-livell tal-konsumatur ikun jista’ jifhem l-effett kumulattiv li dawn l-ispejjeż aggregati għandhom fuq ir-redditu tal-investiment.

    (g) taħt taqsima bit-titolu “Għal kemm għandi nżommu u nista’ nieħu l-flus qabel?”

    (i) fejn applikabbli, jekk hemmx żmien biex wieħed jerġa’ jaħsibha jew perijodu ta’ kanċellazzjoni għall-PRIIP;

    (ii) indikazzjoni tal-perijodu ta’ parteċipazzjoni minimu rakkomandat u, fejn applikabbli, meħtieġ;

    (iii) il-kapaċità li jsir kwalunkwe disinvestiment, u l-kondizzjonijiet għalih, qabel il-maturità, inkluż it-tariffi u l-penali applikabbli kollha, li jirrigwardjaw il-profil tar-riskji u tal-gwadanji tal-PRIIP u l-evoluzzjoni tas-suq li jimmira lejh;

    (iv) informazzjoni dwar il-konsegwenzi potenzjali jekk jittieħdu l-flus qabel tmiem it-terminu jew il-perijodu ta’ parteċipazzjoni rakkomandat, bħat-telf tal-protezzjoni tal-kapital jew miżati kontinġenti addizzjonali;

    (h) taħt it-taqsima bit-titolu “Kif nista’ nressaq ilment?”, informazzjoni dwar kif u lil min l-investitur fil-livell tal-konsumatur jista’ jippreżenta lment dwar il-prodott jew l-imġiba tal-manifattur tal-PRIIP jew ta’ persuna li tagħti pariri dwar il-prodott jew tbigħu;

    (i) taħt taqsima bit-titolu “Informazzjoni rilevanti oħra”, indikazzjoni fil-qasir ta’ kwalunkwe dokument ta’ informazzjoni addizzjonali li għandu jkun ipprovdut lill-investitur fil-livell tal-konsumatur fi stadju prekuntrattwali jew/u postkuntrattwali, eskluż kwalunkwe materjal ta’ kummerċjalizzazzjoni.

    4.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati f’konformità mal-Artikolu 30, billi tispeċifika d-dettalji tal-proċeduri użati biex jiġi stabbilit jekk PRIIP ikunx jimmira lejn objettivi ambjentali jew soċjali speċifiċi.

    5.  Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-ASEgħandhom, permezz tal-Kumitat Konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (“Kumitat Konġunt”), jiżviluppaw abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw:

    (a) id-dettalji tal-preżentazzjoni u l-kontenut ta’ kull wieħed mill-elementi tal-informazzjoni msemmi fil-paragrafu 3;

    (b) il-metodoloġija li hi l-bażi tal-preżentazzjoni tar-riskji u l-benefiċċji kif imsemmi fil-punt (d) (i) u (iii) tal-paragrafu 3; u

    (c) il-metodoloġija għall-kalkolu tal-ispejjeż, inkluża l-ispeċifikazzjoni tal-indikaturi sommarji, kif imsemmi fil-punt (f) tal-paragrafu 3.

    Waqt li jkunu qed jiżviluppaw l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji l-ASE għandhom jikkunsidraw id-diversi tipi ta’ PRIIPs, id-differenzi bejniethom u l-kapaċitajiet tal-investituri fil-livell tal-konsumatur kif ukoll il-karatteristiċi tal-PRIIPs sabiex jippermettu li l-investitur fil-livell tal-konsumatur jagħżel bejn investimenti sottostanti differenti jew għażliet oħra li joffri l-prodott, inkluż fejn din l-għażla tista’ sseħħ f’punti taż-żmien differenti, jew fejn tista’ tinbidel fil-futur.

    L-ASE għandhom jissottomettu dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal- ►C1  31 ta' Marzu 2016 ◄ .

    Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

    Artikolu 9

    Il-komunikazzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni li fihom informazzjoni speċifika relatata mal-PRIIP ma għandhom jinkludu l-ebda dikjarazzjoni li tikkontradixxi l-informazzjoni li tinsab fid-dokument bl-informazzjoni ewlenija jew li tnaqqas is-sinifikat tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija. Il-komunikazzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni għandhom jindikaw li d-dokument bl-informazzjoni ewlenija huwa disponibbli u jipprovdu informazzjoni dwar kif dan jista’ jinkiseb u minn fejn, inkluż is-sit elettroniku tal-manifattur tal-PRIIP.

    Artikolu 10

    1.  Il-manifattur tal-PRIIP għandu janalizza l-informazzjoni li tinsab fid-dokument bl-informazzjoni ewlenija b’mod regolari u għandu jirrevedi d-dokument fejn l-analiżi tindika li hemm bżonn isir tibdil. Il-verżjoni riveduta għandha ssir disponibbli fil-pront.

    2.  Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-ASE għandhom, permezz tal-Kumitat Konġunt, jiżviluppaw abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw:

    (a) il-kondizzjonijiet li taħtu għandu jiġi rivedut id-dokument bl-informazzjoni ewlenija;

    (b) il-kondizzjonijiet li taħthom l-informazzjoni inkluża fid-dokument bl-informazzjoni ewlenija għandha tiġi riveduta;

    (c) il-kondizzjonijiet speċifiċi li taħthom għandha tiġi analizzata l-informazzjoni li fih id-dokument bl-informazzjoni ewlenija jew għandu jiġi rivedut id-dokument bl-informazzjoni ewlenija meta PRIIP ikun disponibbli għall-investituri fil-livell tal-konsumatur b’mod mhux kontinwu;

    (d) iċ-ċirkostanzi li fihom l-investituri fil-livell tal-konsumatur għandhom jiġu infurmati rigward dokument rivedut bl-informazzjoni ewlenija għal PRIIP mixtri minnhom, kif ukoll il-mezzi li bihom l-investituri fil-livell tal-konsumatur għandom jiġu infurmati.

    L-ASE għandhom jippreżentaw dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2015.

    Is-setgħa ta’ adozzjoni tal-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu hija mogħtija lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

    Artikolu 11

    1.  Il-manifattur tal-PRIIP ma għandux isostni responsabbiltà ċivili abbażi tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija biss, inkluż kwalunkwe traduzzjoni tiegħu, sakemm ma joħloqx disgwid, ma jkunx preċiż jew ikun inkonsistenti mal-partijiet rilevanti tad-dokumenti prekuntrattwali jew kuntrattwali legalment vinkolanti jew mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8.

    2.  Investitur fil-livell tal-konsumatur li juri telf li jirriżulta minn-dipendenza fuq dokument bl-informazzjoni ewlenija fiċ-ċirkostanzi imsemmija fil-paragrafu 1, meta jkun qed isir investiment fil-PRIIP li għalih dak id-dokument bl-informazzjoni ewlenija kien prodott, jista’ jitlob riżarċiment tad-dannu mill-manifattur tal-PRIIP għal dak it-telf f’konformità mal-liġi nazzjonali.

    3.  Elementi bħal “telf” jew “dannu” kif msemmija fil-paragrafu 2 li mhumiex definiti għandhom jiġu interpretati u applikati f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli kif determinat mir-regoli rilevanti ta’ liġi internazzjonali privata.

    4.  Dan l-Artikolu ma jeskludix talbiet ulterjuri għar-riżarċiment tad-dannu għal responsabbiltà ċivili f’konformità mal-liġi nazzjonali.

    5.  L-obbligi taħt dan l-Artikolu ma għandhomx ikunu limitati jew revokati bi klawsoli kuntrattwali.

    Artikolu 12

    Fejn id-dokument bl-informazzjoni ewlenija jikkonċerna kuntratt ta’ assigurazzjoni, l-obbligi tal-impriżi tal-assigurazzjoni taħt dan ir-Regolament huma biss lejn id-detentur tal-polza tal-kuntratt tal-assigurazzjoni u mhux lejn il-benefiċjarju tal-kuntratt tal-assigurazzjoni.



    TAQSIMA III

    Għoti tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija

    Artikolu 13

    1.  Persuna li tagħti pariri dwar PRIIP jew li tbigħu, għandha tipprovdi lill-investituri fil-livell tal-konsumatur bid-dokument bl-informazzjoni ewlenija fi żmien adegwat qabel ma dawk l-investituri fil-livell tal-konsumatur jintrabtu bi kwalunkwe kuntratt jew offerta relatata mal-PRIIP.

    2.  Persuna li tagħti pariri dwar PRIIP jew li tbigħu tista’ tissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafu 1 billi tipprovdi d-dokument bl-informazzjoni ewlenija lil persuna b’awtorità bil-miktub li tagħmel deċiżjonijiet ta’ investiment f’isem l-investitur fil-livell tal-konsumatur fir-rigward ta’ transazzjonijiet konklużi taħt dik l-awtorità bil-miktub.

    3.  B’deroga mill-paragrafu 1 u soġġett għall-Artikolu 3(1), il-punt (a) tal-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/65/KE, persuna li tbigħ PRIIP tista’ tipprovdi d-dokument bl-informazzjoni ewlenija lill-investitur fil-livell tal-konsumatur wara l-konklużjoni tat-transazzjoni, mingħajr dewmien mhux dovut, fejn jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a) l-investitur fil-livell tal-konsumatur jagħżel, fuq l-inizjattiva tiegħu stess, li jikkuntattja lill-persuna li tbigħ il-PRIIP u jikkonkludi t-transazzjoni permezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod;

    (b) l-għoti tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma jkunx possibbli;

    (c) il-persuna li tagħti parir dwar PRIIP jew li tbigħu tkun informat lill-investitur fil-livell tal-konsumatur li l-għoti tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija mhux possibbli u tkun iddikjarat biċ-ċar li l-investitur fil-livell tal-konsumatur jista’ jipposponi t-transazzjoni sabiex jirċievi u jaqra d-dokument bl-informazzjoni ewlenija qabel ma jikkonkludi t-transazzjonijiet;

    (d) l-investitur fil-livell tal-konsumatur jagħti l-kunsens li jirċievi d-dokument bl-informazzjoni ewlenija mingħajr dewmien mhux dovut wara l-konklużjoni tat-transazzjoni, pjuttost milli jipposponi t-transazzjoni sabiex jirċievi d-dokument minn qabel.

    4.  Fejn jitwettqu transazzjonijiet suċċessivi fir-rigward tal-istess PRIIP f’isem investitur fil-livell tal-konsumatur f’konformità mal-istruzzjonijiet mogħtija minn dak l-investitur fil-livell tal-konsumatur lill-persuna li qed tbigħ il-PRIIP qabel l-ewwel transazzjoni, l-obbligu li jiġi pprovdut dokument bl-informazzjoni ewlenija skont il-paragrafu 1 għandu japplika biss għall-ewwel transazzjoni, u għall-ewwel transazzjoni wara li d-dokument bl-informazzjoni ewlenija jkun ġie rivedut f’konformità mal-Artikolu 10.

    5.  Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-ASE għandhom, permezz tal-Kumitat Konġunt, jiżviluppaw abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kondizzjonijiet biex jiġi sodisfatt ir-rekwiżit li jiġi pprovdut id-dokument bl-informazzjoni ewlenija kif stabbilit fil-paragrafu 1.

    L-ASE għandhom jippreżentaw dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2015.

    Qiegħda tiġi delegata setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

    Artikolu 14

    1.  Il-persuna li tagħti pariri dwar PRIIP jew li tbigħu, għandha tipprovdi d-dokument bl-informazzjoni ewlenija lill-investituri fil-livell tal-konsumatur mingħajr ħlas.

    2.  Il-persuna li tagħti pariri dwar PRIIP jew li tbigħu, għandha tipprovdi d-dokument bl-informazzjoni ewlenija lill-investitur fil-livell tal-konsumatur b’wieħed mill-mezzi li ġejjin:

    (a) stampat, li għandha tkun l-għażla awtomatika fejn il-PRIIP ikun offrut fuq bażi ta’ wiċċ imb’wiċċ, dment li l-investitur fil-livell tal-konsumatur ma jitlobx mod ieħor;

    (b) bl-użu ta’ mezz durabbli għajr dak stampat, fejn ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 4; jew

    (c) permezz ta’ sit elettroniku fejn ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 5.

    3.  Fejn id-dokument bl-informazzjoni ewlenija jiġi pprovdut bl-użu ta’ mezz durabbli għajr dak stampat jew permezz ta’ sit elettroniku, għandha tingħata kopja stampata lill-investituri fil-livell ta’ konsumatur fuq talba u mingħajr ħlas. L-investituri fil-livell tal-konsumatur għandhom jiġu infurmati rigward id-dritt tagħhom li jitolbu kopja stampata mingħajr ħlas.

    4.  Id-dokument bl-informazzjoni ewlenija jista’ jiġi pprovdut bl-użu ta’ mezz durabbli għajr dak stampat jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a) l-użu tal-mezz durabbli huwa xieraq fil-kuntest tan-negozju mwettaq bejn il-persuna li tagħti pariri dwar PRIIP jew li tbigħu u l-investitur fil-livell tal-konsumatur; u

    (b) l-investitur fil-livell tal-konsumatur ikun ingħata l-għażla bejn l-informazzjoni stampata u bil-mezz durabbli, u jkun għażel dak il-mezz l-ieħor b’mod li jista’ jingħata evidenza tiegħu.

    5.  Id-dokument bl-informazzjoni ewlenija jista’ jiġi pprovdut permezz ta’ sit elettroniku li ma jissodisfax id-definizzjoni ta’ mezz durabbli jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a) l-għoti tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija permezz ta’ sit elettroniku ikun xieraq fil-kuntest tan-negozju li jkun qed isir bejn il-persuna li tagħti pariri dwar PRIIP jew li tbigħu u l-investitur fil-livell tal-konsumatur;

    (b) l-investitur fil-livell tal-konsumatur ikun ingħata l-għażla bejn l-informazzjoni stampata u permezz ta’ sit elettroniku u jkun għażel dan tal-aħħar b’mod li tista’ tingħata prova tiegħu;

    (c) l-investitur fil-livell tal-konsumatur ikun ġie nnotifikat b’mod elettroniku, jew f’forma bil-miktub, bl-indirizz tas-sit elettroniku, u bil-post fis-sit elettroniku minn fejn jista’ jaċċessa d-dokument bl-informazzjoni ewlenija;

    (d) id-dokument bl-informazzjoni ewlenija jibqa’ aċċessibbli fis-sit elettroniku, ikun jista’ jitniżżel u jiġi maħżun f’mezz durabbli, għal perijodu ta’ żmien li jista’ jkun meħtieg biex l-investitur fil-livell tal-konsumatur jikkonsultah.

    Fejn id-dokument bl-informazzjoni ewlenija jkun ġie rivedut skont l-Artikolu 10, il-verżjonijiet preċedenti għandhom ukoll jingħataw fuq it-talba tal-investitur fil-livell tal-konsumatur.

    6.  Għall-finijiet tal-paragrafi 4 u 5, l-għoti tal-informazzjoni bl-użu ta’ mezz durabbli għajr dak stampat jew permezz ta’ sit elettroniku għandu jitqies xieraq fil-kuntest tan-negozju mwettaq bejn il-persuna li tagħti pariri dwar PRIIP jew li tbigħ PRIIP u l-investitur fil-livell ta’ konsumatur, jekk ikun hemm prova li l-investitur fil-livell ta’ konsumatur għandu aċċess regolari għall-internet. L-għoti ta’ indirizz elettroniku min-naħa tal-investitur fil-livell ta’ konsumatur għall-finijiet ta’ dak in-negozju għandu jitqies bħala tali prova.



    KAPITOLU III

    MONITORAĠĠ TAS-SUQ U SETGĦAT TA’ INTERVENT TAL-PRODOTT

    Artikolu 15

    1.  F’konformità mal-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, l-EIOPA għandha timmonitorja s-suq għall-prodotti ta’ investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni li huma kummerċjalizzati, imqassma jew mibjugħa fl-Unjoni.

    2.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jimmonitorjaw is-suq għal prodotti ta’ investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni li huma kumerċjalizzati, imqassma jew mibjugħa fl-Istat Membru tagħhom jew minnu.

    Artikolu 16

    1.  Skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, l-EIOPA tista’, meta l-kondizzjonijiet fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu jkunu ssodisfati, temporanjament tipprojbixxi jew tirrestrinġi fl-Unjoni:

    (a) il-kummerċjalizzazzjoni, id-distribuzzjoni jew il-bejgħ ta’ ċerti prodotti ta’ investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni jew prodotti ta’ investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni b’ċerti karatteristiċi speċifikati; jew

    (b) tip ta’ attività finanzjarja jew prassi ta’ impriża ta’ assigurazzjoni jew riassigurazzjoni.

    Projbizzjoni jew restrizzjoni tista’ tapplika f’ċirkostanzi, jew tkun soġġetta għal eċċezzjonijiet, speċifikati mill-EIOPA.

    2.  L-EIOPA għandha tieħu deċiżjoni skont il-paragrafu 1 fil-każ biss li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a) l-azzjoni proposta tindirizza tħassib sinifikanti dwar il-protezzjoni tal-investitur jew theddida għall-funzjonament ordinat u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha jew parti minnha fl-Unjoni;

    (b) ir-rekwiżiti regolatorji skont il-liġi tal-Unjoni li huma applikabbli għall-prodott jew l-attività ta’ investiment ibbażata fuq l-assigurazzjoni rilevanti ma jindirizzawx it-theddida;

    (c) awtorità jew awtoritajiet kompetenti ma jkunux ħadu azzjoni sabiex jindirizzaw it-theddida jew l-azzjonijiet li jkunu ttieħdu ma jindrizzawx it-theddida b’mod adegwat.

    Meta l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu jkunu ġew issodisfati, l-EIOPA tista’ timponi l-projbizzjoni jew ir-restrizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 fuq bażi prekawzjonarja qabel prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni ma jkun ġie kkumerċjalizzat jew mibjugħ lill-investituri.

    3.  Meta tieħu azzjoni skont dan l-Artikolu, l-EIOPA għandha tiżgura li l-azzjoni:

    (a) ma jkollhiex effett negattiv fuq l-effiċjenza tas-swieq finanzjarji jew fuq l-investituri li jkun sproporzjonat għall-benefiċċji tal-azzjoni; jew

    (b) ma toħloqx riskju ta’ arbitraġġ regolatorju.

    Fejn awtorità jew awtoritajiet kompetenti jkunu ħadu miżura skont l-Artikolu 17, l-EIOPA tista’ tieħu kwalunkwe waħda mill-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu mingħajr ma toħroġ l-opinjoni prevista fl-Artikolu 18.

    4.  Qabel ma tiddeċiedi li tieħu kwalunkwe azzjoni skont dan l-Artikolu, l-EIOPA għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti bl-azzjoni li qed tipproponi.

    5.  L-EIOPA għandha tippubblika fis-sit elettroniku tagħha avviż dwar kwalunkwe deċiżjoni li tieħu kwalunkwe azzjoni skont dan l-Artikolu. L-avviż għandu jispeċifika d-dettalji tal-projbizzjoni jew ir-restrizzjoni u jispeċifika żmien wara l-pubblikazzjoni tal-avviż minn meta ser jidħlu fis-seħħ il-miżuri. Projbizzjoni jew restrizzjoni għandha tapplika biss għal azzjoni meħuda wara li l-miżuri jidħlu fis-seħħ.

    6.  L-EIOPA għandha tirrevedi projbizzjoni jew restrizzjoni imposta skont il-paragrafu 1 f’intervalli xierqa u tal-inqas kull tliet xhur. Jekk il-projbizzjoni jew ir-restrizzjoni ma tiġġeddidx wara dak il-perijodu ta’ tliet xhur, din għandha tiskadi.

    7.  L-azzjoni adottata mill-EIOPA skont dan l-Artikolu għandha tipprevali fuq kwalunkwe azzjoni preċedenti meħuda minn awtorità kompetenti.

    8.  Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 30 li jispeċifikaw il-kriterji u l-fatturi li għandu jittieħed kont tagħhom mill-EIOPA meta tiddetermina meta jkun hemm tħassib sinifikanti dwar il-protezzjoni tal-investitur jew theddida għall-funzjonament ordinat u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha jew parti minnha tal-Unjoni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2.

    Dawk il-kriterji u l-fatturi għandhom jinkludu:

    (a) il-livell ta’ kumplessità tal-prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni u r-relazzjoni għat-tip ta’ investitur li għalih huwa kkummerċjalizzat u lilu mibjugħ;

    (b) id-daqs jew il-valur nozzjonali tal-prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni;

    (c) il-livell ta’ innovazzjoni tal- prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni, attività jew prassi; u

    (d) il-lieva li prodott jew prassi jipprovdu.

    Artikolu 17

    1.  Awtorità kompetenti tista’ tipprojbixxi jew tirrestrinġi s-segwenti fl-Istat Membru tagħha jew minnu:

    (a) il-kummerċjalizzazzjoni, id-distribuzzjoni jew il-bejgħ ta’ prodotti ta’ investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni jew prodotti ta’ investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni b’ċerti karatteristiċi speċifikati; jew

    (b) tip ta’ attività finanzjarja jew prassi ta’ impriża ta’ assigurazzjoni jew riassigurazzjoni.

    2.  Awtorità kompetenti tista’ tieħu l-azzjoni msemmija fil-paragrafu 1 jekk tkun sodisfatta fuq bażi raġonevoli li:

    (a) prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni, jew attività jew prassi joħolqu tħassib sinifikanti dwar il-protezzjoni tal-investitur jew huma ta’ theddida għall-funzjonament ordinat u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha jew parti minnha f’tal-anqas Stat Membru wieħed;

    (b) ir-rekwiżiti regolatorji eżistenti skont il-liġi tal-Unjoni applikabbli għall-prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni, jew attività jew prassi ma jindirizzawx biżżejjed ir-riskji msemmija fil-punt (a) u l-kwistjoni ma tkunx indirizzata aħjar permezz ta’ superviżjoni jew infurzar imtejba tar-rekwiżiti eżistenti;

    (c) l-azzjoni hija proporzjonata b’kont meħud tan-natura tar-riskji identifikati, il-livell ta’ sofistikazzjoni tal-investituri jew tal-parteċipanti tas-suq konċernati u l-effett probabbli tal-azzjoni fuq l-investituri u l-parteċipanti tas-suq li jista’ jkollhom, jużaw jew jibbenefikaw mill-prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni, jew attività jew prassi ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni;

    (d) l-awtorità kompetenti kkonsultat kif xieraq l-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri oħra li jistgħu jkunu affettwati b’mod sinifikanti mill-azzjoni; u

    (e) l-azzjoni ma għandhiex effett diskriminatorju fuq is-servizzi jew l-attivitajiet forniti minn Stat Membru ieħor.

    Fejn il-kondizzjonijiet stipulati fl-ewwel subparagrafu jkunu ssodisfati, l-awtorità kompetenti tista’ timponi l-projbizzjoni jew ir-restrizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 fuq bażi prekawzjonarja qabel ma prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni jkun ġie kkumerċjalizzat jew mibjugħ lill-investituri. Projbizzjoni jew restrizzjoni tista’ tapplika f’ċirkostanzi, jew tkun soġġetta għal eċċezzjonijiet, speċifikati mill-awtorità kompetenti.

    3.  L-awtorità kompetenti ma għandhiex timponi projbizzjoni jew restrizzjoni skont dan l-Artikolu sakemm, sa mhux inqas minn xahar qabel ma jkun maħsub li l-miżura tidħol fis-seħħ, ma tkunx innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra kollha u lill-EIOPA bil-miktub jew permezz ta’ mezz ieħor miftiehem bejn l-awtoritajiet dwar id-dettalji ta’:

    (a) il-prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni, jew attività jew jew prassi ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni li l-azzjoni proposta hija relatata magħhom;

    (b) in-natura preċiża tal-projbizzjoni jew tar-restrizzjoni proposta u meta huwa maħsub li tidħol fis-seħħ; u

    (c) l-evidenza li fuqha bbażat id-deċiżjoni tagħha u li permezz tagħha hija sodisfatta li ġew issodisfati l-kondizzjonijiet kollha fil-paragrafu 2.

    4.  F’każijiet eċċezzjonali fejn l-awtorità kompetenti tqis li jkun jeħtieġ li tittieħed azzjoni urġenti skont dan l-Artikolu sabiex ikun evitat li jsir dannu minħabba l-prodotti, il-prassi jew l-attivitajiet ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni, attivitajiet jew prassi msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti tista’ tieħu azzjoni fuq bażi proviżorja b’avviż bil-miktub sa mhux anqas minn 24 siegħa qabel ma jkun maħsub li l-miżura tidħol fis-seħħ, lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra kollha u lill-EIOPA, dment li l-kriterji kollha f’dan l-Artikolu jiġu ssodisfati u li, barra minn hekk, jiġi stabbilit b’mod ċar li perijodu ta’ notifika ta’ xahar ma jindirizzax it-tħassib jew theddida speċifika b’mod adegwat. L-awtorità kompetenti ma għandhiex tieħu azzjoni fuq bażi proviżorja għal perijodu li jaqbeż it-tliet xhur.

    5.  L-awtorità kompetenti għandha tippubblika fuq is-sit elettroniku tagħha avviż dwar kwalunkwe deċiżjoni li timponi xi projbizzjoni jew restrizzjoni msemmija fil-paragrafu 1. Dak l-avviż għandu jispeċifika d-dettalji tal-projbizzjoni jew ir-restrizzjoni, id-data wara l-pubblikazzjoni tal-avviż li minnha jidħlu fis-seħħ il-miżuri u l-evidenza li turi li hija sodisfatta li ġew issodisfati l-kondizzjonijiet kollha tal-paragrafu 2. Il-projbizzjoni jew ir-restrizzjoni għandha tapplika biss fir-rigward ta’ azzjoni li tittieħed wara l-pubblikazzjoni tal-avviż.

    6.  L-awtorità kompetenti għandha tirrevoka projbizzjoni jew restrizzjoni jekk il-kondizzjonijiet tal-paragrafu 2 ma jibqgħux japplikaw.

    7.  Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 30 li jispeċifikaw il-kriterji u l-fatturi li għandu jittieħed kont tagħhom mill-awtoritajiet kompetenti meta jiddeterminaw meta jkun hemm tħassib sinifikanti dwar il-protezzjoni tal-investitur jew theddida għall-funzjonament ordinat u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja f’tal-anqas Stat Membru wieħed imsemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2.

    Dawk il-kriterji u l-fatturi għandhom jinkludu:

    (a) il-livell ta’ kumplessità ta’ prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni u r-relazzjoni għat-tip ta’ investitur li għalih huwa kkummerċjalizzat u lilu mibjugħ;

    (b) il-livell ta’ innovazzjoni ta’ prodott ta’ investimentbbażat fuq l-assigurazzjoni, attività jew prassi;

    (c) il-lieva li prodott jew prassi jipprovdu;

    (d) b’rabta mal-funzjonament ordinat u l-integrità tas-swieq finanzjarji, id-daqs jew il-valur nozzjonali ta’ prodott ta’ investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni.

    Artikolu 18

    1.  L-EIOPA għandha twettaq rwol ta’ faċilitazzjoni u koordinazzjoni fir-rigward tal-azzjoni meħuda mill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 17. B’mod partikolari, l-EIOPA għandha tiżgura li l-azzjoni meħuda minn awtorità kompetenti tkun ġustifikata u proporzjonata u li fejn xieraq jittieħed approċċ konsistenti mill-awtoritajiet kompetenti.

    2.  Wara li tirċievi notifika skont l-Artikolu 17 dwar kwalunkwe azzjoni li ser tiġi imposta skont dak l-Artikolu, l-EIOPA għandha tadotta opinjoni dwar jekk il-projbizzjoni jew ir-restrizzjoni hijiex ġustifikata u proporzjonata. Jekk l-EIOPA tikkunsidra li awtoritajiet kompetenti oħra jeħtieġ jieħdu miżuri sabiex jiġi indirizzat ir-riskju, għandha tiddikjara dan fl-opinjoni tagħha. L-opinjoni għandha tiġi ppubblikata fis-sit elettroniku tal-EIOPA.

    3.  Fejn awtorità kompetenti tipproponi li tieħu, jew tieħu, azzjoni li tmur kontra opinjoni adottata mill-EIOPA skont il-paragrafu 2 jew ma taċċettax li tieħu azzjoni kontra tali opinjoni, għandha tippubblika minnufih fis-sit elettroniku tagħha avviż li jispjega bis-sħiħ ir-raġunijiet għaliex għamlet dan.



    KAPITOLU IV

    ILMENTI, RIMEDJU, KOOPERAZZJONI U SUPERVIŻJONI

    Artikolu 19

    Il-manifattur tal-PRIIP u l-persuna li tagħti parir dwar PRIIP, jew li tbigħu, għandhom jistabbilixxu proċeduri u arranġamenti xierqa li jiżguraw li:

    (a) l-investituri fil-livell ta’ konsumatur ikollhom mod effettiv kif jissottomettu lment kontra l-manifattur tal-PRIIP;

    (b) l-investituri fil-livell ta’ konsumatur li jkunu ssottomettew ilment fir-rigward tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija jirċievu tweġiba sostantiva fil-waqt u b’mod xieraq; u

    (c) proċeduri effettivi ta’ rimedju huma disponibbli wkoll għall-investituri fil-livell ta’ konsumatur fil-każ ta’ tilwim transkonfinali, b’mod partikolari meta l-manifattur tal-PRIIP ikun jinsab fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz.

    Artikolu 20

    1.  Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw ma’ xulxin u, mingħajr dewmien mhux dovut, jipprovdu lil xulxin bl-informazzjoni li tkun rilevanti għall-finijiet tat-twettiq ta’ dmirijiethom skont dan ir-Regolament u filwaqt li jużaw is-setgħat tagħhom.

    2.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom, f’konformità mal-liġi nazzjonali, ikollhom is-setgħat superviżorji u investigattivi kollha li huma meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom skont dan ir-Regolament.

    Artikolu 21

    1.  L-Istati Membri għandhom japplikaw id-Direttiva 95/46/KE għall-ipproċessar tad-data personali mwettaq f’dak l-Istat Membru skont dan ir-Regolament.

    2.  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 għandu japplika għall-ipproċessar tad-data personali mwettaq mill-ASE.



    KAPITOLU V

    PENALI AMMINISTRATTIVI U MIŻURI OĦRA

    Artikolu 22

    1.  Mingħajr preġudizzju għas-setgħat superviżorji tal-awtoritajiet kompetenti u d-dritt tal-Istati Membri li jipprevedu u jimponu sanzjonijiet kriminali, l-Istati Membri għandhom jistipulaw regoli li jistabbilixxu s-sanzjonijiet u l-miżuri amministrattivi adatti applikabbli f’sitwazzjonijiet li jikkostitwixxu ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Dawk is-sanzjonijiet u l-miżuri għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jistabbilixxux regoli għal sanzjonijiet amministrattivi kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu għal ksur li jkun soġġett għal sanzjonijiet kriminali taħt il-liġi nazzjonali tagħhom.

    Sal-31 ta’ Diċembru 2016 l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ir-regoli msemmija fl-ewwel subparagrafu lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Konġunt. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Konġunt mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti għalihom.

    2.  Fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom fl-Artikolu 24, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw li s-sanzjonijiet u l-miżuri amministrattivi jipproduċu r-riżultati mfittxija minn dan ir-Regolament u jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom sabiex jevitaw il-possibbiltà ta’ xogħol doppju u duplikazzjoni meta japplikaw s-sanzjonijiet u l-miżuri amministrattivi f’każijiet transkonfinali.

    Artikolu 23

    L-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom li jimponu sanzjonijiet, f’konformità ma’ dan ir-Regolament u l-liġi nazzjonali fi kwalunkwe wieħed mill-mezzi li ġejjin:

    (a) direttament;

    (b) f’kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet oħra;

    (c) taħt ir-responsabbiltà tagħhom b’delega lil tali awtoritajiet;

    (d) b’rikors lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.

    Artikolu 24

    1.  Dan l-Artikolu japplika għall-ksur tal-Artikolu 5(1), l-Artikoli 6 u 7, l-Artikolu 8(1) sa (3), l-Artikolu 9, l-Artikolu 10(1), l-Artikolu 13(1), (3) u (4) u l-Artikoli 14 u 19.

    2.  L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħa li jimponu, f’konformità mal-liġi nazzjonali, mill-inqas s-sanzjonijiet u l-miżuri amministrattivi li ġejjin:

    (a) ordni li tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ PRIIP;

    (b) ordni li tissospendi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ PRIIP;

    (c) twissija pubblika li tindika l-persuna responsabbli għall-ksur u n-natura tal-ksur;

    (d) ordni li tipprojbixxi l-għoti ta’ dokument bl-informazzjoni ewlenija li ma jikkonformax mar-rekwiżiti tal-Artikoli 6, 7, 8 jew 10 u li titlob il-pubblikazzjoni ta’ verżjoni ġdida ta’ dokument bl-informazzjoni ewlenija;

    (e) multi amministrattivi ta’ mill-inqas:

    (i) f’każ ta’ entità ġuridika:

     sa EUR 5 000 000 , jew, fl-IstatiMembri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fit-30 ta’ Diċembru 2014, jew sa 3 % tal-fatturat annwali totali ta’ dik l-entità ġuridika skont l-aħħar kontijiet disponibbli approvati mill-korp amministrattiv, jew

     sad-doppju tal-ammont tal-profitti miksuba jew it-telf evitat minħabba l-ksur, fejn dawn ikunu jistgħu jiġu determinati;

    (ii) f’każ ta’ persuna fiżika:

     sa EUR 700 000 jew, fl-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-Euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fit-30 ta’ Diċembru 2014, jew

     sad-doppju tal-ammont tal-profitti miksuba jew it-telf evitat minħabba l-ksur, fejn dawn ikunu jistgħu jiġu ddeterminati.

    Fejn l-entità ġuridika msemmija fil-punt (e)(i) tal-ewwel subparagrafu hija impriża prinċipali jew sussidjarja ta’ impriża prinċipali li għandha tħejji dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati skont id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ), il-fatturat totali rilevanti għandu jkun il-fatturat annwali totali jew it-tip korrispondenti ta’ dħul f’konformità mal-liġi rilevanti tal-Unjoni fil-qasam tal-kontabbiltà skont l-aħħar dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati disponibbli approvat mill-korp amministrattiv tal-aħħar impriża prinċipali.

    3.  L-Istati Membri jistgħu jipprevedu sanzjonijiet jew miżuri addizzjonali u livelli ogħla ta’ multi amministrattivi minn dawk previsti f’dan ir-Regolament.

    4.  Fejn l-awtoritajiet kompetenti jkunu imponew penali amministrattiva waħda jew iżjed jew miżuri skont il-paragrafu 2, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħa joħorġu jew jitolbu lill-manifattur tal-PRIIP jew lill-persuna li tagħti pariri dwar il-PRIIP jew tbigħu, li joħroġ komunikazzjoni diretta lill-investitur fil-livell tal-konsumatur ikkonċernat, biex jingħataw informazzjoni dwar is-sanzjoni jew il-miżura amministrattiva, u jiġu infurmati dwar fejn jista’ jitressaq l-ilment jew jitressqu talbiet għal rimedju.

    Artikolu 25

    L-awtoritajiet kompetenti għandhom japplikaw is-sanzjonijiet u l-miżuri amministrattivi msemmija fl-Artikolu 24(2) b’kont meħud taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha inkluż, fejn adatt:

    (a) il-gravità u t-tul taż-żmien tal-ksur;

    (b) il-livell tar-responsabbiltà tal-persuna responsabbli għall-ksur;

    (c) l-impatt tal-ksur fuq l-interessi tal-investituri fil-livell tal-konsumatur;

    (d) l-imġiba kooperattiva tal-persuna responsabbli għall-ksur;

    (e) kwalunkwe ksur preċedenti mill-persuna responsabbli għall-ksur;

    (f) il-miżuri meħudin wara l-ksur mill-persuna responsabbli għall-ksur sabiex jiġi impedut li l-ksur jiġi ripetut;

    Artikolu 26

    Id-deċiżjonijiet li jiġu imposti sanzjonijiet u l-miżuri meħudin f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għad-dritt ta’ appell.

    Artikolu 27

    1.  Fejn l-awtorità kompetenti tkun żvelat sanzjonijiet jew miżuri amministrattivi lill-pubbliku, hija għandha simultanjament tirrapporta dawk is-sanzjonijiet jew il-miżuri amministrattivi lill-ASEkompetenti.

    2.  L-awtorità kompetenti għandha tipprovdi lill-AS E kompetenti fuq bażi annwali bl-informazzjoni aggregata rigward is-sanzjonijiet u l-miżuri amministrattivi kollha imposti skont l-Artikolu 22 u l-Artikolu 24(2).

    3.  L-ASE għandhom jippubblikaw din l-informazzjoni fir-rapporti annwali tagħhom.

    Artikolu 28

    1.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi biex jippermettu r-rappurtar lilhom ta’ ksur attwali jew potenzjali ta’ dan ir-Regolament.

    2.  Il-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu mill-inqas:

    (a) proċeduri speċifiċi għar-riċeviment ta’ rapporti ta’ ksur attwali u potenzjali u s-segwitu tagħhom;

    (b) protezzjoni adatta għall-impjegati li jirrappurtaw ksur imwettaq minn min iħaddimhom ta’ mill-anqas kontra ritaljazzjoni, diskriminazzjoni u tipi oħrajn ta’ trattament inġust;

    (c) protezzjoni tal-identità kemm tal-persuna li tirrapporta l-ksur kif ukoll tal-persuna fiżika li hija allegatament responsabbli għall-ksur, fl-istadji kollha tal-proċedura dment li tali żvelar ma jkunx mitlub mil-liġi nazzjonali fil-kuntest ta’ investigazzjoni ulterjuri jew proċedimenti ġudizzjarji sussegwenti.

    3.  L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu mekkaniżmi addizzjonali skont il-liġi nazzjonali.

    4.  L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li min iħaddem li jkun involut f’attivitajiet li huma rregolati għal finijiet tas-servizzi finanzjarji, jistabbilixxi proċeduri adatti għall-impjegati tiegħu biex jirrapportaw ksur attwali jew potenzjali internament b’mezz speċifiku, indipendenti u awtonomu.

    Artikolu 29

    1.  Deċiżjoni, li ma tistax tiġi appellata, li timponi sanzjoni jew miżura amministrattiva għall-ksur imsemmija fl-Artikolu 24(1) għandha tiġi ppubblikata minn awtoritajiet kompetenti fuq is-siti elettroniċi uffiċjali tagħhom mingħajr dewmien mhux dovut wara li l-persuna li fuqha ġiet imposta s-sanzjoni jew miżura tkun ġiet informata b’dik id-deċiżjoni.

    Il-pubblikazzjoni għandha tinkludi tal-inqas informazzjoni li ġejja:

    (a) it-tip u n-natura tal-ksur;

    (b) l-identità tal-persuni responsabbli.

    L-obbligu ma japplikax għal deċiżjonijiet li jimponu miżuri li huma ta’ natura investigattiva.

    Fejn il-pubblikazzjoni tal-identità tal-entitajiet ġuridiċi, jew l-identità jew id-data personali tal-persuni fiżiċi titqies bħala sproporzjonata mill-awtorità kompetenti b’segwitu għal valutazzjoni ta’ kull każ individwali mwettqa dwar il-proporzjonalità tal-publikazzjoni ta’ din id-data, jew fejn tali pubblikazzjoni tipperikola l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji jew investigazzjoni li tkun għaddejja f’dak il-mument, l-awtoritajiet kompetenti għandhom:

    (a) jipposponu l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li tiġi imposta sanzjoni jew miżura sal-mument meta r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ pubblikazzjoni ma jibqgħux jeżistu;

    (b) jippubblikaw id-deċiżjoni li tiġi imposta sanzjoni jew miżura fuq bażi anonima b’mod li jikkonforma mal-liġi nazzjonali, jekk tali pubblikazzjoni anonima tiżgura protezzjoni effettiva tad-data personali kkonċernata; jew

    (c) ma jippubblikawx id-deċiżjoni li timponi sanzjoni jew miżura fil-każ li l-għażliet stipulati fil-punti(a) u (b) hawn fuq jitqiesu li huma insuffiċjenti biex jiżguraw:

    (i) li ma tiġix mhedda l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji;

    (ii) il-proporzjonalità tal-pubblikazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet fir-rigward tal-miżuri meqjusa bħala ta’ natura minuri.

    2.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-ASE dwar is-sanzjonijiet amministrattivi jew il-miżuri kollha imposti iżda mhux ippubblikati f’konformità mal-punt (c) tat-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1 inkluż dwar kwalunkwe appell relatat magħhom u r-riżultat tiegħu.

    Fil-każ ta’ deċiżjoni li tiġi ppubblikata piena jew miżura fuq bażi anonima, il-pubblikazzjoni tad-data rilevanti tista’ tiġi posposta għal perijodu ta’ żmien raġonevoli jekk jiġi previst li f’dak il-perijodu r-raġunijiet għall-pubblikazzjoni anonima ma jkunux ser jibqgħu jeżistu.

    3.  Fejn il-liġi nazzjonali tipprevedi għall-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li timponi sanzjoni jew miżura, li hija soġġetta għal appell quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji jew awtoritajiet oħrajn, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw fuq is-sit elettroniku uffiċjali tagħhom, mingħajr dewmien mhux dovut, tali informazzjoni u kwalunkwe informazzjoni sussegwenti dwar l-eżitu ta’ dan l-appell. Barra minn hekk, kwalunkwe deċiżjoni li tannulla deċiżjoni preċedenti li tiġi imposta sanzjoni jew miżura li tkun ġiet ippubblikata għandha wkoll tiġi ppubblikata.

    4.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li kwalunkwe pubblikazzjoni f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandha tibqa’ fuq is-sit elettroniku uffiċjali tagħhom tal-inqas għal perijodu ta’ ħames snin wara l-pubblikazzjoni tagħha. Id-data personali li tkun tinsab fil-pubblikazzjoni għandha tinżamm biss fuq is-sit elettroniku uffiċjali tal-awtorità kompetenti għal perijodu li jkun meħtieġ f’konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.



    KAPITOLU VI

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 30

    1.  Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    2.  Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 8(4), l-Artikolu 16(8) u l-Artikolu 17(7) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ tliet snin mit-30 ta’ Diċembru 2014. Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport fir-rigward ta-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tliet snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jopponu tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perijodu.

    3.  Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 8(4), l-Artikolu 16(8) u l-Artikolu 17(7) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tieħu effett fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Hija m’għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.

    4.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    5.  Att delegat adottat skont l-Artikolu 8(4), l-Artikolu 16(8) jew l-Artikolu 17(7) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    Artikolu 31

    Fejn il-Kummissjoni tadotta standards tekniċi regolatorji skont l-Artikolu 8(5), l-Artikolu 10(2) jew l-Artikolu 13(5) li huma l-istess bħall-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ippreżentati mill-ASE, il-perijodu li matulu l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal dawk l-istandards tekniċi regolatorji għandu, b’deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, u sabiex jittieħed kont tal-kumplessità u l-volum tal-kwistjonijiet koperti hemmhekk, ikun ta’ xahrejn mid-data ta’ notifika. Fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill dak il-perijodu jista’ jiġi estiż b’xahar.

    Artikolu 32

    1.  Il-kumpanniji amministrattivi kif definiti fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2009/65/KE,u l-kumpanniji tal-investiment imsemmija f l-Artikolu 27 tagħha u l-persuni li jagħtu parir dwar l-UCITS jew ibigħuhom kif iddefinit fl-Artikolu 1(2) tagħha huma eżentati mill-obbligi skont dan ir-Regolament ►M2  sal-31 ta' Diċembru 2021 ◄ .

    2.  Meta Stat Membru japplika r-regoli dwar il-format u l-kontenut tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija, kif stabbilit fl-Artikoli 78 sa 81 tad-Direttiva 2009/65/KE, għall-fondi mhux UCITS offruti lill-investituri fil-livell ta’ konsumatur, l-eżenzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tapplika għal kumpanniji amministrattivi, il-kumpanniji tal-investiment u l-persuni li jagħtu parir dwar dwar l-unitajiet ta’ fondi bħal dawn lill-investituri fil-livell tal-konsumatur jew li jbigħuhom.

    Artikolu 33

    1.   ►M2  Sal-31 ta' Diċembru 2019 ◄ , il-Kummissjoni għandha tirrevedi dan ir-Regolament. Ir-reviżjoni għandha tinkludi, abbażi tal-informazzjoni li jirċievu l-ASE, stħarriġ ġenerali tal-operazzjoni ta’ twissija ta’ komprensjoni, b’kont meħud ta’ kwalunkwe gwida żviluppata mill-awtoritajiet kompetenti f’dan ir-rigward. Din għandha tinkludi wkoll stħarriġ dwar l-applikazzjoni prattika tar-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament, b’kont meħud tal-iżviluppi fis-swieq għall-prodotti ta’ investiment fil-livell tal-konsumatur u l-fattibbiltà, l-ispejjeż u l-benefiċċji possibbli tal-introduzzjoni ta’ tikketta għal investimenti soċjali u ambjentali. Bħala parti mir-reviżjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha twettaq ittestjar tal-konsumatur u eżami tal-għażliet mhux leġiżlattivi kif ukoll l-eżiti tar-reviżjoni tar-Regolament (UE) Nru 346/2013 dwar il-punti (c), (e) u (g) tal-Artikolu 27(1) tiegħu.

    Fir-rigward tal-UCITS kif definit fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/65/KE, l-analiżi għandha tivvaluta jekk l-arranġamenti transizzjonali skont l-Artikolu 32 ta’ dan ir-Regolament għandhomx jiġu estiżi, jew jekk, wara l-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe aġġustament meħtieġ, id-dispożizzjonijiet dwar l-informazzjoni ewlenija għall-investitur fid-Direttiva 2009/65/KE jistgħux jiġu sostitwiti minn jew meqjusa ekwivalenti għad-dokument bl-informazzjoni ewlenija għall-investitur skont dan ir-Regolament. L-analiżi għandha tirrifletti wkoll l-estensjoni possibbli tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għal prodotti finanzjarji oħrajn, u għandha tivvaluta jekk l-eżenzjoni ta’ prodotti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhiex tinżamm, fid-dawl ta’ standards tajbin għall-protezzjoni tal-konsumaturi inkluż il-paragun bejn il-prodotti finanzjarji. L-analiżi għandha tivvaluta wkoll l-adegwatezza tal-introduzzjoni ta’ regoli komuni dwar il-ħtieġa li l-Istati Membri kollha jipprevedu sanzjonijiet amministrattivi għal ksur ta’ dan ir-Regolament.

    2.  Il-Kummissjoni għandha tivvaluta, ►M2  sal-31 ta' Diċembru 2019 ◄ , abbażi tal-ħidma li saret mill-EIOPA dwar id-divulgazzjoni tar-rekwiżiti għall-informazzjoni dwar il-prodotti, jekk tipproponix att leġiżlattiv ġdid li jiggarantixxi d-divulgazzjoni adatta tar-rekwiżiti għall-informazzjoni dwar il-prodotti għal dawk il-prodotti jew jekk jinkludix prodotti tal-pensjoni msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 2(2) fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    Fit-twettiq tal-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tiżgura li tali miżuri ma jnaqqsux l-istandards tad-divulgazzjoni fl-Istati Membri li għandhom reġimi ta’ divulgazzjoni diġà eżistenti għal tali prodotti tal-pensjoni.

    3.  Wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konġunt, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rigward il-paragrafi 1 u 2, akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposta leġiżlattiva.

    4.   ►M2  Sal-31 ta' Diċembru 2019 ◄ , il-Kummissjoni għandha twettaq stħarriġ tas-suq biex tiddetermina jekk hemmx għodod ta’ kalkulaturi online disponibbli li jippermettu lill-investitur fil-livell ta’ konsumatur jgħodd l-ispejjeż u l-ħlasijiet aggregati tal-PRIIP u jekk humiex disponibbli mingħajr ħlas. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar jekk dawk l-għodod jipprevedux kalkoli affidabbli u preċiżi għall-prodotti kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    F’każ li l-istħarriġ jikkonkludi li ma jeżistu l-ebda għodod bħal dawn jew li l-għodod eżistenti ma jippermettux lill-investituri fil-livell ta’ konsumatur li jifhmu l-ammont ta’ spejjeż u ħlasijiet aggregati tal-PRIIP, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-fattibbiltà li l-ASE, permezz tal-Kumitat Konġunt, tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jistipulaw l-ispeċifikazzjonijiet applikabbli għal tali għodod ta’ livell tal-Unjoni.

    Artikolu 34

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    ▼M1

    Dan għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2018.

    ▼B

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



    ( 1 ) Id-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 2003 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-forniment ta' rtirar okkupazzjonali (ĠU L 235, 23.9.2003, p. 10).

    ( 2 ) Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).

    ( 3 ) Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

    Top