This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 02014L0053-20180911
Directive 2014/53/EU of the European Parliament and of the Council of 16 April 2014 on the harmonisation of the laws of the Member States relating to the making available on the market of radio equipment and repealing Directive 1999/5/EC (Text with EEA relevance)
Consolidated text: Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-armonizzazzoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-armonizzazzoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
02014L0053 — MT — 11.09.2018 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
DIRETTIVA 2014/53/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-16 ta' April 2014 dwar l-armonizzazzoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153 22.5.2014, p. 62) |
Emendata bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
REGOLAMENT (UE) 2018/1139 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-4 ta' Lulju 2018 |
L 212 |
1 |
22.8.2018 |
|
DIRETTIVA 2014/53/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-16 ta' April 2014
dwar l-armonizzazzoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta' applikazzjoni
1. Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas regolatorju għat-tagħmir tar-radju biex ikun jista' jitqiegħed fis-suq u jintuża fl-Unjoni.
2. Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għat-tagħmir elenkat fl-Anness I.
3. Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal tagħmir tar-radju esklussivament użat f'attivitajiet li jikkonċernaw is-siġurtà pubblika, id-difiża, is-sigurtà tal-Istat, inkluż il-ġid ekonomiku tal-Istat fil-każ ta' attivitajiet li għandhom x'jaqsmu ma' kwistjonijiet ta' sigurtà tal-Istat, u l-attivitajiet tal-Istat fil-qasam tal-liġi kriminali.
4. It-tagħmir tar-radju li jaqa' fil-kamp tal-applikazzjoni ta' din id-Direttiva ma għandux ikun soġġett għad-Direttiva 2014/35/UE, ħlief kif stipulat fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1) ta' din id-Direttiva.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
1. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) “tagħmir tar-radju” tfisser prodott elettriku jew elettroniku li intenzjonalment jipproduċi u/jew jirċievi l-mewġ tar-radju għall-iskop ta' komunikazzjoni bir-radju u/jew determinazzjoni bir-radju, jew prodott elettriku jew elettroniku, prodott li jkun jonqsu aċċessorju, bħal antenna, sabiex intenzjonalment jipproduċi u/jew jirċievi l-mewġ tar-radju għall-iskop ta' komunikazzjoni bir-radju u/jew ta' determinazzjoni bir-radju;
(2) “komunikazzjoni bir-radju” tfisser komunikazzjoni permezz tal-mewġ tar-radju;
(3) “determinazzjoni bir-radju” tfisser id-determinazzjoni tal-pożizzjoni, il-veloċità u/jew karatteristiċi oħra ta' oġġett, jew il-kisba ta' informazzjoni relatata ma' dawk il-parametri, permezz tal-proprjetajiet ta' propagazzjoni tal-mewġ tar-radju;
(4) “mewġ tar-radju” tfisser mewġ elettromanjetiku ta' frekwenzi inqas minn 3 000 GHz, propagat fl-ispazju mingħajr gwida artifiċjali;
(5) “interfaċċja tar-radju” tfisser l-ispeċifikazzjoni tal-użu regolat tal-ispettru tar-radju;
(6) “klassi tat-tagħmir tar-radju” tfisser klassi li tidentifika kategoriji partikolari ta' tagħmir tar-rajdu li, skont din id-Direttiva, huma meqjusa simili u dawk l-interfaċċji tar-radju li għalihom it-tagħmir tar-radju jkun disinjat.
(7) “interferenza dannuża” tfisser interferenza dannuża kif definita fil-punt (r) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 );
(8) “disturb elettromanjetiku” tfisser disturb elettromanjetiku kif definit fil-punt 5 tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2014/30/UE;
(9) “tagħmel disponibbli fis-suq” tfisser kull provvista ta' tagħmir tar-radju għad-distribuzzjoni, il-konsum jew l-użu fis-suq tal-Unjoni tul attività kummerċjali kemm jekk issir bi ħlas kif ukoll jekk tkun mingħajr ħlas;
(10) “tqegħid fis-suq” tfisser l-ewwel darba li tagħmir tar-radju jkun disponibbli fis-suq tal-Unjoni;
(11) “tqegħid fis-servizz” tfisser l-użu ta' tagħmir tar-radju għall-ewwel darba fl-Unjoni mill-utent finali.
(12) “manifattur” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li timmanifattura t-tagħmir tar-radju, jew li għandha t-tagħmir tar-radju ddisinjat jew immanifatturat, u li tqegħid fis-suq dak il-prodott taħt isimha jew il-marka kummerċjali tagħha;
(13) “rappreżentant awtorizzat” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tkun irċeviet mandat bil-miktub mingħand il-manifattur sabiex taġixxi f'ismu relattivament għal kompiti speċifiċi;
(14) “importatu” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni, li tqiegħed apparat tar-radju minn pajjiż terz fis-suq tal-Unjoni;
(15) “distributur” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika fil-katina tal-provvista, għajr il-manifattur jew l-importatur, li tagħmel tagħmir tar-radju disponibbli fis-suq;
(16) “operaturi ekonomiċi” tfisser il-manifattur, ir-rappreżentant awtorizzat, l-importatur u d-distributur;
(17) “speċifikazzjoni teknika” tfisser dokument li jistipula r-rekwiżiti tekniċi li jridu jiġu ssodisfati mit-tagħmir tar-radju;
(18) “standard armonizzat” tfisser standard armonizzat kif definit fil-punt (c) tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012;
(19) “akkreditament” tfisser akkreditament kif definit fil-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008;
(20) “korp nazzjonali ta' akkreditament” tfisser korp tal-akkreditament kif definit fil-punt 11 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008;
(21) “valutazzjoni tal-konformità” tfisser il-proċess li juri jekk ikunux ġew issodisfati r-rekwiżiti essenzjali ta' din id-Direttiva relatati mat-tagħmir tar-radju;
(22) “korp tal-valutazzjoni tal-konformità” tfisser korp li jwettaq attivitajiet tal-valutazzjoni tal-konformità;
(23) “teħid lura” tfisser kull miżura maħsuba biex jittieħed lura tagħmir tar-radju li jkun diġà sar disponibbli għall-utent finali;
(24) “irtirar” tfisser kull miżura maħsuba biex ma tħallix li tagħmir tar-radju fil-katina tal-provvista jsir disponibbli fis-suq;
(25) “leġiżlazzjoni ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni” tfisser kull leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tarmonizza l-kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti;
(26) “marka CE” tfisser marka li permezz tagħha l-manifattur jindika li t-tagħmir tar-radju huwa konformi mar-rekwiżiti applikabbli stabbiliti fil-leġiżlazzjoni ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni li tipprovdi għat-twaħħil tagħha.
2. Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tiddetermina jekk ċerti kategoriji ta' prodotti elettriċi jew elettroniċi jikkonformawx mad-definizzjoni stabbilita fil-punt 1 tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 45(3).
Artikolu 3
Rekwiżiti essenzjali
1. It-tagħmir tar-radju għandu jinbena b'tali mod li jiżgura:
(a) il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-persuni utal-annimali domestiċi u l-protezzjoni tal-proprjetà, inklużi l-għanijiet dwar il-ħtiġijiet ta' sigurtà li jinsabu fid-Direttiva 2014/35/UE, iżda mingħajr l-applikazzjoni ta' limitu ta' vultaġġ;
(b) livell adegwat tal-kompatibilità elettromanjetika kif stipulata fid-Direttiva 2004/30/UE;
2. It-tagħmir tar-radju għandu jkun mibni b'tali mod li juża b'mod effettiv u jsostni l-użu effiċjenti tal-ispettru tar-radju biex tiġi evitata interferenza dannuża
3. It-tagħmir tar-radju f'ċerti kategoriji jew klassijiet għandu jinbena b'tali mod li jkun konformi mar-rekwiżiti essenzjali li ġejjin:
(a) it-tagħmir tar-radju jkun kompatibbli mal-aċċessorji, b'mod partikolari maċ-ċargers komuni;
(b) it-tagħmir tar-radju jkun kompatibbli permezz tan-netwerks ma' tagħmir tar-radju ieħor;
(c) it-tagħmir tar-radju jkun jista' jitqabbad mal-interfaċċji tat-tip xieraq fl-Unjoni kollha;
(d) it-tagħmir tar-radju ma jagħmilx ħsara lin-netwerk jew lit-tħaddim tiegħu u lanqas ma juża ħażin ir-riżorsi tan-netwerk b'mod li jikkawża degradazzjoni mhux aċċettabbli għas-servizz;
(e) it-tagħmir tar-radju jinkorpora salvagwardji biex jiżguraw li d-data personali u l-privatezza tal-utent u tal-abbonat ikunu protetti;
(f) it-tagħmir tar-radju isostni ċerti karatteristiċi li jiżguraw il-protezzjoni mill-frodi;
(g) it-tagħmir tar-radju jappoġġa ċerti karatteristiċi li jiżguraw l-aċċess għas-servizzi ta' emerġenza;
(h) it-tagħmir tar-radju jappoġġa ċerti fatturi biex jiffaċilitaw l-użu tagħhom minn utenti b'diżabilità.
(i) it-tagħmir tar-radju jappoġġa ċerti karatteristiċi sabiex jiżgura li s-softwer ikun jista' jiġi llowdjat biss fit-tagħmir tar-radju fejn tkun intweriet il-konformità tal-kombinazzjoni ta' tagħmir tar- radju u ta' softwer.
Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 44 li jispeċifikaw liema kategoriji jew klassijiet tat-tagħmir tar-radju jkunu kkonċernati minn kull wieħed mir-rekwiżiti stipulati fil-punti (a) sa (i) tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.
Artikolu 4
Għoti ta' informazzjoni dwar il-konformità tal-kombinazzjonijiet ta' tagħmir tar-radju u ta' softwer
1. Il-manifatturi tat-tagħmir tar-radju u tas-softwer li jippermetti lit-tagħmir tar-radju li jintuża kif intiż, għandhom jipprovdu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni informazzjoni dwar il-konformità tal-kombinazzjonijiet intiżi tat-tagħmir tar-radju u tas-softwer bir-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Artikolu 3. Tali informazzjoni għandha tirriżulta minn valutazzjoni tal-konformità mwettqa bi qbil mal-Artikolu 17, u għandha tingħata fix-xejra ta' dikjarazzjoni ta' konformità li tinkludi l-elementi stabbiliti fl-Anness VI. Skont il-kumbinazzjonijiet speċifiċi tat-tagħmir tar-radju u s-software, l-informazzjoni għandha tispeċifika b'mod preċiż it-tagħmir tar-radju u s-software li kien valutat, u għandha tkun aġġornata kontinwament.
2. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 44 li jispeċifikaw liema kategoriji jew klassijiet ta' tagħmir tar-radju jkunu kkonċernati mir-rekwiżit stipulat fil-paragrafu 1, ta' dan l-Artikolu.
3. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistipulaw ir-regoli operattivi li jagħmlu l-informazzjoni dwar il-konformità disponibbli għall-kategoriji u l-klassijiet sġeċifikati fl-atti delegati adottati skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 45(3).
Artikolu 5
Ir-reġistrazzjoni ta' tipi ta' tagħmir tar-radju f'xi kategoriji
1. Mit-12 ta' Ġunju 2018, il-manifatturi għandhom jirreġistraw it-tipi tat-tagħmir tar-radju f'kategoriji ta' tagħmir affettwati minn livell baxx ta' konformità bir-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Artikolu 4 ta' dan l-Artikolu f'sistema ċentrali msemmija fil-paragrafu 3 qabel ma dan it-tagħmir tar-radju f'dawk il-kategoriji ma jkun jista' jitqiegħed fis-suq. Meta jiġu reġistrati tali tipi ta' tagħmir tar-radju, il-manifatturi għandhom jipprovdu xi elementi tad-dokumentazzjoni teknika, jew fejn ġustifikat id-dokumentazzjoni teknika kollha, elenkata fil-punti (a), (d), (e), (f), (g), (h) u (i) tal-Anness V. Il-Kummissjoni għandha talloka numru tar-reġistrazzjoni lil kull tip ta' tagħmir tar-radju rreġistrat, u li l-manifatturi għandhom iwaħħlu fuq it-tagħmir tar-radju mqiegħed fis-suq.
2. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 44 li jispeċifikaw liema kategoriji ta' tagħmir tar-radju huma kkonċernati mir-rekwiżit stipulat fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, u l-elementi tad-dokumentazzjoni teknika li jridu jkunu provduti, filwaqt li jikkunsidraw l-informazzjoni dwar il-konformità tat-tagħmir tar-radju mogħtija mill-Istati Membri skont l-Artikolu 47(1), u wara valutazzjoni tar-riskju ta' nuqqas ta' implimentazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali.
3. Il-Kummissjoni għanda tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistipulaw ir-regoli operattivi għar-reġistrazzjoni u r-regoli operattivi għat-twaħħil tan-numru tar-reġistrazzjoni fuq tagħmir tar-radju għall-kategoriji speċifikati mill-atti delegati adottati skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 45(3).
4. Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli sistema ċentrali li tippermetti lill-manifatturi jirreġistraw l-informazzjoni meħtieġa. Dik is-sistema għandha tiżgura kontroll xieraq għall-aċċess għall-informazzjoni ta' natura kunfidenzjali.
5. Wara d-data tal-applikazzjoni ta' att delegat adottat skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, ir-rapporti ppreparati skont l-Artikolu 47(1) u (2) għandhom jevalwaw l-impatti tagħhom.
Artikolu 6
Id-disponibilità fis-suq
L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li t-tagħmir tar-radju jsir disponibbli fis-suq biss jekk jikkonforma ma' din id-Direttiva.
Artikolu 7
Tqegħid fis-servizz u użu
L-Istati Membri għandhom jippermettu t-tqegħid fis-servizz u l-użu tat-tagħmir tar-radju jekk ikun konformi ma' din id-Direttiva meta jkun installat, miżmum kif xieraq u użat għall-iskop li kien intiż għalih. Bla ħsara għall-obbligi tagħhom skont id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE u għall-kundizzjonijiet marbuta mal-awtorizzazzjonijiet għall-użu tal-frekwenzi f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, partikolarment skont l-Artikoli 9(3) u (4) tad-Direttiva 2002/21/KE, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu biss rekwiżiti addizzjonali għat-tqegħid fis-servizzi u/jew l-użu tat-tagħmir tar-radju għal raġunijiet marbuta mal-użu effettiv u effiċjenti tal-ispettru tar-radju, mal-evitar tal-interferenza dannuża, mal-evitar tad-disturbi elettromanjetiċi jew mas-saħħa pubblika.
Artikolu 8
Notifika tal-ispeċifikazzjonijiet tal-interfaċċja tar-radju u assenjazzjoni tal-klassijiet tat-tagħmir tar-radju
1. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw, skont il-proċedura stipulata fid-Direttiva 98/34/KE, l-interfaċċji tar-radju li beħsiebhom jirregolaw għajr:
(a) l-interfaċċji tar-radju li jikkonformaw b'mod sħiħ u mingħajr ebda devjazzjoni mad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-użu armonizzat tal-ispettru tar-radju skont id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE; u
(b) l-interfaċċji tar-radju li, skont l-atti ta' implimentazzjoni adottati skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, jikkorrispondu ma' tagħmir tar-radju li jista' jitqiegħed fis-servizz u użat mingħajr restrizzjonijiet fl-Unjoni.
2. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-ekwivalenza bejn l-interfaċċji nnotifikati u li jassenjaw klassi tat-tagħmir tar-radju, li d-dettalji tagħhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom ikunu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 45(3).
Artikolu 9
Moviment liberu ta' tagħmir tar-radju
1. L-Istati Membri ma għandhomx jimpedixxu minħabba raġunijiet marbuta ma' aspetti koperti minn din id-Direttiva, id-disponibbiltà fis-suq fit-territorju tagħhom tat-tagħmir tar-radju li hu konformi ma' din id-Direttiva.
2. F'fieri kummerċjali, esibizzjonijiet u avvenimenti simili, l-Istati Membri m'għandhomx joħolqu ostakoli għall-wiri ta' tagħmir tar-radju li ma jkunx jikkonforma ma' din id-Direttiva, basta sinjal li jidher ikun jindika ċar li dak it-tagħmir tar-radju ma' jistax ikun disponibbli fis-suq jew jitqiegħed fis-servizz sakemm ma jkunx sar konformi ma' din id-Direttiva. Dimostrazzjoni ta' tagħmir tar-radju tista' biss issir sakemm ikunu ttieħdu miżuri adegwati, kif imfassla mill-Istati Membri, biex jevitaw interferenza dannuża, disturbi elettromanjetiċi u r-riskju għas-saħħa jew is-sigurtàta' persuni jew ta' annimali domestiċi jew ta' proprjetà.
KAPITOLU II
L-OBBLIGI TAL-OPERATURI EKONOMIĊI
Artikolu 10
Obbligi tal-manifatturi
1. Il-manifatturi, meta jqiegħdu t-tagħmir tar-radju tagħhom fis-suq, għandhom jiżguraw li dan ikun ġie iddisinjat u mmanifatturat skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3.
2. Il-manifatturi għandhom jiżguraw li t-tagħmir tar-radju għandu jkun mibni b'mod li jista' jiġi operat f'tal-inqas Stat Membru wieħed mingħajr ma jikser ir-rekwiżiti applikabbli dwar l-użu tal-ispettru tar-radju.
3. Il-manifatturi għandhom ifasslu d-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Artikolu 21 u jwettqu l-proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità relevanti msemmija fl-Artikolu 17 jew iqabbdu lil xi ħadd biex jagħmilha f'isimhom.
Fejn tkun intweriet il-konformità ta' tagħmir tar-radju mar-rekwiżiti applikabbli permezz ta' dik il-proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità, il-manifatturi għandhom ifasslu dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE u jwaħħlu l-marka CE.
4. Il-manifatturi għandhom iżommu d-dokumentazzjoni teknika u d-dikjarazzjoni ta' konformita tal-UE għal 10 snin wara li l-apparat ta' pressjoni jkun tqiegħed fis-suq.
5. Il-manifatturi għandhom jiżguraw li jkunu ġew stabbiliti proċeduri biex il-produzzjoni tas-serje tibqa' konformi ma' din id-Direttiva. Għandhom jitqiesu b'mod adegwat dawk it-tibdiliet fid-disinn jew il-karatteristiċi tat-tagħmir tar-radju u t-tibdiliet fl-istandards armonizzati jew fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi oħra li b'referenza għalihom tiġi dikjarata l-konformità tat-tagħmir tar-radju.
Meta jitqies li jkun xieraq fir-rigward tar-riskji ppreżentati minn tagħmir tar-radju, il-manifatturi għandhom, biex jipproteġu s-saħħa u s-sigurtàtal-utenti finali, jagħmlu testijiet kampjunarji tat-tagħmir tar-radju disponibbli fis-suq, jinvestigaw, u jekk ikun meħtieġ, iżommu reġistru ta' lmenti, ta' tagħmir tar-radju mhux konformi u ta' teħid lura tat-tagħmir tar-radju u għandhom iżommu lid-distributuri infurmati dwar kull monitoraġġ ta' dan it-tip.
6. Il-manifatturi għandhom jiżguraw li t-tagħmir tar-radju li huma jkunu qiegħdu fis-suq ikollu t-tip, il-partita jew in-numru tas-serje jew kull element ieħor biex ikun jista' jiġi identifikat, jew, jekk id-daqs jew natura tat-tagħmir tar-radju ma tippermettihx, li l-informazzjoni meħtieġa tingħata fuq l-imballaġġ jew f'dokument li jakkumpanja t-tagħmir tar-radju.
7. Il-manifatturi, fuq it-tagħmir tar-radju, għandhom jindikaw isimhom, l-isem kummerċjali reġistrat jew il-marka kummerċjali reġistrata tagħhom u l-indirizz postali fejn ikunu jistgħu jiġu kkuntattjati jew, fejn id-daqs jew in-natura tat-tagħmir tar-radju ma jkunx jippermetti, fuq l-imballaġġ tiegħu, jew f'dokument li jakkumpanja t-tagħmir tar-radju. L-indirizz għandu jindika punt wieħed fejn jista' jiġi kuntattjat il-manifattur. Id-dettalji ta' kuntatt għandhom ikunu b'lingwa li tinftiehem faċilment mill-utenti finali u mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.
8. Il-manifatturi għandhom jiżguraw li t-tagħmir tar-radju ikun akkumpanjat minn istruzzjonijiet u informazzjoni dwar is-sigurtà provduti b'lingwa li tkun tista' tinftiehem faċilment mill-konsumaturi u minn utenti finali oħra, skont kif jiġi determinat mill-Istat Membru kkonċernat. L-istruzzjonijiet għandhom jinkludu l-informazzjoni meħtieġa għall-użu tat-tagħmir tar-radju skont l-użu intiż tiegħu. Din l-informazzjoni għandha tinkludi, fejn applikabbli, deskrizzjoni tal-aċċessorji u il-komponenti, inkluż is-softwer, li jippermettu lit-tagħmir tar-radju jopera kif intiż. Tali istruzzjonijiet u informazzjoni dwar is-sigurtà, kif ukoll kull tip ta' tikkettar, għandhom ikunu ċari, jistgħu jinftiehmu u intelliġibbli.
Għandha tingħata wkoll l-informazzjoni li ġejja f'każ ta' tagħmir tar-radju li intenzjonalment jibgħat mewġ tar-radju:
(a) il-medda/meded tal-frekwenza li jaħdem fihom it-tagħmir tar-radju;
(b) il-potenza massima tal-frekwenza tar-radju trażmessa fil-medda/meded tal-frekwenza li jaħdem fihom it-tagħmir tar-radju.
9. Il-manifatturi għandhom jiżguraw li kull element tat-tagħmir tar-radju tkun akkumpanjata minn kopja tad-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE jew minn dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE ssimplifikata. Meta tingħata dikjarazzjoni tal-UE ssimplifikata, din għandu jkollha l-e-Mail eżatt fejn ikun jista' jinkiseb it-test sħiħ tad-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE sħiħa.
10. F'każijiet ta' restrizzjonijiet ta' tqiegħed fis-servizz jew ta' rekwiżiti għal awtorizzazzjoni tal-użu, l-informazzjoni disponibbli fuq l-imballaġġ għandha tippermetti l-identifikazzjoni tal-Istati Membri jew iż-żona ġeografika fi Stat Membru fejn hemm restrizzjonijiet ta' tqegħid fis-servizz jew ta' rekwiżiti għal awtorizzazzjoni tal-użu. Din l-informazzjoni għandha tiġi kompluta fl-istruzzjonijiet li jakkumpanjaw it-tagħmir tar-radju. Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jispeċifikaw kif tiġi ppreżentata dik l-informazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 45(2).
11. Il-manifatturi li jqisu jew li jkollhom raġuni biex jemmnu li t-tagħmir tar-radju li jkunu qiegħdu fis-suq mhuwiex konformi ma' din id-Direttiva għandhom minnufih jieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa biex dak it-tagħmir tar-radju jsir konformi, jirtirawh jew jiġbruh lura, jekk dan ikun xieraq. Barra minn hekk, fejn it-tagħmir tar-radju jippreżenta riskju, il-manifatturi għandhom jinfurmaw minnufih lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri fejn huma jkunu għamlu t-tagħmir tar-radju disponibbli fis-suq għal dan il-għan, billi jagħtu d-dettalji, b'mod partikolari, dwar in-nuqqas tal-konformità u dwar kull miżura korrettiva meħuda u dwar ir-riżultati tagħhom.
12. Il-manifatturi għandhom, wara talba raġunata minn awtorità kompetenti nazzjonali, jipprovduha bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha neċessarja f'forma elettronika jew bil-miktub biex juru l-konformità tat-tagħmir tar-radju ma' din id-Direttiva, b'lingwa li tkun tista' tinftiehem faċilment minn dik l-awtorità. Huma għandhom jikkooperaw ma' dik l-awtorità, fuq talba tagħha, fir-rigward ta' kull azzjoni meħuda biex jiġu eliminati r-riskji ppreżentati mit-tagħmir tar-radju li huma jkunu qiegħdu fis-suq.
Artikolu 11
Rappreżentanti awtorizzati
1. Manifattur, permezz ta' mandat bil-miktub, jista' jaħtar rappreżentant awtorizzat.
L-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 10(1) u l-obbligu tat-tfassil tad-dokumentazzjoni teknika stipulata fl-Artikolu 10(3) ma għandhomx jiffurmaw parti mill-mandat tar-rappreżentant awtorizzat.
2. Rappreżentant awtorizzat għandu jwettaq il-kompiti speċifikati fil-mandat mogħti lilu mill-manifattur. Il-mandat għandu jippermetti lir-rappreżentant awtorizzat biex jagħmel mill-inqas dan li ġej:
(a) iżomm id-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE u d-dokumentazzjoni teknika għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq nazzjonali għal 10 snin wara li t-tagħmir tar-radju jkun tqiegħed fis-suq.
(b) wara talba motivata minn awtorità nazzjonali kompetenti, jipprovdi lil dik l-awtorità l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex tiġi ppruvata l-konformità tat-tagħmir tar-radju;
(c) jikkoopera mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, fuq talba tagħhom, fir-rigward ta' kull azzjoni meħuda biex jiġu eliminati r-riskji ppreżentati minn tagħmir tar-radju kopert mill-mandat tar-rappreżentant awtorizzat.
Artikolu 12
Obbligi tal-importaturi
1. L-importaturi għandhom iqiegħdu fis-suq tal-Unjoni biss dak it-tagħmir tar-radju li jkun konformi.
2. Qabel ma jqiegħdu tagħmir tar-radju fis-suq, l-importaturi għandhom jiżguraw li tkun saret il-proċedura xierqa tal-valutazzjoni tal-konformità mill-manifattur msemmija fl-Artikolu 7 u li t-tagħmir tar-radju ikun mibni b'mod li jista' jkun operat f'tal-inqas Stat Membru wieħed mingħajr ma jikser ir-rekwiżiti applikabbli dwar l-użu tal-ispettru tar-radju. Għandhom jiżguraw li l-manifattur ikun fassal id-dokumentazzjoni teknika, li t-tagħmir tar-radju jkollu l-marka CE u li jkun akkumpanjat mill-informazzjoni u d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 10(8), (9) u (10), u li l-manifattur ikun ikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 10(6) u (7).
Meta importatur iqis jew ikollu raġuni biex jemmen li t-tagħmir tar-radju ma jkunx konformi mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3, dan ma għandux iqiegħed it-tagħmir tar-radju fis-suq sakemm dan ikun sar konformi. Barra minn hekk, fejn it-tagħmir tar-radju jippreżenta riskju, l-importatur għandu jinforma lill-manifattur u lill-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq dwar dan.
3. Il-manifatturi għandhom, fuq it-tagħmir tar-radju, jindikaw isimhom, l-isem kummerċjali reġistrat jew il-marka kummerċjali reġistrata tagħhom u l-indirizz postali fejn ikunu jistgħu jiġu kkuntattjati jew, jekk dan ma jkunx possibbli, fuq l-imballaġġ tiegħu jew f'dokument li jakkumpanja t-tagħmir tar-radju. Dan jinkludi każijiet fejn id-daqs tat-tagħmir tar-radju ma jippermettihiex, jew fejn l-importaturi jkollhom jiftħu l-imballaġġ sabiex jindikaw isimhom u l-indirizz tagħhom fuq it-tagħmir tar-radju. Id-dettalji ta' kuntatt għandhom ikunu b'lingwa li tinftiehem faċilment mill-utenti finali u mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.
4. L-importaturi għandhom jassiguraw li t-tagħmir tar-radju jkun akkumpanjat minn istruzzjonijiet u informazzjoni dwar is-sigurtà provduti b'lingwa li tkun tista' tinftiehem faċilment mill-konsumaturi u minn utenti finali oħra, skont kif jiġi determinat mill-Istat Membru konċernat.
5. L-importaturi għandhom jiżguraw li, filwaqt li t-tagħmir tar-radju ikun taħt ir-responsabbiltà tagħhom, il-kundizzjonijiet ta' ħżin jew trasport ma jippreġudikawx il-konformità tiegħu mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3.
6. Meta jitqies meħtieġ fir-rigward tar-riskji preżentati mit-tagħmir tar-radju, l-importaturi, għall-finijiet tal-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtàtal-utenti finali, għandhom jagħmlu testijiet kampjunarji tat-tagħmir tar-radju magħmul disponibbli fis-suq, jinvestigaw, u jekk ikun meħtieġ, iżommu reġistru ta' lmenti, tat-tagħmir tar-radju mhux konformi u ta' teħid lura tat-tagħmir tar-radju, u għandhom iżommu lid-distributuri infurmati dwar kull monitoraġġ ta' dan it-tip.
7. L-importaturi li jqisu jew li jkollhom raġuni biex jemmnu li t-tagħmir elettriku li jkunu qiegħdu fis-suq mhuwiex konformi ma' din id-Direttiva għandhom minnufih jieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa biex dak t-tagħmir elettriku jsir konformi, jirtirawh jew jiġbruh lura, jekk dan ikun xieraq. Barra minn hekk, fejn it-tagħmir tar-radju jippreżenta riskju, l-importaturi għandhom jinfurmaw b'dan minnufih lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri fejn huma jkunu għamlu t-tagħmir tar-radju disponibbli fis-suq, billi jagħtu d-dettalji, b'mod partikolari, dwar in-nuqqas ta' konformità u dwar kwalunkwe miżuri korrettivi meħuda.
8. L-importaturi għandhom, għal perjodu ta' għaxar snin wara li t-tagħmir tar-radju ikun tqiegħed fis-suq, iżommu kopja tad-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u jiżguraw li d-dokumentazzjoni teknika tkun disponibbli għal dawk l-awtoritajiet, jekk jitolbuha.
9. L-importaturi għandhom, wara talba motivata minn awtorità kompetenti nazzjonali, jipprovduha bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha neċessarja f'forma bil-miktub jew elettronika biex juru l-konformità tal-prodott, b'lingwa li tkun tista' tinftiehem faċilment minn dik l-awtorità. Huma għandhom jikkooperaw ma' dik l-awtorità, fuq talba tagħha, fir-rigward ta' kull azzjoni meħuda biex jiġu eliminati r-riskji mit-tagħmir tar-radju li huma jkunu qiegħdu fis-suq.
Artikolu 13
Obbligi tal-distributuri
1. Meta jagħmlu it-tagħmir tar-radju disponibbli fis-suq, id-distributuri għandhom jaġixxu bl-attenzjoni dovuta b'rabta mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva.
2. Qabel ma jagħmlu t-tagħmir tar-radju disponibbli fis-suq, id-distributuri għandhom jivverifikaw li t-tagħmir tar-radju jkollu l-marka CE, li jkun akkumpanjat mid-dokumenti mitluba minn din id-Direttiva kif ukoll minn struzzjonijiet u informazzjoni dwar is-sigurtà f'lingwa li tista' tiftiehem faċilment mill-konsumanturi u minn utenti finali oħra fl-Istat Membru li fih it-tagħmir tar-radju se jkun disponibbli fis-suq, u li l-manifattur u l-importatur ikunu osservaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 10(2) u (6) sa (10) u l-Artikolu 12(3) rispettivament.
Meta distributur iqis jew ikollu raġuni biex jemmen li t-tagħmir tar-radju ma jkunx konformi mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3, dan ma għandux jagħmel it-tagħmir tar-radju disponibbli fis-suq sakemm dan ikun sar konformi. Barra minn hekk, fejn it-tagħmir tar-radju jippreżenta riskju, id-distributur għandu jinforma lill-manifattur jew lill-importatur kif ukoll lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq dwar dan.
3. Id-distributuri għandhom jiżguraw li, filwaqt li it-tagħmir tar-radju ikun taħt ir-responsabbiltà tagħhom, il-kundizzjonijiet ta' ħżin jew trasport tiegħu ma jippreġudikawx il-konformità tiegħu mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3.
4. Id-distributuri li jqisu jew li jkollhom raġuni biex jaħsbu li t-tagħmir tar-radju li huma jkunu għamlu disponibbli fis-suq ma jkunx konformi ma' din id-Direttiva għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa biex it-tagħmir tar-radju jsir konformi, jirtirawh jew jiġbruh lura, jekk dan ikun xieraq. Barra minn hekk, fejn it-tagħmir tar-radju jippreżenta riskju, il-manifatturi għandhom jinfurmaw b'dan minnufih lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri fejn huma jkunu għamlu t-tagħmir tar-radju disponibbli fis-suq, billi jagħtu d-dettalji, b'mod partikolari, dwar in-nuqqas ta' konformità u dwar kull miżura korrettiva meħuda.
5. Id-distributuri għandhom, wara talba motivata mill-awtorità kompetenti nazzjonali, jipprovduha bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha neċessarja f'forma bil-miktub jew elettronika biex juru l-konformità tat-tagħmir elettriku. Dawn għandhom jikkooperaw ma' dik l-awtorità, wara talba tagħha, fir-rigward ta' kull azzjoni meħuda biex jiġu eliminati r-riskji ppreżentati mit-tagħmir tar-radju li huma jkunu għamlu disponibbli fis-suq.
Artikolu 14
Każijiet meta l-obbligi tal-manifatturi japplikaw għall-importaturi u d-distributuri
Importatur jew distributur għandu jitqies bħala manifattur għall-finijiet ta' din id-Direttiva u għandu jkun suġġett għall-obbligi tal-manifattur skont l-Artikolu 10, meta jkun qiegħed it-tagħmir tar-radju fis-suq taħt ismu jew il-marka kummerċjali tiegħu, jew jimmodifika t-it-tagħmir tar-radju li diġà jkun tqiegħed fis-suq b'tali mod li jista' jaffettwa l-konformità ma' din id-Direttiva.
Artikolu 15
L-identifikazzjoni ta' operaturi ekonomiċi
L-operaturi ekonomiċi għandhom, wara li ssir talba, jidentifikaw dan li ġej lill-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq:
(a) kull operatur ekonomiku li jkun ipprovdihom bit-tagħmir tar-radju;
(b) kull operatur ekonomiku li lilu jkunu pprovdew it-tagħmir tar-radju.
L-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu kapaċi jippreżentaw l-informazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu għal 10 snin wara li jkunu ġew fornuti bit-tagħmir tar-radju u għal 10 snin wara li jkunu fornew it-tagħmir tar-radju.
KAPITOLU III
KONFORMITÀ TAT-TAGĦMIR TAR-RADJU
Artikolu 16
Presunzjoni ta' konformità tat-tagħmir tar-radju
Tagħmir tar-radju li jkun f'konformità mal-istandards armonizzati jew partijiet minnhom li r-referenzi għalihom ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandu jkun preżunt li hu f'konformità mar-rekwiżiti essenzjali koperti minn dawk l-istandards jew partijiet minnhom, stabbiliti fl-Artikolu 3.
Artikolu 17
Proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità
1. Il-manifatturi għandhom iwettqu valutazzjoni tal-konformità tat-tagħmir tar-radju bl-għan li jintlaħqu r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3. Il-valutazzjoni tal-konformità għandha tikkunsidra l-kundizzjonijiet operattivi maħsuba u, għar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1), il-valutazzjoni għandha wkoll tikkunsidra l-kundizzjonijiet raġonevolment prevedibbli. Meta t-tagħmir tar-radju jkun kapaċi jieħu konfigurazzjonijiet differenti, il-valutazzjoni tal-konformità għandha tikkonferma jekk it-tagħmir tar-radju jilħaqx ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3 fil-konfigurazzjonijiet possibbli kollha.
2. Il-manifatturi għandhom juru l-konformità tat-tagħmir tar-radju bir-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Artikolu 3(1) permezz ta' kwalunwke waħda mill-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità li ġejjin:
(a) kontroll intern tal-produzzjoni stabbilit fl-Anness II;
(b) eżami tat-tip tal-UE li jkun segwit mill-proċedura tal-konformità tat-tip abbażi ta' kontroll intern tal-produzzjoni stipulata fl-Anness III;.
(c) konformità bbażata fuq assigurazzjoni tal-kwalità sħiħa stipulata fl-Anness IV.
3. Fejn il-manifattur, fil-valutazzjoni tal-konformità tat-tagħmir tar-radju mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3(2) u (3), ikun applika standards armonizzati li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, huwa għandu juża kwalunkwe waħda mill-proċeduri li ġejjin:
(a) kontroll intern tal-produzzjoni stabbilit fl-Anness II;
(b) eżami tat-tip tal-UE li jkun segwit mill-proċedura tal-konformità tat-tip abbażi ta' kontroll intern tal-produzzjoni stipulata fl-Anness III;.
(c) konformità bbażata fuq assigurazzjoni tal-kwalità sħiħa stipulata fl-Anness IV.
4. Fejn il-manifattur, huwa u jevalwa l-konformità tat-tagħmir tar-radju mar-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Artikoli 3(2) u (3), ma jkunx applika jew ikun applika biss parzjalment standards armonizzati li r- referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jew meta ma jkunx hemm tali standards armonizzati, it-tagħmir tar-radju għandu jiġi sottomess b'kunsiderazzjoni għal dawk ir-rekwiżiti essenzjali, għal waħda minn dawn il-proċeduri li ġejjin:
(a) eżami tat-tip tal-UE li jkun segwit mill-proċedura tal-konformità tat-tip abbażi ta' kontroll intern tal-produzzjoni stipulata fl-Anness III;.
(b) konformità bbażata fuq assigurazzjoni tal-kwalità sħiħa stipulata fl-Anness IV.
Artikolu 18
Dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE
1. Id-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE għandha tiddikjara li ntwera li r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3 ġew issodisfati.
2. Id-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE għandu jkollha l-istruttura stabbilita fl-Anness VI, għandha tinkludi l-elementi speċifikati f'dak l-Anness u għandha tiġi aġġornata kontinwament. Għandha wkoll tiġi tradotta fil-lingwa jew il-lingwi meħtieġa mill-Istat Membru fejn jitqiegħed jew jiġi magħmul disponibbli t-tagħmir tar-radju.
Id-dikjarazzjoni ta' konformità ssimplifikata tal-UE msemmija fl-Artikolu 10(9) għandu jkun fiha l-elementi stipulati fl-Anness VII u għandha tiġi aġġornata kontinwament. Għandha wkoll tiġi tradotta fil-lingwa jew il-lingwi meħtieġa mill-Istat Membru fejn it-tagħmir tar jitqiegħed jew isir disponibbli fis-suq -radju. It-test sħiħ tad-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE għandu jkun disponibbli fuq l-indirizz tal-Internet imsemmi fid-dikjarazzjoni ta' konformità ssimplifikata tal-UE f'lingwa jew fil-lingwi meħtieġa mill-Istat Membru fejn it-tagħmir tar-radju jitqiegħed jew isir disponibbli fis-suq.
3. Fejn tagħmir tar-radju jkun suġġett għal aktar minn liġi waħda tal-Unjoni li teżiġi d-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE, għandha titfassal dikjarazzjoni ta' konformità waħda tal-UE fir-rigward ta' tali atti tal-Unjoni. Dik id-dikjarazzjoni għandu jkollha l-identifikazzjoni tal-atti tal-Unjoni kkonċernati inklużi r-referenzi tal-pubblikazzjoni tagħhom.
4. Meta jagħmel id-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE, il-manifattur għandu jassumi r-responsabbiltà għall-konformità tat-tagħmir tar-radju mar-rekwiżiti stipulati f'din id-Direttiva.
Artikolu 19
Prinċipji ġenerali tal-marka CE
1. Il-marka CE għandha tkun suġġetta għall-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artiklu 30 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.
2. Minħabba n-natura tat-tagħmir tar-radju, l-għoli tal-marka CE mwaħħla mat-tagħmir tar-radju għandha tkun inqas minn 5 mm, bil-kundizzjoni li tibqa' viżibbli u leġibbli.
Artikolu 20
Regoli u kundizzjonijiet għat-twaħħil tal-marka CE u n-numru tal-identifikazzjoni tal-korp notifikat
1. Il-marka CE għandha titwaħħal mat-tagħmir tar-radju jew mal-pjanċa tad-data tiegħu b'mod viżibbli, leġibbli u b'tali mod li ma tkunx tista' titħassar, ħlief jekk dan ma jkunx possibbli jew mhux ġustifikat minħabba n-natura tat-tagħmir tar-radju. Il-marka CE għandha titwaħħal ukoll mal-imballaġġ b'mod viżibbli u leġibbli.
2. Il-marka CE għandha titwaħħal qabel ma t-tagħmir tar-radju jitqiegħed fis-suq.
3. Il-marka CE għandu jkollha warajha n-numru tal-identifikazzjoni tal-korp notifikat meta tiġi applikata l-proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità stipulata fl-Anness IV.
In-numru tal-identifikazzjoni tal-korp notifikat għandu jkollu l-istess għoli bħall-marka CE.
In-numru ta' identifikazzjoni tal-korp notifikat għandu jitwaħħal mill-korp notifikat innifsu jew fuq istruzzjonijiet tiegħu, mill-manifattur jew mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu.
4. L-Istati Membri għandhom jibnu fuq il-mekkaniżmi eżistenti biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta tas-sistema li tirregola l-marka CE u għandhom jieħdu azzjoni xierqa fil-każ ta' użu mhux korrett ta' dik il-marka.
Artikolu 21
Dokumentazzjoni teknika
1. Id-dokumentazzjoni teknika għandu jkun fiha d-data jew id-dettalji relevanti kollha tal-mezzi użati mill-manifattur biex jiżgura li t-tagħmir tar-radju jikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Artikolu 3. Din għandha mill-inqas tinkludi l-elementi stipulati fl-Anness V.
2. Id-dokumentazzjoni teknika għandha titfassal qabel ma t-tagħmir tar-radju jitqiegħed fis-suq u għandha tiġi aġġornata kontinwament.
3. Id-dokumentazzjoni teknika u l-korrispondenza marbuta ma' xi proċedura ta' eżami tat-tip tal-UE għandhom jitfasslu f'lingwa uffiċjali tal-Istat Membru fejn il-korp notifikat ikun stabbilit jew f'lingwa aċċettabbli għall-korp.
4. Meta d-dokumentazzjoni teknika ma tikkonformax mal-paragrafi 1, 2 jew 3 ta' dan l-Artikolu, u b'hekk ma tippreżentax biżżejjed data relevanti jew mezzi użati biex tiġi żgurata l-konformità tat-tagħmir tar-radju mar-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Artikolu 3, l-awtorità tas-sorveljanza tas-suq tista' titlob lill-manifattur jew l-importatur biex isir test minn korp aċċettabbli għall-awtorità tas-sorveljanza tas-suq bi spejjeż tal-manifattur jew tal-importatur fi żmien speċifikat sabiex tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Artikolu 3.
KAPITOLU IV
NOTIFIKA TA' KORPI TA' VALUTAZZJONI TAL-KONFORMITÀ
Artikolu 22
Notifika
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'korpi awtorizzati sabiex iwettqu l-kompiti tal-evalwazzjoni tal-konformità tal-parti terza skont din id-Direttiva.
Artikolu 23
Awtoritajiet notifikanti
1. L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità notifikanti li tkun responsabbli biex tistabbilixxi u tesegwixxi l-proċeduri meħtieġa għall-evalwazzjoni u n-notifika ta' korpi ta' valutazzjoni tal-konformità u għall-monitoraġġ ta' korpi notifikati, inklużi l-konformità tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28.
2. l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-valutazzjoni u l-monitoraġġ imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitwettqu minn korp nazzjonali ta' akkreditazzjoni skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 u f'konformità miegħu.
3. Fejn l-awtorità notifikanti tiddelega jew b'mod ieħor tafda l-valutazzjoni, in-notifika jew il-monitoraġġ imsemmija fil-paragrafu 1 lil korp li ma jkunx entità governattiva, dak il-korp għandu jkun entità ġuridika u għandu jikkonforma mutatis mutandis mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 24. Addizzjonalment, tali korp għandu jkollu arranġamenti biex jagħmel tajjeb għar-reponsabbiltajiet derivati mill-attivitajiet tiegħu..
4. L-awtorità notifikanti għandha tieħu r-responsabbiltà sħiħa tal-ħidmiet imwettqa mill-korp imsemmi fil-paragrafu 3.
Artikolu 24
Rekwiżiti marbuta mal-awtoritajiet notifikanti
1. L-awtorità notifikanti għandha tkun stabbilita b'mod li ma jseħħ l-ebda konflitt ta' interess ma' korpi tal-valutazzjoni tal-konformità.
2. L-awtorità notifikanti għandha tkun organizzata u titmexxa b'mod li jkunu salvagwardjati l-oġġettività u l-imparzjalità tal-attivitajiet tagħha.
3. L-awtorità notifikanti għandha tkun organizzata b'tali mod li kull deċiżjoni marbuta man-notifika tal-korp tal-valutazzjoni tal-konformità, tittieħed minn persuni kompetenti differenti minn dawk li jkunu wettqu l-valutazzjoni.
4. L-awtorità notifikanti ma għandhiex toffri jew tipprovdi kwalunkwe attivitajiet li jitwettqu minn korpi ta' valutazzjoni tal-konformità, jew servizzi ta' konsulenza fuq bażi kummerċjali jew kompetittiva.
5. L-awtorità notifikanti għandha tissalvagwardja l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miksuba.
6. L-awtorità notifikanti għandu jkollha numru suffiċjenti ta' persunal kompetenti għad-dispożizzjoni tagħha biex jitwettqu korrettament il-kompiti tagħha.
Artikolu 25
Obbligu ta' informazzjoni fuq l-awtoritajiet notifikanti
L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar il-proċeduri tagħhom għall-valutazzjoni u n-notifika tal-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità u dwar il-monitoraġġ ta' korpi notifikati, u dwar kull tibdil li jkun hemm f'dan il-qasam.
Il-Kummissjoni għandha tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku.
Artikolu 26
Rekwiżiti marbuta mal-korpi notifikati
1. Għall-finijiet tan-notifika, kull korp tal-evalwazzjoni tal-konformità għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi minn 2 sa 11.
2. Il-korp ta' valutazzjoni tal-konformità għandu jkun stabbilit skont il-liġi nazzjonali ta' Stat Membru u għandu jkollu personalità ġuridika.
3. Korp ta' valutazzjoni tal-konformità għandu jkun korp ta' parti terza indipendenti mill-organizzazzjoni jew mit-tagħmir tar-radju li jivvaluta.
Korp li jkun jappartjeni lil xi assoċjazzjoni kummerċjali jew federazzjoni professjonali li tkun tirrappreżenta intrapriżi involuti fid-disinn, manifattura, provvista, assemblaġġ, użu jew manutenzjoni tat-tagħmir tar-radju li huwa jivvaluta jista', bil-kundizzjoni li l-indipendenza tiegħu u n-nuqqas ta' kull kunflitt ta' interess jiġu murija, jitqies bħala tali korp.
4. Il-korp ta' valutazzjoni tal-konformità, il-maniġment superjuri tiegħu u l-persunal responsabbli biex iwettaq il-kompiti ta' valutazzjoni tal-konformità ma għandhomx ikunu d-disinjatur, il-manifattur, il-fornitur, l-installatur, ix-xerrej, is-sid, l-utent jew dak li jagħmel il-manutenzjoni tat-tagħmir tar-radju li huma jivvalutaw, u lanqas ir-rappreżentant awtorizzat ta' xi waħda minn dawk il-partijiet. Dan ma għandux jeskludi l-użu tat-tagħmir tar-radju vvalutat li hu meħtieġ għall-operazzjonijiet tal-korp ta' valutazzjoni tal-konformità jew l-użu ta' tagħmir tar-radju bħal dan għal skopijiet personali.
Il-korp ta' valutazzjoni tal-konformità, il-maniġment superjuri tiegħu u l-persunal responsabbli biex iwettaq il-kompiti ta' valutazzjoni tal-konformità ma għandhomx ikunu direttament involuti fid-disinn, il-manifattura jew il-kostruzzjoni, it-tqegħid fis-suq, l-installazzjoni, l-użu jew il-manutenzjoni ta' dak it-tagħmir tar-radju, jew jirrappreżentaw lill-partijiet involuti f'dawk l-attivitajiet. Dawn ma għandhom ikunu involuti fl-ebda attività li tista' toħloq kunflitt mal-indipendenza tal-ġudizzju jew l-integrità tagħhom b'rabta mal-attivitajiet ta' valutazzjoni tal-konformità li għalihom huma jkunu notifikati. Dan japplika b'mod partikolari għas-servizzi ta' konsulenza.
Il-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità għandhom jiżguraw li l-attivitajiet tas-sussidjarji jew is-sottokuntratturi tagħhom ma jaffettwawx il-kunfidenzjalità, l-oġġettività jew l-imparzjalità tal-attivitajiet ta' valutazzjoni tal-konformità tagħhom.
5. Il-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità u l-persunal tagħhom għandhom iwettqu l-attivitajiet ta' valutazzjoni tal-konformità bl-ogħla livell ta' integrità professjonali u l-kompetenza teknika meħtieġa fil-qasam speċifiku u għandhom ikunu ħielsa minn kull pressjoni u tentazzjonijiet, partikolarment finanzjarji, li jistgħu jinfluwenzaw il-ġudizzju tagħhom jew ir-riżultati tal-attivitajiet ta' valutazzjoni tal-konformità tagħhom, speċjalment fir-rigward ta' persuni jew gruppi ta' persuni b'interess fir-riżultati ta' dawk l-attivitajiet.
6. Il-korp ta' valutazzjoni tal-konformità għandu jkun kapaċi jwettaq il-kompiti kollha ta' valutazzjoni tal-konformità assenjati lilu permezz tal-Annessi III u IV u li fir-rigward tagħhom ikun ġie notifikat, kemm jekk dawk il-kompiti jsiru mill-korp stess ta' valutazzjoni tal-konformità kif ukoll jekk f'ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu.
F'kull żmien u għal kull proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità u għal kull tip jew kategorija ta' tagħmir tar-radju li fir-rigward tiegħu jkun ġie notifikat, il-korp ta' valutazzjoni tal-konformità għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu n-neċessitajiet li ġejjin:
(a) persunal b'għarfien tekniku u esperjenza suffiċjenti u xierqa biex iwettaq il-kompiti ta' valutazzjoni tal-konformità;
(b) deskrizzjonijiet ta' proċeduri li f'konformità magħhom tiġi mwettqa l-valutazzjoni tal-konformità, li jkunu jiżguraw it-trasparenza u l-kapaċità tar-riproduzzjoni ta' dawk il-proċeduri. Dan għandu jkollu l-politiki u l-proċeduri xierqa fis-seħħ li jiddistingwu bejn il-kompiti li jwettaq bħala korp notifikat u attivitajiet oħra;
(c) proċeduri għat-twettiq tal-attivitajiet li jqisu b'mod debitu d-daqs tal-impriża, is-settur li fih topera, l-istruttura tagħha, il-grad ta' kumplessità tat-teknoloġija tat-tagħmir tar-radju kkonċernata u n-natura ta' massa jew ta' serje tal-proċess ta' produzzjoni.
Il-korp ta' valutazzjoni tal-konformità għandu jkollu l-mezzi neċessarji biex ilesti x-xogħol tekniku u amministrattiv marbut mal-attivitajiet tal-valutazzjoni tal-konformità b'mod xieraq.
7. Il-persunal responsabbli biex iwettaq il-kompiti ta' valutazzjoni tal-konformità għandu jkollu dawn li ġejjin:
(a) taħriġ tekniku u vokazzjonali sod li jkopri l-attivitajiet kollha ta' valutazzjoni tal-konformità li fir-rigward tagħhom ikun ġie notifikat il-korp ta' valutazzjoni tal-konformità;
(b) għarfien sodisfaċenti dwar ir-rekwiżiti tal-valutazzjonijiet imwettqa minnu u awtorità adegwata biex iwettaq dawk il-valutazzjonijiet;
(c) għarfien adegwat u apprezzament tar-rekwiżiti essenzjali, stipulati fl-Artikolu 3, tal-istandards armonizzati applikabbli u tad-dispożizzjonjiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali;
(d) il-kapaċità li jħejji ċertifikati tal-eżami tat-tip tal-UE jew approvazzjonijiet tas-sistema ta' kwalità, reġistri u rapporti li juru li l-valutazzjonijiet ikunu saru.
8. Għandha tkun garantita l-imparzjalità tal-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità, tal-ogħla livell ta' ġestjoni tiegħu u l-persunal responsabbli għat-twettiq tal-kompiti ta' valutazzjoni tal-konformità.
Ir-remunerazzjoni tal-maniġment fl-ogħla livell u l-persunal responsabbli għat-twettiq tal-kompiti tal-valutazzjoni tal-konformità ta' korp ta' valutazzjoni tal-konformità ma għandhiex tiddipendi min-numru ta' valutazzjonijiet imwettqa, u lanqas mir-riżultati ta' dawk il-valutazzjonijiet.
9. Il-korp tal-valutazzjoni tal-konformità għandu jipprovdi għal polza ta' assigurazzjoni ta' responsabbiltà sakemm l-Istat ma jassumix ir-responsabbiltà skont il-liġi nazzjonali, jew sakemm l-Istat Membru nnifsu ma jkunx direttament responsabbli għall-valutazzjoni tal-konformità.
10. Il-persunal ta' korp ta' valutazzjoni tal-konformità għandu jkun fid-dmir li josserva s-segretezza professjonali fir-rigward tal-informazzjoni kollha miksuba fit-twettiq tal-kompiti tiegħu taħt l-Annessi III u IV jew skont kwalunkwe dispożizzjoni ta' liġi nazzjonali li jagħtuhom effett, ħlief fir-rigward tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih jitwettqu l-attivitajiet tal-korp. Id-drittijiet proprjetarji ikunu protetti.
11. Il-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità għandhom jipparteċipaw fi, jew jiżguraw li l-persunal tagħhom responsabbli mit-twettiq tal-kompiti ta' valutazzjoni tal-konformità jkun mgħarraf bl-attivitajiet ta' standardizzazzjoni rilevanti, l-attivitajiet regolatorji fil-qasam tat-tagħmir tar-radju u tal-ippjanar tal-frekwenzi, u l-attivitajiet tal-grupp ta' koordinazzjoni tal-korp notifikat stabbilit taħt il-leġiżlazzjoni ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni rilevanti u għandhom japplikaw bħala gwida ġenerali d-deċiżjonijiet amministrattivi u d-dokumenti prodotti bħala riżultat tax-xogħol ta' dak il-grupp.
Artikolu 27
Preżunzjoni tal-konformità tal-korpi notifikati
Fejn korp ta' valutazzjoni tal-konformità juri l-konformità tiegħu mal-kriterji stabbiliti fl-istandards armonizzati rilevanti jew partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, dan għandu jkun preżunt konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26 sakemm l-istandards armonizzati applikabbli jkopru dawk ir-rekwiżiti.
Artikolu 28
Sussidjarji u sottokuntrattar ta' korpi notifikati
1. Meta korp notifikat jagħti b'sottokuntratt xogħlijiet speċifiċi li jkollhom x'jaqsmu mal-valutazzjoni tal-konformità jew iqabbad sussidjarju, huwa għandu jiżgura li s-sottokuntrattur jew is-sussidjarju jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26 u għandhu jinforma lill-awtorità tan-notifiki dwar dan.
2. Il-korpi notifikati għandhom jerfgħu r-responsabbiltà kollha tal-kompiti li jkunu twettqu mis-sottokuntratturi jew mis-sussidjarji kull fejn dawn ikunu stabbiliti.
3. L-attivitajiet jistgħu jingħataw b'sottokuntratt jew esegwiti minn sussidjarju biss bi ftehim mal-klijent.
4. Il-korp notifikat għandu jżomm għad-dispożizzjoni tal-awtorità notifikanti d-dokumenti rilevanti dwar il-valutazzjoni tal-kwalifiki tas-sottokuntrattar jew tas-sussidjarju u tax-xogħol li jkun sar minnhom skont l-Annessi III u IV.
Artikolu 29
Applikazzjoni għal notifika
1. Il-korp ta' valutazzjoni tal-konformità għandu jippreżenta applikazzjoni għal notifika lill-awtorità notifikanti tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit.
2. L-applikazzjoni għal notifika għandha tkun akkumpanjata minn deskrizzjoni tal-attivitajiet tal-valutazzjoni tal-konformità, il-modulu jew il-moduli tal-valutazzjoni tal-konformità u t-tagħmir tar-radju li għalihom dak il-korp jiddikjara li huwa kompetenti, kif ukoll b'ċertifikat ta' akkreditazzjoni, jekk ikun hemm, maħruġ minn korp nazzjonali ta' akkreditazzjoni li jafferma li l-korp ta' valutazzjoni tal-konformità jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26.
3. Jekk il-korp ta' valutazzjoni tal-konformità kkonċernat ma jistax jipprovdi ċertifikat ta' akkreditament, dan għandu jipprovdi lill-awtorità notifikanti l-evidenza dokumentata kollha meħtieġa għall-verifika, ir-rikonoxximent u l-monitoraġġ regolari tal-konformità tiegħu mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26.
Artikolu 30
Proċedura tan-notifika
1. L-awtoritajiet notifikanti jistgħu jinnotifikaw biss lill-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità li jkunu ssodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26.
2. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn bl-użu tal-mezz elettroniku ta' notifika żviluppat u ġestit mill-Kummissjoni.
3. In-notifika għandha tinkludi d-dettalji kollha dwar l-attivitajiet ta' valutazzjoni tal-konformità, il-modulu jew moduli tal-valutazzjoni tal-konformità u t-tagħmir tar-radju inkwistjoni u l-attestament ta' livell ta' kompetenza rilevanti.
4. Fejn notifika ma tkunx ibbażata fuq ċertifikat ta' akkreditament kif imsemmi fl-Artikolu 29(2), l-awtorità notifikanti għandha tipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra l-prova dokumentata li tafferma l-kompetenza tal-korp ta' valutazzjoni tal-konformità u l-arranġamenti stabbiliti biex ikun żgurat li l-korp jiġi sorveljat regolarment u li jkompli jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26.
5. Il-korp ikkonċernat jista' jwettaq l-attivitajiet ta' korp notifikat biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjonijiet mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri l-oħra fi żmien ġimagħtejn min-notifika fejn ikun intuża ċertifikat ta' akkreditament jew fi żmien xahrejn min-notifika meta ma jkunx intuża akkreditament.
Korp bħal dan biss għandu jitqies bħala korp notifikat għall-finijiet ta' din id-Direttiva.
6. L-awtorità notifikanti għandha tinnotifika lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra dwar kull tibdil rilevanti sussegwenti fin-notifika.
Artikolu 30
Numri tal-identifikazzjoni u listi ta' korpi notifikati
1. Il-Kummissjoni għandha tassenja numru tal-identifikazzjoni lil korp notifikat.
Din għandha tassenja numru wieħed bħal dan, anki fejn il-korp ikun notifikat skont diversi atti tal-Unjoni.
2. Il-Kummissjoni għandha toħroġ għall-pubbliku l-lista ta' korpi notifikati skont din id-Direttiva, inklużi n-numri tal-identifikazzjoni li ġew assenjati lilhom u l-attivitajiet li għalihom ġew notifikati.
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-lista tinżamm aġġornata.
Artikolu 32
Tibdil fin-notifiki
1. Fejn awtorità notifikanti taċċerta ruħha jew tkun informata li korp notifikat ma jkunx għadu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26, jew li jkun qed jonqos milli jaqdi l-obbligi tiegħu, l-awtorità notifikanti għandha tillimita, tissospendi jew tirtira n-notifika kif xieraq, skont kemm ikun serju n-nuqqas fir-rigward ta' dawk ir-rekwiżiti jew dawk l-obbligi. Din għandha minnufih tinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar dan.
2. Fik-każ li tiġi limitata, sospiża jew irtirata n-notifika, jew fejn il-korp notifikat ma jkunx għadu attiv, l-Istat Membru notifikanti għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li l-fajls ta' dak il-korp jiġu pproċessati minn korp notifikat ieħor jew jinżammu disponibbli għall-awtorità notifikanti u għall-awtorità ta' sorveljanza tas-suq li jkunu responsabbli, suġġetti għat-talba tagħhom.
Artikolu 33
Kontestazzjoni tal-kompetenza tal-korpi notifikati
1. Il-Kummissjoni għandha tinvestiga l-każijiet kollha fejn ikollha dubju, jew issir taf b'dubju, rigward il-kompetenza ta' korp notifikat jew l-issoktar tal-osservanza ta' korp notifikat mar-rekwiżiti u r-responsabbiltajiet li għalihom huwa jkun suġġett.
2. L-Istat Membru notifikanti għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, wara talba, l-informazzjoni kollha relatata mal-bażi għan-notifika jew il-manutenzjoni tal-kompetenza tal-korp notifikat ikkonċernat.
3. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni kollha sensittiva miksuba matul l-investigazzjonijiet tagħha tinżamm kunfidenzjali.
4. Meta l-Kummissjoni taċċerta ruħha li korp notifikat ma jissodisfax, jew ma jkunx għadu jissodisfa, ir-rekwiżiti għan-notifika tiegħu, din għandha tadotta att ta' implimentazzjoni li jitlob lill-Istat Membru notifikanti sabiex jieħu l-miżuri korrettivi meħtieġa, inkluż l-irtirar tan-notifika jekk ikun meħtieġ.
Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura ta' konsulenza msemmija fl-Artikolu 45(2).
Artikolu 34
Obbligi operattivi tal-korpi notifikati
1. Il-korpi notifikati għandhom jagħmlu l-valutazzjonijiet tal-konformità skont il-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità stabbilita fl-Annessi III u IV.
2. Il-valutazzjonijiet tal-konformità għandhom jitwettqu b'mod proporzjonat, billi jiġu evitati piżijiet bla bżonn għall-operaturi ekonomiċi. Il-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità għandhom iwettqu l-attivitajiet tagħhom billi jieħdu kont debitu tad-daqs tal-impriża, is-settur li fiha hija topera, l-istruttura tagħha, il-livell ta' kumplessità tat-teknoloġija tat-tagħmir tar-radju ikkonċernat u tan-natura massiva jew serjali tal-proċess ta' produzzjoni.
Meta jkunu qed jagħmlu hekk huma għandhom madanakollu jirrispettaw il-grad ta' rigorożità u l-livell ta' protezzjoni meħtieġa għall-konformità tat-tagħmir tar-radju ma' din id-Direttiva.
3. Fejn korp notifikat isib li ma ġewx issodisfati r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3 jew l-istandards armonizzati korrispondenti jew speċifikazzjonijiet tekniċi oħra mill-manifattur, huwa għandu jesiġi mingħand il-manifattur li dan jieħu miżuri korrettivi xierqa u ma għandu joħroġ ebda ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE jew approvazzjoni tas-sistema ta' kwalità.
4. Fejn, waqt li jkun qiegħed isir monitoraġġ tal-konformità wara l-ħruġ ta' ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE jew approvazzjoni tas-sistema ta' kwalità, korp notifikat isib li t-tagħmir tar-radju ma jkunx għadu konformi, il-korp notifikat għandu jesiġi mingħand il-manifattur li dan jieħu miżuri korrettivi adegwati u għandu jissospendi jew jirtira ċ-ċerifikat tal-eżami tat-tip tal-UE jew l-approvazzjoni tas-sistema ta' kwalità jekk ikun meħtieġ.
5. Fejn ma jitteħdux miżuri korrettivi jew ma jkollhomx l-effett mixtieq, il-korp notifikat għandu jillimita, jissospendi jew jirtira kull ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE jew approvazzjoni tas-sistema ta' kwalità, skont il-każ.
Artikolu 35
Appell kontra deċiżjonijiet tal-korpi notifikati
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm disponibbli proċedura ta' appell kontra d-deċiżjonijiet tal-korpi notifikati.
Artikolu 36
Obbligi ta' informazzjoni dwar korpi notifikati
1. Il-korpi notifikati għandhom jinformaw lill-awtorità notifikanti dwar dan li ġej:
(a) kull rifjut, restrizzjoni, sospensjoni jew irtirar ta' ċertifikat ta' eżami tat-tip tal-UE jew approvazzjoni ta' sistema ta' kwalità skont ir-rekwiżiti tal-Annessi III u IV;
(b) kull ċirkustanza li jkollha effett fuq lil-kamp ta' applikazzjoni jew il-kundizzjonijiet għan-notifika;
(c) kull talba għal informazzjoni li huma jkunu rċevew minn awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq rigward attivitajiet ta' valutazzjoni tal-konformità;
(d) fuq talba, l-attivitajiet ta' valutazzjoni tal-konformità li twettqu fl-ambitu tan-notifika tagħhom u kwalunkwe attività oħra li twettqet, inklużi attivitajiet transkonfinali u sottokuntrattar.
2. Il-korpi notifikati għandhom skont ir-rekwiżiti tal-Annessi III u IV jipprovdu lill-korpi l-oħra notifikati skont din id-Direttiva li jkunu qed iwettqu attivitajiet simili ta' valutazzjoni tal-konformità u li jkunu jkopru l-istess kategoriji tat-tagħmir tar-radju, l-informazzjoni rilevanti dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw riżultati negattivi ta' valutazzjoni tal-konformità u, fuq talba, l-informazzjoni rilevanti dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw riżultati pożittivi.
3. Il-korpi notifikati għandhom jissodisfaw l-obbligi tal-informazzjoni skont l-Annessi III u IV.
Artikolu 37
Skambju ta' esperjenza
Il-Kummissjoni għandha tipprovdi sabiex jiġi organizzat l-iskambju ta' esperjenza bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri li jkunu responsabbli għall-politika dwar in-notifika.
Artikolu 38
Koordinazzjoni ta' korpi notifikati
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jiġu stabbiliti l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni adegwati bejn il-korpi notifikati skont din id-Direttiva u li dawn jiġu operati korrettament f'forma ta' grupp settorjali ta' korpi notifikati.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi notifikati minnhom jieħdu sehem fix-xogħol ta' dak il-grupp b'mod dirett jew permezz ta' rappreżentanti nominati.
KAPITOLU V
SORVELJANZA TAS-SUQ TAL-UNJONI, KONTROLL TAT-TAGĦMIR TAR-RADJU LI JIDĦOL FIS-SUQ TAL-UNJONI U PROĊEDURA TA' SALVAGWARDJA TAL-UNJONI
Artikolu 39
Sorveljanza tas-suq tal-Unjoni u kontroll tat-tagħmir tar-radju li jidħol fis-suq tal-Unjoni
L-Artikolu 15(3) u l-Artikoli minn 16 sa 29 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandhom japplikaw għat-tagħmir tar-radju.
Artikolu 40
Proċeduri dwar it-tagħmir tar-radju li jkun ta' riskju fil-livell nazzjonali
1. Meta l-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq ta' Stat Membru jkollhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li t-tagħmir tar-radju kopert b'din id-Direttiva jippreżenta riskju għas-saħħa jew għas-sigurtà ta' persuni jew għal aspetti oħra ta' protezzjoni ta' interess pubbliku koperti b'din id-Direttiva, dawn għandhom iwettqu valutazzjoni relatata mat-tagħmir tar-radju kkonċernat li jkopri r-rekwiżiti rilevanti kollha stabbiliti f'din id-Direttiva. L-operaturi ekonomiċi rilevanti għandhom jikkooperaw kif meħtieġ mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għal dak il-għan.
Fejn, tul il-valutazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq isibu li t-tagħmir tar-radju ma jkunx konformi mar-rekwiżiti stabbiliti minn din id-Direttiva, huma għandhom mingħajr dewmien jesiġu li l-operatur ekonomiku rilevanti jieħu l-miżuri korrettivi kollha xierqa biex it-tagħmir tar-radju jsir konformi ma' dawk ir-rekwiżiti, li jirtira t-tagħmir tar-radju mis-suq jew li jieħdu lura fi żmien raġonevoli li jkun jaqbel man-natura tar-riskju, skont kif jistabbilixxu.
L-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq għandhom jinformaw lill-entità notifikata rilevanti dwar dan.
L-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu japplika għall-miżuri msemmija fit-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu.
2. Fejn l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq iqisu li n-nuqqas ta' konformità ma jkunx limitat għat-territorju nazzjonali, huma għandhom jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bir-riżultati tal-evalwazzzjoni u bl-azzjonijiet li esiġew li jieħu l-operatur ekonomiku.
3. L-operatur ekonomiku għandu jiżgura li jittieħdu l-azzjonijiet korrettivi xierqa kollha fir-rigward tat-tagħmir tar-radju kollu konċernat li huwa jkun għamel disponibbli fis-suq fl-Unjoni kollha.
4. Fejn l-operatur ekonomiku rilevanti ma jiħux azzjoni korrettiva xierqa fil-perjodu ta' żmien imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq għandhom jieħdu l-miżuri provviżorji xierqa kollha biex jipprojbixxu jew jillimitaw li t-tagħmir tar-radju isir disponibbli fis-suq nazzjonali tagħhom jew biex it-tagħmir tar-radju jiġi irtirat minn dak is-suq jew biex dan jittieħed lura.
L-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq għandhom jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, mingħajr dewmien, dwar dawk il-miżuri.
5. L-informazzjoni li ssir referenza għaliha fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4 għandha tinkludi d-dettalji disponibbli kollha għall-identifikazzjoni tat-tagħmir tar-radju li mhuwiex konformi, l-oriġini tat-tagħmir tar-radju, it-tip ta' nuqqas ta' konformità allegata u r-riskju involut, it-tip u t-tul ta' żmien ta' kemm se jdumu l-miżuri nazzjonali li ttieħdu u l-argumenti ppreżentati mill-operatur ekonomiku rilevanti. B'mod partikolari, l-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq għandhom jindikaw jekk in-nuqqas ta' konformità jkunx dovut għal xi waħda mir-raġunijiet li ġejjin:
(a) in-nuqqas tat-tagħmir tar-radju li jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 3; jew
(b) nuqqasijiet fl-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 16 li jikkonferixxu preżunzjoni tal-konformità.
6. L-Istati Membri, barra mill-Istat Membru li jkun beda l-proċedura skont dan l-Artikolu għandhom mingħajr dewmien, jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar kull miżura adottata u dwar kull informazzjoni addizzjonali li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom dwar in-nuqqas ta' konformità tat-tagħmir tar-radju kkonċernat, u, jekk ma jkunx hemm qbil mal-miżura nazzjonali adottata, dwar l-oġġezzjonijiet tagħhom.
7. Fejn, fi żmien tliet xhur minn meta tasal l-informazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4, ma tkun saret ebda oġġezzjoni minn xi Stat Membru jew mill-Kummissjoni rigward miżura provviżorja meħuda minn Stat Membru, dik il-miżura għandha titqies li tkun ġustifikata.
8. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri restrittivi adegwati, bħall-irtirar tat-tagħmir tar-radju mis-suq, fir-rigward tat-tagħmir tar-radju kkonċernat mingħajr dewmien.
Artikolu 41
Proċedura ta' salvagwardja tal-Unjoni
1. Fejn, wara li tkun tlestiet il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 40(3) u (4), isiru oġġezzjonijiet kontra miżura nazzjonali meħuda minn Stat Membru jew fejn il-Kummissjoni tqis li l-miżura nazzjonali tmur kontra l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tidħol f'konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-operatur jew operaturi ekonomiċi rilevanti u għandha tevalwa l-miżura nazzjonali. Fuq il-bażi tar-riżultati ta' dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta' implimentazzjoni li jiddetermina jekk il-miżura nazzjonali hijiex ġustifikata jew le.
Il-Kummissjoni għandha tindirizza d-deċiżjoni tagħha lill-Istati Membri kollha u għandha tikkomunikaha minnufih lilhom u lill-operatur jew operaturi ekonomiċi rilevanti.
2. Jekk il-miżura nazzjonali titqies ġustifikata, l-Istati Membri kollha għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li t-tagħmir tar-radju li ma jkunx konformi jiġi rtirat jew imsejjaħ lura mis-swieq tagħhom, u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni skont il-każ. Jekk il-miżura nazzjonali titqies li ma tkunx ġustifikata, l-Istat Membru interessat għandu jirtira dik il-miżura.
3. Fejn il-miżura nazzjonali titqies ġustifikata u n-nuqqas ta' konformità tat-tagħmir tar-radju jkun attribwit għal nuqqasijiet fl-istandards armonizzati msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 40(5) ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tapplika l-proċedura prevista fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.
Artikolu 42
Tagħmir tar-radju konformi li jippreżenta riskju
1. Fejn Stat Membru, wara li jkun wettaq valutazzjoni skont l-Artikolu 40(1), isib li, għalkemm it-tagħmir tar-radju jkun konformi ma' din id-Direttiva, ikun jippreżenta riskju għas-saħħa jew is-sigurtà tal-persuni jew għal aspetti oħra ta' protezzjoni ta' interess pubbliku koperti minn din id-Direttiva, huwa għandu jeżiġi li l-operatur ekonomiku rilevanti jieħu l-miżuri xierqa kollha biex jiżgura li t-tagħmir tar-radju kkonċernat, meta jitqiegħed fis-suq, ma jippreżentax aktar dak ir-riskju, jirtira t-tagħmir tar-radju mis-suq jew jieħdu lura fi żmien raġonevoli li jkun jaqbel man-natura tar-riskju, skont kif hu jistabbilixxi.
2. L-operatur ekonomiku għandu jiżgura li tittieħed azzjoni korrettiva fir-rigward tat-tagħmir tar-radju kollu kkonċernat li kien sar disponibbli fis-suq fl-Unjoni kollha.
3. L-Istat Membru għandu jinforma minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi d-dettalji disponibbli kollha, b'mod partikolari d-data meħtieġa għall-identifikazzjoni tat-tagħmir tar-radju kkonċernat, l-oriġini u l-katina ta' forniment tat-tagħmir tar-radju, in-natura tar-riskju involut u n-natura u t-tul ta' żmien tal-miżuri nazzjonali li ttieħdu.
4. Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tidħol f'konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-operatur jew operaturi ekonomiċi rilevanti u għandha tevalwa l-miżuri nazzjonali meħuda. Abbażi tar-riżultati ta' dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, jekk il-miżura nazzjonali tkunx ġustifikata jew le u, fejn ikun meħtieġ, tipproponi miżuri adatti.
L-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 45(3).
Għal raġunijiet indispensabbli ġġustifikati ta' urġenza relatati mal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtàtal-persuni, il-Kummissjoni għandha tadotta minnufih atti ta' implimentazzjoni applikabbli skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 45(4).
5. Il-Kummissjoni għandha tindirizza d-deċiżjoni tagħha lill-Istati Membri kollha u għandha tikkomunikaha minnufih lilhom u lill-operatur jew operaturi ekonomiċi rilevanti.
Artikolu 43
Nuqqas ta' konformità formali
1. Bla ħsara għall-Artikolu 40, fejn Stat Membru jasal għal xi waħda mill-konklużjonijiet li ġejjin, huwa għandu jeżiġi li l-operatur ekonomiku rilevanti jwaqqaf in-nuqqas fir-rigward tal-konformità kkonċernata:
(a) il-marka CE tkun twaħħlet bi ksur tal-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 jew tal-Artikolu 20 ta' din id-Direttiva;
(b) il-marka CE ma tkunx twaħħlet;
(c) in-numru tal-identifikazzjoni tal-korp notifikat, meta tkun applikata l-proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità stabbilita fl-Anness IV, ikun twaħħal bi ksur tal-Artikolu 20 jew ma jkunx twaħħal;
(d) id-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE ma tkunx saret;
(e) id-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE ma tkunx saret b'mod korrett;
(f) id-dokumentazzjoni teknika ma tkunx disponibbli jew ma tkunx kompleta;
(g) l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(6) jew (7) jew fl-Artikolu 12(3) hija nieqsa, falza jew mhux kompluta;
(h) l-informazzjoni dwar l-użu intiż tat-tagħmir tar-radju, id-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE jew ir-restrizzjonijiet fuq l-użu kif stipulati fl-Artikolu 10(8), (9) u (10) ma jakkumpanjawx it-tagħmir tar-radju;
(i) ir-rekwiżiti dwar l-identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi stipulati fl-Artikolu 15 ma jkunux issodisfati;
(j) l-Artikolu 5 ma jkunx osservat.
2. Fejn jippersisti n-nuqqas ta' konformità msemmi fil-paragrafu 1, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jirrestrinġi jew jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tat-tagħmir tar-radju jew li jiżgura li dan jiġi msejjaħ lura jew irtirat.
KAPITOLU VI
ATTI DELEGATI U ATTI TA' IMPLIMENTAZZJONI U L-KUMITAT
Artikolu 44
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti ddelegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3), l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin mill-11 ta' Ġunju 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.
3. Id-delega tas-setgħa imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3), l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5(2) tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
5. Att delegat adottat skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3), l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressal-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 45
Proċedura tal-kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat tal-Valutazzjoni tal-Konformità u s-Sorveljanza tas-Suq tat-Telekomunikazzjonijiet. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
4. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.
5. Il-Kumitat għandu jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni rigward kwalunkwe materja li fir-rigward tagħha tkun meħtieġa konsultazzjoni mal-esperti settorjali mir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 jew minn kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni.
Il-kumitat, barra minn hekk, jista' jeżamina kwalunkwe kwistjoni oħra li tikkonċerna l-applikazzjoni ta' dan id-Direttiva mqajma mill-president tiegħu jew minn rappreżentant ta' Stat Membru taħt ir-regoli ta' proċedura tiegħu.
KAPITOLU VII
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI U TRANŻIZZJONALI
Artikolu 46
Penalitajiet
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penalijiet applikabbli għall-ksur minn operaturi ekonomiċi tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw li dawn jiġu infurzati. Tali regoli jistgħu jinkludu penalijiet kriminali għall-ksur serju.
Il-penalitajiet stipulati għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
Artikolu 47
Analiżi u rappurtaġġ
1. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapporti regolari lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva sat-12 ta' Ġunju 2017 u mbagħad mill-inqas kull sentejn. Ir-rapporti għandu jkun fihom preżentazzjoni tal-attivitajiet tas-sorveljanza tas-suq imwettqa mill-Istati Membri u jagħtiutagħrif dwar jekk inkisbitx il-konformità, u sa liema punt, mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva, inkluż partikolarment ir-rekwiżiti dwar l-identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi.
2. Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-operazzjoni ta' din id-Direttiva u tirrapporta dwar dan lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-12 ta' Ġunju 2018 u mbagħad kull ħames snin. Ir-rapport għandu jkopri l-progress dwar it-tħejjija tal-istandards relevanti, kif ukoll kull problemi li jinqalgħu fil-kors tal-implimentazzjoni. Ir-rapport għandu wkoll jiddeskrivi fil-qosor l-attivitajiet tal-Kumitat tal-Valutazzjoni tal-Konformità u s-Sorveljanza tas-Suq tat-Telekomunikazzjonijiet, jivvaluta l-progress fil-ksib ta' suq miftuħ kompetittiv għat-tagħmir tar-radju f'livell tal-Unjoni u jeżamina kif il-qafas regolatorju għad-disponibbiltà fis-suq u t-tqegħid fis-servizz tat-tagħmir tar-radju għandu jiġi żviluppat biex jinkiseb dan li ġej:
(a) jiżgura li tinkiseb sistema koerenti f'livell tal-Unjoni għat-tagħmir tar-radju kollu;
(b) jippermetti l-konverġenza tas-setturi tat-telekomunikazzjoni, awdjoviżivi u tat-teknoloġija tal-informatika;
(c) jippermetti li l-miżuri regolatorji jiġu armonizzati f'livell internazzjonali.
(d) jilħaq livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur;
(e) jiżgura li t-tagħmir tar-radju li jinġarr ikun kompatibbli mal-aċċessorji, partikolarment ċarġers komuni;
(f) fejn it-tagħmir tar-radju jkun mgħammar bi skrin integrali, jippermetti l-wiri tal-informazzjoni mitluba fuq l-iskrin integrali.
Artikolu 48
Dispożizzjonijiet tranżizzjonali
L-Istati Membri ma għandhomx jimpedixxu, għall-aspetti koperti minn din id-Direttiva, id-dispobibbiltà fis-suq jew it-tqegħid fis-servizz ta' tagħmir tar-radju kopert minn din id-Direttiva li hija konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti dwar l-armonizzazzjoni applikabbli preċedentement it-13 ta' Ġunju 2016 u li kien tqiegħed fis-suq qabel it-13 ta' Ġunju 2017.
Artikolu 49
Trasponiment
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sat-12 ta' Ġunju 2016, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.
Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mit-13 ta' Ġunju 2016.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Dawn għandhom jinkludu wkoll dikjarazzjoni li r-referenzi fil-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti għad-Direttiva revokata b'din id-Direttiva għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza u kif għandha tkun ifformulata dik id-dikjarazzjoni.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali fil-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 50
Tħassir
Id-Direttiva 1999/5/KE titħassar b'effett mit-13 ta' Ġunju 2016.
Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness VIII.
Artikolu 51
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 52
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
ANNESS I
TAGĦMIR MHUX KOPERT MINN DIN ID-DIRETTIVA
1. Tagħmir tar-radju użat minn dilettanti tar-radju skont it-tifsira tal-Artikolu 1, definizzjoni 56, tar-Regolamenti tar-Radju tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU), ħlief jekk it-tagħmir isir disponibbli fis-suq.
Dan li ġej għandu jitqies li mhuwiex disponibbli fis-suq:
(a) kitts tar-radju għall-assemblaġġ u l-użu mid-dilettanti tar-radju;
(b) tagħmir tar-radju modifikat minn u għall-użu tad-dilettanti tar-radju;
(c) tagħmir immuntat minn dilettanti tar-radju individwali għal skopijiet sperimentali u xjentifiċi relatati mas-sistema tar-radju għad-dilettanti.
2. Tagħmir tal-baħar li jaqa' fil-kamp tal-applikazzjoni tad-Direttiva 96/98/KE ( 2 ).
3. It-tagħmir tal-avjazzjoni li ġej, fejn dak it-tagħmir jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ) u huwa maħsub esklużivament għall-użu fl-ajru:
(a) inġenji tal-ajru, minbarra inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, kif ukoll magni, skrejjen, partijiet u tagħmir mhux installat assoċjati;
(b) inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, kif ukoll magni, skrejjen, partijiet u tagħmir mhux installat assoċjati, li d-disinn tagħhom huwa ċċertifikat skont l-Artikolu 56(1) ta' dak ir-Regolament u li huma maħsuba biex joperaw biss fuq frekwenzi allokati mir-Regolamenti tar-Radju tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni għal użu ajrunawtiku protett.
4. Kitts ta' evalwazzjoni mibnija apposta maħsuba għall-professjonisti biex jintużaw biss f'faċilitajiet ta' riċerka u żvilupp għal dawn l-iskopijiet.
ANNESS II
MODULU A TAL-VALUTAZZJONI TAL-KONFORMITÀ
|
1. |
Il-kontroll intern tal-produzzjoni huwa l-proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità, li permezz tagħha l-manifattur jissodisfa l-obbligi stabbiliti fil-punti 2, 3, u 4 ta' dan l-Anness, u jiżgura, u jiddikjara fuq ir-responsabbiltà unika tiegħu, li t-tagħmir tar-radju kkonċernat jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Artikolu 3. |
|
2. |
Dokumentazzjoni teknika
Il-manifattur għandu jistabbilixxi d-dokumentazzjoni teknika skont l-Artikolu 21. |
|
3. |
Il-manifattura
Il-manifattur għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex il-proċess ta' manifattura u s-sorveljanza tiegħu jiżguraw il-konformità tat-tagħmir tar-radju mmanifatturat mad-dokumentazzjoni teknika msemmija fil-punt 2 ta' dan l-Anness u mar-rekwiżiti essenzjali relevanti stipulati fl-Artikolu 3. |
|
4. |
Il-marka CE u d-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE
4.1. Il-manifattur għandu jwaħħal il-marka CE skont l-Artikoli 19 u 20 ma' kull element tat-tagħmir tar-radju li tissodisfa r-rekwiżiti applikabbli ta' din id-Direttiva. 4.2. Il-manifattur għandu jagħmel dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE bil-miktub għal kull tip ta' tagħmir tar-radju u jżommha flimkien mad-dokumentazzjoni teknika, għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, għal perjodu ta' għaxar snin wara li t-tagħmir tar-radju jkun tqiegħed fis-suq. Id-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE għandha tidentifika it-tagħmir tar-radju li għalih tkun tfasslet. Meta ssir talba għaliha, għandha tiġi pprovduta kopja tad-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE lill-awtoritajiet rilevanti. |
|
5. |
Rappreżentant awtorizzat
L-obbligi tal-manifattur stabbiliti fil-punt 4 jistgħu jiġu sodisfatti mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, f'ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, sakemm dawn ikunu speċifikati fil-mandat. |
ANNESS III
MODULI B U C TAL-VALUTAZZJONI TAL-KONFORMITÀ
EŻAMI TAT-TIP TAL-UE U KONFORMITÀ MAT-TIP IBBAŻATA FUQ IL-KONTROLL INTERN
Meta ssir referenza għal dan l-Anness, il-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità għandha ssegwi l-Moduli B (l-eżami tat-tip tal-UE) u C (il-konformità mat-tip ibbażata fuq il-kontroll intern tal-produzzjoni) ta' dan l-Anness.
Modulu B
Eżami tat-tip tal-UE
|
1. |
L-eżami tat-tip tal-UE huwa dik il-parti minn proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità li fiha korp notifikat jeżamina d-disinn tekniku ta' tagħmir tar-radju u jivverifika u jixhed li d-disinn tekniku tat-tagħmir tar-radju jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3. |
|
2. |
L-eżami tat-tip tal-UE għandu jsir bil-valutazzjoni tal-adegwatezza tad-disinn tekniku tat-tagħmir tar-radju permezz ta' eżami tad-dokumentazzjoni teknika u evidenza ta' appoġġ, imsemmija fil-punt 3, mingħajr eżami ta' kampjun (tip tad-disinn). |
|
3. |
Il-manifattur għandu jressaq applikazzjoni għal eżami tat-tip tal-UE quddiem korp notifikat uniku tal-għażla tiegħu. L-applikazzjoni għandha tinkludi: (a) l-isem u l-indirizz tal-manifattur u, jekk l-applikazzjoni tiġi ppreżentata mir-rappreżentant awtorizzat, ismu u l-indirizz tiegħu wkoll; (b) dikjarazzjoni bil-miktub li l-istess applikazzjoni ma ġiet ippreżentata lill-ebda korp notifikat ieħor; (c) id-dokumentazzjoni teknika. Id-dokumentazzjoni teknika għandha tagħmel possibbli l-valutazzjoni tal-konformità tat-tagħmir tar-radjumar-rekwiżiti applikabbli ta' din id-Direttiva u għandha tinkludi analiżi u stima xierqa tar-riskju jew riskji. Id-dokumentazzjoni teknika għandha tispeċifika r-rekwiżiti applikabbli u tkopri sa fejn u sakemm ikun rilevanti għall-istima, id-disinn, il-manifattura u l-ħidma tat-tagħmir tar-radju. Id-dokumentazzjoni teknika għandu jkun fiha, fejn applikabbli, l-elementi kollha stipulati fl-Anness V, (d) l-evidenza ta' appoġġ tal-adegwatezza tas-soluzzjoni tad-disinn tekniku. Dik l-evidenza ta' appoġġ għandha ssemmi kwalunkwe dokument li jkun intuża, b'mod partikolari fejn l-istandards armonizzati rilevanti ma kinux ġew applikati jew ma kinux ġew applikati fit-totalità tagħhom. L-evidenza ta' appoġġ għandha tinkludi, fejn ikun hemm bżonn, ir-riżultati tat-testijiet li jsiru f'konformità ma' speċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti oħra mil-laboratorju xieraq tal-manifattur jew minn laboratorju tal-ittestjar ieħor f'ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu. |
|
4. |
Il-korp notifikat għandu jeżamina d-dokumentazzjoni teknika u l-evidenza ta' appoġġ biex jevalwa l-adegwatezza tad-disinn tekniku tat-tagħmir tar-radju. |
|
5. |
Il-korp innotifikat għandu jfassal rapport tal-valutazzjoni li jirreġistra l-attivitajiet imwettqa skont il-punt 4 u r-riżultati tagħhom. Bla ħsara għall-obbligi tiegħu fil-punt 8, il-korp notifikat għandu joħroġ il-kontenut ta' dak ir-rapport, kollu jew parti minnu, biss bi ftehim mal-manifattur. |
|
6. |
Fejn it-tip jissodisfa r-rekwiżiti ta' din id-Direttiva applikabbli għat-tagħmir tar-radju kkonċernat, il-korp notifikat għandu joħroġ ċertifikat ta' eżami tat-tip tal-UE lill-manifattur. Dak iċ-ċertifikat għandu jkun fih l-isem u l-indirizz tal-manifattur, il-konklużjonijiet tal-eżami, l-aspetti tar-rekwiżiti essenzjali koperti mill-eżami, il-kundizzjonijiet (jekk hemm) għall-validità tiegħu u data neċessarja għall-identifikazzjoni tat-tip approvat. Iċ-ċertifikat ta' eżami tat-tip tal-UE jista' jkollu anness wieħed jew iktar mehmuża miegħu. Iċ-ċertifikat ta' eżami tat-tip tal-UE u l-annessi tiegħu għandhom jinkludu l-informazzjoni rilevanti kollha biex il-konformità tat-tagħmir tar-radju manifatturat mat-tip eżaminat tkun tista' tiġi valutata u biex ikun hemm lok għal kontroll intern. Fejn it-tip ma jissodisfax ir-rekwiżiti applikabbli ta' din id-Direttiva, il-korp notifikat għandu jirrifjuta li joħroġ ċertifikat ta' eżami tat-tip tal-UE u għandu jinforma b'dan lill-applikant b'dan, fejn jagħti raġunijiet dettaljati għar-rifjut tiegħu. |
|
7. |
Il-korp notifikat għandu jżomm lilu nnifsu mgħarraf dwar kull bidla fit-teknoloġija l-aktar aġġornata ġeneralment rikonoxxuta, li tindika li t-tip approvat jista' ma jikkonformax aktar mar-rekwiżiti applikabbli ta' din id-Direttiva, u għandu jiddetermina jekk tali bidliet ikunux jeħtieġu aktar investigazzjonijiet. Jekk ikun il-każ, il-korp notifikat għandu jinforma l-manifattur b'dan. Il-manifattur għandu jinforma lill-korp notifikat li għandu d-dokumentazzjoni teknika relatata maċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip UE, bil-modifikazzjonijiet kollha għat-tip approvat li jistgħu jinċidu fuq il-konformità tat-tagħmir tar-radju mar-rekwiżiti essenzjali ta' din id-Direttiva jew mal-kundizzjonijiet għall-validità ta' dak iċ-ċertifikat. Tali modifiki għandhom jeħtieġu approvazzjoni addizzjonali fil-forma ta' żieda għaċ-ċertifikat oriġinali tal-eżami tat-tip UE. |
|
8. |
Kull korp notifikat għandu jinforma lill-awtorità notifikanti tiegħu dwar iċ-ċertifikati tal-eżami tat-tip tal-UE u/jew kwalunkwe żieda għalihom, li jkun ħareġ jew irtira, u perjodikament jew jekk jintalab jagħmel dan, għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtorità notifikanti tiegħu, il-lista ta' dawn iċ-ċertifikati u/jew kwalunkwe żieda għalihom li ġew miċħuda, sospiżi jew b'xi mod ieħor limitati. Kull korp notifikat għandu jinforma lill-korpi notifikati l-oħra dwar iċ-ċertifikati tal-eżami tat-tip tal-UE u/jew kull żieda għalihom, li jkun irrifjuta, irtira, issospenda jew b'xi mod ieħor illimita u, jekk jintalab jagħmel dan, dwar tali ċertifikati u/jew żidiet għalihom li jkun ħareġ. Kull korp notifikat għandu jinforma lill-Istati Membri biċ-ċertifikati tal-eżami tat-tip tal-UE li jkun ħareġ u/jew addizzjonijiet għalihom f'dawk il-każijiet fejn l-istandards armonizzati li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ma ġewx applikati jew ma ġewx applikati bis-sħiħ. L-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-korpi notifikati l-oħra jistgħu, wara talba, jiksbu kopja taċ-ċertifikati tal-eżami tat-tip tal-UE u/jew iż-żidiet tagħhom. Fuq talba, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jiksbu kopja tad-dokumentazzjoni teknika u r-riżultati tal-eżamijiet li jkun wettaq il-korp notifikat. Il-korp notifikat għandu jżomm kopja taċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE, l-annessi u l-addizzjonijiet ta' miegħu, kif ukoll il-fajl tekniku inkluża d-dokumentazzjoni ssottomessa mill-manifattur għal 10 snin wara li t-tagħmir tar-radju jkun ġie vvalutat jew wara l-iskadenza tal-validità ta' dak iċ-ċertifikat. |
|
9. |
Il-manifattur għandu jżomm kopja taċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE, l-annessi ta' miegħu u ż-żidiet flimkien mad-dokumentazzjoni teknika għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali għal 10 snin wara li jkun tqiegħed fis-suq it-tagħmir tar-radju. |
|
10. |
Ir-rappreżentant awtorizzat tal-manifattur jista' jippreżenta l-applikazzjoni msemmija fil-punt 3 u jissodisfa l-obbligi imsemmija fil-punti 7 u 9, sakemm dawn ikunu speċifikati fil-mandat. |
Modulu C
Konformità mat-tip abbażi tal-kontroll intern tal-produzzjoni
|
1. |
Il-konformità għat-tip fuq il-bażi tal-kontroll intern tal-produzzjoni hija dik il-parti ta' proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità li permezz tagħha l-manifattur jissodisfa l-obbligi stabbiliti fil-punti 2 u 3, u jiżgura, u jiddikjara, li t-tagħmir tar-radju kkonċernat ikun f'konformità mat-tip kif deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE u jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' din id-Direttiva applikabbli għalih. |
|
2. |
Il-manifattura
Il-manifattur għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex il-proċess ta' manifattura u l-monitoraġġ tiegħu jiżguraw il-konformità tat-tagħmir tar-radju manifatturat mat-tip approvat, kif deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE, u mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva li japplikaw għalih. |
|
3. |
Il-marka CE u d-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE
3.1. Il-manifattur għandu jwaħħal il-marka CE skont l-Artikoli 19 u 20 ma' kull element tat-tagħmir tar-radju li jkun f'konformità mat-tip deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE u li jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli ta' din id-Direttiva. 3.2. Il-manifattur għandu jħejji dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE bil-miktub għal kull mudell tat-tagħmir tar-radju u jżommha għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali għal 10 snin wara li t-tagħmir tar-radju jkun tqiegħed fis-suq. Id-dikjarazzjoni ta' konformità għandha tidentifika t-tip tat-tagħmir tar-radju li għalih tkun tfasslet. Jekk tintalab għandha tiġi pprovduta kopja tad-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE lill-awtoritajiet rilevanti. |
|
4. |
Rappreżentant awtorizzat
L-obbligi tal-manifattur stabbiliti fil-punt 3 jistgħu jiġu sodisfatti mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, f'ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, sakemm dawn ikunu speċifikati fil-mandat. |
ANNESS IV
MODULU H TAL-VALUTAZZJONI TAL-KONFORMITÀ
KONFORMITÀ BBAŻATA FUQ ASSIGURAZZJONI SĦIĦA TA' KWALITÀ
|
1. |
Il-konformità bbażata fuq assigurazzjoni sħiħa ta' kwalità hija l-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità, li permezz tagħha l-manifattur jissodisfa l-obbligi stabbiliti fil-punti 2 u 5, u jiżgura ruħu u jiddikjara fuq ir-responsabbiltà unika tiegħu, li t-tagħmir tar-radju kkonċernat jissodisfa r-rekwiżiti ta' din id-Direttiva li japplikaw għalih. |
|
2. |
Il-manifattura
Il-manifattur għandu jħaddem sistema approvata ta' kwalità għad-disinn, għall-manifattura u għall-ispezzjoni tat-tagħmir tar-radju u għall-ittestjar tat-tagħmir tar-radju kkonċernat, kif speċifikat fil-punt 3, u għandu jkun suġġett għal sorveljanza kif speċifikat fil-punt 4. |
|
3. |
Is-sistema ta' kwalità
3.1. Il-manifattur għandu jibgħat applikazzjoni għall-istima tas-sistema ta' kwalità tiegħu lil korp notifikat tal-għażla tiegħu, għat-tagħmir tar-radju ikkonċernat. L-applikazzjoni għandha tinkludi: (a) l-isem u l-indirizz tal-manifattur u, jekk l-applikazzjoni tiġi ppreżentata mir-rappreżentant awtorizzat, ismu u l-indirizz tiegħu wkoll; (b) id-dokumentazzjoni teknika għal kull tip ta' tagħmir tar-radju maħsub biex jiġi manifatturat. Id-dokumentazzjoni teknika għandu jkun fiha, fejn applikabbli, l-elementi kollha stabbiliti fl-Anness V; (c) id-dokumentazzjoni li tikkonċerna s-sistema ta' kwalità; u (d) dikjarazzjoni bil-miktub li l-istess applikazzjoni ma ġietx ippreżentata lil ebda korp notifikat ieħor. 3.2. Is-sistema tal-kwalità għandha tiżgura l-konformità tat-tagħmir tar-radju mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva li japplikaw għalih. L-elementi, ir-rekwiżiti u d-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-manifattur għandhom jkunu ddokumentati f'manjiera sistematika u bl-ordni fil-għamla ta' politiki, proċeduri u struzzjonijiet bil-miktub. Dik id-dokumentazzjoni tas-sistema ta' kwalità għandha tippermetti interpretazzjoni konsistenti tal-programmi, tal-pjanijiet, tal-manwali u tar-rekords. Din għandha, b'mod partikolari, ikun fiha, deskrizzjoni adegwata ta': (a) l-għanijiet tal-kwalità u l-istruttura organizzattiva, ir-responsabbiltajiet u s-setgħat tal-maniġment fir-rigward tad-disinn u l-kwalità tal-prodott; (b) l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tad-disinn, inklużi l-istandards, li jridu jiġu applikati u, meta ma jridux jiġu applikati fis-sħiħ l-istandards armonizzati rilevanti, il-mezzi li jridu jintużaw sabiex jiżguraw li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta' din id-Direttiva li japplikaw għat-tagħmir tar-radju; (c) it-tekniki ta' kontroll tad-disinn u ta' verifika tad-disinn, il-proċessi u l-azzjonijiet sistematiċi li se jintużaw meta jiġi mfassal it-tagħmir tar-radju li jappartjenu lit-tip tat-tagħmir tar-radju kopert; (d) il-manifattura korrispondenti, it-tekniki ta' kontroll tal-kwalità u tal-assigurazzjoni tal-kwalità, il-proċessi u l-azzjonijiet sistematiċi li se jintużaw; (e) l-eżamijiet u t-testijiet li għandhom isiru qabel, matul u wara l-manifattura, u l-frekwenza li biha jsiru; (f) ir-rekords ta' kwalità, bħar-rapporti ta' spezzjonijiet u d-data tat-testijiet, id-data dwar il-kalibrazzjoni, ir-rapporti dwar il-kwalifiki tal-personal konċernat, eċċ.; (g) il-mezzi li bihom jiġu mmonitorjati t-twettiq tad-disinn meħtieġ u l-kwalità tal-prodott kif ukoll il-funzjonament effettiv tas-sistema ta' kwalità. 3.3. Il-korp notifikat għandu jevalwa s-sistema ta' kwalità sabiex jiddetermina jekk tissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fil-punt 3.2. Huwa għandu jippreżumi l-konformità ma' dawk ir-rekwiżiti fir-rigward tal-elementi tas-sistema ta' kwalità li jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet korrispondenti tal-istandard armonizzat rilevanti. Minbarra l-esperjenza fis-sistemi ta' ġestjoni tal-kwalità, it-tim ta' verifika għandu jkollu mill-inqas membru wieħed b'esperjenza bħala assessur, fil-qasam tat-tagħmir tar-radju rilevanti u fit-teknoloġija tat-tagħmir tar-radju konċernata, u konoxxenza tar-rekwiżiti applikabbli ta' din id-Direttiva. Il-verifika għandha tinkludi żjara ta' valutazzjoni fil-post tal-manifattur. It-tim ta' verifika għandu jeżamina d-dokumentazzjoni teknika msemmija fil-punt 3.1(b) biex jivverifika l-abbiltà tal-manifattur li jidentifika r-rekwiżiti applikabbli ta' din id-Direttiva u biex jagħmel l-eżamijiet neċessarji sabiex jiżgura l-konformità tat-tagħmir tar-radju ma' dawn ir-rekwiżiti. Il-manifattur jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu għandu jiġi notifikat bid-deċiżjoni. In-notifika għandu jkun fiha l-konklużjonijiet tal-verifika u d-deċiżjoni motivata tal-valutazzjoni. 3.4. Il-manifattur għandu jimpenja ruħu biex jissodisfa l-obbligi li ġejjin mis-sistema ta' kwalità kif approvata u biex iżommha hekk ħalli tibqa' adegwata u effikaċi. 3.5. Il-manifattur għandu jżomm mgħarraf lill-korp innotifikat li jkun approva s-sistema tal-kwalità dwar kull bidla maħsuba fis-sistema tal-kwalità. Il-korp notifikat għandu jevalwa kull bidla proposta u jiddeċiedi jekk is-sistema ta' kwalità modifikata hiex se tkompli tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fil-punt 3.2., jew jekk hemmx bżonn ta' valutazzjoni mill-ġdid. Dan għandu jinnotifika lill-manifattur bid-deċiżjoni tiegħu. In-notifika għandha tinkludi l-konklużjonijiet tal-eżami u d-deċiżjoni motivata tal-valutazzjoni. |
|
4. |
Is-sorveljanza taħt ir-responsabbiltà tal-korp notifikat
4.1. L-għan tas-sorveljanza huwa li jiżgura li l-manifattur iwettaq kif xieraq l-obbligi li joħorġu mis-sistema ta' kwalità approvata. 4.2. Il-manifattur għandu, għal finijiet tal-valutazzjoni, jippermetti lill-korp innotifikat aċċess għas-siti tal-fabbrikazzjoni, l-ispezzjoni, it-testijiet u l-ħażna, u għandu jipprovdi t-tagħrif kollu meħtieġ, b'mod partikolari: (a) id-dokumentazzjoni tas-sistema ta' kwalità; (b) ir-rekords ta' kwalità kif previsti mill-parti tad-disinn tas-sistema ta' kwalità, bħar-riżultati ta' analiżijiet, kalkoli, testijiet eċċ.; (c) ir-reġistri tal-kwalità kif stipulati fil-parti tal-manifattura tas-sistema tal-kwalità, bħalma huma r-rapporti tal-ispezzjonijiet, l-informazzjoni dwar il-kalibrazzjoni, ir-rapporti dwar il-kwalifiki tal-persunal, eċċ. 4.3. Il-korp notifikat għandu għandu jwettaq verifiki sabiex jiżgura li l-manifattur iżomm u japplika s-sistema tal-kwalità u għandu jipprovdi lill-manifattur b' rapport ta' verifika. 4.4. Barra minn hekk, il-korp notifikat jista' jagħmel żjarat mhux imħabbra minn qabel lill-manifattur. Waqt tali żjarat il-korp notifikat jista', jekk ikun neċessarju, jagħmel testijiet fuq it-tagħmir tar-radju, jew iqabbad lil min jagħmilhom, biex jivverifika li s-sistema ta' kwalità tkun qed taħdem sewwa. Dan għandu jipprovdi lill-manifattur b'rapport taż-żjara u, jekk saru xi testijiet, b'rapport tat-test. |
|
5. |
Il-marka CE u d-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE
5.1. Il-manifattur għandu jwaħħal il-marka CE skont l-Artikoli 19 u 20 u, taħt ir-responsabbiltà tal-korp notifikat imsemmi fil-punt 3.1, in-numru tal-identifikazzjoni ta' dan tal-aħħar għal kull element tat-tagħmir tar-radju li jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli stipulati fl-Artikolu 3. 5.2. Il-manifattur għandu jħejji dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE bil-miktub għal kull tip tat-tagħmir tar-radju u jżommha għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali għal 10 snin wara li t-tagħmir tar-radju jkun tqiegħed fis-suq. Id-dikjarazzjoni ta' konformità għandha tidentifika t-tip tat-tagħmir tar-radju li għalih tkun tfasslet. Meta ssir talba għaliha, għandha tiġi pprovduta kopja tad-dikjarazzjoni tal-UE ta' konformità lill-awtoritajiet rilevanti. |
|
6. |
Il-manifattur għandu, għal perjodu li jintemm 10 snin wara li t-tagħmir tar-radju jkun tqiegħed fis-suq, iżomm għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali: (a) id-dokumentazzjoni teknika msemmija fil-punt 3.1; (b) id-dokumentazzjoni li tirrigwarda s-sistema tal-kwalità riferita tal-punt 3.1; (c) il-bidla msemmija fil-punt 3.5, kif approvata; (d) id-deċiżjonijiet u r-rapporti mill-korp notifikat li jissemmew fil-punt 3.5, 4.3 u 4.4. |
|
7. |
Kull korp notifikat għandu jinforma lill-awtorità notifikanti tiegħu bl-approvazzjonijiet tas-sistema ta' kwalità maħruġa jew irtirati, u, perjodikament jew jekk jintalab jagħmel dan, għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet notifikanti tiegħu, il-lista tal-approvazzjonijiet tas-sistemi ta' kwalità li jkunu ġew irrifjutati, sospiżi jew b'xi mod ieħor limitati. Kull korp notifikat għandu jinforma lill-korpi notifikati l-oħra bl-approvazzjonijiet tas-sistemi ta' kwalità li jkun irrifjuta, issospenda jew irtira, u, jekk jintalab jagħmel dan, bl-approvazzjonijiet tas-sistemi ta' kwalità li jkun ħareġ. |
|
8. |
Rappreżentant awtorizzat
L-obbligi tal-manifattur stabbiliti fil-punti 3.1 3.5, 5 u 6 jistgħu jiġu sodisfatti mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, f'ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, sakemm dawn ikunu speċifikati fil-mandat. |
ANNESS V
KONTENUTI TAD-DOKUMENTAZZJONI TEKNIKA
Id-dokumentazzjoni teknika għandu jkun fiha, fejn applikabbli, mill-anqas dawn l-elementi:
(a) deskrizzjoni ġenerali tat-tagħmir tar-radju inkluż:
(i) ritratti jew tpinġijiet li juru l-karatteristiċi esterni, l-immarkar u t-tqassim intern;
(ii) il-verżjonijiet tas-softwer jew il-firmware li jaffettwaw il-konformità mar-rekwiżiti essenzjali;
(iii) l-informazzjoni dwar l-utenti u l-istruzzjonijiet għall-installazzjoni;
(b) id-disinn kunċettwali u disinni tal-manifattura u skemi tal-komponenti, sottomontaturi, ċirkuwiti, u elementi simili rilevanti oħra;
(c) deskrizzjonijiet u spjegazzjonijiet meħtieġa biex ikunu mifhuma dawk it-tpinġijiet u l-iskemi u t-tħaddim tat-tagħmir tar-radju;
(d) elenku tal-standards armonizzati applikati b'mod sħiħ jew parzjali, li r-referenzi tagħhom ġew pubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u, fejn dawk l-istandards armonizzati ma ġewx applikati, deskrizzjonijiet tas-soluzzjonijiet adottati biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3, inkluża lista ta' speċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti oħra applikati. F'każ ta' standards armonizzati li jkunu ġew applikati parzjalment, id-dokumentazzjoni teknika għandha tispeċifika f'liema partijiet ġew applikati;
(e) kopja tad-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE;
(f) meta jkun ġie applikat il-modulu tal-valutazzjoni tal-konformità fl-Anness III, kopja taċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE u l-annessi tiegħu kif imwassla mill-korp notifikat inovlut.
(g) ir-riżultati tal-kalkoli tad-disinn li jkunu saru, l-eżamijiet li twettqu, u elementi simili rilevanti oħra;
(h) rapporti ta' testijiet;
(i) Spjegazzjoni tal-konformità mar-rekwiżit tal-Artikolu 10(2) u tal-inklużjoni jew le tal-informazzjoni dwar l-imballaġġ skont l-Artikolu 10(10).
ANNESS VI
DIKJARAZZJONI TA' KONFORMITÀ TAL-UE (NRU XXXX) ( 4 )
1. It-tagħmir tar-radju (numru tal-prodott, tal-lott, tat-tip jew tas-serje):
2. L-isem u l-indirizz tal-manifattur jew tar-rappreżentant awtorizzat tiegħu:
3. Din id-dikjarazzjoni tal-konformità tinħareg taħt ir-responsabbiltà unika tal-manifattur.
4. L-għan tad-dikjarazzjoni (l-identifikazzjoni tat-tagħmir tar-radju li tippermetti t-traċċabbiltà; din tista' tinkludi immaġini bil-kulur ta' ċarezza suffiċjenti meta tkun meħtieġa għall-identifikazzjoni tat-tagħmir tar-radju):
5. L-għan tad-dikjarazzjoni deskritt hawn fuq huwa konformi mal-leġiżlazzjoni ta' armonizzazzjoni rilevanti tal-Unjon:
Id-Direttiva 2014/53/UE
Leġiżlazzjoni dwar l-armonizzazzjoni oħra tal-Unjoni meta tkun applikabbli
6. Ir-referenzi għall-istandards armonizzati rilevanti li ntużaw, jew ir-referenzi għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi l-oħrajn li skonthom qed tiġi ddikjarata l-konformità: Ir-referenzi jridu jiġu elenkati bin-numru tal-identifikazzjoni u l-verżjoni tagħhom u, fejn applikabbli, id-data tal-ħruġ:
7. Meta applikabbli, il-korp notifikat … (l-isem, in-numru) … wettaq… (deskrizzjoni tal-intervent) … u ħareġ iċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE: …
8. Fejn applikabbli, deskrizzjoni tal-aċċessorji u il-komponenti, inkluż is-softwer, li jippermettu t-tagħmir tar-radju jopera kif intiż u koperti mid-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE:
9. Informazzjoni addizzjonali:
Iffirmat għal u f'isem: …
(post u data tal-ħruġ):
(isem, funzjoni) (firma):
ANNESS VII
DIKJARAZZJONI SSIMPLIFIKATA TA' KONFORMITÀ TAL-UE
Id-dikjarazzjoni ssimplifikata tal-konformità tal-UE msemmija fl-Artikolu 10(9) għandha tiġi prevista kif ġej:
B'dan, [Isem il-manifattur], niddikjara li dan it-tip ta' tagħmir tar-radju [deskrizzjoni tat-tip ta' tagħmir ta' radju] huwa konformi mad-Direttiva 2014/53/UE.
It-test kollu tad-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE huwa disponibbli f'dan l-indirizz tal-Internet li ġej:
ANNESS VIII
TABELLA TA' KORRELAZZJONI
|
Id-Direttiva 1999/5/KE |
Din id-Direttiva |
|
Artikolu 1 |
Artikolu 1 |
|
Artikolu 2 |
Artikolu 2 |
|
Artikolu 3 (1) u (2) |
Artikolu 3(1) u (2) |
|
Artikolu 3(3) u l-Artikolu 15a |
L-Artikolu 3(3), bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 3(3)(i), u l-Artikolu 44 |
|
Artikolu 4(1) u l-Artikoli 13 sa 15 |
Artikoli 8 u 45 |
|
Artikolu 4(2) |
— |
|
Artikolu 5(1) |
Artikolu 16 |
|
Artikolu 5(2) u (3) |
— |
|
L-Artikolu 6(1) |
Artikolu 6 |
|
Artikolu 6(2) |
— |
|
Artikolu 6(3) |
Artikoli 10(8), (9), (10) |
|
Artikolu 6(4) |
— |
|
Artikolu 7(1), 7(2) |
Artikolu 7 |
|
Artikoli 7(3), (4) u (5) |
— |
|
Artikolu 8(1) u (2) |
Artikolu 9 |
|
Artikolu 8(3) |
— |
|
Artikolu 9 |
Artikoli 39 sa 43 |
|
Artikolu 10 |
Artikolu 17 |
|
Artikolu 11 |
Artikoli 22 sa 38 |
|
Artikolu 12 |
Artikoli 19 u 20 u Artikolu 10(6) u (7) |
|
Artikolu 16 |
— |
|
Artikolu 17 |
Artikolu 47 |
|
Artikolu 18 |
Artikolu 48 |
|
Artikolu 19 |
Artikolu 49 |
|
Artikolu 20 |
Artikolu 50 |
|
Artikolu 21 |
Artikolu 51 |
|
Artikolu 22 |
Artikolu 52 |
|
Anness I |
Anness I |
|
Anness II |
Anness II |
|
Anness III |
— |
|
Anness IV |
Anness III |
|
Anness V |
Anness IV |
|
Anness VI |
Artikolu 26 |
|
Anness VII(1) sa (4) |
Artikoli 19 u 20 |
|
Anness VII(5) |
L-Artikolu 10(10) |
DIKJARAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
Il-Parlament Ewropew iqis li huwa biss meta u sakemm atti ta' implimentazzjoni fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 jiġu diskussi fil-laqgħat tal-kumitati, li dawn tal-aħħar jistgħu jitqiesu bħala “kumitati ta' komitoloġija” fis-sens tal-Anness I tal-Qafas ta' Ftehim dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea. Il-laqgħat tal-kumitati, għaldaqstant, jaqgħu fi ħdan l-ambitu tal-punt 15 tal-Qafas ta' Ftehim meta u sakemm jiġu diskussi kwistjonijiet oħra.
( 1 ) Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33).
( 2 ) Id-Direttiva 96/98/KE tal-20 ta' Diċembru 1996 dwar apparat tal-baħar (ĠU L 46, 17.2.1997, p. 25).
( 3 ) Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).
( 4 ) Il-manifattur għandu l-fakoltà li jassenja numru għad-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE.