02014L0053 — MT — 11.09.2018 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DIRETTIVA 2014/53/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta' April 2014

dwar l-armonizzazzoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 153 22.5.2014, p. 62)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) 2018/1139 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-4 ta' Lulju 2018

  L 212

1

22.8.2018




▼B

DIRETTIVA 2014/53/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta' April 2014

dwar l-armonizzazzoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.  Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas regolatorju għat-tagħmir tar-radju biex ikun jista' jitqiegħed fis-suq u jintuża fl-Unjoni.

2.  Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għat-tagħmir elenkat fl-Anness I.

3.  Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal tagħmir tar-radju esklussivament użat f'attivitajiet li jikkonċernaw is-siġurtà pubblika, id-difiża, is-sigurtà tal-Istat, inkluż il-ġid ekonomiku tal-Istat fil-każ ta' attivitajiet li għandhom x'jaqsmu ma' kwistjonijiet ta' sigurtà tal-Istat, u l-attivitajiet tal-Istat fil-qasam tal-liġi kriminali.

4.  It-tagħmir tar-radju li jaqa' fil-kamp tal-applikazzjoni ta' din id-Direttiva ma għandux ikun soġġett għad-Direttiva 2014/35/UE, ħlief kif stipulat fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1) ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.  Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) “tagħmir tar-radju” tfisser prodott elettriku jew elettroniku li intenzjonalment jipproduċi u/jew jirċievi l-mewġ tar-radju għall-iskop ta' komunikazzjoni bir-radju u/jew determinazzjoni bir-radju, jew prodott elettriku jew elettroniku, prodott li jkun jonqsu aċċessorju, bħal antenna, sabiex intenzjonalment jipproduċi u/jew jirċievi l-mewġ tar-radju għall-iskop ta' komunikazzjoni bir-radju u/jew ta' determinazzjoni bir-radju;

(2) “komunikazzjoni bir-radju” tfisser komunikazzjoni permezz tal-mewġ tar-radju;

(3) “determinazzjoni bir-radju” tfisser id-determinazzjoni tal-pożizzjoni, il-veloċità u/jew karatteristiċi oħra ta' oġġett, jew il-kisba ta' informazzjoni relatata ma' dawk il-parametri, permezz tal-proprjetajiet ta' propagazzjoni tal-mewġ tar-radju;

(4) “mewġ tar-radju” tfisser mewġ elettromanjetiku ta' frekwenzi inqas minn 3 000 GHz, propagat fl-ispazju mingħajr gwida artifiċjali;

(5) “interfaċċja tar-radju” tfisser l-ispeċifikazzjoni tal-użu regolat tal-ispettru tar-radju;

(6) “klassi tat-tagħmir tar-radju” tfisser klassi li tidentifika kategoriji partikolari ta' tagħmir tar-rajdu li, skont din id-Direttiva, huma meqjusa simili u dawk l-interfaċċji tar-radju li għalihom it-tagħmir tar-radju jkun disinjat.

(7) “interferenza dannuża” tfisser interferenza dannuża kif definita fil-punt (r) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 );

(8) “disturb elettromanjetiku” tfisser disturb elettromanjetiku kif definit fil-punt 5 tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2014/30/UE;

(9) “tagħmel disponibbli fis-suq” tfisser kull provvista ta' tagħmir tar-radju għad-distribuzzjoni, il-konsum jew l-użu fis-suq tal-Unjoni tul attività kummerċjali kemm jekk issir bi ħlas kif ukoll jekk tkun mingħajr ħlas;

(10) “tqegħid fis-suq” tfisser l-ewwel darba li tagħmir tar-radju jkun disponibbli fis-suq tal-Unjoni;

(11) “tqegħid fis-servizz” tfisser l-użu ta' tagħmir tar-radju għall-ewwel darba fl-Unjoni mill-utent finali.

(12) “manifattur” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li timmanifattura t-tagħmir tar-radju, jew li għandha t-tagħmir tar-radju ddisinjat jew immanifatturat, u li tqegħid fis-suq dak il-prodott taħt isimha jew il-marka kummerċjali tagħha;

(13) “rappreżentant awtorizzat” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tkun irċeviet mandat bil-miktub mingħand il-manifattur sabiex taġixxi f'ismu relattivament għal kompiti speċifiċi;

(14) “importatu” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni, li tqiegħed apparat tar-radju minn pajjiż terz fis-suq tal-Unjoni;

(15) “distributur” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika fil-katina tal-provvista, għajr il-manifattur jew l-importatur, li tagħmel tagħmir tar-radju disponibbli fis-suq;

(16) “operaturi ekonomiċi” tfisser il-manifattur, ir-rappreżentant awtorizzat, l-importatur u d-distributur;

(17) “speċifikazzjoni teknika” tfisser dokument li jistipula r-rekwiżiti tekniċi li jridu jiġu ssodisfati mit-tagħmir tar-radju;

(18) “standard armonizzat” tfisser standard armonizzat kif definit fil-punt (c) tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012;

(19) “akkreditament” tfisser akkreditament kif definit fil-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008;

(20) “korp nazzjonali ta' akkreditament” tfisser korp tal-akkreditament kif definit fil-punt 11 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008;

(21) “valutazzjoni tal-konformità” tfisser il-proċess li juri jekk ikunux ġew issodisfati r-rekwiżiti essenzjali ta' din id-Direttiva relatati mat-tagħmir tar-radju;

(22) “korp tal-valutazzjoni tal-konformità” tfisser korp li jwettaq attivitajiet tal-valutazzjoni tal-konformità;

(23) “teħid lura” tfisser kull miżura maħsuba biex jittieħed lura tagħmir tar-radju li jkun diġà sar disponibbli għall-utent finali;

(24) “irtirar” tfisser kull miżura maħsuba biex ma tħallix li tagħmir tar-radju fil-katina tal-provvista jsir disponibbli fis-suq;

(25) “leġiżlazzjoni ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni” tfisser kull leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tarmonizza l-kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti;

(26) “marka CE” tfisser marka li permezz tagħha l-manifattur jindika li t-tagħmir tar-radju huwa konformi mar-rekwiżiti applikabbli stabbiliti fil-leġiżlazzjoni ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni li tipprovdi għat-twaħħil tagħha.

2.  Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tiddetermina jekk ċerti kategoriji ta' prodotti elettriċi jew elettroniċi jikkonformawx mad-definizzjoni stabbilita fil-punt 1 tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 45(3).

Artikolu 3

Rekwiżiti essenzjali

1.  It-tagħmir tar-radju għandu jinbena b'tali mod li jiżgura:

(a) il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-persuni utal-annimali domestiċi u l-protezzjoni tal-proprjetà, inklużi l-għanijiet dwar il-ħtiġijiet ta' sigurtà li jinsabu fid-Direttiva 2014/35/UE, iżda mingħajr l-applikazzjoni ta' limitu ta' vultaġġ;

(b) livell adegwat tal-kompatibilità elettromanjetika kif stipulata fid-Direttiva 2004/30/UE;

2.  It-tagħmir tar-radju għandu jkun mibni b'tali mod li juża b'mod effettiv u jsostni l-użu effiċjenti tal-ispettru tar-radju biex tiġi evitata interferenza dannuża

3.  It-tagħmir tar-radju f'ċerti kategoriji jew klassijiet għandu jinbena b'tali mod li jkun konformi mar-rekwiżiti essenzjali li ġejjin:

(a) it-tagħmir tar-radju jkun kompatibbli mal-aċċessorji, b'mod partikolari maċ-ċargers komuni;

(b) it-tagħmir tar-radju jkun kompatibbli permezz tan-netwerks ma' tagħmir tar-radju ieħor;

(c) it-tagħmir tar-radju jkun jista' jitqabbad mal-interfaċċji tat-tip xieraq fl-Unjoni kollha;

(d) it-tagħmir tar-radju ma jagħmilx ħsara lin-netwerk jew lit-tħaddim tiegħu u lanqas ma juża ħażin ir-riżorsi tan-netwerk b'mod li jikkawża degradazzjoni mhux aċċettabbli għas-servizz;

(e) it-tagħmir tar-radju jinkorpora salvagwardji biex jiżguraw li d-data personali u l-privatezza tal-utent u tal-abbonat ikunu protetti;

(f) it-tagħmir tar-radju isostni ċerti karatteristiċi li jiżguraw il-protezzjoni mill-frodi;

(g) it-tagħmir tar-radju jappoġġa ċerti karatteristiċi li jiżguraw l-aċċess għas-servizzi ta' emerġenza;

(h) it-tagħmir tar-radju jappoġġa ċerti fatturi biex jiffaċilitaw l-użu tagħhom minn utenti b'diżabilità.

(i) it-tagħmir tar-radju jappoġġa ċerti karatteristiċi sabiex jiżgura li s-softwer ikun jista' jiġi llowdjat biss fit-tagħmir tar-radju fejn tkun intweriet il-konformità tal-kombinazzjoni ta' tagħmir tar- radju u ta' softwer.

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 44 li jispeċifikaw liema kategoriji jew klassijiet tat-tagħmir tar-radju jkunu kkonċernati minn kull wieħed mir-rekwiżiti stipulati fil-punti (a) sa (i) tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

Artikolu 4

Għoti ta' informazzjoni dwar il-konformità tal-kombinazzjonijiet ta' tagħmir tar-radju u ta' softwer

1.  Il-manifatturi tat-tagħmir tar-radju u tas-softwer li jippermetti lit-tagħmir tar-radju li jintuża kif intiż, għandhom jipprovdu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni informazzjoni dwar il-konformità tal-kombinazzjonijiet intiżi tat-tagħmir tar-radju u tas-softwer bir-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Artikolu 3. Tali informazzjoni għandha tirriżulta minn valutazzjoni tal-konformità mwettqa bi qbil mal-Artikolu 17, u għandha tingħata fix-xejra ta' dikjarazzjoni ta' konformità li tinkludi l-elementi stabbiliti fl-Anness VI. Skont il-kumbinazzjonijiet speċifiċi tat-tagħmir tar-radju u s-software, l-informazzjoni għandha tispeċifika b'mod preċiż it-tagħmir tar-radju u s-software li kien valutat, u għandha tkun aġġornata kontinwament.

2.  Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 44 li jispeċifikaw liema kategoriji jew klassijiet ta' tagħmir tar-radju jkunu kkonċernati mir-rekwiżit stipulat fil-paragrafu 1, ta' dan l-Artikolu.

3.  Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistipulaw ir-regoli operattivi li jagħmlu l-informazzjoni dwar il-konformità disponibbli għall-kategoriji u l-klassijiet sġeċifikati fl-atti delegati adottati skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 45(3).

Artikolu 5

Ir-reġistrazzjoni ta' tipi ta' tagħmir tar-radju f'xi kategoriji

1.  Mit-12 ta' Ġunju 2018, il-manifatturi għandhom jirreġistraw it-tipi tat-tagħmir tar-radju f'kategoriji ta' tagħmir affettwati minn livell baxx ta' konformità bir-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Artikolu 4 ta' dan l-Artikolu f'sistema ċentrali msemmija fil-paragrafu 3 qabel ma dan it-tagħmir tar-radju f'dawk il-kategoriji ma jkun jista' jitqiegħed fis-suq. Meta jiġu reġistrati tali tipi ta' tagħmir tar-radju, il-manifatturi għandhom jipprovdu xi elementi tad-dokumentazzjoni teknika, jew fejn ġustifikat id-dokumentazzjoni teknika kollha, elenkata fil-punti (a), (d), (e), (f), (g), (h) u (i) tal-Anness V. Il-Kummissjoni għandha talloka numru tar-reġistrazzjoni lil kull tip ta' tagħmir tar-radju rreġistrat, u li l-manifatturi għandhom iwaħħlu fuq it-tagħmir tar-radju mqiegħed fis-suq.

2.  Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 44 li jispeċifikaw liema kategoriji ta' tagħmir tar-radju huma kkonċernati mir-rekwiżit stipulat fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, u l-elementi tad-dokumentazzjoni teknika li jridu jkunu provduti, filwaqt li jikkunsidraw l-informazzjoni dwar il-konformità tat-tagħmir tar-radju mogħtija mill-Istati Membri skont l-Artikolu 47(1), u wara valutazzjoni tar-riskju ta' nuqqas ta' implimentazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali.

3.  Il-Kummissjoni għanda tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistipulaw ir-regoli operattivi għar-reġistrazzjoni u r-regoli operattivi għat-twaħħil tan-numru tar-reġistrazzjoni fuq tagħmir tar-radju għall-kategoriji speċifikati mill-atti delegati adottati skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 45(3).

4.  Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli sistema ċentrali li tippermetti lill-manifatturi jirreġistraw l-informazzjoni meħtieġa. Dik is-sistema għandha tiżgura kontroll xieraq għall-aċċess għall-informazzjoni ta' natura kunfidenzjali.

5.  Wara d-data tal-applikazzjoni ta' att delegat adottat skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, ir-rapporti ppreparati skont l-Artikolu 47(1) u (2) għandhom jevalwaw l-impatti tagħhom.

Artikolu 6

Id-disponibilità fis-suq

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li t-tagħmir tar-radju jsir disponibbli fis-suq biss jekk jikkonforma ma' din id-Direttiva.

Artikolu 7

Tqegħid fis-servizz u użu

L-Istati Membri għandhom jippermettu t-tqegħid fis-servizz u l-użu tat-tagħmir tar-radju jekk ikun konformi ma' din id-Direttiva meta jkun installat, miżmum kif xieraq u użat għall-iskop li kien intiż għalih. Bla ħsara għall-obbligi tagħhom skont id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE u għall-kundizzjonijiet marbuta mal-awtorizzazzjonijiet għall-użu tal-frekwenzi f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, partikolarment skont l-Artikoli 9(3) u (4) tad-Direttiva 2002/21/KE, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu biss rekwiżiti addizzjonali għat-tqegħid fis-servizzi u/jew l-użu tat-tagħmir tar-radju għal raġunijiet marbuta mal-użu effettiv u effiċjenti tal-ispettru tar-radju, mal-evitar tal-interferenza dannuża, mal-evitar tad-disturbi elettromanjetiċi jew mas-saħħa pubblika.

Artikolu 8

Notifika tal-ispeċifikazzjonijiet tal-interfaċċja tar-radju u assenjazzjoni tal-klassijiet tat-tagħmir tar-radju

1.  L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw, skont il-proċedura stipulata fid-Direttiva 98/34/KE, l-interfaċċji tar-radju li beħsiebhom jirregolaw għajr:

(a) l-interfaċċji tar-radju li jikkonformaw b'mod sħiħ u mingħajr ebda devjazzjoni mad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-użu armonizzat tal-ispettru tar-radju skont id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE; u

(b) l-interfaċċji tar-radju li, skont l-atti ta' implimentazzjoni adottati skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, jikkorrispondu ma' tagħmir tar-radju li jista' jitqiegħed fis-servizz u użat mingħajr restrizzjonijiet fl-Unjoni.

2.  Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-ekwivalenza bejn l-interfaċċji nnotifikati u li jassenjaw klassi tat-tagħmir tar-radju, li d-dettalji tagħhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom ikunu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 45(3).

Artikolu 9

Moviment liberu ta' tagħmir tar-radju

1.  L-Istati Membri ma għandhomx jimpedixxu minħabba raġunijiet marbuta ma' aspetti koperti minn din id-Direttiva, id-disponibbiltà fis-suq fit-territorju tagħhom tat-tagħmir tar-radju li hu konformi ma' din id-Direttiva.

2.  F'fieri kummerċjali, esibizzjonijiet u avvenimenti simili, l-Istati Membri m'għandhomx joħolqu ostakoli għall-wiri ta' tagħmir tar-radju li ma jkunx jikkonforma ma' din id-Direttiva, basta sinjal li jidher ikun jindika ċar li dak it-tagħmir tar-radju ma' jistax ikun disponibbli fis-suq jew jitqiegħed fis-servizz sakemm ma jkunx sar konformi ma' din id-Direttiva. Dimostrazzjoni ta' tagħmir tar-radju tista' biss issir sakemm ikunu ttieħdu miżuri adegwati, kif imfassla mill-Istati Membri, biex jevitaw interferenza dannuża, disturbi elettromanjetiċi u r-riskju għas-saħħa jew is-sigurtàta' persuni jew ta' annimali domestiċi jew ta' proprjetà.



KAPITOLU II

L-OBBLIGI TAL-OPERATURI EKONOMIĊI

Artikolu 10

Obbligi tal-manifatturi

1.  Il-manifatturi, meta jqiegħdu t-tagħmir tar-radju tagħhom fis-suq, għandhom jiżguraw li dan ikun ġie iddisinjat u mmanifatturat skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3.

2.  Il-manifatturi għandhom jiżguraw li t-tagħmir tar-radju għandu jkun mibni b'mod li jista' jiġi operat f'tal-inqas Stat Membru wieħed mingħajr ma jikser ir-rekwiżiti applikabbli dwar l-użu tal-ispettru tar-radju.

3.  Il-manifatturi għandhom ifasslu d-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Artikolu 21 u jwettqu l-proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità relevanti msemmija fl-Artikolu 17 jew iqabbdu lil xi ħadd biex jagħmilha f'isimhom.

Fejn tkun intweriet il-konformità ta' tagħmir tar-radju mar-rekwiżiti applikabbli permezz ta' dik il-proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità, il-manifatturi għandhom ifasslu dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE u jwaħħlu l-marka CE.

4.  Il-manifatturi għandhom iżommu d-dokumentazzjoni teknika u d-dikjarazzjoni ta' konformita tal-UE għal 10 snin wara li l-apparat ta' pressjoni jkun tqiegħed fis-suq.

5.  Il-manifatturi għandhom jiżguraw li jkunu ġew stabbiliti proċeduri biex il-produzzjoni tas-serje tibqa' konformi ma' din id-Direttiva. Għandhom jitqiesu b'mod adegwat dawk it-tibdiliet fid-disinn jew il-karatteristiċi tat-tagħmir tar-radju u t-tibdiliet fl-istandards armonizzati jew fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi oħra li b'referenza għalihom tiġi dikjarata l-konformità tat-tagħmir tar-radju.

Meta jitqies li jkun xieraq fir-rigward tar-riskji ppreżentati minn tagħmir tar-radju, il-manifatturi għandhom, biex jipproteġu s-saħħa u s-sigurtàtal-utenti finali, jagħmlu testijiet kampjunarji tat-tagħmir tar-radju disponibbli fis-suq, jinvestigaw, u jekk ikun meħtieġ, iżommu reġistru ta' lmenti, ta' tagħmir tar-radju mhux konformi u ta' teħid lura tat-tagħmir tar-radju u għandhom iżommu lid-distributuri infurmati dwar kull monitoraġġ ta' dan it-tip.

6.  Il-manifatturi għandhom jiżguraw li t-tagħmir tar-radju li huma jkunu qiegħdu fis-suq ikollu t-tip, il-partita jew in-numru tas-serje jew kull element ieħor biex ikun jista' jiġi identifikat, jew, jekk id-daqs jew natura tat-tagħmir tar-radju ma tippermettihx, li l-informazzjoni meħtieġa tingħata fuq l-imballaġġ jew f'dokument li jakkumpanja t-tagħmir tar-radju.

7.  Il-manifatturi, fuq it-tagħmir tar-radju, għandhom jindikaw isimhom, l-isem kummerċjali reġistrat jew il-marka kummerċjali reġistrata tagħhom u l-indirizz postali fejn ikunu jistgħu jiġu kkuntattjati jew, fejn id-daqs jew in-natura tat-tagħmir tar-radju ma jkunx jippermetti, fuq l-imballaġġ tiegħu, jew f'dokument li jakkumpanja t-tagħmir tar-radju. L-indirizz għandu jindika punt wieħed fejn jista' jiġi kuntattjat il-manifattur. Id-dettalji ta' kuntatt għandhom ikunu b'lingwa li tinftiehem faċilment mill-utenti finali u mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.

8.  Il-manifatturi għandhom jiżguraw li t-tagħmir tar-radju ikun akkumpanjat minn istruzzjonijiet u informazzjoni dwar is-sigurtà provduti b'lingwa li tkun tista' tinftiehem faċilment mill-konsumaturi u minn utenti finali oħra, skont kif jiġi determinat mill-Istat Membru kkonċernat. L-istruzzjonijiet għandhom jinkludu l-informazzjoni meħtieġa għall-użu tat-tagħmir tar-radju skont l-użu intiż tiegħu. Din l-informazzjoni għandha tinkludi, fejn applikabbli, deskrizzjoni tal-aċċessorji u il-komponenti, inkluż is-softwer, li jippermettu lit-tagħmir tar-radju jopera kif intiż. Tali istruzzjonijiet u informazzjoni dwar is-sigurtà, kif ukoll kull tip ta' tikkettar, għandhom ikunu ċari, jistgħu jinftiehmu u intelliġibbli.

Għandha tingħata wkoll l-informazzjoni li ġejja f'każ ta' tagħmir tar-radju li intenzjonalment jibgħat mewġ tar-radju:

(a) il-medda/meded tal-frekwenza li jaħdem fihom it-tagħmir tar-radju;

(b) il-potenza massima tal-frekwenza tar-radju trażmessa fil-medda/meded tal-frekwenza li jaħdem fihom it-tagħmir tar-radju.

9.  Il-manifatturi għandhom jiżguraw li kull element tat-tagħmir tar-radju tkun akkumpanjata minn kopja tad-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE jew minn dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE ssimplifikata. Meta tingħata dikjarazzjoni tal-UE ssimplifikata, din għandu jkollha l-e-Mail eżatt fejn ikun jista' jinkiseb it-test sħiħ tad-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE sħiħa.

10.  F'każijiet ta' restrizzjonijiet ta' tqiegħed fis-servizz jew ta' rekwiżiti għal awtorizzazzjoni tal-użu, l-informazzjoni disponibbli fuq l-imballaġġ għandha tippermetti l-identifikazzjoni tal-Istati Membri jew iż-żona ġeografika fi Stat Membru fejn hemm restrizzjonijiet ta' tqegħid fis-servizz jew ta' rekwiżiti għal awtorizzazzjoni tal-użu. Din l-informazzjoni għandha tiġi kompluta fl-istruzzjonijiet li jakkumpanjaw it-tagħmir tar-radju. Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jispeċifikaw kif tiġi ppreżentata dik l-informazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 45(2).

11.  Il-manifatturi li jqisu jew li jkollhom raġuni biex jemmnu li t-tagħmir tar-radju li jkunu qiegħdu fis-suq mhuwiex konformi ma' din id-Direttiva għandhom minnufih jieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa biex dak it-tagħmir tar-radju jsir konformi, jirtirawh jew jiġbruh lura, jekk dan ikun xieraq. Barra minn hekk, fejn it-tagħmir tar-radju jippreżenta riskju, il-manifatturi għandhom jinfurmaw minnufih lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri fejn huma jkunu għamlu t-tagħmir tar-radju disponibbli fis-suq għal dan il-għan, billi jagħtu d-dettalji, b'mod partikolari, dwar in-nuqqas tal-konformità u dwar kull miżura korrettiva meħuda u dwar ir-riżultati tagħhom.

12.  Il-manifatturi għandhom, wara talba raġunata minn awtorità kompetenti nazzjonali, jipprovduha bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha neċessarja f'forma elettronika jew bil-miktub biex juru l-konformità tat-tagħmir tar-radju ma' din id-Direttiva, b'lingwa li tkun tista' tinftiehem faċilment minn dik l-awtorità. Huma għandhom jikkooperaw ma' dik l-awtorità, fuq talba tagħha, fir-rigward ta' kull azzjoni meħuda biex jiġu eliminati r-riskji ppreżentati mit-tagħmir tar-radju li huma jkunu qiegħdu fis-suq.

Artikolu 11

Rappreżentanti awtorizzati

1.  Manifattur, permezz ta' mandat bil-miktub, jista' jaħtar rappreżentant awtorizzat.

L-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 10(1) u l-obbligu tat-tfassil tad-dokumentazzjoni teknika stipulata fl-Artikolu 10(3) ma għandhomx jiffurmaw parti mill-mandat tar-rappreżentant awtorizzat.

2.  Rappreżentant awtorizzat għandu jwettaq il-kompiti speċifikati fil-mandat mogħti lilu mill-manifattur. Il-mandat għandu jippermetti lir-rappreżentant awtorizzat biex jagħmel mill-inqas dan li ġej:

(a) iżomm id-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE u d-dokumentazzjoni teknika għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq nazzjonali għal 10 snin wara li t-tagħmir tar-radju jkun tqiegħed fis-suq.

(b) wara talba motivata minn awtorità nazzjonali kompetenti, jipprovdi lil dik l-awtorità l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex tiġi ppruvata l-konformità tat-tagħmir tar-radju;

(c) jikkoopera mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, fuq talba tagħhom, fir-rigward ta' kull azzjoni meħuda biex jiġu eliminati r-riskji ppreżentati minn tagħmir tar-radju kopert mill-mandat tar-rappreżentant awtorizzat.

Artikolu 12

Obbligi tal-importaturi

1.  L-importaturi għandhom iqiegħdu fis-suq tal-Unjoni biss dak it-tagħmir tar-radju li jkun konformi.

2.  Qabel ma jqiegħdu tagħmir tar-radju fis-suq, l-importaturi għandhom jiżguraw li tkun saret il-proċedura xierqa tal-valutazzjoni tal-konformità mill-manifattur msemmija fl-Artikolu 7 u li t-tagħmir tar-radju ikun mibni b'mod li jista' jkun operat f'tal-inqas Stat Membru wieħed mingħajr ma jikser ir-rekwiżiti applikabbli dwar l-użu tal-ispettru tar-radju. Għandhom jiżguraw li l-manifattur ikun fassal id-dokumentazzjoni teknika, li t-tagħmir tar-radju jkollu l-marka CE u li jkun akkumpanjat mill-informazzjoni u d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 10(8), (9) u (10), u li l-manifattur ikun ikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 10(6) u (7).

Meta importatur iqis jew ikollu raġuni biex jemmen li t-tagħmir tar-radju ma jkunx konformi mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3, dan ma għandux iqiegħed it-tagħmir tar-radju fis-suq sakemm dan ikun sar konformi. Barra minn hekk, fejn it-tagħmir tar-radju jippreżenta riskju, l-importatur għandu jinforma lill-manifattur u lill-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq dwar dan.

3.  Il-manifatturi għandhom, fuq it-tagħmir tar-radju, jindikaw isimhom, l-isem kummerċjali reġistrat jew il-marka kummerċjali reġistrata tagħhom u l-indirizz postali fejn ikunu jistgħu jiġu kkuntattjati jew, jekk dan ma jkunx possibbli, fuq l-imballaġġ tiegħu jew f'dokument li jakkumpanja t-tagħmir tar-radju. Dan jinkludi każijiet fejn id-daqs tat-tagħmir tar-radju ma jippermettihiex, jew fejn l-importaturi jkollhom jiftħu l-imballaġġ sabiex jindikaw isimhom u l-indirizz tagħhom fuq it-tagħmir tar-radju. Id-dettalji ta' kuntatt għandhom ikunu b'lingwa li tinftiehem faċilment mill-utenti finali u mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.

4.  L-importaturi għandhom jassiguraw li t-tagħmir tar-radju jkun akkumpanjat minn istruzzjonijiet u informazzjoni dwar is-sigurtà provduti b'lingwa li tkun tista' tinftiehem faċilment mill-konsumaturi u minn utenti finali oħra, skont kif jiġi determinat mill-Istat Membru konċernat.

5.  L-importaturi għandhom jiżguraw li, filwaqt li t-tagħmir tar-radju ikun taħt ir-responsabbiltà tagħhom, il-kundizzjonijiet ta' ħżin jew trasport ma jippreġudikawx il-konformità tiegħu mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3.

6.  Meta jitqies meħtieġ fir-rigward tar-riskji preżentati mit-tagħmir tar-radju, l-importaturi, għall-finijiet tal-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtàtal-utenti finali, għandhom jagħmlu testijiet kampjunarji tat-tagħmir tar-radju magħmul disponibbli fis-suq, jinvestigaw, u jekk ikun meħtieġ, iżommu reġistru ta' lmenti, tat-tagħmir tar-radju mhux konformi u ta' teħid lura tat-tagħmir tar-radju, u għandhom iżommu lid-distributuri infurmati dwar kull monitoraġġ ta' dan it-tip.

7.  L-importaturi li jqisu jew li jkollhom raġuni biex jemmnu li t-tagħmir elettriku li jkunu qiegħdu fis-suq mhuwiex konformi ma' din id-Direttiva għandhom minnufih jieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa biex dak t-tagħmir elettriku jsir konformi, jirtirawh jew jiġbruh lura, jekk dan ikun xieraq. Barra minn hekk, fejn it-tagħmir tar-radju jippreżenta riskju, l-importaturi għandhom jinfurmaw b'dan minnufih lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri fejn huma jkunu għamlu t-tagħmir tar-radju disponibbli fis-suq, billi jagħtu d-dettalji, b'mod partikolari, dwar in-nuqqas ta' konformità u dwar kwalunkwe miżuri korrettivi meħuda.

8.  L-importaturi għandhom, għal perjodu ta' għaxar snin wara li t-tagħmir tar-radju ikun tqiegħed fis-suq, iżommu kopja tad-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u jiżguraw li d-dokumentazzjoni teknika tkun disponibbli għal dawk l-awtoritajiet, jekk jitolbuha.

9.  L-importaturi għandhom, wara talba motivata minn awtorità kompetenti nazzjonali, jipprovduha bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha neċessarja f'forma bil-miktub jew elettronika biex juru l-konformità tal-prodott, b'lingwa li tkun tista' tinftiehem faċilment minn dik l-awtorità. Huma għandhom jikkooperaw ma' dik l-awtorità, fuq talba tagħha, fir-rigward ta' kull azzjoni meħuda biex jiġu eliminati r-riskji mit-tagħmir tar-radju li huma jkunu qiegħdu fis-suq.

Artikolu 13

Obbligi tal-distributuri

1.  Meta jagħmlu it-tagħmir tar-radju disponibbli fis-suq, id-distributuri għandhom jaġixxu bl-attenzjoni dovuta b'rabta mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva.

2.  Qabel ma jagħmlu t-tagħmir tar-radju disponibbli fis-suq, id-distributuri għandhom jivverifikaw li t-tagħmir tar-radju jkollu l-marka CE, li jkun akkumpanjat mid-dokumenti mitluba minn din id-Direttiva kif ukoll minn struzzjonijiet u informazzjoni dwar is-sigurtà f'lingwa li tista' tiftiehem faċilment mill-konsumanturi u minn utenti finali oħra fl-Istat Membru li fih it-tagħmir tar-radju se jkun disponibbli fis-suq, u li l-manifattur u l-importatur ikunu osservaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 10(2) u (6) sa (10) u l-Artikolu 12(3) rispettivament.

Meta distributur iqis jew ikollu raġuni biex jemmen li t-tagħmir tar-radju ma jkunx konformi mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3, dan ma għandux jagħmel it-tagħmir tar-radju disponibbli fis-suq sakemm dan ikun sar konformi. Barra minn hekk, fejn it-tagħmir tar-radju jippreżenta riskju, id-distributur għandu jinforma lill-manifattur jew lill-importatur kif ukoll lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq dwar dan.

3.  Id-distributuri għandhom jiżguraw li, filwaqt li it-tagħmir tar-radju ikun taħt ir-responsabbiltà tagħhom, il-kundizzjonijiet ta' ħżin jew trasport tiegħu ma jippreġudikawx il-konformità tiegħu mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3.

4.  Id-distributuri li jqisu jew li jkollhom raġuni biex jaħsbu li t-tagħmir tar-radju li huma jkunu għamlu disponibbli fis-suq ma jkunx konformi ma' din id-Direttiva għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa biex it-tagħmir tar-radju jsir konformi, jirtirawh jew jiġbruh lura, jekk dan ikun xieraq. Barra minn hekk, fejn it-tagħmir tar-radju jippreżenta riskju, il-manifatturi għandhom jinfurmaw b'dan minnufih lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri fejn huma jkunu għamlu t-tagħmir tar-radju disponibbli fis-suq, billi jagħtu d-dettalji, b'mod partikolari, dwar in-nuqqas ta' konformità u dwar kull miżura korrettiva meħuda.

5.  Id-distributuri għandhom, wara talba motivata mill-awtorità kompetenti nazzjonali, jipprovduha bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha neċessarja f'forma bil-miktub jew elettronika biex juru l-konformità tat-tagħmir elettriku. Dawn għandhom jikkooperaw ma' dik l-awtorità, wara talba tagħha, fir-rigward ta' kull azzjoni meħuda biex jiġu eliminati r-riskji ppreżentati mit-tagħmir tar-radju li huma jkunu għamlu disponibbli fis-suq.

Artikolu 14

Każijiet meta l-obbligi tal-manifatturi japplikaw għall-importaturi u d-distributuri

Importatur jew distributur għandu jitqies bħala manifattur għall-finijiet ta' din id-Direttiva u għandu jkun suġġett għall-obbligi tal-manifattur skont l-Artikolu 10, meta jkun qiegħed it-tagħmir tar-radju fis-suq taħt ismu jew il-marka kummerċjali tiegħu, jew jimmodifika t-it-tagħmir tar-radju li diġà jkun tqiegħed fis-suq b'tali mod li jista' jaffettwa l-konformità ma' din id-Direttiva.

Artikolu 15

L-identifikazzjoni ta' operaturi ekonomiċi

L-operaturi ekonomiċi għandhom, wara li ssir talba, jidentifikaw dan li ġej lill-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq:

(a) kull operatur ekonomiku li jkun ipprovdihom bit-tagħmir tar-radju;

(b) kull operatur ekonomiku li lilu jkunu pprovdew it-tagħmir tar-radju.

L-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu kapaċi jippreżentaw l-informazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu għal 10 snin wara li jkunu ġew fornuti bit-tagħmir tar-radju u għal 10 snin wara li jkunu fornew it-tagħmir tar-radju.



KAPITOLU III

KONFORMITÀ TAT-TAGĦMIR TAR-RADJU

Artikolu 16

Presunzjoni ta' konformità tat-tagħmir tar-radju

Tagħmir tar-radju li jkun f'konformità mal-istandards armonizzati jew partijiet minnhom li r-referenzi għalihom ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandu jkun preżunt li hu f'konformità mar-rekwiżiti essenzjali koperti minn dawk l-istandards jew partijiet minnhom, stabbiliti fl-Artikolu 3.

Artikolu 17

Proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità

1.  Il-manifatturi għandhom iwettqu valutazzjoni tal-konformità tat-tagħmir tar-radju bl-għan li jintlaħqu r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3. Il-valutazzjoni tal-konformità għandha tikkunsidra l-kundizzjonijiet operattivi maħsuba u, għar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1), il-valutazzjoni għandha wkoll tikkunsidra l-kundizzjonijiet raġonevolment prevedibbli. Meta t-tagħmir tar-radju jkun kapaċi jieħu konfigurazzjonijiet differenti, il-valutazzjoni tal-konformità għandha tikkonferma jekk it-tagħmir tar-radju jilħaqx ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3 fil-konfigurazzjonijiet possibbli kollha.

2.  Il-manifatturi għandhom juru l-konformità tat-tagħmir tar-radju bir-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Artikolu 3(1) permezz ta' kwalunwke waħda mill-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità li ġejjin:

(a) kontroll intern tal-produzzjoni stabbilit fl-Anness II;

(b) eżami tat-tip tal-UE li jkun segwit mill-proċedura tal-konformità tat-tip abbażi ta' kontroll intern tal-produzzjoni stipulata fl-Anness III;.

(c) konformità bbażata fuq assigurazzjoni tal-kwalità sħiħa stipulata fl-Anness IV.

3.  Fejn il-manifattur, fil-valutazzjoni tal-konformità tat-tagħmir tar-radju mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3(2) u (3), ikun applika standards armonizzati li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, huwa għandu juża kwalunkwe waħda mill-proċeduri li ġejjin:

(a) kontroll intern tal-produzzjoni stabbilit fl-Anness II;

(b) eżami tat-tip tal-UE li jkun segwit mill-proċedura tal-konformità tat-tip abbażi ta' kontroll intern tal-produzzjoni stipulata fl-Anness III;.

(c) konformità bbażata fuq assigurazzjoni tal-kwalità sħiħa stipulata fl-Anness IV.

4.  Fejn il-manifattur, huwa u jevalwa l-konformità tat-tagħmir tar-radju mar-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Artikoli 3(2) u (3), ma jkunx applika jew ikun applika biss parzjalment standards armonizzati li r- referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jew meta ma jkunx hemm tali standards armonizzati, it-tagħmir tar-radju għandu jiġi sottomess b'kunsiderazzjoni għal dawk ir-rekwiżiti essenzjali, għal waħda minn dawn il-proċeduri li ġejjin:

(a) eżami tat-tip tal-UE li jkun segwit mill-proċedura tal-konformità tat-tip abbażi ta' kontroll intern tal-produzzjoni stipulata fl-Anness III;.

(b) konformità bbażata fuq assigurazzjoni tal-kwalità sħiħa stipulata fl-Anness IV.

Artikolu 18

Dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE

1.  Id-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE għandha tiddikjara li ntwera li r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3 ġew issodisfati.

2.  Id-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE għandu jkollha l-istruttura stabbilita fl-Anness VI, għandha tinkludi l-elementi speċifikati f'dak l-Anness u għandha tiġi aġġornata kontinwament. Għandha wkoll tiġi tradotta fil-lingwa jew il-lingwi meħtieġa mill-Istat Membru fejn jitqiegħed jew jiġi magħmul disponibbli t-tagħmir tar-radju.

Id-dikjarazzjoni ta' konformità ssimplifikata tal-UE msemmija fl-Artikolu 10(9) għandu jkun fiha l-elementi stipulati fl-Anness VII u għandha tiġi aġġornata kontinwament. Għandha wkoll tiġi tradotta fil-lingwa jew il-lingwi meħtieġa mill-Istat Membru fejn it-tagħmir tar jitqiegħed jew isir disponibbli fis-suq -radju. It-test sħiħ tad-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE għandu jkun disponibbli fuq l-indirizz tal-Internet imsemmi fid-dikjarazzjoni ta' konformità ssimplifikata tal-UE f'lingwa jew fil-lingwi meħtieġa mill-Istat Membru fejn it-tagħmir tar-radju jitqiegħed jew isir disponibbli fis-suq.

3.  Fejn tagħmir tar-radju jkun suġġett għal aktar minn liġi waħda tal-Unjoni li teżiġi d-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE, għandha titfassal dikjarazzjoni ta' konformità waħda tal-UE fir-rigward ta' tali atti tal-Unjoni. Dik id-dikjarazzjoni għandu jkollha l-identifikazzjoni tal-atti tal-Unjoni kkonċernati inklużi r-referenzi tal-pubblikazzjoni tagħhom.

4.  Meta jagħmel id-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE, il-manifattur għandu jassumi r-responsabbiltà għall-konformità tat-tagħmir tar-radju mar-rekwiżiti stipulati f'din id-Direttiva.

Artikolu 19

Prinċipji ġenerali tal-marka CE

1.  Il-marka CE għandha tkun suġġetta għall-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artiklu 30 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

2.  Minħabba n-natura tat-tagħmir tar-radju, l-għoli tal-marka CE mwaħħla mat-tagħmir tar-radju għandha tkun inqas minn 5 mm, bil-kundizzjoni li tibqa' viżibbli u leġibbli.

Artikolu 20

Regoli u kundizzjonijiet għat-twaħħil tal-marka CE u n-numru tal-identifikazzjoni tal-korp notifikat

1.  Il-marka CE għandha titwaħħal mat-tagħmir tar-radju jew mal-pjanċa tad-data tiegħu b'mod viżibbli, leġibbli u b'tali mod li ma tkunx tista' titħassar, ħlief jekk dan ma jkunx possibbli jew mhux ġustifikat minħabba n-natura tat-tagħmir tar-radju. Il-marka CE għandha titwaħħal ukoll mal-imballaġġ b'mod viżibbli u leġibbli.

2.  Il-marka CE għandha titwaħħal qabel ma t-tagħmir tar-radju jitqiegħed fis-suq.

3.  Il-marka CE għandu jkollha warajha n-numru tal-identifikazzjoni tal-korp notifikat meta tiġi applikata l-proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità stipulata fl-Anness IV.

In-numru tal-identifikazzjoni tal-korp notifikat għandu jkollu l-istess għoli bħall-marka CE.

In-numru ta' identifikazzjoni tal-korp notifikat għandu jitwaħħal mill-korp notifikat innifsu jew fuq istruzzjonijiet tiegħu, mill-manifattur jew mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu.

4.  L-Istati Membri għandhom jibnu fuq il-mekkaniżmi eżistenti biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta tas-sistema li tirregola l-marka CE u għandhom jieħdu azzjoni xierqa fil-każ ta' użu mhux korrett ta' dik il-marka.

Artikolu 21

Dokumentazzjoni teknika

1.  Id-dokumentazzjoni teknika għandu jkun fiha d-data jew id-dettalji relevanti kollha tal-mezzi użati mill-manifattur biex jiżgura li t-tagħmir tar-radju jikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Artikolu 3. Din għandha mill-inqas tinkludi l-elementi stipulati fl-Anness V.

2.  Id-dokumentazzjoni teknika għandha titfassal qabel ma t-tagħmir tar-radju jitqiegħed fis-suq u għandha tiġi aġġornata kontinwament.

3.  Id-dokumentazzjoni teknika u l-korrispondenza marbuta ma' xi proċedura ta' eżami tat-tip tal-UE għandhom jitfasslu f'lingwa uffiċjali tal-Istat Membru fejn il-korp notifikat ikun stabbilit jew f'lingwa aċċettabbli għall-korp.

4.  Meta d-dokumentazzjoni teknika ma tikkonformax mal-paragrafi 1, 2 jew 3 ta' dan l-Artikolu, u b'hekk ma tippreżentax biżżejjed data relevanti jew mezzi użati biex tiġi żgurata l-konformità tat-tagħmir tar-radju mar-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Artikolu 3, l-awtorità tas-sorveljanza tas-suq tista' titlob lill-manifattur jew l-importatur biex isir test minn korp aċċettabbli għall-awtorità tas-sorveljanza tas-suq bi spejjeż tal-manifattur jew tal-importatur fi żmien speċifikat sabiex tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Artikolu 3.



KAPITOLU IV

NOTIFIKA TA' KORPI TA' VALUTAZZJONI TAL-KONFORMITÀ

Artikolu 22

Notifika

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'korpi awtorizzati sabiex iwettqu l-kompiti tal-evalwazzjoni tal-konformità tal-parti terza skont din id-Direttiva.

Artikolu 23

Awtoritajiet notifikanti

1.  L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità notifikanti li tkun responsabbli biex tistabbilixxi u tesegwixxi l-proċeduri meħtieġa għall-evalwazzjoni u n-notifika ta' korpi ta' valutazzjoni tal-konformità u għall-monitoraġġ ta' korpi notifikati, inklużi l-konformità tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28.

2.  l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-valutazzjoni u l-monitoraġġ imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitwettqu minn korp nazzjonali ta' akkreditazzjoni skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 u f'konformità miegħu.

3.  Fejn l-awtorità notifikanti tiddelega jew b'mod ieħor tafda l-valutazzjoni, in-notifika jew il-monitoraġġ imsemmija fil-paragrafu 1 lil korp li ma jkunx entità governattiva, dak il-korp għandu jkun entità ġuridika u għandu jikkonforma mutatis mutandis mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 24. Addizzjonalment, tali korp għandu jkollu arranġamenti biex jagħmel tajjeb għar-reponsabbiltajiet derivati mill-attivitajiet tiegħu..

4.  L-awtorità notifikanti għandha tieħu r-responsabbiltà sħiħa tal-ħidmiet imwettqa mill-korp imsemmi fil-paragrafu 3.

Artikolu 24

Rekwiżiti marbuta mal-awtoritajiet notifikanti

1.  L-awtorità notifikanti għandha tkun stabbilita b'mod li ma jseħħ l-ebda konflitt ta' interess ma' korpi tal-valutazzjoni tal-konformità.

2.  L-awtorità notifikanti għandha tkun organizzata u titmexxa b'mod li jkunu salvagwardjati l-oġġettività u l-imparzjalità tal-attivitajiet tagħha.

3.  L-awtorità notifikanti għandha tkun organizzata b'tali mod li kull deċiżjoni marbuta man-notifika tal-korp tal-valutazzjoni tal-konformità, tittieħed minn persuni kompetenti differenti minn dawk li jkunu wettqu l-valutazzjoni.

4.  L-awtorità notifikanti ma għandhiex toffri jew tipprovdi kwalunkwe attivitajiet li jitwettqu minn korpi ta' valutazzjoni tal-konformità, jew servizzi ta' konsulenza fuq bażi kummerċjali jew kompetittiva.

5.  L-awtorità notifikanti għandha tissalvagwardja l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miksuba.

6.  L-awtorità notifikanti għandu jkollha numru suffiċjenti ta' persunal kompetenti għad-dispożizzjoni tagħha biex jitwettqu korrettament il-kompiti tagħha.

Artikolu 25

Obbligu ta' informazzjoni fuq l-awtoritajiet notifikanti

L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar il-proċeduri tagħhom għall-valutazzjoni u n-notifika tal-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità u dwar il-monitoraġġ ta' korpi notifikati, u dwar kull tibdil li jkun hemm f'dan il-qasam.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 26

Rekwiżiti marbuta mal-korpi notifikati

1.  Għall-finijiet tan-notifika, kull korp tal-evalwazzjoni tal-konformità għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi minn 2 sa 11.

2.  Il-korp ta' valutazzjoni tal-konformità għandu jkun stabbilit skont il-liġi nazzjonali ta' Stat Membru u għandu jkollu personalità ġuridika.

3.  Korp ta' valutazzjoni tal-konformità għandu jkun korp ta' parti terza indipendenti mill-organizzazzjoni jew mit-tagħmir tar-radju li jivvaluta.

Korp li jkun jappartjeni lil xi assoċjazzjoni kummerċjali jew federazzjoni professjonali li tkun tirrappreżenta intrapriżi involuti fid-disinn, manifattura, provvista, assemblaġġ, użu jew manutenzjoni tat-tagħmir tar-radju li huwa jivvaluta jista', bil-kundizzjoni li l-indipendenza tiegħu u n-nuqqas ta' kull kunflitt ta' interess jiġu murija, jitqies bħala tali korp.

4.  Il-korp ta' valutazzjoni tal-konformità, il-maniġment superjuri tiegħu u l-persunal responsabbli biex iwettaq il-kompiti ta' valutazzjoni tal-konformità ma għandhomx ikunu d-disinjatur, il-manifattur, il-fornitur, l-installatur, ix-xerrej, is-sid, l-utent jew dak li jagħmel il-manutenzjoni tat-tagħmir tar-radju li huma jivvalutaw, u lanqas ir-rappreżentant awtorizzat ta' xi waħda minn dawk il-partijiet. Dan ma għandux jeskludi l-użu tat-tagħmir tar-radju vvalutat li hu meħtieġ għall-operazzjonijiet tal-korp ta' valutazzjoni tal-konformità jew l-użu ta' tagħmir tar-radju bħal dan għal skopijiet personali.

Il-korp ta' valutazzjoni tal-konformità, il-maniġment superjuri tiegħu u l-persunal responsabbli biex iwettaq il-kompiti ta' valutazzjoni tal-konformità ma għandhomx ikunu direttament involuti fid-disinn, il-manifattura jew il-kostruzzjoni, it-tqegħid fis-suq, l-installazzjoni, l-użu jew il-manutenzjoni ta' dak it-tagħmir tar-radju, jew jirrappreżentaw lill-partijiet involuti f'dawk l-attivitajiet. Dawn ma għandhom ikunu involuti fl-ebda attività li tista' toħloq kunflitt mal-indipendenza tal-ġudizzju jew l-integrità tagħhom b'rabta mal-attivitajiet ta' valutazzjoni tal-konformità li għalihom huma jkunu notifikati. Dan japplika b'mod partikolari għas-servizzi ta' konsulenza.

Il-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità għandhom jiżguraw li l-attivitajiet tas-sussidjarji jew is-sottokuntratturi tagħhom ma jaffettwawx il-kunfidenzjalità, l-oġġettività jew l-imparzjalità tal-attivitajiet ta' valutazzjoni tal-konformità tagħhom.

5.  Il-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità u l-persunal tagħhom għandhom iwettqu l-attivitajiet ta' valutazzjoni tal-konformità bl-ogħla livell ta' integrità professjonali u l-kompetenza teknika meħtieġa fil-qasam speċifiku u għandhom ikunu ħielsa minn kull pressjoni u tentazzjonijiet, partikolarment finanzjarji, li jistgħu jinfluwenzaw il-ġudizzju tagħhom jew ir-riżultati tal-attivitajiet ta' valutazzjoni tal-konformità tagħhom, speċjalment fir-rigward ta' persuni jew gruppi ta' persuni b'interess fir-riżultati ta' dawk l-attivitajiet.

6.  Il-korp ta' valutazzjoni tal-konformità għandu jkun kapaċi jwettaq il-kompiti kollha ta' valutazzjoni tal-konformità assenjati lilu permezz tal-Annessi III u IV u li fir-rigward tagħhom ikun ġie notifikat, kemm jekk dawk il-kompiti jsiru mill-korp stess ta' valutazzjoni tal-konformità kif ukoll jekk f'ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

F'kull żmien u għal kull proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità u għal kull tip jew kategorija ta' tagħmir tar-radju li fir-rigward tiegħu jkun ġie notifikat, il-korp ta' valutazzjoni tal-konformità għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu n-neċessitajiet li ġejjin:

(a) persunal b'għarfien tekniku u esperjenza suffiċjenti u xierqa biex iwettaq il-kompiti ta' valutazzjoni tal-konformità;

(b) deskrizzjonijiet ta' proċeduri li f'konformità magħhom tiġi mwettqa l-valutazzjoni tal-konformità, li jkunu jiżguraw it-trasparenza u l-kapaċità tar-riproduzzjoni ta' dawk il-proċeduri. Dan għandu jkollu l-politiki u l-proċeduri xierqa fis-seħħ li jiddistingwu bejn il-kompiti li jwettaq bħala korp notifikat u attivitajiet oħra;

(c) proċeduri għat-twettiq tal-attivitajiet li jqisu b'mod debitu d-daqs tal-impriża, is-settur li fih topera, l-istruttura tagħha, il-grad ta' kumplessità tat-teknoloġija tat-tagħmir tar-radju kkonċernata u n-natura ta' massa jew ta' serje tal-proċess ta' produzzjoni.

Il-korp ta' valutazzjoni tal-konformità għandu jkollu l-mezzi neċessarji biex ilesti x-xogħol tekniku u amministrattiv marbut mal-attivitajiet tal-valutazzjoni tal-konformità b'mod xieraq.

7.  Il-persunal responsabbli biex iwettaq il-kompiti ta' valutazzjoni tal-konformità għandu jkollu dawn li ġejjin:

(a) taħriġ tekniku u vokazzjonali sod li jkopri l-attivitajiet kollha ta' valutazzjoni tal-konformità li fir-rigward tagħhom ikun ġie notifikat il-korp ta' valutazzjoni tal-konformità;

(b) għarfien sodisfaċenti dwar ir-rekwiżiti tal-valutazzjonijiet imwettqa minnu u awtorità adegwata biex iwettaq dawk il-valutazzjonijiet;

(c) għarfien adegwat u apprezzament tar-rekwiżiti essenzjali, stipulati fl-Artikolu 3, tal-istandards armonizzati applikabbli u tad-dispożizzjonjiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali;

(d) il-kapaċità li jħejji ċertifikati tal-eżami tat-tip tal-UE jew approvazzjonijiet tas-sistema ta' kwalità, reġistri u rapporti li juru li l-valutazzjonijiet ikunu saru.

8.  Għandha tkun garantita l-imparzjalità tal-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità, tal-ogħla livell ta' ġestjoni tiegħu u l-persunal responsabbli għat-twettiq tal-kompiti ta' valutazzjoni tal-konformità.

Ir-remunerazzjoni tal-maniġment fl-ogħla livell u l-persunal responsabbli għat-twettiq tal-kompiti tal-valutazzjoni tal-konformità ta' korp ta' valutazzjoni tal-konformità ma għandhiex tiddipendi min-numru ta' valutazzjonijiet imwettqa, u lanqas mir-riżultati ta' dawk il-valutazzjonijiet.

9.  Il-korp tal-valutazzjoni tal-konformità għandu jipprovdi għal polza ta' assigurazzjoni ta' responsabbiltà sakemm l-Istat ma jassumix ir-responsabbiltà skont il-liġi nazzjonali, jew sakemm l-Istat Membru nnifsu ma jkunx direttament responsabbli għall-valutazzjoni tal-konformità.

10.  Il-persunal ta' korp ta' valutazzjoni tal-konformità għandu jkun fid-dmir li josserva s-segretezza professjonali fir-rigward tal-informazzjoni kollha miksuba fit-twettiq tal-kompiti tiegħu taħt l-Annessi III u IV jew skont kwalunkwe dispożizzjoni ta' liġi nazzjonali li jagħtuhom effett, ħlief fir-rigward tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih jitwettqu l-attivitajiet tal-korp. Id-drittijiet proprjetarji ikunu protetti.

11.  Il-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità għandhom jipparteċipaw fi, jew jiżguraw li l-persunal tagħhom responsabbli mit-twettiq tal-kompiti ta' valutazzjoni tal-konformità jkun mgħarraf bl-attivitajiet ta' standardizzazzjoni rilevanti, l-attivitajiet regolatorji fil-qasam tat-tagħmir tar-radju u tal-ippjanar tal-frekwenzi, u l-attivitajiet tal-grupp ta' koordinazzjoni tal-korp notifikat stabbilit taħt il-leġiżlazzjoni ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni rilevanti u għandhom japplikaw bħala gwida ġenerali d-deċiżjonijiet amministrattivi u d-dokumenti prodotti bħala riżultat tax-xogħol ta' dak il-grupp.

Artikolu 27

Preżunzjoni tal-konformità tal-korpi notifikati

Fejn korp ta' valutazzjoni tal-konformità juri l-konformità tiegħu mal-kriterji stabbiliti fl-istandards armonizzati rilevanti jew partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, dan għandu jkun preżunt konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26 sakemm l-istandards armonizzati applikabbli jkopru dawk ir-rekwiżiti.

Artikolu 28

Sussidjarji u sottokuntrattar ta' korpi notifikati

1.  Meta korp notifikat jagħti b'sottokuntratt xogħlijiet speċifiċi li jkollhom x'jaqsmu mal-valutazzjoni tal-konformità jew iqabbad sussidjarju, huwa għandu jiżgura li s-sottokuntrattur jew is-sussidjarju jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26 u għandhu jinforma lill-awtorità tan-notifiki dwar dan.

2.  Il-korpi notifikati għandhom jerfgħu r-responsabbiltà kollha tal-kompiti li jkunu twettqu mis-sottokuntratturi jew mis-sussidjarji kull fejn dawn ikunu stabbiliti.

3.  L-attivitajiet jistgħu jingħataw b'sottokuntratt jew esegwiti minn sussidjarju biss bi ftehim mal-klijent.

4.  Il-korp notifikat għandu jżomm għad-dispożizzjoni tal-awtorità notifikanti d-dokumenti rilevanti dwar il-valutazzjoni tal-kwalifiki tas-sottokuntrattar jew tas-sussidjarju u tax-xogħol li jkun sar minnhom skont l-Annessi III u IV.

Artikolu 29

Applikazzjoni għal notifika

1.  Il-korp ta' valutazzjoni tal-konformità għandu jippreżenta applikazzjoni għal notifika lill-awtorità notifikanti tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit.

2.  L-applikazzjoni għal notifika għandha tkun akkumpanjata minn deskrizzjoni tal-attivitajiet tal-valutazzjoni tal-konformità, il-modulu jew il-moduli tal-valutazzjoni tal-konformità u t-tagħmir tar-radju li għalihom dak il-korp jiddikjara li huwa kompetenti, kif ukoll b'ċertifikat ta' akkreditazzjoni, jekk ikun hemm, maħruġ minn korp nazzjonali ta' akkreditazzjoni li jafferma li l-korp ta' valutazzjoni tal-konformità jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26.

3.  Jekk il-korp ta' valutazzjoni tal-konformità kkonċernat ma jistax jipprovdi ċertifikat ta' akkreditament, dan għandu jipprovdi lill-awtorità notifikanti l-evidenza dokumentata kollha meħtieġa għall-verifika, ir-rikonoxximent u l-monitoraġġ regolari tal-konformità tiegħu mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26.

Artikolu 30

Proċedura tan-notifika

1.  L-awtoritajiet notifikanti jistgħu jinnotifikaw biss lill-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità li jkunu ssodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26.

2.  Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn bl-użu tal-mezz elettroniku ta' notifika żviluppat u ġestit mill-Kummissjoni.

3.  In-notifika għandha tinkludi d-dettalji kollha dwar l-attivitajiet ta' valutazzjoni tal-konformità, il-modulu jew moduli tal-valutazzjoni tal-konformità u t-tagħmir tar-radju inkwistjoni u l-attestament ta' livell ta' kompetenza rilevanti.

4.  Fejn notifika ma tkunx ibbażata fuq ċertifikat ta' akkreditament kif imsemmi fl-Artikolu 29(2), l-awtorità notifikanti għandha tipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra l-prova dokumentata li tafferma l-kompetenza tal-korp ta' valutazzjoni tal-konformità u l-arranġamenti stabbiliti biex ikun żgurat li l-korp jiġi sorveljat regolarment u li jkompli jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26.

5.  Il-korp ikkonċernat jista' jwettaq l-attivitajiet ta' korp notifikat biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjonijiet mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri l-oħra fi żmien ġimagħtejn min-notifika fejn ikun intuża ċertifikat ta' akkreditament jew fi żmien xahrejn min-notifika meta ma jkunx intuża akkreditament.

Korp bħal dan biss għandu jitqies bħala korp notifikat għall-finijiet ta' din id-Direttiva.

6.  L-awtorità notifikanti għandha tinnotifika lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra dwar kull tibdil rilevanti sussegwenti fin-notifika.

Artikolu 30

Numri tal-identifikazzjoni u listi ta' korpi notifikati

1.  Il-Kummissjoni għandha tassenja numru tal-identifikazzjoni lil korp notifikat.

Din għandha tassenja numru wieħed bħal dan, anki fejn il-korp ikun notifikat skont diversi atti tal-Unjoni.

2.  Il-Kummissjoni għandha toħroġ għall-pubbliku l-lista ta' korpi notifikati skont din id-Direttiva, inklużi n-numri tal-identifikazzjoni li ġew assenjati lilhom u l-attivitajiet li għalihom ġew notifikati.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-lista tinżamm aġġornata.

Artikolu 32

Tibdil fin-notifiki

1.  Fejn awtorità notifikanti taċċerta ruħha jew tkun informata li korp notifikat ma jkunx għadu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26, jew li jkun qed jonqos milli jaqdi l-obbligi tiegħu, l-awtorità notifikanti għandha tillimita, tissospendi jew tirtira n-notifika kif xieraq, skont kemm ikun serju n-nuqqas fir-rigward ta' dawk ir-rekwiżiti jew dawk l-obbligi. Din għandha minnufih tinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar dan.

2.  Fik-każ li tiġi limitata, sospiża jew irtirata n-notifika, jew fejn il-korp notifikat ma jkunx għadu attiv, l-Istat Membru notifikanti għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li l-fajls ta' dak il-korp jiġu pproċessati minn korp notifikat ieħor jew jinżammu disponibbli għall-awtorità notifikanti u għall-awtorità ta' sorveljanza tas-suq li jkunu responsabbli, suġġetti għat-talba tagħhom.

Artikolu 33

Kontestazzjoni tal-kompetenza tal-korpi notifikati

1.  Il-Kummissjoni għandha tinvestiga l-każijiet kollha fejn ikollha dubju, jew issir taf b'dubju, rigward il-kompetenza ta' korp notifikat jew l-issoktar tal-osservanza ta' korp notifikat mar-rekwiżiti u r-responsabbiltajiet li għalihom huwa jkun suġġett.

2.  L-Istat Membru notifikanti għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, wara talba, l-informazzjoni kollha relatata mal-bażi għan-notifika jew il-manutenzjoni tal-kompetenza tal-korp notifikat ikkonċernat.

3.  Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni kollha sensittiva miksuba matul l-investigazzjonijiet tagħha tinżamm kunfidenzjali.

4.  Meta l-Kummissjoni taċċerta ruħha li korp notifikat ma jissodisfax, jew ma jkunx għadu jissodisfa, ir-rekwiżiti għan-notifika tiegħu, din għandha tadotta att ta' implimentazzjoni li jitlob lill-Istat Membru notifikanti sabiex jieħu l-miżuri korrettivi meħtieġa, inkluż l-irtirar tan-notifika jekk ikun meħtieġ.

Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura ta' konsulenza msemmija fl-Artikolu 45(2).

Artikolu 34

Obbligi operattivi tal-korpi notifikati

1.  Il-korpi notifikati għandhom jagħmlu l-valutazzjonijiet tal-konformità skont il-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità stabbilita fl-Annessi III u IV.

2.  Il-valutazzjonijiet tal-konformità għandhom jitwettqu b'mod proporzjonat, billi jiġu evitati piżijiet bla bżonn għall-operaturi ekonomiċi. Il-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità għandhom iwettqu l-attivitajiet tagħhom billi jieħdu kont debitu tad-daqs tal-impriża, is-settur li fiha hija topera, l-istruttura tagħha, il-livell ta' kumplessità tat-teknoloġija tat-tagħmir tar-radju ikkonċernat u tan-natura massiva jew serjali tal-proċess ta' produzzjoni.

Meta jkunu qed jagħmlu hekk huma għandhom madanakollu jirrispettaw il-grad ta' rigorożità u l-livell ta' protezzjoni meħtieġa għall-konformità tat-tagħmir tar-radju ma' din id-Direttiva.

3.  Fejn korp notifikat isib li ma ġewx issodisfati r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3 jew l-istandards armonizzati korrispondenti jew speċifikazzjonijiet tekniċi oħra mill-manifattur, huwa għandu jesiġi mingħand il-manifattur li dan jieħu miżuri korrettivi xierqa u ma għandu joħroġ ebda ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE jew approvazzjoni tas-sistema ta' kwalità.

4.  Fejn, waqt li jkun qiegħed isir monitoraġġ tal-konformità wara l-ħruġ ta' ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE jew approvazzjoni tas-sistema ta' kwalità, korp notifikat isib li t-tagħmir tar-radju ma jkunx għadu konformi, il-korp notifikat għandu jesiġi mingħand il-manifattur li dan jieħu miżuri korrettivi adegwati u għandu jissospendi jew jirtira ċ-ċerifikat tal-eżami tat-tip tal-UE jew l-approvazzjoni tas-sistema ta' kwalità jekk ikun meħtieġ.

5.  Fejn ma jitteħdux miżuri korrettivi jew ma jkollhomx l-effett mixtieq, il-korp notifikat għandu jillimita, jissospendi jew jirtira kull ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE jew approvazzjoni tas-sistema ta' kwalità, skont il-każ.

Artikolu 35

Appell kontra deċiżjonijiet tal-korpi notifikati

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm disponibbli proċedura ta' appell kontra d-deċiżjonijiet tal-korpi notifikati.

Artikolu 36

Obbligi ta' informazzjoni dwar korpi notifikati

1.  Il-korpi notifikati għandhom jinformaw lill-awtorità notifikanti dwar dan li ġej:

(a) kull rifjut, restrizzjoni, sospensjoni jew irtirar ta' ċertifikat ta' eżami tat-tip tal-UE jew approvazzjoni ta' sistema ta' kwalità skont ir-rekwiżiti tal-Annessi III u IV;

(b) kull ċirkustanza li jkollha effett fuq lil-kamp ta' applikazzjoni jew il-kundizzjonijiet għan-notifika;

(c) kull talba għal informazzjoni li huma jkunu rċevew minn awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq rigward attivitajiet ta' valutazzjoni tal-konformità;

(d) fuq talba, l-attivitajiet ta' valutazzjoni tal-konformità li twettqu fl-ambitu tan-notifika tagħhom u kwalunkwe attività oħra li twettqet, inklużi attivitajiet transkonfinali u sottokuntrattar.

2.  Il-korpi notifikati għandhom skont ir-rekwiżiti tal-Annessi III u IV jipprovdu lill-korpi l-oħra notifikati skont din id-Direttiva li jkunu qed iwettqu attivitajiet simili ta' valutazzjoni tal-konformità u li jkunu jkopru l-istess kategoriji tat-tagħmir tar-radju, l-informazzjoni rilevanti dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw riżultati negattivi ta' valutazzjoni tal-konformità u, fuq talba, l-informazzjoni rilevanti dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw riżultati pożittivi.

3.  Il-korpi notifikati għandhom jissodisfaw l-obbligi tal-informazzjoni skont l-Annessi III u IV.

Artikolu 37

Skambju ta' esperjenza

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi sabiex jiġi organizzat l-iskambju ta' esperjenza bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri li jkunu responsabbli għall-politika dwar in-notifika.

Artikolu 38

Koordinazzjoni ta' korpi notifikati

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jiġu stabbiliti l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni adegwati bejn il-korpi notifikati skont din id-Direttiva u li dawn jiġu operati korrettament f'forma ta' grupp settorjali ta' korpi notifikati.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi notifikati minnhom jieħdu sehem fix-xogħol ta' dak il-grupp b'mod dirett jew permezz ta' rappreżentanti nominati.



KAPITOLU V

SORVELJANZA TAS-SUQ TAL-UNJONI, KONTROLL TAT-TAGĦMIR TAR-RADJU LI JIDĦOL FIS-SUQ TAL-UNJONI U PROĊEDURA TA' SALVAGWARDJA TAL-UNJONI

Artikolu 39

Sorveljanza tas-suq tal-Unjoni u kontroll tat-tagħmir tar-radju li jidħol fis-suq tal-Unjoni

L-Artikolu 15(3) u l-Artikoli minn 16 sa 29 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandhom japplikaw għat-tagħmir tar-radju.

Artikolu 40

Proċeduri dwar it-tagħmir tar-radju li jkun ta' riskju fil-livell nazzjonali

1.  Meta l-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq ta' Stat Membru jkollhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li t-tagħmir tar-radju kopert b'din id-Direttiva jippreżenta riskju għas-saħħa jew għas-sigurtà ta' persuni jew għal aspetti oħra ta' protezzjoni ta' interess pubbliku koperti b'din id-Direttiva, dawn għandhom iwettqu valutazzjoni relatata mat-tagħmir tar-radju kkonċernat li jkopri r-rekwiżiti rilevanti kollha stabbiliti f'din id-Direttiva. L-operaturi ekonomiċi rilevanti għandhom jikkooperaw kif meħtieġ mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għal dak il-għan.

Fejn, tul il-valutazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq isibu li t-tagħmir tar-radju ma jkunx konformi mar-rekwiżiti stabbiliti minn din id-Direttiva, huma għandhom mingħajr dewmien jesiġu li l-operatur ekonomiku rilevanti jieħu l-miżuri korrettivi kollha xierqa biex it-tagħmir tar-radju jsir konformi ma' dawk ir-rekwiżiti, li jirtira t-tagħmir tar-radju mis-suq jew li jieħdu lura fi żmien raġonevoli li jkun jaqbel man-natura tar-riskju, skont kif jistabbilixxu.

L-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq għandhom jinformaw lill-entità notifikata rilevanti dwar dan.

L-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu japplika għall-miżuri msemmija fit-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

2.  Fejn l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq iqisu li n-nuqqas ta' konformità ma jkunx limitat għat-territorju nazzjonali, huma għandhom jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bir-riżultati tal-evalwazzzjoni u bl-azzjonijiet li esiġew li jieħu l-operatur ekonomiku.

3.  L-operatur ekonomiku għandu jiżgura li jittieħdu l-azzjonijiet korrettivi xierqa kollha fir-rigward tat-tagħmir tar-radju kollu konċernat li huwa jkun għamel disponibbli fis-suq fl-Unjoni kollha.

4.  Fejn l-operatur ekonomiku rilevanti ma jiħux azzjoni korrettiva xierqa fil-perjodu ta' żmien imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq għandhom jieħdu l-miżuri provviżorji xierqa kollha biex jipprojbixxu jew jillimitaw li t-tagħmir tar-radju isir disponibbli fis-suq nazzjonali tagħhom jew biex it-tagħmir tar-radju jiġi irtirat minn dak is-suq jew biex dan jittieħed lura.

L-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq għandhom jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, mingħajr dewmien, dwar dawk il-miżuri.

5.  L-informazzjoni li ssir referenza għaliha fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4 għandha tinkludi d-dettalji disponibbli kollha għall-identifikazzjoni tat-tagħmir tar-radju li mhuwiex konformi, l-oriġini tat-tagħmir tar-radju, it-tip ta' nuqqas ta' konformità allegata u r-riskju involut, it-tip u t-tul ta' żmien ta' kemm se jdumu l-miżuri nazzjonali li ttieħdu u l-argumenti ppreżentati mill-operatur ekonomiku rilevanti. B'mod partikolari, l-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq għandhom jindikaw jekk in-nuqqas ta' konformità jkunx dovut għal xi waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

(a) in-nuqqas tat-tagħmir tar-radju li jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 3; jew

(b) nuqqasijiet fl-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 16 li jikkonferixxu preżunzjoni tal-konformità.

6.  L-Istati Membri, barra mill-Istat Membru li jkun beda l-proċedura skont dan l-Artikolu għandhom mingħajr dewmien, jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar kull miżura adottata u dwar kull informazzjoni addizzjonali li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom dwar in-nuqqas ta' konformità tat-tagħmir tar-radju kkonċernat, u, jekk ma jkunx hemm qbil mal-miżura nazzjonali adottata, dwar l-oġġezzjonijiet tagħhom.

7.  Fejn, fi żmien tliet xhur minn meta tasal l-informazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4, ma tkun saret ebda oġġezzjoni minn xi Stat Membru jew mill-Kummissjoni rigward miżura provviżorja meħuda minn Stat Membru, dik il-miżura għandha titqies li tkun ġustifikata.

8.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri restrittivi adegwati, bħall-irtirar tat-tagħmir tar-radju mis-suq, fir-rigward tat-tagħmir tar-radju kkonċernat mingħajr dewmien.

Artikolu 41

Proċedura ta' salvagwardja tal-Unjoni

1.  Fejn, wara li tkun tlestiet il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 40(3) u (4), isiru oġġezzjonijiet kontra miżura nazzjonali meħuda minn Stat Membru jew fejn il-Kummissjoni tqis li l-miżura nazzjonali tmur kontra l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tidħol f'konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-operatur jew operaturi ekonomiċi rilevanti u għandha tevalwa l-miżura nazzjonali. Fuq il-bażi tar-riżultati ta' dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta' implimentazzjoni li jiddetermina jekk il-miżura nazzjonali hijiex ġustifikata jew le.

Il-Kummissjoni għandha tindirizza d-deċiżjoni tagħha lill-Istati Membri kollha u għandha tikkomunikaha minnufih lilhom u lill-operatur jew operaturi ekonomiċi rilevanti.

2.  Jekk il-miżura nazzjonali titqies ġustifikata, l-Istati Membri kollha għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li t-tagħmir tar-radju li ma jkunx konformi jiġi rtirat jew imsejjaħ lura mis-swieq tagħhom, u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni skont il-każ. Jekk il-miżura nazzjonali titqies li ma tkunx ġustifikata, l-Istat Membru interessat għandu jirtira dik il-miżura.

3.  Fejn il-miżura nazzjonali titqies ġustifikata u n-nuqqas ta' konformità tat-tagħmir tar-radju jkun attribwit għal nuqqasijiet fl-istandards armonizzati msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 40(5) ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tapplika l-proċedura prevista fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.

Artikolu 42

Tagħmir tar-radju konformi li jippreżenta riskju

1.  Fejn Stat Membru, wara li jkun wettaq valutazzjoni skont l-Artikolu 40(1), isib li, għalkemm it-tagħmir tar-radju jkun konformi ma' din id-Direttiva, ikun jippreżenta riskju għas-saħħa jew is-sigurtà tal-persuni jew għal aspetti oħra ta' protezzjoni ta' interess pubbliku koperti minn din id-Direttiva, huwa għandu jeżiġi li l-operatur ekonomiku rilevanti jieħu l-miżuri xierqa kollha biex jiżgura li t-tagħmir tar-radju kkonċernat, meta jitqiegħed fis-suq, ma jippreżentax aktar dak ir-riskju, jirtira t-tagħmir tar-radju mis-suq jew jieħdu lura fi żmien raġonevoli li jkun jaqbel man-natura tar-riskju, skont kif hu jistabbilixxi.

2.  L-operatur ekonomiku għandu jiżgura li tittieħed azzjoni korrettiva fir-rigward tat-tagħmir tar-radju kollu kkonċernat li kien sar disponibbli fis-suq fl-Unjoni kollha.

3.  L-Istat Membru għandu jinforma minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi d-dettalji disponibbli kollha, b'mod partikolari d-data meħtieġa għall-identifikazzjoni tat-tagħmir tar-radju kkonċernat, l-oriġini u l-katina ta' forniment tat-tagħmir tar-radju, in-natura tar-riskju involut u n-natura u t-tul ta' żmien tal-miżuri nazzjonali li ttieħdu.

4.  Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tidħol f'konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-operatur jew operaturi ekonomiċi rilevanti u għandha tevalwa l-miżuri nazzjonali meħuda. Abbażi tar-riżultati ta' dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, jekk il-miżura nazzjonali tkunx ġustifikata jew le u, fejn ikun meħtieġ, tipproponi miżuri adatti.

L-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 45(3).

Għal raġunijiet indispensabbli ġġustifikati ta' urġenza relatati mal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtàtal-persuni, il-Kummissjoni għandha tadotta minnufih atti ta' implimentazzjoni applikabbli skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 45(4).

5.  Il-Kummissjoni għandha tindirizza d-deċiżjoni tagħha lill-Istati Membri kollha u għandha tikkomunikaha minnufih lilhom u lill-operatur jew operaturi ekonomiċi rilevanti.

Artikolu 43

Nuqqas ta' konformità formali

1.  Bla ħsara għall-Artikolu 40, fejn Stat Membru jasal għal xi waħda mill-konklużjonijiet li ġejjin, huwa għandu jeżiġi li l-operatur ekonomiku rilevanti jwaqqaf in-nuqqas fir-rigward tal-konformità kkonċernata:

(a) il-marka CE tkun twaħħlet bi ksur tal-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 jew tal-Artikolu 20 ta' din id-Direttiva;

(b) il-marka CE ma tkunx twaħħlet;

(c) in-numru tal-identifikazzjoni tal-korp notifikat, meta tkun applikata l-proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità stabbilita fl-Anness IV, ikun twaħħal bi ksur tal-Artikolu 20 jew ma jkunx twaħħal;

(d) id-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE ma tkunx saret;

(e) id-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE ma tkunx saret b'mod korrett;

(f) id-dokumentazzjoni teknika ma tkunx disponibbli jew ma tkunx kompleta;

(g) l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(6) jew (7) jew fl-Artikolu 12(3) hija nieqsa, falza jew mhux kompluta;

(h) l-informazzjoni dwar l-użu intiż tat-tagħmir tar-radju, id-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE jew ir-restrizzjonijiet fuq l-użu kif stipulati fl-Artikolu 10(8), (9) u (10) ma jakkumpanjawx it-tagħmir tar-radju;

(i) ir-rekwiżiti dwar l-identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi stipulati fl-Artikolu 15 ma jkunux issodisfati;

(j) l-Artikolu 5 ma jkunx osservat.

2.  Fejn jippersisti n-nuqqas ta' konformità msemmi fil-paragrafu 1, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jirrestrinġi jew jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tat-tagħmir tar-radju jew li jiżgura li dan jiġi msejjaħ lura jew irtirat.



KAPITOLU VI

ATTI DELEGATI U ATTI TA' IMPLIMENTAZZJONI U L-KUMITAT

Artikolu 44

Eżerċizzju tad-delega

1.  Is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti ddelegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.  Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3), l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin mill-11 ta' Ġunju 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.

3.  Id-delega tas-setgħa imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3), l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5(2) tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.  Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.  Att delegat adottat skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3), l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressal-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 45

Proċedura tal-kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat tal-Valutazzjoni tal-Konformità u s-Sorveljanza tas-Suq tat-Telekomunikazzjonijiet. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

4.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

5.  Il-Kumitat għandu jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni rigward kwalunkwe materja li fir-rigward tagħha tkun meħtieġa konsultazzjoni mal-esperti settorjali mir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 jew minn kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni.

Il-kumitat, barra minn hekk, jista' jeżamina kwalunkwe kwistjoni oħra li tikkonċerna l-applikazzjoni ta' dan id-Direttiva mqajma mill-president tiegħu jew minn rappreżentant ta' Stat Membru taħt ir-regoli ta' proċedura tiegħu.



KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI U TRANŻIZZJONALI

Artikolu 46

Penalitajiet

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penalijiet applikabbli għall-ksur minn operaturi ekonomiċi tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw li dawn jiġu infurzati. Tali regoli jistgħu jinkludu penalijiet kriminali għall-ksur serju.

Il-penalitajiet stipulati għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 47

Analiżi u rappurtaġġ

1.  L-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapporti regolari lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva sat-12 ta' Ġunju 2017 u mbagħad mill-inqas kull sentejn. Ir-rapporti għandu jkun fihom preżentazzjoni tal-attivitajiet tas-sorveljanza tas-suq imwettqa mill-Istati Membri u jagħtiutagħrif dwar jekk inkisbitx il-konformità, u sa liema punt, mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva, inkluż partikolarment ir-rekwiżiti dwar l-identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi.

2.  Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-operazzjoni ta' din id-Direttiva u tirrapporta dwar dan lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-12 ta' Ġunju 2018 u mbagħad kull ħames snin. Ir-rapport għandu jkopri l-progress dwar it-tħejjija tal-istandards relevanti, kif ukoll kull problemi li jinqalgħu fil-kors tal-implimentazzjoni. Ir-rapport għandu wkoll jiddeskrivi fil-qosor l-attivitajiet tal-Kumitat tal-Valutazzjoni tal-Konformità u s-Sorveljanza tas-Suq tat-Telekomunikazzjonijiet, jivvaluta l-progress fil-ksib ta' suq miftuħ kompetittiv għat-tagħmir tar-radju f'livell tal-Unjoni u jeżamina kif il-qafas regolatorju għad-disponibbiltà fis-suq u t-tqegħid fis-servizz tat-tagħmir tar-radju għandu jiġi żviluppat biex jinkiseb dan li ġej:

(a) jiżgura li tinkiseb sistema koerenti f'livell tal-Unjoni għat-tagħmir tar-radju kollu;

(b) jippermetti l-konverġenza tas-setturi tat-telekomunikazzjoni, awdjoviżivi u tat-teknoloġija tal-informatika;

(c) jippermetti li l-miżuri regolatorji jiġu armonizzati f'livell internazzjonali.

(d) jilħaq livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur;

(e) jiżgura li t-tagħmir tar-radju li jinġarr ikun kompatibbli mal-aċċessorji, partikolarment ċarġers komuni;

(f) fejn it-tagħmir tar-radju jkun mgħammar bi skrin integrali, jippermetti l-wiri tal-informazzjoni mitluba fuq l-iskrin integrali.

Artikolu 48

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

L-Istati Membri ma għandhomx jimpedixxu, għall-aspetti koperti minn din id-Direttiva, id-dispobibbiltà fis-suq jew it-tqegħid fis-servizz ta' tagħmir tar-radju kopert minn din id-Direttiva li hija konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti dwar l-armonizzazzjoni applikabbli preċedentement it-13 ta' Ġunju 2016 u li kien tqiegħed fis-suq qabel it-13 ta' Ġunju 2017.

Artikolu 49

Trasponiment

1.  L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sat-12 ta' Ġunju 2016, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mit-13 ta' Ġunju 2016.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Dawn għandhom jinkludu wkoll dikjarazzjoni li r-referenzi fil-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti għad-Direttiva revokata b'din id-Direttiva għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza u kif għandha tkun ifformulata dik id-dikjarazzjoni.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali fil-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 50

Tħassir

Id-Direttiva 1999/5/KE titħassar b'effett mit-13 ta' Ġunju 2016.

Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness VIII.

Artikolu 51

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 52

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




ANNESS I

TAGĦMIR MHUX KOPERT MINN DIN ID-DIRETTIVA

1. Tagħmir tar-radju użat minn dilettanti tar-radju skont it-tifsira tal-Artikolu 1, definizzjoni 56, tar-Regolamenti tar-Radju tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU), ħlief jekk it-tagħmir isir disponibbli fis-suq.

Dan li ġej għandu jitqies li mhuwiex disponibbli fis-suq:

(a) kitts tar-radju għall-assemblaġġ u l-użu mid-dilettanti tar-radju;

(b) tagħmir tar-radju modifikat minn u għall-użu tad-dilettanti tar-radju;

(c) tagħmir immuntat minn dilettanti tar-radju individwali għal skopijiet sperimentali u xjentifiċi relatati mas-sistema tar-radju għad-dilettanti.

2. Tagħmir tal-baħar li jaqa' fil-kamp tal-applikazzjoni tad-Direttiva 96/98/KE ( 2 ).

▼M1

3. It-tagħmir tal-avjazzjoni li ġej, fejn dak it-tagħmir jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ) u huwa maħsub esklużivament għall-użu fl-ajru:

(a) inġenji tal-ajru, minbarra inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, kif ukoll magni, skrejjen, partijiet u tagħmir mhux installat assoċjati;

(b) inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord, kif ukoll magni, skrejjen, partijiet u tagħmir mhux installat assoċjati, li d-disinn tagħhom huwa ċċertifikat skont l-Artikolu 56(1) ta' dak ir-Regolament u li huma maħsuba biex joperaw biss fuq frekwenzi allokati mir-Regolamenti tar-Radju tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni għal użu ajrunawtiku protett.

▼B

4. Kitts ta' evalwazzjoni mibnija apposta maħsuba għall-professjonisti biex jintużaw biss f'faċilitajiet ta' riċerka u żvilupp għal dawn l-iskopijiet.




ANNESS II

MODULU A TAL-VALUTAZZJONI TAL-KONFORMITÀ

1.

Il-kontroll intern tal-produzzjoni huwa l-proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità, li permezz tagħha l-manifattur jissodisfa l-obbligi stabbiliti fil-punti 2, 3, u 4 ta' dan l-Anness, u jiżgura, u jiddikjara fuq ir-responsabbiltà unika tiegħu, li t-tagħmir tar-radju kkonċernat jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Artikolu 3.

2.

Dokumentazzjoni teknika

Il-manifattur għandu jistabbilixxi d-dokumentazzjoni teknika skont l-Artikolu 21.

3.

Il-manifattura

Il-manifattur għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex il-proċess ta' manifattura u s-sorveljanza tiegħu jiżguraw il-konformità tat-tagħmir tar-radju mmanifatturat mad-dokumentazzjoni teknika msemmija fil-punt 2 ta' dan l-Anness u mar-rekwiżiti essenzjali relevanti stipulati fl-Artikolu 3.

4.

Il-marka CE u d-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE

4.1. Il-manifattur għandu jwaħħal il-marka CE skont l-Artikoli 19 u 20 ma' kull element tat-tagħmir tar-radju li tissodisfa r-rekwiżiti applikabbli ta' din id-Direttiva.

4.2. Il-manifattur għandu jagħmel dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE bil-miktub għal kull tip ta' tagħmir tar-radju u jżommha flimkien mad-dokumentazzjoni teknika, għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, għal perjodu ta' għaxar snin wara li t-tagħmir tar-radju jkun tqiegħed fis-suq. Id-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE għandha tidentifika it-tagħmir tar-radju li għalih tkun tfasslet.

Meta ssir talba għaliha, għandha tiġi pprovduta kopja tad-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE lill-awtoritajiet rilevanti.

5.

Rappreżentant awtorizzat

L-obbligi tal-manifattur stabbiliti fil-punt 4 jistgħu jiġu sodisfatti mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, f'ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, sakemm dawn ikunu speċifikati fil-mandat.




ANNESS III

MODULI B U C TAL-VALUTAZZJONI TAL-KONFORMITÀ

EŻAMI TAT-TIP TAL-UE U KONFORMITÀ MAT-TIP IBBAŻATA FUQ IL-KONTROLL INTERN

Meta ssir referenza għal dan l-Anness, il-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità għandha ssegwi l-Moduli B (l-eżami tat-tip tal-UE) u C (il-konformità mat-tip ibbażata fuq il-kontroll intern tal-produzzjoni) ta' dan l-Anness.

Modulu B

Eżami tat-tip tal-UE

1.

L-eżami tat-tip tal-UE huwa dik il-parti minn proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità li fiha korp notifikat jeżamina d-disinn tekniku ta' tagħmir tar-radju u jivverifika u jixhed li d-disinn tekniku tat-tagħmir tar-radju jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3.

2.

L-eżami tat-tip tal-UE għandu jsir bil-valutazzjoni tal-adegwatezza tad-disinn tekniku tat-tagħmir tar-radju permezz ta' eżami tad-dokumentazzjoni teknika u evidenza ta' appoġġ, imsemmija fil-punt 3, mingħajr eżami ta' kampjun (tip tad-disinn).

3.

Il-manifattur għandu jressaq applikazzjoni għal eżami tat-tip tal-UE quddiem korp notifikat uniku tal-għażla tiegħu.

L-applikazzjoni għandha tinkludi:

(a) l-isem u l-indirizz tal-manifattur u, jekk l-applikazzjoni tiġi ppreżentata mir-rappreżentant awtorizzat, ismu u l-indirizz tiegħu wkoll;

(b) dikjarazzjoni bil-miktub li l-istess applikazzjoni ma ġiet ippreżentata lill-ebda korp notifikat ieħor;

(c) id-dokumentazzjoni teknika. Id-dokumentazzjoni teknika għandha tagħmel possibbli l-valutazzjoni tal-konformità tat-tagħmir tar-radjumar-rekwiżiti applikabbli ta' din id-Direttiva u għandha tinkludi analiżi u stima xierqa tar-riskju jew riskji. Id-dokumentazzjoni teknika għandha tispeċifika r-rekwiżiti applikabbli u tkopri sa fejn u sakemm ikun rilevanti għall-istima, id-disinn, il-manifattura u l-ħidma tat-tagħmir tar-radju. Id-dokumentazzjoni teknika għandu jkun fiha, fejn applikabbli, l-elementi kollha stipulati fl-Anness V,

(d) l-evidenza ta' appoġġ tal-adegwatezza tas-soluzzjoni tad-disinn tekniku. Dik l-evidenza ta' appoġġ għandha ssemmi kwalunkwe dokument li jkun intuża, b'mod partikolari fejn l-istandards armonizzati rilevanti ma kinux ġew applikati jew ma kinux ġew applikati fit-totalità tagħhom. L-evidenza ta' appoġġ għandha tinkludi, fejn ikun hemm bżonn, ir-riżultati tat-testijiet li jsiru f'konformità ma' speċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti oħra mil-laboratorju xieraq tal-manifattur jew minn laboratorju tal-ittestjar ieħor f'ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

4.

Il-korp notifikat għandu jeżamina d-dokumentazzjoni teknika u l-evidenza ta' appoġġ biex jevalwa l-adegwatezza tad-disinn tekniku tat-tagħmir tar-radju.

5.

Il-korp innotifikat għandu jfassal rapport tal-valutazzjoni li jirreġistra l-attivitajiet imwettqa skont il-punt 4 u r-riżultati tagħhom. Bla ħsara għall-obbligi tiegħu fil-punt 8, il-korp notifikat għandu joħroġ il-kontenut ta' dak ir-rapport, kollu jew parti minnu, biss bi ftehim mal-manifattur.

6.

Fejn it-tip jissodisfa r-rekwiżiti ta' din id-Direttiva applikabbli għat-tagħmir tar-radju kkonċernat, il-korp notifikat għandu joħroġ ċertifikat ta' eżami tat-tip tal-UE lill-manifattur. Dak iċ-ċertifikat għandu jkun fih l-isem u l-indirizz tal-manifattur, il-konklużjonijiet tal-eżami, l-aspetti tar-rekwiżiti essenzjali koperti mill-eżami, il-kundizzjonijiet (jekk hemm) għall-validità tiegħu u data neċessarja għall-identifikazzjoni tat-tip approvat. Iċ-ċertifikat ta' eżami tat-tip tal-UE jista' jkollu anness wieħed jew iktar mehmuża miegħu.

Iċ-ċertifikat ta' eżami tat-tip tal-UE u l-annessi tiegħu għandhom jinkludu l-informazzjoni rilevanti kollha biex il-konformità tat-tagħmir tar-radju manifatturat mat-tip eżaminat tkun tista' tiġi valutata u biex ikun hemm lok għal kontroll intern.

Fejn it-tip ma jissodisfax ir-rekwiżiti applikabbli ta' din id-Direttiva, il-korp notifikat għandu jirrifjuta li joħroġ ċertifikat ta' eżami tat-tip tal-UE u għandu jinforma b'dan lill-applikant b'dan, fejn jagħti raġunijiet dettaljati għar-rifjut tiegħu.

7.

Il-korp notifikat għandu jżomm lilu nnifsu mgħarraf dwar kull bidla fit-teknoloġija l-aktar aġġornata ġeneralment rikonoxxuta, li tindika li t-tip approvat jista' ma jikkonformax aktar mar-rekwiżiti applikabbli ta' din id-Direttiva, u għandu jiddetermina jekk tali bidliet ikunux jeħtieġu aktar investigazzjonijiet. Jekk ikun il-każ, il-korp notifikat għandu jinforma l-manifattur b'dan.

Il-manifattur għandu jinforma lill-korp notifikat li għandu d-dokumentazzjoni teknika relatata maċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip UE, bil-modifikazzjonijiet kollha għat-tip approvat li jistgħu jinċidu fuq il-konformità tat-tagħmir tar-radju mar-rekwiżiti essenzjali ta' din id-Direttiva jew mal-kundizzjonijiet għall-validità ta' dak iċ-ċertifikat. Tali modifiki għandhom jeħtieġu approvazzjoni addizzjonali fil-forma ta' żieda għaċ-ċertifikat oriġinali tal-eżami tat-tip UE.

8.

Kull korp notifikat għandu jinforma lill-awtorità notifikanti tiegħu dwar iċ-ċertifikati tal-eżami tat-tip tal-UE u/jew kwalunkwe żieda għalihom, li jkun ħareġ jew irtira, u perjodikament jew jekk jintalab jagħmel dan, għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtorità notifikanti tiegħu, il-lista ta' dawn iċ-ċertifikati u/jew kwalunkwe żieda għalihom li ġew miċħuda, sospiżi jew b'xi mod ieħor limitati.

Kull korp notifikat għandu jinforma lill-korpi notifikati l-oħra dwar iċ-ċertifikati tal-eżami tat-tip tal-UE u/jew kull żieda għalihom, li jkun irrifjuta, irtira, issospenda jew b'xi mod ieħor illimita u, jekk jintalab jagħmel dan, dwar tali ċertifikati u/jew żidiet għalihom li jkun ħareġ.

Kull korp notifikat għandu jinforma lill-Istati Membri biċ-ċertifikati tal-eżami tat-tip tal-UE li jkun ħareġ u/jew addizzjonijiet għalihom f'dawk il-każijiet fejn l-istandards armonizzati li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ma ġewx applikati jew ma ġewx applikati bis-sħiħ. L-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-korpi notifikati l-oħra jistgħu, wara talba, jiksbu kopja taċ-ċertifikati tal-eżami tat-tip tal-UE u/jew iż-żidiet tagħhom. Fuq talba, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jiksbu kopja tad-dokumentazzjoni teknika u r-riżultati tal-eżamijiet li jkun wettaq il-korp notifikat. Il-korp notifikat għandu jżomm kopja taċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE, l-annessi u l-addizzjonijiet ta' miegħu, kif ukoll il-fajl tekniku inkluża d-dokumentazzjoni ssottomessa mill-manifattur għal 10 snin wara li t-tagħmir tar-radju jkun ġie vvalutat jew wara l-iskadenza tal-validità ta' dak iċ-ċertifikat.

9.

Il-manifattur għandu jżomm kopja taċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE, l-annessi ta' miegħu u ż-żidiet flimkien mad-dokumentazzjoni teknika għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali għal 10 snin wara li jkun tqiegħed fis-suq it-tagħmir tar-radju.

10.

Ir-rappreżentant awtorizzat tal-manifattur jista' jippreżenta l-applikazzjoni msemmija fil-punt 3 u jissodisfa l-obbligi imsemmija fil-punti 7 u 9, sakemm dawn ikunu speċifikati fil-mandat.

Modulu C

Konformità mat-tip abbażi tal-kontroll intern tal-produzzjoni

1.

Il-konformità għat-tip fuq il-bażi tal-kontroll intern tal-produzzjoni hija dik il-parti ta' proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità li permezz tagħha l-manifattur jissodisfa l-obbligi stabbiliti fil-punti 2 u 3, u jiżgura, u jiddikjara, li t-tagħmir tar-radju kkonċernat ikun f'konformità mat-tip kif deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE u jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' din id-Direttiva applikabbli għalih.

2.

Il-manifattura

Il-manifattur għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex il-proċess ta' manifattura u l-monitoraġġ tiegħu jiżguraw il-konformità tat-tagħmir tar-radju manifatturat mat-tip approvat, kif deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE, u mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva li japplikaw għalih.

3.

Il-marka CE u d-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE

3.1. Il-manifattur għandu jwaħħal il-marka CE skont l-Artikoli 19 u 20 ma' kull element tat-tagħmir tar-radju li jkun f'konformità mat-tip deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE u li jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli ta' din id-Direttiva.

3.2. Il-manifattur għandu jħejji dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE bil-miktub għal kull mudell tat-tagħmir tar-radju u jżommha għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali għal 10 snin wara li t-tagħmir tar-radju jkun tqiegħed fis-suq. Id-dikjarazzjoni ta' konformità għandha tidentifika t-tip tat-tagħmir tar-radju li għalih tkun tfasslet.

Jekk tintalab għandha tiġi pprovduta kopja tad-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE lill-awtoritajiet rilevanti.

4.

Rappreżentant awtorizzat

L-obbligi tal-manifattur stabbiliti fil-punt 3 jistgħu jiġu sodisfatti mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, f'ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, sakemm dawn ikunu speċifikati fil-mandat.




ANNESS IV

MODULU H TAL-VALUTAZZJONI TAL-KONFORMITÀ

KONFORMITÀ BBAŻATA FUQ ASSIGURAZZJONI SĦIĦA TA' KWALITÀ

1.

Il-konformità bbażata fuq assigurazzjoni sħiħa ta' kwalità hija l-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità, li permezz tagħha l-manifattur jissodisfa l-obbligi stabbiliti fil-punti 2 u 5, u jiżgura ruħu u jiddikjara fuq ir-responsabbiltà unika tiegħu, li t-tagħmir tar-radju kkonċernat jissodisfa r-rekwiżiti ta' din id-Direttiva li japplikaw għalih.

2.

Il-manifattura

Il-manifattur għandu jħaddem sistema approvata ta' kwalità għad-disinn, għall-manifattura u għall-ispezzjoni tat-tagħmir tar-radju u għall-ittestjar tat-tagħmir tar-radju kkonċernat, kif speċifikat fil-punt 3, u għandu jkun suġġett għal sorveljanza kif speċifikat fil-punt 4.

3.

Is-sistema ta' kwalità

3.1. Il-manifattur għandu jibgħat applikazzjoni għall-istima tas-sistema ta' kwalità tiegħu lil korp notifikat tal-għażla tiegħu, għat-tagħmir tar-radju ikkonċernat.

L-applikazzjoni għandha tinkludi:

(a) l-isem u l-indirizz tal-manifattur u, jekk l-applikazzjoni tiġi ppreżentata mir-rappreżentant awtorizzat, ismu u l-indirizz tiegħu wkoll;

(b) id-dokumentazzjoni teknika għal kull tip ta' tagħmir tar-radju maħsub biex jiġi manifatturat. Id-dokumentazzjoni teknika għandu jkun fiha, fejn applikabbli, l-elementi kollha stabbiliti fl-Anness V;

(c) id-dokumentazzjoni li tikkonċerna s-sistema ta' kwalità; u

(d) dikjarazzjoni bil-miktub li l-istess applikazzjoni ma ġietx ippreżentata lil ebda korp notifikat ieħor.

3.2. Is-sistema tal-kwalità għandha tiżgura l-konformità tat-tagħmir tar-radju mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva li japplikaw għalih.

L-elementi, ir-rekwiżiti u d-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-manifattur għandhom jkunu ddokumentati f'manjiera sistematika u bl-ordni fil-għamla ta' politiki, proċeduri u struzzjonijiet bil-miktub. Dik id-dokumentazzjoni tas-sistema ta' kwalità għandha tippermetti interpretazzjoni konsistenti tal-programmi, tal-pjanijiet, tal-manwali u tar-rekords.

Din għandha, b'mod partikolari, ikun fiha, deskrizzjoni adegwata ta':

(a) l-għanijiet tal-kwalità u l-istruttura organizzattiva, ir-responsabbiltajiet u s-setgħat tal-maniġment fir-rigward tad-disinn u l-kwalità tal-prodott;

(b) l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tad-disinn, inklużi l-istandards, li jridu jiġu applikati u, meta ma jridux jiġu applikati fis-sħiħ l-istandards armonizzati rilevanti, il-mezzi li jridu jintużaw sabiex jiżguraw li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta' din id-Direttiva li japplikaw għat-tagħmir tar-radju;

(c) it-tekniki ta' kontroll tad-disinn u ta' verifika tad-disinn, il-proċessi u l-azzjonijiet sistematiċi li se jintużaw meta jiġi mfassal it-tagħmir tar-radju li jappartjenu lit-tip tat-tagħmir tar-radju kopert;

(d) il-manifattura korrispondenti, it-tekniki ta' kontroll tal-kwalità u tal-assigurazzjoni tal-kwalità, il-proċessi u l-azzjonijiet sistematiċi li se jintużaw;

(e) l-eżamijiet u t-testijiet li għandhom isiru qabel, matul u wara l-manifattura, u l-frekwenza li biha jsiru;

(f) ir-rekords ta' kwalità, bħar-rapporti ta' spezzjonijiet u d-data tat-testijiet, id-data dwar il-kalibrazzjoni, ir-rapporti dwar il-kwalifiki tal-personal konċernat, eċċ.;

(g) il-mezzi li bihom jiġu mmonitorjati t-twettiq tad-disinn meħtieġ u l-kwalità tal-prodott kif ukoll il-funzjonament effettiv tas-sistema ta' kwalità.

3.3. Il-korp notifikat għandu jevalwa s-sistema ta' kwalità sabiex jiddetermina jekk tissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fil-punt 3.2.

Huwa għandu jippreżumi l-konformità ma' dawk ir-rekwiżiti fir-rigward tal-elementi tas-sistema ta' kwalità li jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet korrispondenti tal-istandard armonizzat rilevanti.

Minbarra l-esperjenza fis-sistemi ta' ġestjoni tal-kwalità, it-tim ta' verifika għandu jkollu mill-inqas membru wieħed b'esperjenza bħala assessur, fil-qasam tat-tagħmir tar-radju rilevanti u fit-teknoloġija tat-tagħmir tar-radju konċernata, u konoxxenza tar-rekwiżiti applikabbli ta' din id-Direttiva. Il-verifika għandha tinkludi żjara ta' valutazzjoni fil-post tal-manifattur. It-tim ta' verifika għandu jeżamina d-dokumentazzjoni teknika msemmija fil-punt 3.1(b) biex jivverifika l-abbiltà tal-manifattur li jidentifika r-rekwiżiti applikabbli ta' din id-Direttiva u biex jagħmel l-eżamijiet neċessarji sabiex jiżgura l-konformità tat-tagħmir tar-radju ma' dawn ir-rekwiżiti.

Il-manifattur jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu għandu jiġi notifikat bid-deċiżjoni.

In-notifika għandu jkun fiha l-konklużjonijiet tal-verifika u d-deċiżjoni motivata tal-valutazzjoni.

3.4. Il-manifattur għandu jimpenja ruħu biex jissodisfa l-obbligi li ġejjin mis-sistema ta' kwalità kif approvata u biex iżommha hekk ħalli tibqa' adegwata u effikaċi.

3.5. Il-manifattur għandu jżomm mgħarraf lill-korp innotifikat li jkun approva s-sistema tal-kwalità dwar kull bidla maħsuba fis-sistema tal-kwalità.

Il-korp notifikat għandu jevalwa kull bidla proposta u jiddeċiedi jekk is-sistema ta' kwalità modifikata hiex se tkompli tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fil-punt 3.2., jew jekk hemmx bżonn ta' valutazzjoni mill-ġdid.

Dan għandu jinnotifika lill-manifattur bid-deċiżjoni tiegħu. In-notifika għandha tinkludi l-konklużjonijiet tal-eżami u d-deċiżjoni motivata tal-valutazzjoni.

4.

Is-sorveljanza taħt ir-responsabbiltà tal-korp notifikat

4.1. L-għan tas-sorveljanza huwa li jiżgura li l-manifattur iwettaq kif xieraq l-obbligi li joħorġu mis-sistema ta' kwalità approvata.

4.2. Il-manifattur għandu, għal finijiet tal-valutazzjoni, jippermetti lill-korp innotifikat aċċess għas-siti tal-fabbrikazzjoni, l-ispezzjoni, it-testijiet u l-ħażna, u għandu jipprovdi t-tagħrif kollu meħtieġ, b'mod partikolari:

(a) id-dokumentazzjoni tas-sistema ta' kwalità;

(b) ir-rekords ta' kwalità kif previsti mill-parti tad-disinn tas-sistema ta' kwalità, bħar-riżultati ta' analiżijiet, kalkoli, testijiet eċċ.;

(c) ir-reġistri tal-kwalità kif stipulati fil-parti tal-manifattura tas-sistema tal-kwalità, bħalma huma r-rapporti tal-ispezzjonijiet, l-informazzjoni dwar il-kalibrazzjoni, ir-rapporti dwar il-kwalifiki tal-persunal, eċċ.

4.3. Il-korp notifikat għandu għandu jwettaq verifiki sabiex jiżgura li l-manifattur iżomm u japplika s-sistema tal-kwalità u għandu jipprovdi lill-manifattur b' rapport ta' verifika.

4.4. Barra minn hekk, il-korp notifikat jista' jagħmel żjarat mhux imħabbra minn qabel lill-manifattur. Waqt tali żjarat il-korp notifikat jista', jekk ikun neċessarju, jagħmel testijiet fuq it-tagħmir tar-radju, jew iqabbad lil min jagħmilhom, biex jivverifika li s-sistema ta' kwalità tkun qed taħdem sewwa. Dan għandu jipprovdi lill-manifattur b'rapport taż-żjara u, jekk saru xi testijiet, b'rapport tat-test.

5.

Il-marka CE u d-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE

5.1. Il-manifattur għandu jwaħħal il-marka CE skont l-Artikoli 19 u 20 u, taħt ir-responsabbiltà tal-korp notifikat imsemmi fil-punt 3.1, in-numru tal-identifikazzjoni ta' dan tal-aħħar għal kull element tat-tagħmir tar-radju li jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli stipulati fl-Artikolu 3.

5.2. Il-manifattur għandu jħejji dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE bil-miktub għal kull tip tat-tagħmir tar-radju u jżommha għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali għal 10 snin wara li t-tagħmir tar-radju jkun tqiegħed fis-suq. Id-dikjarazzjoni ta' konformità għandha tidentifika t-tip tat-tagħmir tar-radju li għalih tkun tfasslet.

Meta ssir talba għaliha, għandha tiġi pprovduta kopja tad-dikjarazzjoni tal-UE ta' konformità lill-awtoritajiet rilevanti.

6.

Il-manifattur għandu, għal perjodu li jintemm 10 snin wara li t-tagħmir tar-radju jkun tqiegħed fis-suq, iżomm għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali:

(a) id-dokumentazzjoni teknika msemmija fil-punt 3.1;

(b) id-dokumentazzjoni li tirrigwarda s-sistema tal-kwalità riferita tal-punt 3.1;

(c) il-bidla msemmija fil-punt 3.5, kif approvata;

(d) id-deċiżjonijiet u r-rapporti mill-korp notifikat li jissemmew fil-punt 3.5, 4.3 u 4.4.

7.

Kull korp notifikat għandu jinforma lill-awtorità notifikanti tiegħu bl-approvazzjonijiet tas-sistema ta' kwalità maħruġa jew irtirati, u, perjodikament jew jekk jintalab jagħmel dan, għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet notifikanti tiegħu, il-lista tal-approvazzjonijiet tas-sistemi ta' kwalità li jkunu ġew irrifjutati, sospiżi jew b'xi mod ieħor limitati.

Kull korp notifikat għandu jinforma lill-korpi notifikati l-oħra bl-approvazzjonijiet tas-sistemi ta' kwalità li jkun irrifjuta, issospenda jew irtira, u, jekk jintalab jagħmel dan, bl-approvazzjonijiet tas-sistemi ta' kwalità li jkun ħareġ.

8.

Rappreżentant awtorizzat

L-obbligi tal-manifattur stabbiliti fil-punti 3.1 3.5, 5 u 6 jistgħu jiġu sodisfatti mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, f'ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, sakemm dawn ikunu speċifikati fil-mandat.




ANNESS V

KONTENUTI TAD-DOKUMENTAZZJONI TEKNIKA

Id-dokumentazzjoni teknika għandu jkun fiha, fejn applikabbli, mill-anqas dawn l-elementi:

(a) deskrizzjoni ġenerali tat-tagħmir tar-radju inkluż:

(i) ritratti jew tpinġijiet li juru l-karatteristiċi esterni, l-immarkar u t-tqassim intern;

(ii) il-verżjonijiet tas-softwer jew il-firmware li jaffettwaw il-konformità mar-rekwiżiti essenzjali;

(iii) l-informazzjoni dwar l-utenti u l-istruzzjonijiet għall-installazzjoni;

(b) id-disinn kunċettwali u disinni tal-manifattura u skemi tal-komponenti, sottomontaturi, ċirkuwiti, u elementi simili rilevanti oħra;

(c) deskrizzjonijiet u spjegazzjonijiet meħtieġa biex ikunu mifhuma dawk it-tpinġijiet u l-iskemi u t-tħaddim tat-tagħmir tar-radju;

(d) elenku tal-standards armonizzati applikati b'mod sħiħ jew parzjali, li r-referenzi tagħhom ġew pubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u, fejn dawk l-istandards armonizzati ma ġewx applikati, deskrizzjonijiet tas-soluzzjonijiet adottati biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3, inkluża lista ta' speċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti oħra applikati. F'każ ta' standards armonizzati li jkunu ġew applikati parzjalment, id-dokumentazzjoni teknika għandha tispeċifika f'liema partijiet ġew applikati;

(e) kopja tad-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE;

(f) meta jkun ġie applikat il-modulu tal-valutazzjoni tal-konformità fl-Anness III, kopja taċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE u l-annessi tiegħu kif imwassla mill-korp notifikat inovlut.

(g) ir-riżultati tal-kalkoli tad-disinn li jkunu saru, l-eżamijiet li twettqu, u elementi simili rilevanti oħra;

(h) rapporti ta' testijiet;

(i) Spjegazzjoni tal-konformità mar-rekwiżit tal-Artikolu 10(2) u tal-inklużjoni jew le tal-informazzjoni dwar l-imballaġġ skont l-Artikolu 10(10).




ANNESS VI

DIKJARAZZJONI TA' KONFORMITÀ TAL-UE (NRU XXXX) ( 4 )

1. It-tagħmir tar-radju (numru tal-prodott, tal-lott, tat-tip jew tas-serje):

2. L-isem u l-indirizz tal-manifattur jew tar-rappreżentant awtorizzat tiegħu:

3. Din id-dikjarazzjoni tal-konformità tinħareg taħt ir-responsabbiltà unika tal-manifattur.

4. L-għan tad-dikjarazzjoni (l-identifikazzjoni tat-tagħmir tar-radju li tippermetti t-traċċabbiltà; din tista' tinkludi immaġini bil-kulur ta' ċarezza suffiċjenti meta tkun meħtieġa għall-identifikazzjoni tat-tagħmir tar-radju):

5. L-għan tad-dikjarazzjoni deskritt hawn fuq huwa konformi mal-leġiżlazzjoni ta' armonizzazzjoni rilevanti tal-Unjon:

Id-Direttiva 2014/53/UE

Leġiżlazzjoni dwar l-armonizzazzjoni oħra tal-Unjoni meta tkun applikabbli

6. Ir-referenzi għall-istandards armonizzati rilevanti li ntużaw, jew ir-referenzi għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi l-oħrajn li skonthom qed tiġi ddikjarata l-konformità: Ir-referenzi jridu jiġu elenkati bin-numru tal-identifikazzjoni u l-verżjoni tagħhom u, fejn applikabbli, id-data tal-ħruġ:

7. Meta applikabbli, il-korp notifikat … (l-isem, in-numru) … wettaq… (deskrizzjoni tal-intervent) … u ħareġ iċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE: …

8. Fejn applikabbli, deskrizzjoni tal-aċċessorji u il-komponenti, inkluż is-softwer, li jippermettu t-tagħmir tar-radju jopera kif intiż u koperti mid-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE:

9. Informazzjoni addizzjonali:

Iffirmat għal u f'isem: …

(post u data tal-ħruġ):

(isem, funzjoni) (firma):




ANNESS VII

DIKJARAZZJONI SSIMPLIFIKATA TA' KONFORMITÀ TAL-UE

Id-dikjarazzjoni ssimplifikata tal-konformità tal-UE msemmija fl-Artikolu 10(9) għandha tiġi prevista kif ġej:

B'dan, [Isem il-manifattur], niddikjara li dan it-tip ta' tagħmir tar-radju [deskrizzjoni tat-tip ta' tagħmir ta' radju] huwa konformi mad-Direttiva 2014/53/UE.

It-test kollu tad-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE huwa disponibbli f'dan l-indirizz tal-Internet li ġej:




ANNESS VIII

TABELLA TA' KORRELAZZJONI



Id-Direttiva 1999/5/KE

Din id-Direttiva

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3 (1) u (2)

Artikolu 3(1) u (2)

Artikolu 3(3) u l-Artikolu 15a

L-Artikolu 3(3), bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 3(3)(i), u l-Artikolu 44

Artikolu 4(1) u l-Artikoli 13 sa 15

Artikoli 8 u 45

Artikolu 4(2)

Artikolu 5(1)

Artikolu 16

Artikolu 5(2) u (3)

L-Artikolu 6(1)

Artikolu 6

Artikolu 6(2)

Artikolu 6(3)

Artikoli 10(8), (9), (10)

Artikolu 6(4)

Artikolu 7(1), 7(2)

Artikolu 7

Artikoli 7(3), (4) u (5)

Artikolu 8(1) u (2)

Artikolu 9

Artikolu 8(3)

Artikolu 9

Artikoli 39 sa 43

Artikolu 10

Artikolu 17

Artikolu 11

Artikoli 22 sa 38

Artikolu 12

Artikoli 19 u 20 u Artikolu 10(6) u (7)

Artikolu 16

Artikolu 17

Artikolu 47

Artikolu 18

Artikolu 48

Artikolu 19

Artikolu 49

Artikolu 20

Artikolu 50

Artikolu 21

Artikolu 51

Artikolu 22

Artikolu 52

Anness I

Anness I

Anness II

Anness II

Anness III

Anness IV

Anness III

Anness V

Anness IV

Anness VI

Artikolu 26

Anness VII(1) sa (4)

Artikoli 19 u 20

Anness VII(5)

L-Artikolu 10(10)




DIKJARAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

Il-Parlament Ewropew iqis li huwa biss meta u sakemm atti ta' implimentazzjoni fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 jiġu diskussi fil-laqgħat tal-kumitati, li dawn tal-aħħar jistgħu jitqiesu bħala “kumitati ta' komitoloġija” fis-sens tal-Anness I tal-Qafas ta' Ftehim dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea. Il-laqgħat tal-kumitati, għaldaqstant, jaqgħu fi ħdan l-ambitu tal-punt 15 tal-Qafas ta' Ftehim meta u sakemm jiġu diskussi kwistjonijiet oħra.



( 1 ) Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33).

( 2 ) Id-Direttiva 96/98/KE tal-20 ta' Diċembru 1996 dwar apparat tal-baħar (ĠU L 46, 17.2.1997, p. 25).

( 3 ) Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).

( 4 ) Il-manifattur għandu l-fakoltà li jassenja numru għad-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE.