Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02006L0001-20220605

    Consolidated text: Id-Direttiva 2006/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2006 dwar l-użu ta’ vetturi mikrija mingħajr is-sewwieq għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq (Verżjoni kodifikata) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/1/2022-06-05

    02006L0001 — MT — 05.06.2022 — 001.001


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    ID-DIRETTIVA 2006/1/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-18 ta’ Jannar 2006

    dwar l-użu ta’ vetturi mikrija mingħajr is-sewwieq għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq

    (Verżjoni kodifikata)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    (ĠU L 033 4.2.2006, p. 82)

    Emendata bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      Nru

    Paġna

    Data

    ►M1

    DIRETTIVA (UE) 2022/738 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-6 ta’ April 2022

      L 137

    1

    16.5.2022




    ▼B

    ID-DIRETTIVA 2006/1/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-18 ta’ Jannar 2006

    dwar l-użu ta’ vetturi mikrija mingħajr is-sewwieq għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq

    (Verżjoni kodifikata)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)



    Artikolu 1

    Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

    (a) 

    “vettura” tfisser vettura tal-mutur, trailer, semi-trailer, jew tagħqida ta’ vetturi maħsuba biss għat-trasport ta’ merkanzija;

    (b) 

    “vettura mikrija” tfisser kull vettura li għal rimunerazzjoni u għal perjodu stabbilit taż-żmien, titqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ l-impriża li tidħol għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq, għall-kiri jew bi ħlas jew f’isimha fuq il-bażi ta’ kuntratt magħmul ma’ l-impriża li tagħmel il-vetturi disponibbli.

    Artikolu 2

    ▼M1

    1.  

    Kull Stat Membru għandu jippermetti li fit-territorju tiegħu jintużaw vetturi mikrija minn impriżi stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor dment li:

    (a) 

    il-vettura tkun irreġistrata jew imqiegħda fiċ-ċirkolazzjoni skont il-liġijiet ta’ kwalunkwe Stat Membru u, jekk ikun applikabbli, użata skont ir-Regolamenti (KE) Nru 1071/2009 ( 1 ) u (KE) Nru 1072/2009 ( 2 ) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

    ▼B

    (b) 

    il-kuntratt ikollu x’jaqsam biss mal-kiri tal-vettura mingħajr sewwieq u ma jkunx akkumpanjat b’kuntratt tas-servizz konkluż mill-istess impriża li jkopri l-personal tas-sewqan jew li jakkumpanjaw;

    (ċ) 

    il-vettura mikrija tkun biss għad-dispożizzjoni ta’ l-impriża li tużaha matul il-perjodu taż-żmien tal-kuntratt tal-kiri;

    (d) 

    il-vettura mikrija tkun misjuqa mill-personal ta’ l-impriża li tkunu tużaha;

    ▼M1

    2.  

    Għandha tingħata prova tal-konformità mal-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, punti (a) sa (d), permezz tal-preżentazzjoni tad-dokumenti li ġejjin f’forma stampata jew elettronika, li għandhom ikunu abbord il-vettura:

    ▼B

    (a) 

    il-kuntratt tal-kiri, jew estratt iċċertifikat minn dan il-kuntratt li jindika l-isem tal-kerrej, l-isem ta’ min jikri, id-data u t-tul taż-żmien tal-kuntratt u l-identità tal-vettura;

    (b) 

    fejn is-sewwieq ma jkunx il-persuna li tikri l-vettura, il-kuntratt tax-xogħol tas-sewwieq jew estratt iċċertifikat minn dan il-kuntratt li jagħtu b’mod partikulari l-isem ta’ min iħaddem, l-isem ta’ l-impjegat u d-data u t-tul taż-żmien tal-kuntratt tax-xogħol jew karta riċenti tal-paga.

    Jekk ikun meħtieġ id-dokumenti riferiti fil-(a) u l-(b) jistgħu jinbidlu b’dokument ekwivalenti maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru.

    ▼M1

    Artikolu 3

    1.  
    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-impriżi stabbiliti fit-territorji rispettivi tagħhom ikunu jistgħu jużaw vetturi mikrija għat-trasport tal-merkanzija bit-triq taħt l-istess kundizzjonijiet applikabbli għall-vetturi li jkunu proprjetà tagħhom, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2.
    2.  

    Meta vettura mikrija tkun irreġistrata jew imqiegħda fiċ-ċirkolazzjoni skont il-liġijiet ta’ Stat Membru ieħor, l-Istat Membru li fih tkun stabbilita l-impriża tat-trasport bit-triq jista’:

    (a) 

    jillimita ż-żmien tal-użu tal-vettura mikrija fit-territorju tiegħu dment li l-użu tal-vettura mikrija mill-istess impriża tat-trasport bit-triq ikun permess għal perijodu ta’ mill-inqas xahrejn konsekuttivi fi kwalunkwe sena kalendarja partikolari; f’dak il-każ l-Istat Membru jista’ jirrikjedi li l-kuntratt tal-kiri ma jdumx aktar mil-limitu ta’ żmien stabbilit minn dak l-Istat Membru;

    (b) 

    jirrikjedi li l-vettura mikrija tiġi rreġistrata skont ir-regoli nazzjonali tar-reġistrazzjoni tiegħu wara perijodu ta’ mhux inqas minn 30 jum; f’dak il-każ l-Istat Membru jista’ jirrikjedi li l-kuntratt tal-kiri ma jdumx aktar mill-perijodu ta’ ċirkolazzjoni qabel ir-rekwiżit tar-reġistrazzjoni;

    (c) 

    jillimita l-għadd ta’ vetturi mikrija li jistgħu jintużaw minn impriża dment li l-għadd minimu ta’ vetturi permess għandu jkun tal-inqas 25 % tal-flotta tal-vetturi tal-merkanzija għad-dispożizzjoni tal-impriża skont l-Artikolu 5(1), punt (g), tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 fil-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel l-użu tal-vettura mikrija jew inkella fil-jum meta l-impriża tibda tuża l-vettura mikrija, kif determinat mill-Istat Membru; Madankollu, fil-każ ta’ impriża li jkollha flotta ġenerali ta’ aktar minn vettura waħda u inqas minn erba’ vetturi, għandu jkun permess l-użu ta’ mill-inqas waħda minn tali vetturi; l-għadd minimu skont dan il-punt jirreferi għall-flotta tal-vetturi tal-merkanzija għad-dispożizzjoni tal-impriża abbażi tal-vetturi rreġistrati jew imqiegħda fiċ-ċirkolazzjoni f’konformità mal-liġijiet ta’ dak l-Istat Membru;

    (d) 

    jillimita l-użu ta’ tali vetturi għal operazzjonijiet ta’ trasport f’isem l-impriża li tużahom.

    ▼M1

    Artikolu 3a

    1.  
    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li n-numru tar-reġistrazzjoni ta’ vettura mikrija użata minn impriża li tkun involuta fit-trasport tal-merkanzija bit-triq f’isem ħaddieħor jiddaħħal fir-reġistru elettroniku nazzjonali msemmi fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009.
    2.  
    L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw mill-qrib u għandhom jipprovdu lil xulxin mingħajr dewmien b’assistenza reċiproka u bi kwalunkwe informazzjoni rilevanti sabiex jiġu ffaċilitati l-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ din id-Direttiva. Għal dak il-għan, kull Stat Membru għandu jinnomina punt ta’ kuntatt nazzjonali responsabbli għall-iskambju ta’ informazzjoni mal-Istati Membri l-oħra.
    3.  
    L-iskambju tal-informazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jseħħ permezz tar-Reġistri Ewropej tal-Impriżi tat-Trasport bit-Triq (ERRU) kif speċifikat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/480 ( 3 ).
    4.  
    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni pprovduta skont dan l-Artikolu tintuża biss fir-rigward tal-kwistjonijiet li għalihom tkun intalbet. Kwalunkwe pproċessar tad-data personali għandu jsir biss għall-finijiet ta’ konformità ma’ din id-Direttiva u għandu jikkonforma mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ).
    5.  
    Il-kooperazzjoni amministrattiva reċiproka u l-assistenza reċiproka għandhom jingħataw mingħajr ħlas.
    6.  
    Talba għall-informazzjoni ma għandhiex tipprekludi lill-awtoritajiet kompetenti milli jieħdu miżuri f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali rilevanti biex jinvestigaw u jipprevjenu ksur allegat tar-regoli li jirriżultaw mit-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva.
    7.  
    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-ipproċessar tad-data msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jikkonforma mar-rekwiżiti għall-informazzjoni msemmijin fl-Artikolu 16(2), punt (g), tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 kif speċifikat fl-Artikolu 16(2), it-tielet u l-ħames subparagrafi, u fl-Artikolu 16(3) u (4) ta’ dak ir-Regolament.
    8.  
    Mhux aktar tard minn 14-il xahar wara l-adozzjoni ta’ att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi formula komuni għall-kejl tar-riskju kif imsemmi fl-Artikolu 9(1), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ), il-Kummissjoni għandha tadotta, atti ta’ implimentazzjoni, li jistipulaw ir-rekwiżiti minimi li jikkonċernaw id-data li għandha tiddaħħal fir-reġistri elettroniċi nazzjonali sabiex tkun tista’ ssir l-interkonnessjoni tar-reġistri, u tispeċifika l-funzjonalitajiet neċessarji sabiex dik l-informazzjoni ssir aċċessibbli għall-awtoritajiet kompetenti waqt il-kontrolli mal-ġenb tat-triq. Dawk ir-rekwiżiti minimi u l-funzjonalitajiet għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti u l-funzjonalitajiet stabbiliti skont l-Artikolu 16(6) tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 5b(2), ta’ din id-Direttiva.
    9.  
    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data msemmija fil-paragrafu 1 tkun aċċessibbli għall-awtoritajiet kompetenti waqt il-kontrolli mal-ġenb tat-triq.

    ▼B

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa r-regolamenti ta’ Stat Membru li jistabbilixxu kondizzjonijiet inqas restrittivi dwar l-użu tal-vetturi mikrija minn dawk speċifikati fl-Artikoli 2 u 3.

    Artikolu 5

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 2 u 3, din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa l-applikazzjoni tar-regoli li għandhom x’jaqsmu ma’:

    (a) 

    l-organizzazzjoni tas-suq tat-trasport ta’ merkanzija bit-triq bħala kiri jew bi ħlas u f’isimhom stess, u, partikolarment, għall-aċċess għas-suq u, rigward ir-restrizzjonijiet fuq il-kwoti dwar il-kapaċitajiet tat-toroq;

    (b) 

    il-prezzijiet u l-kondizzjonijiet għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq;

    (ċ) 

    il-formazzjoni tal-prezzijiet tal-kiri;

    (d) 

    l-importazzjoni tal-vetturi;

    (e) 

    il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-aċċess għall-attività jew l-okkupazzjoni ta’ min jikri lil ħaddieħor il-vetturi tat-triq.

    ▼M1

    Artikolu 5a

    Sas-7 ta’ Awwissu 2027, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-effetti ta’ din id-Direttiva. Dak ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar l-użu tal-vetturi mikrija fi Stat Membru li ma jkunx dak li fih tkun stabbilita l-impriża li tikri l-vettura. Ir-rapport għandu jagħti attenzjoni partikolari lill-impatt fuq is-sikurezza fit-toroq, fuq l-ambjent, fuq id-dħul mit-taxxa u fuq l-infurzar tar-regoli dwar il-kabotaġġ skont ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009. Abbażi ta’ dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tivvaluta huwiex meħtieġ li jiġu proposti miżuri addizzjonali.

    Artikolu 5b

    1.  
    Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 6 ). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 7 ).
    2.  
    Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    ▼B

    Artikolu 6

    Id-Direttiva 84/647/KEE hija mħassra bla ħsara għall-obbligi ta’ l-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi mniżżla fl-Anness I, Parti B.

    Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

    Artikolu 7

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 8

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




    ANNESS I

    Parti A

    Direttiva mħassra flimkien ma’ l-emendament tagħha

    (imsemmi fl-Artikolu 6)



    Direttiva tal-Kunsill 84/647/KEE

    (ĠU L 335, tat-22.12.1984, p.72)

    Direttiva tal-Kunsill 90/398/KEE

    (ĠU L 202, tal-31.7.1990. p.46)

    Parti B

    Limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

    (imsemmijin fl-Artikolu 6)



    Direttiva

    Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

    Direttiva 84/647/KEE

    30 ta’ Ġunju 1986

    Direttiva 90/398/KEE

    31 ta’ Diċembru 1990




    ANNESS II

    Tabella Ta’ Korrelazzjoni



    Direttiva 84/647/KEE

    Din id-Deċiżjoni

    Artikolu 1, sentenza tal-bidu

    Artikolu 1, sentenza tal-bidu

    Artikolu 1, l-ewwel inċiż

    Artikolu 1(a)

    Artikolu 1, it-tieni inċiż

    Artikolu 1(b)

    Artikolu 2, sentenza tal-bidu

    Artikolu 2(1), sentenza tal-bidu

    Artikolu 2(1) sa (4)

    Artikolu 2(1), punti (a) sa (d)

    Artikolu 2(5) l-ewwel subparagrafu, sentenza tal-bidu

    Artikolu 2(2), l-ewwel subparagrafu, sentenza tal-bidu

    Artikolu 2(5), l-ewwel subparagrafu, punt (a) u (b)

    Artikolu 2(2), l-ewwel subparagrafu, punti (a) u (b)

    Artikolu 2(5), it-tieni subparagrafu

    Artikolu 2(2), it-tieni subparagrafu

    Artikolu 3

    Artikolu 3

    Artikolu 4 paragrafu 1

    Artikolu 4

    Artikolu 5, sentenza tal-bidu

    Artikolu 5, sentenza tal-bidu

    Artikolu 5, l-ewwel inċiż

    Artikolu 5(a)

    Artikolu 5, it-tieni inċiż

    Artikolu 5(b)

    Artikolu 5, it-tielet inċiż

    Artikolu 5(ċ)

    Artikolu 5, ir-raba’ inċiż

    Artikolu 5(d)

    Artikolu 5, il-ħames inċiż

    Artikolu 5(e)

    Artikolu 6

    Artikolu 7

    Artikolu 8

    Artikolu 6

    Artikolu 7

    Artikolu 9

    Artikolu 8

    Anness I

    Anness II



    ( 1 ) Ir-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 51).

    ( 2 ) Ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 72).

    ( 3 ) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/480 tal-1 ta’ April 2016 li jistabbilixxi regoli komuni li jikkonċernaw l-interkonnessjoni tar-reġistri elettroniċi nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1213/2010 (ĠU L 87, 2.4.2016, p. 4).

    ( 4 ) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

    ( 5 ) Id-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta Marzu 2006 dwar il-kondizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 561/2006 u (UE) Nru 165/2014 u d-Direttiva 2002/15/KE fir-rigward tal-leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam ma’ attivitajiet tat-trasport bit-triq, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 35).

    ( 6 ) Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1).

    ( 7 ) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    Top