EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 01989L0655-20010719

Consolidated text: Id-Direttiva tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 1989 li tirrigwarda l-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa fl-użu tat-tagħmir tax-xogħol mill-ħaddiema fuq ix-xogħol (it-tieni Direttiva individwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (89/655/KEE)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1989/655/2001-07-19

1989L0655 — MT — 19.07.2001 — 002.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL

tat-30 ta' Novembru 1989

li tirrigwarda l-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa fl-użu tat-tagħmir tax-xogħol mill-ħaddiema fuq ix-xogħol (it-tieni Direttiva individwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)

(89/655/KEE)

(ĠU L 393, 30.12.1989, p.13)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 95/63/KE tal-5 ta' Diċembru 1995

  L 335

28

30.12.1995

►M2

ID-DIRETTIVA 2001/45/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Test b'rilevanza għaż-ŻEE tas-27 ta' Ġunju 2001

  L 195

46

19.7.2001




▼B

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL

tat-30 ta' Novembru 1989

li tirrigwarda l-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa fl-użu tat-tagħmir tax-xogħol mill-ħaddiema fuq ix-xogħol (it-tieni Direttiva individwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)

(89/655/KEE)



IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b' mod partikolari l-Artikolu 118a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni ( 1 ), sottomessa wara li ġie kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà, l-Iġjene u l-Protezzjoni tas-Saħħa fuq ix-Xogħol,

B' kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew ( 2 ),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali ( 3 ),

Billi l-Artikolu 118a tat-Trattat jipprovdi illi l-Kunsill għandu jadotta, permezz ta' direttivi, il-ħtiġiet minimi li jinkoraġġixxu t-titjib, speċjalment fl-ambjent tax-xogħol, sabiex jiggarantixxu livell aħjar ta' protezzjoni għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema;

Billi, skond l-Artikolu msemmi, dawn id-Direttivi jridu jevitaw milli jimponu restrizzjonijiet amministrattivi, finanazjarji u legali b' manjiera li jżommu lura l-ħolqien u l-iżvilupp ta' l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju;

Billi l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-programm tagħha li jirrigwarda s-sigurtà, l-iġjene u s-saħħa fuq ix-xogħol ( 4 ) tipprovdi għall-adozzjoni ta' direttiva dwar l-użu ta' tagħmir protettiv tax-xogħol fuq ix-xogħol;

Billi, fir-riżoluzzjoni tagħha tal-21 ta' Diċembru 1987 dwar is-sigurtà, l-iġjene u s-saħħa fuq ix-xogħol ( 5 ), il-Kunsill ħa nota ta' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tissottometti lill-Kunsill fil-futur qrib il-ħtiġijiet minimi li jirigwardaw l-organizzazzjoni tas-sigurtà u s-saħħa waqt ix-xogħol;

Billi l-konformità mal-ħtiġijiet minimi ddisinjati li jiggarantixxu standard aħjar ta' sigurtà u ta' saħħa fl-użu ta' tagħmir tax-xogħol hija essenzjali sabiex tiġi żgurata s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema;

Billi din id-Direttiva hija direttiva individwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol ( 6 ); billi, konsegwentement, id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva jistgħu jiġu applikati għal kollox fl-użu mill-ħaddiema tat-tagħmir tax-xogħol fuq il-post tax-xogħol, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet iktar strinġenti u/jew speċifiċi misjuba f' din id-Direttiva;

Billi din id-Direttiva tikkostitwixxi aspett prattiku għar-realizzazzjoni tad-dimensjoni soċjali tas-suq intern;

Billi, skond id-Direttiva 89/189/KEE ( 7 ), l-Istati Membri huma meħtieġa li jinnotifikaw lill-Kummissjoni b' kull abbozz tar-regolamenti tekniċi li għandhom x' jaqsmu mal-makkinarju, mat-tagħmir u ma' l-istallazzjonijiet;

Billi, skond id-Deċiżjoni 74/325/KEE ( 8 ), kif l-aħħar emendata bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-1985, il-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà, l-Iġjene u l-Protezzjoni tas-Saħħa fuq ix-Xogħol jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni dwar l-abbozzar tal-proposti f' dan il-qasam,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:



IT-TAQSIMA I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

L-Artikolu 1

Suġġett

1.  Din id-Direttiva, li hija t-tieni Direttiva individwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE, tistabbilixxi l-ħtiġiet minimi dwar is-sigurtà u s-saħħa fl-użu tat-tagħmir tax-xogħol mill-ħaddiema fuq ix-xogħol, kif definiti fl-Artikolu 2.

2.  Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/391/EEC japplikaw għal kollox għall-kamp kollu li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet aktar ristrettivi u/jew speċifiċi misjuba f' din id-Direttiva.

L-Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva, it-termini li ġejjin għandu jkollhom it-tifsira li ġejja:

(a) “tagħmir tax-xogħol”: kull magna, apparat jew stallazzjoni użati waqt ix-xogħol;

(b) “użu tat-tagħmir tax-xogħol”: kull attività li tinvolvi t-tagħmir tax-xogħol bħal dak it-tagħmir li jqabbad jew iwaqqaf it-tagħmir, l-użu tiegħu, it-trasport, it-tiswija, il-modifika, il-manutenzjoni u s-servicing, inkluż, b' mod partikolari, it-tindif;

(ċ) “żona ta' perikolu”: kull żona ġewwa u/jew madwar it-tagħmir tax-xogħol li fiha ħaddiem espost ikun bla ħsara għal riskju rigward is-saħħa jew is-sigurtà tiegħu;

(d) “ħaddiem espost”: kull ħaddiem kollu kemm hu jew parzjalment f' żona ta' perikolu;

(e) “ħaddiem”: il-ħaddiem jew il-ħaddiema mogħtija x-xogħol li jużaw it-tagħmir tax-xogħol.



IT-TAQSIMA II

L-OBBLIGI TA' MIN IĦADDEM

L-Artikolu 3

Obbligi ġenerali

1.  Min iħaddem għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura illi t-tagħmir tax-xogħol magħmul disponibbli għall-ħaddiema fl-impriża u/jew l-istabbiliment ikun xieraq għax-xogħol li għandu jitwettaq jew addattat kif jixraq għal dan l-iskop u jista' jintuża mill-ħaddiema mingħajr ħsara għas-sigurtà jew is-saħħa tagħhom.

Fil-għażla tat-tagħmir tax-xogħol li hu jipproponi li juża, min iħaddem għandu joqgħod attent għall-kondizzjonijiet speċifiċi tax-xogħol u l-karatteristiċi u l-perikoli li jeżistu fl-impriża u/jew fl-istabbiliment, b' mod partikolari fuq il-post tax-xogħol, għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, u/jew kull perikolu addizzjonali impost bl-użu tat-tagħmir tax-xogħol inkwistjoni.

2.  Fejn mhux possibbli għal kollox li jiġi żgurat illi t-tagħmir tax-xogħol jista' jintuża mill-ħaddiema mingħajr riskju għas-sigurtà jew għas-saħħa, min iħaddem għandu jieħu l-miżuri xierqa sabiex inaqqas r-riskji.

L-Artikolu 4

Ir-Regoli li jirrigwardaw it-tagħmir tax-xogħol

1.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3, min iħaddem għandu jikseb u/jew juża:

(a) it-tagħmir tax-xogħol li, jekk provdut lill-ħaddiema fl-impriża u/jew fl-istabbiliment għall-ewwel darba wara l-31 ta' Diċembru 1992, jikkonforma:

(i) mad-dispożizzjonijiet ta' kull direttiva Komunitarja rilevanti li tapplika;

(ii) mal-ħtiġijiet minimi stabbiliti ►M1  fl-Anness I ◄ , safejn u sakemm l-ebda direttiva oħra Komunitarja ma tapplika jew tagħmel hekk parzjalment biss;

(b) mat-tagħmir tax-xogħol li, jekk diġà provdut lill-ħaddiema fl-impriża u/jew fl-istabbiliment sal-31 ta' Diċembru 1992, jikkonforma mal-ħtiġiet minimi stabbiliti ►M1  fl-Anness I ◄ sa mhux aktar tard minn erba' snin wara din id-data;

▼M1

(ċ) mingħajr preġudizzju għall-punt (a)(i), u b'deroga għall-punt (a)(ii) u l-punt (b), tagħmir ta' xogħol speċifiku suġġett għal ħtiġiet tal-punt 3 ta'l-Anness I, li, jekk diġà provdut għall-ħaddiema fl-impriża u/jew stabbiliment sal-5 ta' Diċembru 1998, jikkonforma mal-ħtiġiet minimi stabbiliti fl-Anness I, sa mhux aktar tard minn erba' snin wara dik id-data.

▼B

2.  Min iħaddem għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura illi, matul il-ħajja tat-tagħmir tax-xogħol, dan jinżamm, permezz ta' manutenzjoni adegwata, f' livell illi jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1(1) jew (b) skond kif japplika.

▼M1

3.  L-Istati Membri għandhom, wara konsultazzjoni ma' l-imsieħba soċjali u meħud kont ta' leġislazzjoni u/jew il-prattiki nazzjonali jistabilixxu l-miżuri li jippermettu li jintlaħaq livell ta' sigurtà li jikkorrispondi mal-miri msemmija fid-dispożizzjonijiet ta' l-Anness II.

L-Artikolu 4a.

Spezzjoni ta' tagħmir ta' xogħol

1.  Min jimpjiega għandu jassigura illi t-tagħmir tax-xogħol li s-sigurtà tagħhom tiddependi mill-kondizzjonijiet ta' l-installazzjoni ikunu kontrollati fil-bidu (wara l-installazzjoni imma qabel ma jibdew jaħdmu) u verifika wara kull assemblaġġ f'sit ġdid jew tqegħid f'lokazzjoni oħra li ssir minn persuni kompetenti fis-sens tal-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali bil-ħsieb li jiġu assigurati l-installazzjoni korretta u l-funzjonament tajjeb ta' dan it-tagħmir tax-xogħol.

2.  Min jimpjiega għandu jiżgura li t-tagħmir ta' xogħol li jkun espost għal influwenzi li jikkawżaw deterjorazzjoni li ġġib sitwazzjoni ta' perikolu jkunu soġġetti għal:

 spezzjonijiet perijodiċi u, meta jkun il-każ, provi perijodiċi minn persuni kompetenti fis-sens ta' leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali,

 spezzjonijiet speċjali minn persuni kompetenti fis-sens ta' leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali kull darba li xi ġraja eċċezzjonali li setgħu iġibu magħhom konsegwenzi ta' ħsara għas-sigurtà tat-tagħmir tax-xogħol bħalma huma trasformazzjoni, inċidenti, fenomeni naturali, perijodi twal li ma jintużawx,

biex jiggarantixxu li l-ħtiġiet ta' sigurtà u ta' saħħa jkunu rispettati u li l-ħsara li tkun saret tkun skoperta u rimedjata fil-ħin.

3.  Ir-riżultati ta' spezzjonijiet għandhom jiġu rreġistrati u miżmuma għad-dispożizzjoni ta' l-awtoritajiet ikkonċernati. Għandhom jinżammu għal perijodu ta' żmien approprjat.

Meta t-tagħmir tax-xogħol hu użat barra l-impriża għandu jkollu miegħu prova materjali li l-aħħar spezzjoni tkun saret.

4.  L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li taħthom għandhom isiru l-ispezzjonijiet.

▼B

L-Artikolu 5

It-tagħmir tax-xogħol li jinvolvi riskji speċifiċi

Meta l-użu tat-tagħmir tax-xogħol x' aktarx jinvolvi riskju speċifiku għas-sigurtà jew għas-saħħa tal-ħaddiema, min iħaddem għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura illi:

 l-użu tat-tagħmir tax-xogħol ikun ristrett għal dawk il-persuni mogħtija x-xogħol sabiex jużawh;

 fil-każ ta' tiswijiet, modifiki, manutenzjoni jew servicing, il-ħaddiema interessati jiġu speċifikament innominati biex jagħmlu dan ix-xogħol.

▼M1

L-Artikolu 5a.

L-Ergonomija u s-saħħa fuq ix-xogħol

Il-post tax-xogħol u l-qagħda tal-ħaddiema meta qed jużaw tagħmir tax-xogħol kif ukoll il-prinċipji ta' l-ergonomija għandhom jiġu meħuda inkonsiderazzjoni sħiħa minn min jimpjiega meta japplika l-ħtiġiet minimi ta' sigurtà u saħħa.

▼B

L-Artikolu 6

It-tagħrif lill-ħaddiema

1.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10 tad-Direttiva 89/391/KEE, min iħaddem għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura illi l-ħaddiema jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom it-tagħrif adegwat u, fejn xieraq, istruzzjonijiet bil-miktub dwar it-tagħmir tax-xogħol użat fuq ix-xogħol.

2.  It-tagħrif u l-istruzzjonijiet bil-miktub irid ikun fihom mill-inqas tagħrif adegwat dwar is-sigurtà u s-saħħa li jirrigwarda:

 il-kundizzjonijiet ta' l-użu tat-tagħmir tax-xogħol,

 is-sitwazzjonijiet anormali li jistgħu jiġu previsti,

 il-konklużjonijiet miġbura mill-esperjenza, fejn xieraq, fl-użu tat-tagħmir tax-xogħol.

▼M1

Il-ħaddiema għandhom jiġu magħmulin konxji mir-riskji li jikkonċernawhom, mit-tagħmir tax-xogħol presenti fl-ambjent immedjat tax-xogħol kif ukoll ta' xi modifikazzjonijiet li jikkonċernawhom, sa fejn dawn jeffettwaw it-tagħmir tax-xogħol li jkunu jinsabu fl-ambjent tax-xogħol fil-qrib anke jekk ma jkunux qegħdin jużaw dan it-tagħmir direttament.

▼B

3.  It-tagħrif u l-istruzzjonijiet bil-miktub iridu jinftiehmu mill-ħaddiema kkonċernati.

L-Artikolu 7

It-taħriġ tal-ħaddiema

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12 tad- Direttiva 89/391/KEE, min iħaddem għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura illi:

 il-ħaddiema mogħtija x-xogħol li jużaw it-tagħmir tax-xogħol jirċievu taħriġ adegwat, inkluż it-taħriġ dwar kull riskju li jista' jkun fih dan l-użu,

 il-ħaddiema li hemm referenza għalihom fit-tieni inċiż ta' l-Artikolu 5 jirċievu taħriġ speċifiku adekwat.

L-Artikolu 8

Il-konsultazzjoni mal-ħaddiema u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema

Il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom isiru skond l-Artikolu 11 tad-Direttiva 89/391/KEE dwar il-materji koperti b' din id-Direttiva, inklużi ►M1  hi mibdula bi l-Annessi ◄ ta' magħha.



IT-TAQSIMA III

DISPOŻIZZJONIJIET MIXXELLANJI

L-Artikolu 9

Emenda ►M1  ta' l-Annessi ◄

1.  Żidiet ►M1  l-Anness I ◄ dwar il-ħtiġijiet minimi supplimentari li japplikaw għat-tagħmir speċifiku tax-xogħol li hemm referenza għalih fil-punt 3 tiegħu għandhom jiġu adottati mill-Kunsill skond il-proċedura stabbilita bl-Artikolu 118a tat-Trattat.

2.  L-addattamenti strettament tekniċi ta' ►M1  l-Annessi ◄ b' riżultat ta':

 l-adozzjoni tad-Direttivi dwar l-armonizzazzjoni teknika u l-istandardizzazzjoni tat-tagħmir tax-xogħol u/jew

 il-progress tekniku, il-bidliet fir-regolamenti jew fl-ispeċifikazzjonijiet jew fit-tagħrif internazzjonali fil-qasam tat-tagħmir tax-xogħol

għandhom jiġu adottati, skond il-proċedura stabbilita bl-Artikolu 17 tad-Direttiva 89/391/KEE.

L-Artikolu 10

Dispożizzjonijiet finali

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal-31 ta' Diċembru 1992. Għandhom imbagħad jgħarrfu lill-Kummissjoni b' dan.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali li huma jkunu diġà adottaw jew li jadottaw fil-qasam regolat minn din id-Direttiva.

3.  L-Istati Membri għandhom jagħmlu rapport lill-Kummissjoni kull ħames snin dwar l-implimentazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, fejn jindikaw il-veduti ta' min iħaddem u tal-ħaddiema.

Il-Kummissjoni għandha tinforma kif xieraq lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, u lill-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà, l-Iġjene u l-Protezzjoni tas-Saħħa fuq ix-Xogħol.

4.  Il-Kummissjoni għandha tissottometti perjodikament lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, filwaqt li tqis l-paragrafi minn 1 sa 3.

L-Artikolu 11

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




L-ANNESS ►M1  I ◄

IL-ĦTIĠIET MINIMI LI HEMM REFERENZA GĦALIHOM FL-ARTIKOLU 4(1)(a)(ii) u (b)

1.   Kumment ġenerali

L-obbligi stabbiliti f' dan l-Anness japplikaw billi jqisu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva u fejn jeżisti riskju li jikkorrispondi mat-tagħmir tax-xogħol inkwistjoni.

▼M1

Il-ħtiġiet minimi li ġejjin, sa fejn japplikaw għal tagħmir ta' xogħol fl-użu, mhux neċessarjament jitolbu għall-istess miżuri bħall-ħtiġiet essenzjali li jikkonċernaw it-tagħir tax-xogħol ġdid.

▼B

2.   Il-ħtiġijiet minimi ġenerali li japplikaw għat-tagħmir tax-xogħol

2.1.

L-istrumenti li jikkontrollaw it-tagħmir tax-xogħol li jaffettwaw is-sigurtà jridu jkunu jidhru u jiġu identifikati biċ-ċar u mmarkati kif jixraq fejn meħtieġ.

Għajr fejn jinħtieġ għal ċerti strumenti tal-kontroll, l-istrumenti tal-kontroll iridu jiġu mqiegħda 'l barra miż-żoni ta' perikolu u fil-manjiera li l-operazzjoni tagħhom ma tistax tikkawża perikolu addizzjonali. Ma jridu joħolqu l-ebda perikolu bħala riżultat ta' kull operazzjoni mhix intenzjonata.

Jekk ikun hemm il-ħtieġa, mill-pożizzjoni prinċipali tal-kontroll, il-ħaddiem irid ikun jista' jiżgura illi l-ebda persuna mhi preżenti fiż-żoni ta' perikolu. Jekk dan ma jkunx possibbli, trid titħaddem awtomatikament sistema ta' sigurtà bħal sinjal ta' twissija li jinstama' u/jew li jidher meta l-makkinarju jkun sejjer jitqabbad jaħdem. Ħaddiem espost irid ikollu l-ħin u/jew il-mezz sabiex jevita malajr il-perikoli kkawżati mit-tagħmir tax-xogħol huwa u jitqabbad jew jitwaqqaf.

▼M1

Is-Sistemi ta' kontroll għandhom ikunu żguri u jintgħażlu biex jipprovdu għal meta s-sistema tfalli, ikun fiha disturbi jew kondizzjonijiet speċjail li wieħed jista' jipprevedi fil-qafas ta' l-użu maħsub.

▼B

2.2.

Għandu jkun possibbli li t-tagħmir tax-xogħol jitqabbad jaħdem biss b' azzjoni deliberata fuq kontroll provdut għal dan l-iskop.

L-istess għandu japplika:

 biex jerġa' jitqabbad jaħdem wara waqfien tkun xi tkun ir-raġuni,

 għall-kontroll ta' bidla sinifikanti fil-kondizzjonijiet ta' l-operazzjoni (eż. il-qawwa, il-pressa, eċċ.),

għajr jekk dan it-tqabbid mill-ġdid għax-xogħol jew il-bidla ma tissoġġettax lill-ħaddiema esposti għal xi perikolu.

Din il-ħtieġa ma tapplikax għat-tqabbid mill-ġdid għax-xogħol jew bidla fil-kondizzjonijiet ta' l-operazzjonijiet bħala riżultat taċ-ċiklu normali ta' l-operazzjoni ta' strument awtomatiku.

2.3.

It-tagħmir kollu tax-xogħol irid ikun imgħammar b' kontroll sabiex iwaqqaf it-tagħmir kompletament u b' mod żgur.

Kull stazzjon tax-xogħol trid tkun mgħammra b' kontroll li jwaqqaf parti mit-tagħmir tax-xogħol jew kollu, skond it-tip tal-perikolu, sabiex it-tagħmir ikun fi stat ta' sigurtà. Il-kontroll tal-waqfien tat-tagħmir irid ikollu l-prijorità fuq il-kontrolli li jqabbdu t-tagħmir. Meta t-tagħmir tax-xogħol jew il-partijiet perikolużi tiegħu jieqfu, irid jiġi maqtugħ il-forniment ta' l-enerġija ta' dawk involuti li jħaddmu it-tagħmir.

2.4.

Fejn xieraq, u skond il-perikoli li jippreżenta t-tagħmir u l-ħin ta' waqfien normali tiegħu, it-tagħmir tax-xogħol irid jiġi mgħammar bi strument tal-waqfien f' emerġenza.

2.5.

It-tagħmir tax-xogħol li jippreżenta riskju minħabba l-oġġetti li jaqgħu jew il-biċċiet li jisporġu minnu irid ikun imgħammar bil-mezzi xierqa ta' sigurtà li jikkorrispondu mar-riskju.

It-tagħmir tax-xogħol li jippreżenta perikoli minħabba l-ħruġ ta' gass, fwar, likwidu jew trab irid ikun imgħammr b' mezzi xierqa ta' trażżin jew ta' estrazzjoni maġenb is-sorsi tal-perikolu.

2.6.

It-tagħmir tax-xogħol u l-partijiet minn dan it-tagħmir, fejn ikunu meħtieġa għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, iridu jiġu mwaħħla bl-ikklampjar jew b' mezzi oħra.

2.7.

Fejn ikun hemm ir-riskju ta' ksur jew tad-diżintegrazzjoni ta' partijiet mit-tagħmir tax-xogħol, li x' aktarx ikun ta' perikolu sinifikanti għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, iridu jittieħdu l-miżuri protettivi xierqa.

2.8.

Fejn ikun hemm ir-riskju ta' kuntatt mekkaniku ma' partijiet li jiċċaqilqu tat-tagħmir tax-xogħol li jistgħu jwasslu għal inċidenti, dawn il-partijiet iridu jkunu provduti bi lqugħ jew b' mezzi li jipprevienu l-aċċess għaż-żoni ta' perikolu jew sabiex iwaqqfu ċ-ċaqliq tal-partijiet perikolużi qabel jintlaħqu ż-żoni tal-perikolu.

L-ilqugħ u l-mezzi ta' protezzjoni jridu:

 ikunu ta' kostruzzjoni b' saħħitha,

 ma jagħtux lok għal perikolu addizzjonali,

 ma jkunux jistgħu jiġu mneħħija faċilment jew jinġiebu li ma jistgħux jaħdmu,

 ikunu qiegħda 'l bogħod biżżejjed miż-żona tal-perikolu,

 ma jirrestrinġux aktar milli meħtieġ il-vista taċ-ċiklu operattiv tat-tagħmir,

 iħallu l-operazzjonijiet meħtieġa sabiex jitwaħħlu jew jinbidlu l-partijiet u jsir xogħol ta' manutenzjoni, jirrestrinġu l-aċċess għaż-żona fejn irid isir ix-xogħol biss u, jekk possibbli, mingħajr it-tneħħija tal-lqugħ jew il-mezz tal-protezzjoni.

2.9.

Iż-żoni u l-postijiet għax-xogħol fuq it-tagħmir tax-xogħol, jew il-manutenzjoni tiegħu, iridu jkunu mdawla biżżejjed skond l-operazzjoni li trid titwettaq.

2.10.

Il-partijiet tat-tagħmir tax-xogħol f' temperatura għolja jew f' temperatura baxxa ħafna jridu, fejn xieraq, ikunu protetti sabiex jevitaw ir-riskju li l-ħaddiema jiġu f' kuntatt miegħu jew qrib wisq.

2.11.

Il-mezzi tat-twissija fuq it-tagħmir tax-xogħol ma jridux ikunu ambigwi u jridu jidhru u jiġu mifhuma bla fixkil.

2.12.

It-tagħmir tax-xogħol jista' jintuża biss għall-operazzjonijiet u skond il-kondizzjonijiet li għalihom huwa xieraq.

2.13.

Irid ikun possibbli li jitwettqu operazzjonijiet ta' manutenzjoni meta t-tagħmir ikun mitfi. Jekk dan ma jkunx possibbli, irid ikun possibbli li jittieħdu l-miżuri xierqa ta' protezzjoni sabiex isiru dawn l-operazzjonijiet jew sabiex dawn l-operazzjonijiet isiru barra miż-żoni tal-perikolu.

Jekk magna jkollha reġistru tal-manutenzjoni, dan irid jinżamm aġġornat.

2.14.

It-tagħmir kollu tax-xogħol irid iġorr fuqu mezzi ċari u li jidhru u jinftiehmu malajr li jiżolawh mis-sorsi kollha ta' l-enerġija tiegħu.

It-twaħħil mill-ġdid (mas-sorsi ta' l-enerġija) irid jinftiehem li ma jippreżenta l-ebda riskju għall-ħaddiema involuti.

2.15.

It-tagħmir tax-xogħol irid iġorr miegħu it-twissijiet u l-marki essenzjali sabiex jiżguraw is-sigurtà tal-ħaddiema.

2.16.

Il-ħaddiema jrid ikollhom mezzi żguri ta' aċċess għaż-żoni kollha ta' l-operazzjonijiet ta' produzzjoni, ta' aġġustament u ta' manutenzjoni u jridu jkunu kapaċi jibqgħu fis-sigurtà fihom.

2.17.

It-tagħmir kollu tax-xogħol irid ikun xieraq sabiex jipproteġi lill-ħaddiema kontra r-riskju li t-tagħmir tax-xogħol jieħu n-nar jew jisħon iżżejjed, jew li minnu joħorġu gassijiet, trab, likwidu, fwar jew sustanzi oħra prodotti, użati jew maħżuna fit-tagħmir tax-xogħol.

2.18.

It-tagħmir kollu tax-xogħol irid ikun xieraq sabiex jipprevieni r-riskju li jisplodi t-tagħmir tax-xogħol jew li jisplodu is-sustanzi prodotti, użati jew maħżuna fit-tagħmir tax-xogħol.

2.19.

It-tagħmir kollu tax-xogħol irid ikun xieraq sabiex jipproteġi lill-ħaddiema esposti mir-riskju ta' kuntatt dirett jew indirett ma' l-elettriku.

▼M1

3.   Il-Ħtiġiet minimi addizzjonali applikabbli għal tipi speċifiċi ta' tagħmir ta' xogħol

3.1.   Il-Ħtiġiet minimi għal tagħmir ta' xogħol mobbli, kemm awtomatiku kemm le

3.1.1.

It-tagħmir ta' xogħol li jkollhom ħaddiema fuqhom għandhom jiġu magħmulin b'tali mod li jitnaqqsu ir-riskji għal ħaddiema meta jiċċaqalqu.

Dawk il-perikoli għandhom jinkludu r-riskji ta' kuntatt tal-ħaddiema mar-roti jew mal-linji jew li jinqabdu minnhom.

3.1.2.

It-tagħmir tax-xogħol għandu jkun mogħti tagħmir speċjali jew magħmul b'mod li ma jkunx jista' jkun hemm imblokk mhux maħsub bejn l-elementi ta' trazzjoni u l-aċċessorji u/jew l-oġġetti irmunkati miegħu.

Meta dan l-imblokk ma jistax jiġi evitat, għandha tittieħed kull miżura possibbli biex jiġu evitati xi konsegwenzi ħżiena għall-ħaddiema.

3.1.3.

Meta elementi ta' trasmissjoni ta' emerġija bejn tagħmir tax-xogħol mobbli jistgħu jitħassru jew tiġrilhom il-ħsara bit-tkaxkir fuq l-art, għandu jkun hemm faċilitajiet għat-tiswija.

3.1.4.

It-tagħmir ta' xogħol mobbli li iġorr ħaddiema għandu jkun maħsub b'mod li inaqqas kemm jista' jkun il-kondizzjonijiet ta' użu attwali, ir-riskji li joħorġu mir-reġgħa lura jew mill-qlib ta' tagħmir tax-xogħol:

 sew bi struttura ta' protezzjoni li timpedixxi lil tagħmir tax-xogħol milli jmur lura iktar minn kwart ta' dawra, jew

 jew bi struttura li tiggarantixxi spazju biżżejjed madwar il-ħaddiema li jkollu fuqu jekk il-moviment ikompli iktar minn kwart ta' dawra, jew

 jew b'xi dispożsittiv ieħor b'effett ekwivalenti.

Dawn l-istrutturi ta' protezzjoni jistgħu jkunu parti integrali tat-tagħmir ta' xogħol.

Dawn l-istrutturi ta' protezzjoni mhumiex meħtieġa meta t-tagħmir ta' xogħol ikun fiss matul l-operazzjoni jew meta ir-raġgħa lura jew il-qlib ikunu impossibbli minħabba l-mod kif ikun iddisinjat it-tagħmir.

Meta jkun hemm riskju li l-ħaddiema ta' fuqu jistgħu jitgħaffġu bejn it-tagħmir tax-xogħol u l-art meta t-tagħmir imur lura jew jinqaleb għandha ssir sistema biex jinżammu milli jaqgħu.

3.1.5.

Trukkijiet bil-forklifts li jkollhom ħaddiema fuqhom għandhom jiġu addattati jew mgħammra biex inaqqsu ir-riskji tat-truck tal-fork lift milli jinqaleb, e.ż.:

 bl-installazzjoni ta' xi kaxxa għal min isuq, jew

 bi struttura li tipprevjeni t-truck tal-fork lift milli jinqaleb, jew

 bi struttura li tiżgura li, jekk it-truck tal-fork lift jinqaleb, jibqa' biżżejjed vojt bejn l-art u ċerti partijiet tat-truck tal-forklift għall-ħaddiema li jkunu fuqu, jew

 bi struttura li tirrestrinġi lill-ħaddiema fuq is-sedil ta' sewqan biex tipprevenihom milli jiġu mgħaffġa minn partijiet tat-truck tal-forklift li jinqaleb.

3.1.6.

It-tagħmir ta' xogħol illi jkun awtomatiku u li meta jiċċaqlaq joħloq riskji għal persuni għandu jsegwi l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) it-tagħmir għandu jkollu mezzi li jevitaw illi jibda jaħdem mingħajr ma jkun awtorizzat;

(b) għandu jkollu mezzi xierqa biex jiġu minimizzati l-konsegwenzi ta' kolliżjoni meta hemm aktar minn tagħmir ta' xogħol wieħed li jiġi mtella' fuq il-linji fl-istess ħin;

(ċ) għandhom ikollhom dispożittivi ta' fren u waqfien u sa fejn is-sigrtà teħtieġu dispożittiv ta' emerġenza li jitħaddem minn fejn huwa faċilment aċċessibbli jew b'sistemi awtomatiċi illi jiffrenaw u jwaqqfu fil-każ illi dan id-dispożittiv prinċipali jfalli;

(d) meta il-vista diretta tax-xufier ma tkunx biżżejjed biex tiżgura sigurtà, għandu jiġi installat apparat awżiljarju biex itejjeb il-vista;

(e) it-tagħmir ta' xogħol maħsub għal użu bil-lejl jew f'postijiet mudlama għandu jkun mgħammar b'dawl xieraq għax-xogħol li jkun irid isir u biex jiżgura biżżejjed is-sigurtà għall-ħaddiema;

(f) it-tagħmir ta' xogħol li jista' jkollu perikolu ta' nar, kemm għalih u kemm għall-oġġetti li jkun jirmonka u/jew iġorr u li jista' jipperikola lill-ħaddiema għandu jkun mgħammar b'apparat approprjat tat-tifi tan-nar ħlief meta dak l-apparat ma jkunx disponibbli fil-viċin biżżejjed fil-post ta' l-użu;

(g) it-tagħmir ta' xogħol imħaddem bil-kontroll mid-distanza għandu jkun jieqaf awtomatikament meta joħroġ mid-distanza ta' kontroll;

(h) it-tagħmir ta' xogħol imħaddem bil-kontroll mid-distanza li jista' f'ċirkostanzi normali joħloq perikolu li jolqot jew jaħbat mal-ħaddiema għandu jkollu dispożittiv kontra dan il-perikolu, sakemm ma jkunx hemm apparat ieħor xieraq biex jikkontrolla dan il-perikolu.

3.2.   Ħtiġiet minimi għal tagħmir ta' xogħol li jerfa' t-tagħbija

3.2.1.

Meta t-tagħmir ta' xogħol li jerfa' tagħbija huwa installat permanentament, ir-reżistenza u l-istabilità tiegħu għandhom ikunu assigurati, billi jingħata kas, b'mod partikolari, għat-tagħbija li għandha tintrefa' u l-istress li jsir fuq il-punt ta' suspensjoni jew ta' l-igganċjar tiegħu ma' l-istrutturi.

3.2.2.

Il-makkinarju li jerfa' t-tagħbija għandu jkun immarkat b'mod ċar b'indikazzjonijiet tat-tagħbija nominali tiegħu, u fejn approprjat tabella li turi il-piż nominali għal kull konfigurazzjoni tal-makkinarju.

L-aċċessorji għat-tagħmir ta' tagħbija għandhom ikunu mmarkati b'mod illi jkun possibbli li tidentifika l-karatteristiċi essenzjali ta' użu sigur.

It-tagħmir ta' xogħol li mhux maħsub biex jerfa' persuni imma li jista jiġi wżat hekk b' konfużjoni għandu jkun immarkat b'mod approprjat u li jidher.

3.2.3.

It-tagħmir ta' xogħol installat b'mod permanenti għandu jkun installat b'tali mod li jitnaqqas ir-riskju li t-tagħbija:

(a) tolqot lill-ħaddiema;

(b) tiċċaqlaq jew taqa' waħedha;

(ċ) tiġi mitluqa involontarjament.

3.2.4.

It-tagħmir ta' xogħol ta' l-irfigħ jew ġarr ta' ħaddiema għandu jkun tali li:

(a) jipprevjeni l-perikolu li taqa' l-kabina, meta teżisti waħda, minn apparat approprjat;

(b) jipprevjeni lill-utent milli jaqa' mill-kabina, meta teżisti waħda;

(ċ) jipprevjeni l-perikolu li l-utent jiġi mgħaffeġ, maqbud jew milqut, b'mod partikolari b'kuntatt fortuwitu minn oġġetti;

(d) jiżgura li persuni maqbuda fil-kabina fil-każ ta' xi inċident ma jkunux esposti għal perikolu u jistgħu jinħelsu.

Jekk, għal raġunijiet tan-natura tal-post u ta' dislivell, ir-riskji msemmija fil-punt (a) ma jistgħux jiġu evitati b' dispożittivi ta' sigurtà għandu jiġi installat cable b'koeffiċjent ta' sigurtà miżjud li jinżamm fi stat tajjeb u jiġi kkontrollat kull ġurnata ta' xogħol.

▼M1




L-ANNESS II

DISPOŻIZZJONIJIET LI JIKKONĊERNAW L-UŻU TA' TAGĦMIR TAX- XOGĦOL IMSEMMI FL-ARTIKOLU 4(3)

0.   Kumment preliminari

Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-anness għandhom japplikaw fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva u meta r-riskju korrispondenti jeżisti għat-tagħmir tax-xogħol inkwistjoni.

1.   Dispożizzjonijiet ta' ordni ġenerali applikabbli għat-tagħmir kollu tax- xogħol

1.1.

It-tagħmir tax-xogħol għandu jiġi installat, imqiegħed u utilizzat b'mod li jippermetti li jitnaqqsu ir-riskji għall-utent tat-tagħmir ta' xogħol u għall-ħaddiema l-oħra per eżempju billi jiġi żgurat li hemm biżżejjed spazju bejn l-elementi li jiċċaqilqu fit-tagħmir tax-xogħol u l-partijiet fl-ambjent ta' madwar li huma mwaħħla jew li jiċċaqilqu u billi l-enerġija u l-materjali użati jew prodotti ikunu jistgħu jinġabu u/jew jitneħħew b'mod sigur.

1.2.

Il-muntaġġ u żżarmar tat-tagħmir tax-xogħol għandu jsir b'mod żgur, partikolarment billi jiġu rrispettati l-istruzzjonijiet li jista' jkun hemm tal-fabbrika.

1.3.

It-tagħmir tax-xogħol li sakemm jintużaw jistgħu jintlaqtu mis-sajjetti għandhom ikunu protetti jew b'dispożittivi jew b'miżuri approprjati kontra l-effetti tas-sajjetti.

2.   Id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-użu ta' tagħmir mobbli, kemm jekk awtomatiku kemm jekk le

2.1.

It-tagħmir ta' xogħol awtomatiku għandu jinsaq biss minn ħaddiema li jkunu tħarrġu b'mod adegwat biex iħaddmu sewwa dak it-tagħmir tax-xogħol.

2.2.

Jekk it-tagħmir ta' xogħol jisposta ruħu f'żona ta' xogħol għandu jkun hemm regoli stabbiliti u segwiti ta' ċirkolazzjoni adegwata.

2.3.

Għandhom jittieħdu miżuri ta' tqassim tax-xogħol biex jevitaw illi xi ħaddiema mexjin ma jkunux jinsabu f'dik iż-żona tax-xogħol meta ikun hemm it-tagħmir ta' xogħol awtomatiku.

Meta jkun meħtieġ li l-ħaddiema fuq saqajhom ikunu preżenti biex ix-xogħol isir għandhom jittieħdu miżuri approprjati biex jiġi evitat li jkunu midruba mit-tagħmir.

2.4.

It-trasport ta' ħaddiema fuq tagħmir ta' xogħol mobbli misjuq mekkanikament għandu jkun awtorizzat biss meta huma pprovduti faċilitajiet siguri għal dan. Jekk ix-xogħol għandu jsir matul il-vjaġġ, il-veloċità għandha tiġi addattata kif meħtieġ.

2.5.

It-tagħmir ta' xogħol mobbli li jkollu mutur ta' kombustjoni ma jistax jiġi mħaddem fiż-żona tax-xogħol ħlief meta l-arja fi kwantità suffiċjenti tkun tista' tiġi ggarantita u ma jkunx hemm riskji għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema.

3.   Dispożizzjonijiet li jolqtu l-użu ta' tagħmir tax-xogħol li jerfa' t-tagħbija

3.1.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali

3.1.1.

It-tagħmir ta' xogħol li jiżżarma jew li hu mobbli li jservi biex jerfa' t-tagħbijiet għandu jkun imħaddem b'mod li jiggarantixxi l-istabilità tat-tagħmir tax-xogħol waqt li jkun qiegħed jiġi mħaddem taħt il-kondizzjonijiet kollha li wieħed jista' jipprevedi, meħud kont tan-natura ta' l-art.

3.1.2.

Il-ħaddiema m'għandhomx jinġarru fuq tagħmir tax-xogħol u aċċessorji tiegħu li mhux maħsub għalhekk.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5 ta' Direttiva 89/391/KEE, eċċezzjonalment, it-tagħmir ta' xogħol li mhux maħsub għall-ġarr tal-ħaddiema jista' jiġi użat għal dan l-iskop basta li jittieħdu miżuri approprjati biex jassiguraw sigurtà in konformità mal-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali li jipprevedu sorveljanza approprjata.

Meta jkun hemm il-ħaddiema fuq tagħmir tax-xogħol li suppost iservi għall-irfigħ tat-tagħbija il-posta tal-kmand għandha tkun okkupata l-ħin kollu. Il-Ħaddiema li jinġarru għandhom ikunu jistgħu jiddisponu mill-mezz żgur ta' komunikazzjoni. Irid jinħaseb għall-mod kif jinħarġu f'każ ta' perikolu.

3.1.3.

Sakemm dan ma jkunx meħtieġ biex ix-xogħol isir sewwa għandhom jittieħdu mezzi biex ma jkunx hemm ħaddiema preżenti taħt it-tagħbijiet imdendla.

M'għandux ikun permess illi tagħbija imdendla tiġi mgħoddija minn postijiet tax-xogħol mhux protetti li fihom abitwalment ikun hemm il-ħaddiema.

F'dan il-każ jekk biex ix-xogħol ma jistax isir sewwa mod ieħor għandhom ikunu definiti u applikati proċeduri approprjati.

3.1.4.

L-aċċessorji ta' l-irfigħ għandhom jintgħażlu skond it-tagħbija li jerfgħu, skond il-punti ta' qbid, skond id-dispożittiv ta' l-igganċjar u l-kondizzjonijiet atmosferiċi u meħud kont tal-mod u l-konfigurazzjoni ta' l-imbragar. L-assemblaġġ ta' l-aċċessorji ta' l-irfigħ għandu jkun immarkat b'mod ċar biex jippermetti lill-utent li jkun jaf il-karatteristiċi tagħhom jekk ma jkunux żmantellati wara l-użu.

3.1.5.

L-aċċessorji ta' l-irfigħ għandhom jiġu maħżuna b'mod li jiżgura li ma ssirilhomx ħsara u ma jiġux degradati fl-effiċjenza.

3.2.   It-tagħmir ta' xogħol li jerfa' tagħbijiet mhux iggwidati

3.2.1.

Jekk żewġ biċċiet ta' tagħmir tax-xogħol jew iktar li jservu għall-irfigħ ta' tagħbijiet mhux iggwidati jkunu installati jew imwaqqfa fuq post tax-xogħol b'mod tali illi il-kamp tax-xogħol tagħhom jgħaddi fuq ta' xulxin għandhom jittieħdu miżuri approprjati biex jiġu evitati kolliżjonijiet bejn it-tagħbijiet u/jew elementi tat-tagħmir tax-xogħol stess.

3.2.2.

Waqt li jkun qed juża tagħmir tax-xogħol ta' rfigħ ta' tagħbija mhux iggwidata għndhom jittieħdu miżuri biex jiġi evitat li jitbandlu illi jinqalbu jew jekk ikun il-każ jinqalgħu minn posthom u jiżolqu. Għandu jkun hemm kontroll li dawn il-miżuri ttieħdu.

3.2.3.

Jekk min ikun Iħaddem it-tagħmir tax-xogħol ta' rfigħ ta' tagħbijiet mhux iggwidati ma jkunx jista' josserva it-traġitt intier tat-tagħbija la direttament u lanqas permezz ta' disposittivi awżiljari li jtuh informazzjonijiet siewja għandu jkun hemm komunikazzjoni ma' l-operatur biex tiggiwdah u għandu jiġi organizzat mod kif jiġu evitati il-kolliżjonijiet ta' tagħbija li tista' tkun ta' perikolu għall-ħaddiema.

3.2.4.

Ix-xogħlijiet għandhom ikunu organizzati b'mod li meta l-ħaddiema jkunu qegħdin jigganċjaw jew jisganċjaw xi tagħbija bl-idejn dawn l-operazzjoni jkunu jistgħu isiru b'mod żgur u l-ħaddiema jkunu jistgħu jidderieġu direttament jew indirettament l-operazzjoni.

3.2.5.

L-operazzjonijiet kollha ta' l-irfigħ għandhom jiġu pprogrammati, issorveljati b'manjiera approprjata u effettwati b'mod li tiġi mħarsa s-sigurtà tal-ħaddiema.

In partikolari jekk tagħbija tkun trid tintrefa' simultanjament minn żewġ tagħmir tax-xogħol jew iktar li jservu għall-irfigħ ta' tagħbijiet mhux iggwidati għandha tkun stabbilita u applikata proċedura biex tassigura l-koordinazzjoni tajba bejn l-operaturi.

3.2.6.

Jekk xi tagħmir tax-xogħol li jservi għall-irfigħ ta' tagħbija mhux iggwdiata ma jkunx jista' jżomm it-tagħbija fil-każ li tmur għal kollox jew inparti l-enerġija, għandhom jittieħdu miżuri approprjati biex jiġi evitat li l-ħaddiema jiġu esposti għal perikoli korrispondenti.

It-tagħbija mdendla m'għandhiex tibqa' mingħajr sorveljanza ħlief jekk l-aċċess għaż-żona ta' perikolu jkun impedut u jekk it-tagħbija tkun igganċjata b'mod żgur u miżmuma wkoll b'mod żgur.

3.2.7.

L-użu ta' tagħmir tax-xogħol ta' l-irfigħ tat-tagħbija mhux iggwidata fl-arja aperta għandu jieqaf meta l-kondizzjonijiet metereoloġiċi jeħżienu sal-punt illi jnaqqsu s-sigurtà tal-funzjonament u jesponu l-ħaddiema għal xi riskji. Miżuri adegwati ta' protezzjoni maħsuba partikolarment biex jimpedixxu li t-tagħmir tax-xogħol jinqaleb għandhom jittieħdu biex jevitaw perikolu għall-ħaddiema.

▼M2

4.   Id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-użu tat-tagħmir għax-xogħol ipprovdut għax-xogħol temporanju fil-għoli

4.1.   Dispożizzjonijiet ġenerali

4.1.1.

Jekk, skond l-Artikolu 6 tad-Direttiva 89/391/KEE u l-Artikolu 3 ta' din id-Direttiva, ma jistax jitwettaq ix-xogħol temporanju fil-għoli fis-sigurtà u skond il-kondizzjonijiet ergonomiċi xierqa minn fuq wiċċ xieraq, għandu jingħażel it-tagħmir tax-xogħol l-aktar xieraq illi jiżgura u jżomm il-kondizzjonijiet tax-xogħol fis-sigurtà. Il-miżuri kollettivi ta' protezzjoni jridu jingħataw prijorità fuq il-miżuri protettivi personali. Id-dimensjonijiet tat-tagħmir tax-xogħol għandhom ikunu xierqa għan-natura tax-xogħol li jrid itwettaq u għat-tensjonijiet previsti u jħallu mogħdija minn fuqu mingħajr periklu.

Għandu jiġi magħżul il-mezz l-aktar xieraq għall-aċċess għall-postijiet tax-xogħol temporanju fil-għoli skond il-frekwenza tal-mogħdija minn fuqu, il-għoli li jrid jingħeleb u t-tul taż-żmien ta' l-użu. L-għażla magħmula għandha tippermetti l-evakwazzjoni f'każ ta' periklu imminenti. Il-mogħdija f'direzzjoni waħda jew l-oħra bejn il-mezz ta' l-aċċess u l-pjattaformi, il-gverti jew il-passaġġi ma jridux joħolqu riskji addizzjonali ta' waqgħat.

4.1.2.

Is-slielem jistgħu jiġu użati bħala stazzjonijiet tax-xogħol għal xogħol fil-għoli fiċ-ċirkostanzi biss li fihom, skond il-punt 4.1.1, ma jkunx iġġustifikat l-użu ta' tagħmir ieħor tax-xogħol aktar fis-sigurtà minħabba l-livell baxx tar-riskju u jew it-tul qasir taż-żmien ta' l-użu tagħhom jew il-karatteristiċi eżistenti fuq il-post tax-xogħol illi min iħaddem ma jistax jibdel.

4.1.3.

L-aċċess bil-ħabel u l-metodi tat-teknika tat-tqegħid fil-post jistgħu jintużaw biss fiċ-ċirkostanzi fejn l-istima tar-riskju tindika illi x-xogħol jista' jitwettaq fis-sigurtà u fejn ma jkunx iġġustifikat l-użu ta' tagħmir ieħor tax-xogħol f'iktar sigurtà.

Meta titqies l-istima tar-riskju u jiddependi b'mod partikolari fuq it-tul taż-żmien tax-xogħol u d-diffikultajiet ergonomiċi, għandha ssir dispożizzjoni għal post fejn persuna tista' tpogġi b'aċċessorji xierqa.

4.1.4.

Jiddependi mit-tip tat-tagħmir magħżul tax-xogħol fuq il-bażi ta' dak li ntqal qabel, iridu jiġu stabbiliti l-miżuri xierqa sabiex jiġu mminimizzati r-riskji għall-ħaddiema inerenti f'dan it-tip ta' tagħmir. Jekk ikun meħtieġ, għandha ssir dispożizzjoni sabiex jiġu stallati miżuri tas-sigurtà sabiex jipprevjenu l-waqgħat. Dawn għandhom ikunu ta' konfigurazzjoni xierqa u ta' qawwa suffiċjenti li jipprevjenu jew iwaqqfu l-waqgħat mill-għoli u, fejn hu possibbli, li jipprekludu l-korriment tal-ħaddiema. Is-salvagwardji kollettivi li jipprevjenu l-waqgħat jistgħu jiġu interrotti biss fuq il-postijiet ta' l-aċċess bis-slielem jew bit-taraġ.

4.1.5.

Meta l-qadi ta' xogħol partikolari jeħtieġ li jitneħħa temporanjament is-salvagward kollettiv li jipprevjeni l-waqgħat, iridu jittieħdu miżuri effettivi kompensatorji ta' sigurtà. Ix-xogħol ma jistax jitwettaq sakemm ikunu ttieħdu dawn il-miżuri. Ġaladarba jkun tlesta x-xogħol partikolari, definittivament jew temporanjament, iridu jiġu stallati mill-ġdid is-salvagwardji kollettivi li jipprevjenu l-waqgħat.

4.1.6.

Ix-xogħol temporanju fil-għoli jista' jsir biss meta l-kondizzjonijiet tat-temp ma jippreġudikawx is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema.

4.2.   Dispożizzjonijiet speċifiċi rigward l-użu tas-slielem

4.2.1. Is-slielem iridu jitwaqqfu hekk illi tiġi żgurata l-istabbilità tagħhom matul l-użu. Is-slielem li jinġarru jridu jserrħu fuq bażi immobbli, stabbli, b'saħħtu, ta' daqs xieraq hekk li l-iskaluni jibqgħu orizzontali. Is-slielem imdendla jridu jkunu mqabbda b'mod ta' sigurtà u, bl-eċċezzjoni tas-slielem tal-ħabel, hekk li ma jkunx jista' jinbidlilhom posthom u hekk li jipprevjenu t-tbandil.

4.2.2. Il-bażijiet tas-slielem li jinġarru jridu jkunu prevenuti milli jiżolqu waqt l-użu billi jiġu marbuta sewwa l-waqqafiet fit-truf ta' fuq jew ta' isfel, jew viċin ta' dawn, b'apparat kontra ż-żliq jew b'kull arranġament ieħor ta' l-istess effettività. Is-slielem użati għall-aċċess għandhom ikunu twal biżżejjed sabiex jisporġu biżżejjed lil hemm mill-pjattaforma ta' l-aċċess, għajr jekk ikunu ttieħdu miżuri sabiex jiżguraw qabda soda. Is-slielem li jidħlu ġo xulxin u s-slielem li jitwalu jridu jiġu użati hekk li s-sezzjonijiet differenti jiġu pprevenuti milli jiċċaqilqu relattivament bejniethom. Is-slielem mobbli jridu jiġu pprevenuti milli jiċċaqilqu qabel l-irfis fuqhom.

4.2.3. Is-slielem għandhom jiġu użati hekk li jkollhom qabda fis-sigurtà u appoġġ fis-sigurtà għall-ħaddiema f'kull ħin. B'mod partikolari, jekk tagħbija trid tinġarr bl-idejn waqt li l-ħaddiem ikun fuq sellum, din ma għandhiex tipprekludi ż-żamma fis-sigurtà tal-qabda.

4.3.   Dispożizzjonijiet speċifiċi li jirrigwardaw l-użu ta' l-armar

4.3.1.

Meta ma tkunx disponibbli nota dwar il-kalkoli għall-armar magħżul jew meta n-nota ma tkoprix l-arranġamenti strutturali kkontemplati, għandhom jitwettqu l-kalkoli tas-saħħa u ta' l-istabbilità għajr jekk l-armar jiġi mibni skond konfigurazzjoni standard rikonoxxuta b'mod ġenerali.

4.3.2.

Jiddependi mill-komplessità ta' l-armar magħżul, għandu jiġi mfassal pjan ta' l-armar, ta' l-użu u tal-ħatt tiegħu minn persuna kompetenti. Dan jista' jsir fil-għamla ta' pjan standard, issupplimentat b'oġġetti li jkollhom x'jaqsmu mad-dettalji speċifiċi ta' l-armar inkwistjoni.

4.3.3.

Il-komponenti taż-żamm fuq l-armar għandhom ikunu pprevenuti milli jiżolqu, kemm jekk bit-twaħħil ma' kull wiċċ li jerfa', b'dispożizzjoni ta' mezz kontra ż-żliq jew b'kull mezz ieħor ta' effettività ugwali, u l-wiċċ li jerfa' t-toqol għandu jkun ta' kapaċità suffiċjenti. Għandu jiġi żgurat illi l-armar huwa stabbli. L-armar bir-roti jrid jiġi pprevenut b'mezzi xierqa milli jiċċaqlaq aċċidentalment matul ix-xogħol fil-għoli.

4.3.4.

Id-dimensjonijiet, il-għamla u t-tifsila tal-pjattaformi ta' l-armar iridu jkunu xierqa għan-natura tax-xogħol li jrid isir u xierqa għat-toqol li jrid jinġarr u jippermettu x-xogħol u l-mogħdija fis-siġurtà. Il-pjattaformi ta' l-armar iridu jiġu mmontati hekk li l-komponenti tagħhom ma jkunux jistgħu jiċċaqalqu waqt l-użu normali. Ma jridx ikun hemm xquq perikolużi bejn il-komponenti tal-pjattaformi u s-salvagwardji kollettivi vertikali li jipprevjenu l-waqgħat.

4.3.5.

Meta partijiet mill-armar ma jkunux lesti għall-użu, bħal per eżempju matul l-immontar, iż-żarmar jew il-bdil, dawn iridu jiġu mmarkati b'sinjali ta' twissija ġenerali skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d- Direttiva 92/58/KEE u jkunu ddelimitati b'mod xieraq b'mezzi fiżiċi li jipprevjenu l-aċċess għaż-żona tal-perikolu.

4.3.6.

L-armar jista' biss jiġi mmontat, żarmat jew mibdul b'mod sinifikanti taħt is-superviżjoni ta' persuna kompetenti u mill-ħaddiema li jridu jkunu rċevew taħriġ xieraq u speċifiku fl-operazzjonijiet maħsuba, li jindirizzaw ir-riskji speċifiċi skond l-Artikolu 7, u b'mod aktar partikolari:

(a) li jifhmu l-pjanta ta' l-immontar, taż-żarmar jew tal-bidla ta' l-armar ikkonċernat;

(b) is-sigurtà matul l-immontar, iż-żarmar jew il-bidla ta' l-armar ikkonċernat;

(ċ) il-miżuri li jipprevjenu r-riskju li jaqgħu persuni jew oġġetti;

(d) il-miżuri tas-sigurtà fil-każ ta' bdil fil-kondizzjonijiet tat-temp li jistgħu jaffettwaw b'mod ħażin is-sigurtà ta' l-armar interessat;

(e) it-tagħbijiet permissibbli;

(f) kull riskju ieħor li x-xogħol ta' l-immontar, iż-żarmar jew il-bdil imsemmija hawn fuq jista' jeħtieġ.

Il-persuna li tissorvelja u l-ħaddiema interessati jrid ikollhom disponibbli l-pjanta ta' l-immontar u taż-żarmar kif referita fl-4.3.2, inkluża kull istruzzjoni li jista' jkun fiha.

4.4.   Dispożizzjonijiet speċifiċi li jirrigwardaw l-użu ta' aċċess bil-ħabel u l-metodi tat-teknika tat-tqegħid fil-post

L-użu ta' l-aċċess bil-ħabel u l-metodi tat-teknika tat-tqegħid fil-post iridu jikkonformaw mal-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) is-sistema jrid ikun fiha minn ta' l-anqas żewgt iħbula ankrati separatament, wieħed bħala mezz ta' l-aċċess, ta' l-inżul u ta' appoġġ (xogħol bil-ħabel) u l-ieħor bħala riserva (ħabel tas-sigurtà);

(b) il-ħaddiema jridu jiġu pprovduti u jużaw sarġ xieraq u jkunu mqabbda miegħu b'ħabel tas-sigurtà;

(ċ) il-ħabel tax-xogħol għandu jkun imgħammar b'mezzi siguri għat-tlugħ u l-inżul u jkollu sistema li tinqafel waħedha sabiex jipprevjeni lil min jużah milli jaqa' jekk jitlef il-kontroll tal-movimenti tiegħu. Il-ħabel tas-sigurtà jrid ikun imgħammar b'sistema mobbli ta' prevenzjoni mill-waqgħat li ssegwi l-movimenti tal-ħaddiem;

(d) il-għodda u l-aċċessorji l-oħra li jridu jintużaw minn ħaddiem għandhom ikunu mqabbda mas-sarġ jew mal-maqgħad tal-ħaddiem jew ma' xi mezz ieħor xieraq;

(e) ix-xogħol għandu jkun ippjanat u ssorveljat tajjeb, sabiex ħaddiem ikun jista' jiġi salvat immedjatament f'emerġenza;

(f) skond l-Artikolu 7, il-ħaddiema interessati jridu jirċievu taħriġ xieraq speċifiku għall-operazzjonijiet maħsuba, b'mod partikolari l-proċeduri tas-salvataġġ.

F'ċirkostanzi eċċezzjonali fejn, bil-ħsieb ta' l-istima tar-riskji, l-użu tat-tieni ħabel jagħmel ix-xogħol aktar perikoluż, l-użu ta' ħabel wieħed jista' jiġi permess, sakemm ikunu ttieħdu l-miżuri xierqa sabiex jiżguraw is-sigurtà skond il-liġijiet jew/u l-prattika nazzjonali.



( 1 ) ĠU C 114, tat-30.4.1988, p. 3,

ĠU C 106, tas-26.4.1989, p. 13 u

ĠU C 287, tal-15.11.1989, p. 12.

( 2 ) ĠU C 326, tad-19.12.1988, p. 132 u

ĠU C 256, tad-9.10.1989, p. 65.

( 3 ) ĠU C 318, tat-12.12.1988, p. 26.

( 4 ) ĠU C 28, tat-3.2.1988, p. 3.

( 5 ) ĠU C 28, tat-3.2.1988, p. 1.

( 6 ) ĠU L 183, tad-29.6.1989, p. 1.

( 7 ) ĠU L 109, tas-26.4.1983, p. 8.

( 8 ) ĠU L 185, tad-9.7.1974, p. 15.

Top