Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0931

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/931 tat-23 ta’ Marzu 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi regoli għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali fir-rigward tal-kontaminanti fl-ikel (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2022/744

    ĠU L 162, 17.6.2022, p. 7–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/931/oj

    17.6.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 162/7


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/931

    tat-23 ta’ Marzu 2022

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi regoli għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali fir-rigward tal-kontaminanti fl-ikel

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19(2), il-punt (a) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi regoli għat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali u ta’ attivitajiet uffiċjali oħra mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sabiex tiġi vverifikata l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, dwar l-ikel u s-sikurezza tal-ikel. L-Artikolu 109 ta’ dak ir-Regolament jipprevedi obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li l-kontrolli uffiċjali jitwettqu mill-awtoritajiet kompetenti abbażi ta’ pjan nazzjonali pluriennali ta’ kontroll (“MANCP”). Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2017/625 jispeċifika l-kontenut ġenerali tal-MANCP, jirrikjedi li l-Istati Membri jipprovdu fil-MANCP tagħhom kontrolli uffiċjali fuq kontaminanti fl-ikel u, f’dan ir-rigward, jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali, inkluż, fejn xieraq, il-firxa ta’ kampjuni u l-istadju tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tad-distribuzzjoni fejn għandhom jittieħdu l-kampjuni.

    (2)

    Ir-Regolament (UE) 2017/625 ħassar id-Direttiva tal-Kunsill96/23/KE (2), li pprovdiet miżuri għall-monitoraġġ ta’ ċerti sustanzi, inklużi kontaminanti, f’annimali ħajjin u prodotti li joriġinaw mill-annimali u speċifikament stabbilixxa rekwiżiti għall-pjanijiet ta’ monitoraġġ tal-Istati Membri għad-detezzjoni ta’ residwi jew sustanzi fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Madankollu, ir-Regolament (UE) 2017/625 ma jinkorporax il-miżuri kollha previsti f’dik id-Direttiva jew fl-atti adottati mill-Kummissjoni abbażi tagħha. Għalhekk, dan ir-Regolament flimkien mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/932 (3) għandu l-għan li jiżgura l-kontinwità tar-regoli tad-Direttiva 96/23/KE dwar il-kontenut tal-MANCP u t-tħejjija tiegħu, kif ukoll il-firxa ta’ kampjuni u l-istadju tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tad-distribuzzjoni fejn il-kampjuni għandhom jittieħdu fir-rigward tal-kontaminanti fl-ikel, fil-qafas tar-Regolament (UE) 2017/625.

    (3)

    Madankollu, f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2017/625, li jirreferi b’mod komprensiv għall-kontaminanti fl-ikel, huwa xieraq li dan ir-Regolament japplika wkoll għall-kontrolli uffiċjali meħtieġa biex tiġi identifikata l-preżenza tal-kontaminanti kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 (4). Għalhekk, dan ir-Regolament għandu japplika għall-kontrolli uffiċjali meħtieġa biex tiġi identifikata l-preżenza fl-ikel ta’ kontaminanti li għalihom il-livelli massimi jew livelli regolatorji oħra li jirrikjedu jew jiskattaw azzjoni mill-awtoritajiet kompetenti huma stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

    (4)

    Il-preżenza tal-merkurju fl-ikel tista’ titqies li sseħħ minħabba l-kontaminazzjoni ambjentali peress li l-pestiċidi li fihom il-merkurju issa ilhom ipprojbiti fl-Unjoni għal aktar minn tletin sena. Kontrolli uffiċjali fir-rigward tal-livelli massimi ta’ komposti tal-merkurju kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva tal-Kummissjoni2006/125/KE (6), ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/127 (7) u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/128 (8) ikunu koperti wkoll minn dan ir-Regolament minflok ir-regoli speċifiċi dwar il-kontrolli għar-residwi tal-pestiċidi.

    (5)

    Sabiex jiġi żgurat li l-kontrolli uffiċjali jkunu mmirati b’mod effiċjenti fl-Istati Membri kollha, huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli dwar il-kombinazzjonijiet ta’ kontaminanti jew gruppi ta’ kontaminanti u gruppi ta’ komoditajiet li minnhom l-Istati Membri jridu jieħdu kampjuni u l-istrateġija tat-teħid tal-kampjuni, inklużi l-kriterji li għandhom jintużaw għad-definizzjoni tal-kontenut tal-pjanijiet tagħhom u t-twettiq tal-kontrolli uffiċjali relatati.

    (6)

    Għalhekk huwa xieraq li jiġi ssupplimentat l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 billi jiġu stabbiliti regoli għat-twettiq tal-kontrolli uffiċjali fir-rigward tal-kontaminanti fl-ikel.

    (7)

    L-Artikolu 150(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi perjodu tranżitorju li jobbliga lill-Istati Membri jwettqu kontrolli uffiċjali f’konformità mad-Direttiva 96/23/KE sal-14 ta’ Diċembru 2022. L-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 jipprevedi li l-kontrolli uffiċjali għall-verifika tal-konformità mar-regoli dwar is-sikurezza tal-ikel u l-ikel kif ukoll is-sikurezza tal-għalf u l-għalf għandhom jinkludu kontrolli uffiċjali fuq sustanzi rilevanti inklużi sustanzi li jintużaw f’materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel, kontaminanti, sustanzi mhux awtorizzati, ipprojbiti u mhux mixtieqa li l-użu jew il-preżenza tagħhom fuq l-għelejjel jew l-annimali jew għall-produzzjoni jew għall-ipproċessar tal-ikel jew tal-għalf jistgħu jirriżultaw f’residwi ta’ dawk is-sustanzi fl-ikel jew fl-għalf. Madankollu, peress li l-aħħar pjanijiet ta’ monitoraġġ adottati mill-Istati Membri skont id-Direttiva 96/23/KE se japplikaw għas-sena 2022, u għalhekk lil hinn mill-14 ta’ Diċembru 2022, huwa xieraq li dan ir-Regolament japplika mill-1 ta’ Jannar 2023,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, tapplika d-definizzjoni ta’ “kontaminant” fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93.

    Artikolu 2

    L-Istati Membri għandhom jikkontrollaw il-preżenza ta’ kontaminanti fl-ikel skont l-Anness I.

    L-Istati Membri għandhom jadottaw strateġija ta’ teħid tal-kampjuni skont il-kriterji stabbiliti fl-Anness II.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2023.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Marzu 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

    (2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE tad-29 ta’ April 1996 dwar miżuri għall-monitoraġġ ta’ ċerti sustanzi u residwi tagħhom f’annimali ħajjin u prodotti tal-annimali u li tħassar id-Direttivi 85/358/KEE u 86/469/KEE u d-Deċiżjonijiet 89/187/KEE u 91/664/KEE (ĠU L 125, 23.5.1996, p. 10).

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/932 tad-9 ta’ Ġunju 2022 dwar arranġamenti prattiċi uniformi għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali fir-rigward ta’ kontaminanti fl-ikel, dwar kontenut addizzjonali speċifiku ta’ pjanijiet ta’ kontroll nazzjonali pluriennali u arranġamenti addizzjonali speċifiċi għat-tħejjija tagħhom (ara paġna 13 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (4)  Ir-Regolament (KEE) Nru 315/93 tal-Kunsill tat-8 ta’ Frar 1993 li jistabbilixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1).

    (6)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/125/KE tal-5 ta’ Diċembru 2006 dwar ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel tat-trabi għat-trabi u għat-tfal żgħar (ĠU L 339, 6.12.2006, p. 16).

    (7)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/127 tal-25 ta’ Settembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ rekwiżiti speċifiċi dwar il-kompożizzjoni u l-informazzjoni tal-formula tat-trabi u tal-formula ta’ prosegwiment u fir-rigward ta’ rekwiżiti dwar l-informazzjoni dwar it-tmigħ tat-trabi u tat-tfal żgħar (ĠU L 25, 2.2.2016, p. 1).

    (8)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/128 tal-25 ta’ Settembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti speċifiċi dwar il-kompożizzjoni u l-informazzjoni għall-ikel għal skopijiet mediċi speċjali (ĠU L 25, 2.2.2016, p. 30).


    ANNESS I

    Regoli għall-għażla ta’ kombinazzjoni speċifika ta’ kontaminanti jew gruppi ta’ kontaminanti u gruppi ta’ komoditajiet

    (1)   

    L-Istati Membri għandhom jikkontrollaw il-kombinazzjonijiet li ġejjin ta’ kontaminanti jew gruppi ta’ kontaminanti fil-gruppi ta’ komoditajiet li ġejjin

    Gruppi ta’ komoditajiet

    Pollutanti organiċi persistenti aloġenati

    Metalli

    Mikotossini

    Kontaminanti oħrajn

    Laħam mhux ipproċessat tal-bovini, tal-ovini u tal-kaprini (inkluż il-ġewwieni li jittiekel)

    x

    x

     

    x

    Laħam tal-porċini mhux ipproċessat (inkluż il-ġewwieni li jittiekel)

    x

    x

     

    x

    Laħam tal-ekwini mhux ipproċessat (inkluż il-ġewwieni li jittiekel)

     

    x

     

    x

    Laħam tat-tjur mhux ipproċessat (inkluż il-ġewwieni li jittiekel)

    x

    x

     

    x

    Laħam mhux ipproċessat minn annimali terrestri mrobbija oħrajn  (*) (inkluż il-ġewwieni li jittiekel)

     

    x

     

     

    Ħalib mhux ipproċessat tal-bovini, tal-ovini u tal-kaprini

    x

    x

    x

    x

    Bajd tat-tiġieġ frisk u bajd ieħor

    x

    x

     

    x

    Għasel

     

    x

     

    x

    Prodotti tas-sajd mhux ipproċessati  (**) (minbarra l-krustaċji)

    x

    x

     

    x

    Krustaċji u molluski bivalvi

    x

    x

     

    x

    Xaħmijiet u żjut tal-annimali u tal-baħar

    x

    x

     

    x

    Prodotti ipproċessat ta’ oriġini mill-annimali (***)

    x

    x

     

    x

    (2)   

    L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-kombinazzjonijiet kollha ta’ kontaminanti jew gruppi ta’ kontaminanti u gruppi ta’ komoditajiet ta’ ikel ta’ oriġini mhux mill-annimali li għalihom il-livelli massimi jew livelli regolatorji oħra huma stabbiliti skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

    (3)   

    Kull Stat Membru għandu jikkunsidra l-kriterji li ġejjin għall-għażla ta’ kombinazzjonijiet speċifiċi ta’ kontaminanti jew gruppi ta’ kontaminanti u gruppi ta’ komoditajiet li għandhom jiġu kkontrollati:

    (a)

    il-frekwenza tad-detezzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità fil-kampjuni tal-Istat Membru, fil-kampjuni ta’ Stati Membri oħra jew fil-kampjuni ta’ pajjiżi terzi, speċjalment meta rrappurtati taħt is-Sistema ta’ Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf jew is-Sistema ta’ Assistenza u Kooperazzjoni Amministrattiva;

    (b)

    id-disponibbiltà ta’ metodi tal-laboratorju u standards analitiċi xierqa;

    (c)

    ir-riskju possibbli għall-konsumaturi jew għal ċerti gruppi tal-popolazzjoni li jirriżulta mill-konsum ta’ kontaminanti preżenti fl-ikel, b’kont meħud tal-informazzjoni rilevanti disponibbli mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, jew fin-nuqqas ta’ tali informazzjoni, sorsi oħra ta’ informazzjoni bħal pubblikazzjonijiet xjentifiċi jew valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali;

    (d)

    id-data dwar il-konsum (xejriet ta’ esponiment djetetiku);

    (e)

    fir-rigward tal-ikel li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-pjan ta’ kontroll għall-ikel li joriġina mill-annimali li jidħol fl-Unjoni kif deskritt fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2022/932, għandhom jitqiesu wkoll il-kriterji li ġejjin, fejn disponibbli:

    (i)

    l-eżitu tal-kontrolli tal-Kummissjoni f’pajjiżi terzi

    (ii)

    kwalunkwe informazzjoni li titfa’ dubju fuq l-affidabbiltà tal-garanziji dwar il-konformità tal-ikel importat mar-regoli tal-Unjoni;

    (iii)

    informazzjoni dwar żieda fil-viġilanza.


    (*)  Annimali terrestri mrobbija oħrajn kif definiti fl-entrata 1017000 fil-Parti A tal-Anness I, tar-Regolament (KE) Nru 396/2005.

    (**)  Prodotti tas-sajd kif definiti fir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55).

    (***)  “Prodotti pproċessati” kif definit fir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1).


    ANNESS II

    Kriterji għall-istrateġija tat-teħid tal-kampjuni

    (1)   

    Għal kull operatur ta’ negozju tal-ikel li għandu jiġi kkontrollat, l-Istat Membru għandu jikkunsidra l-kriterji li ġejjin għall-għażla tat-tip ta’ ikel li għandu jiġi kkontrollat:

    (a)

    nuqqas ta’ konformità fil-passat;

    (b)

    nuqqasijiet fl-applikazzjoni tal-Analiżi tal-Perikli u l-Punt Kritiku ta’ Kontroll u l-awtokontrolli relatati;

    (c)

    nuqqasijiet fiż-żamma tar-rekords li jindirizzaw ir-rekwiżiti kif definiti fit-Taqsima III, il-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 852/2004;

    (d)

    teħid tal-kampjuni rappreżentattiv irrispettivament mid-daqs tal-operatur tan-negozju tal-ikel;

    (e)

    sitwazzjonijiet emerġenti (bidliet fix-xejriet tal-konsum, diżastri naturali jew problemi ekonomiċi li jikkawżaw bidliet fil-ktajjen tal-kummerċ tal-ikel eċċ.).

    (2)   

    Kull Stat Membru għandu jikkunsidra l-kriterji li ġejjin għall-għażla ta’ biċċeriji, impjanti tat-tqattigħ, stabbilimenti għall-produzzjoni tal-ħalib, stabbilimenti għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tas-sajd u prodotti tal-akkwakultura, stabbilimenti tal-produzzjoni tal-għasel u tal-bajd u ċentri tal-imballaġġ tal-bajd:

    (a)

    il-kriterji elenkati taħt il-punt (3) tal-Anness I u taħt il-punt (1) ta’ dan l-Anness;

    (b)

    is-sehem tal-istabbilimenti rispettivi tal-volum totali tal-produzzjoni tal-Istati Membri tal-biċċeriji, tal-impjanti tat-tqattigħ, tal-istabbilimenti għall-produzzjoni tal-ħalib, tal-istabbilimenti għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tas-sajd u prodotti tal-akkwakultura, tal-istabbilimenti tal-produzzjoni tal-għasel u tal-bajd u ċentri tal-imballaġġ tal-bajd:

    (c)

    l-oriġini rilevanti tal-annimali maqtula, tal-ħalib, tal-prodotti tal-akkwakultura, tal-għasel u tal-bajd.

    (3)   

    Meta jittieħdu l-kampjuni, għandhom isiru sforzi biex jiġi evitat teħid ta’ kampjuni multiplu minn operatur wieħed tan-negozju tal-ikel, sakemm l-operatur ma jkunx ġie identifikat abbażi tal-kriterji inklużi fil-punt (1) jew ma tkunx ingħatat ġustifikazzjoni xierqa fil-pjan ta’ kontroll. Għandha tiġi żgurata l-konformità mal-frekwenza ppjanata tal-verifiki.

    (4)   

    Fir-rigward tal-ikel fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-pjan ta’ kontroll għall-ikel imqiegħed fis-suq tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2022/932, it-teħid ta’ kampjuni għandu jsir fuq ikel imqiegħed fis-suq u fuq ikel maħsub għat-tqegħid fis-suq (stadju primarju, trobbija fil-beraħ, biċċeriji, matul l-ipproċessar, il-ħżin jew il-bejgħ tal-ikel, eċċ.).


    Top