Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0165

2014/165/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 3 ta’ Marzu 2014 li tawtorizza lill-Istati Membri li jirratifikaw, fl-interessi tal-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi

ĠU L 89, 25.3.2014, p. 44–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/165/oj

25.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 89/44


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-3 ta’ Marzu 2014

li tawtorizza lill-Istati Membri li jirratifikaw, fl-interessi tal-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi

(2014/165/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 u l-Artikolu 207(3) flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Fil-11 ta’ Marzu 2013, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (“ATT”) fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar dawk il-materji li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

(2)

Fit-2 ta’ April 2013 l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat it-test tal-ATT. L-Assemblea Ġenerali talbet ukoll lis-Segretarjat Ġenerali, bħala depożitarju tal-ATT, biex jiftħu għall-iffirmar fit-3 ta’ Ġunju 2013 u appellat lill-Istati kollha biex jikkunsidraw li jiffirmaw, u konsegwentement, f’konformità mal-proċessi kostituzzjonali rispettivi tagħhom, isiru Partijiet fit-Trattat fid-data l-aktar kmieni possibbli.

(3)

L-objettiv tal-ATT huwa li jistabbilixxi l-ogħla standards internazzjonali komuni possibbli għar-regolamentazzjoni jew għat-titjib tar-regolamentazzjoni tal-kummerċ internazzjonali fl-armi konvenzjonali u biex ikun prevenut u jiġi eradikat il-kummerċ illeċitu tal-armi konvenzjonali u biex tkun prevenuta d-devjazzjoni tagħhom. L-Istati Membri esprimew is-sodisfazzjon tagħhom bl-eżitu tan-negozjati u wrew ir-rieda tagħhom li jipproċedu b’mod urġenti għall-iffirmar u r-ratifika tal-ATT.

(4)

Uħud mid-dispożizzjonijiet tal-ATT jikkonċernaw materji li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni billi jaqgħu fl-ambitu tal-Politika Kummerċjali Komuni jew jinċidu fuq ir-regoli tas-Suq Intern għat-trasferimenti ta’ armi konvenzjonali u splussivi.

(5)

L-Unjoni Ewropea ma tistax tiffirma u tirratifika l-ATT, peress li huma l-Istati biss li jistgħu jkunu Partijiet għalih.

(6)

Fis-27 ta’ Mejju 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/269/PESK li tawtorizza lill-Istati Membri li jiffirmaw, fl-interessi tal-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (1).

(7)

Għaldaqstant, f’konformità mal-Artikolu 2(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fir-rigward ta’ dawk il-materji li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, il-Kunsill għandu jawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw l-ATT fl-interessi tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fir-rigward ta’ dawk il-materji li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, l-Istati Membri huma b’dan awtorizzati jirratifikaw it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi fl-interessi tal-Unjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Marzu 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

I. MICHELAKIS


(1)  ĠU L 155, 7.6.2013, p. 9.


Top