This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32005D0365
Council Decision 2005/365/CFSP of 14 April 2005 concerning the conclusion of the Agreement between the European Union and the Republic of Bulgaria on security procedures for the exchange of classified information
Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/365/PESK tal- 14 ta’ April 2005 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Bulgarija dwar proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata
Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/365/PESK tal- 14 ta’ April 2005 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Bulgarija dwar proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata
ĠU L 118, 5.5.2005, p. 52–52
(ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 11–11
(MT)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/365/oj
Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/365/PESK tal- 14 ta’ April 2005 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Bulgarija dwar proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata
Official Journal L 118 , 05/05/2005 P. 0052 - 0052
Official Journal L 164 , 16/06/2006 P. 0011 - 0011
Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/365/PESK tal- 14 ta’ April 2005 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Bulgarija dwar proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 24 u 38 tiegħu, Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Presidenza, Billi: (1) Fil-laqgħa tiegħu tas- 27 u 28 ta’ Novembru 2003, il-Kunsill iddeċieda li jawtorizza lill-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, biex tiftaħ negozjati skond l-Artikoli 24 u 38 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ma’ ċerti stati terzi, sabiex l-Unjoni Ewropea tikkonkludi ma’ kull wieħed minnhom Ftehim dwar proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata. (2) Wara din l-awtorizzazzjoni biex jinfetħu n-negozjati, il-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, innegozjat Ftehim mar-Repubblika tal-Bulgarija dwar proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata. (3) Il-Ftehim għandu jiġi approvat, IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: Artikolu 1 Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Bulgarija dwar proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata hu b’dan approvat f’isem l-Unjoni Ewropea. It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jinnomina l-persuna/persuni li jkollha/jkollhom is-setgħa li tiffirma/jiffirmaw il-Ftehim sabiex torbot/jorbtu lill-Unjoni Ewropea. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta’ l-adozzjoni tagħha. Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Magħmula fi Brussell, nhar l- 14 ta’ April, 2005. Għall-Kunsill Il-President L. Frieden -------------------------------------------------- Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Bulgarija u l-unjoni Ewropea dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA, min-naħa l-waħda, u L-UNJONI EWROPEA, minn issa ‘l quddiem l-"UE", irrappreżentata mill-Presidenza tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, min-naħa l-oħra, minn issa ‘l quddiem imsejjħa "l-Partijiet", WARA LI KKUNSIDRAW li r-Repubblika tal-Bulgarija u l-UE jaqsmu l-għanijiet biex isaħħu s-sigurtà tagħhom stess b’kull mod u biex jipprovdu liċ-ċittadini tagħhom b’livell għoli ta’ sigurtà f’żona ta’ sigurtà; WARA LI KKUNSIDRAW li r-Repubblika tal-Bulgarija u l-UE jaqblu li konsultazzjonijiet u koperazzjoni għandhom jiġu żviluppati bejniethom dwar kwistjonijiet ta’ interess komuni relatati mas-sigurtà; WARA LI KKUNSIDRAW li għalhekk, f’dan il-kuntest, teżisti ħtieġa permanenti għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata bejn ir-Repubblika tal-Bulgarija u l-UE; WARA LI RRIKONOXXEW li konsultazzjoni u koperazzjoni sħaħ u effettivi jistgħu jeħtieġu aċċess għal informazzjoni u materjal klassifikati tar-Repubblika tal-Bulgarija u ta’ l-UE, kif ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata u materjal relatat bejn ir-Renju tal-Bulgarija u l-UE; Konxji li tali aċċess għal, u skambju ta’, informazzjoni klassifikata u materjal relatat jeħtieġ miżuri xierqa ta’ sigurtà, QABLU KIF ĠEJ: Artikolu 1 Sabiex jitwettqu l-għanijiet tat-tisħiħ tas-sigurtà ta’ kull wieħed mill-Partijiet f’kull mod, dan il-Ftehim għandu japplika għal informazzjoni jew materjal klassifikati fi kwalunkwe forma li huma ġew provduti jew skambjati bejn il-Partijiet. Artikolu 2 Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, informazzjoni klassifikata għandha tfisser kwalunkwe informazzjoni (jiġifieri, tagħrif li jista’ jiġi komunikat fi kwalunkwe forma) jew materjal determinati li jeħtieġu protezzjoni kontra l-iżvelar mhux awtorizzat u li jkunu ġew hekk kwalifikati minn klassifikazzjoni ta’ sigurtà mogħtija lilhom minn kwalunkwe parti għal dan il-Ftehim (minn issa ‘l quddiem: "informazzjoni klassifikata"). Artikolu 3 Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, "UE" għandha tfisser il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea (minn issa ‘l quddiem "il-Kunsill"), is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (minn issa ‘l quddiem "il-Kummissjoni Ewropea"). Artikolu 4 Kull Parti għandha: (a) tipproteġi u tħares informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim provduta jew skambjata mill-Parti l-oħra; (b) tiżgura li informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim provduta jew skambjata iżżomm il-klassifikazzjoni ta’ sigurtà mogħtija lilha mill-Parti li tipprovdiha. Il-Parti li tirċievi għandha tipproteġi u tħares l-informazzjoni klassifikata skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-regolamenti ta’ sigurtà tagħha stess għal informazzjoni jew materjal li għandhom klassifikazzjoni ta’ sigurtà ekwivalenti, kif speċifikat fl-Arranġamenti tas-Sigurtà li jridu jiġu stabbiliti skond l-Artikoli 11 u 12; (ċ) ma tużax tali informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim għal finijiet li ma humiex dawk stabbiliti mill-awtur u dawk li għalihom tingħata jew tiġi skambjata l-informazzjoni; (d) ma tiżvelax tali informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim lil partijiet terzi, jew lil kwalunkwe istituzzjoni jew entità ta’ l-UE mhux imsemmija fl-Artikolu 3, mingħajr il-kunsens minn qabel ta’ min joriġinah. Artikolu 5 1. Informazzjoni klassifikata tista’ tinkixef jew tiġi rilaxxata, skond il-prinċipju tal-kontroll ta’ l-awtur, minn Parti waħda, "il-Parti li tipprovdi", lill-Parti l-oħra, "il-Parti li tirċievi". 2. Għal rilaxx lil riċevituri oħra li mhumiex il-Partijiet ta’ dan il-Ftehim, deċiżjoni dwar żvelar jew rilaxx ta’ informazzjoni klassifikata issir mill-Parti li tirċievi wara l-kunsens tal-Parti li tipprovdi, skond il-prinċipju tal-kontroll ta’ l-awtur kif definit fir-regolamenti ta’ sigurtà tagħha. 3. Fl-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 u 2, l-ebda rilaxx ġeneriku ma hu possibbli sakemm ma jkunux ġew stabbiliti u miftehma proċeduri bejn il-Partijiet dwar ċerti kategoriji ta’ informazzjoni, rilevanti għall-ħtiġiet operazzjonali tagħhom. Artikolu 6 Kull waħda mill-Partijiet, u entitajiet tagħha kif definit fl-Artikolu 3, għandu jkollha organizzazzjoni ta’ sigurtà u programmi ta’ sigurtà, bbażati fuq tali prinċipji bażiċi u standards minimi ta’ sigurtà li għandhom jiġu mplimentati fis-sistemi ta’ sigurtà tal-Partijiet li għandhom jiġu stabbiliti skond l-Artikoli 11 u 12, biex jiżguraw li livell ekwivalenti ta’ protezzjoni jiġi applikat għal informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim. Artikolu 7 1. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-persuni kollha li, fit-twettiq tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom jeħtieġu aċċess, jew li d-dmirijiet jew funzjonijiet tagħhom jistgħu jagħtuhom aċċess, għal informazzjoni klassifikata provduta jew skambjata taħt dan il-Ftehim, jkunu ngħataw l-approvazzjoni tas-sigurtà kif xieraq qabel ma jingħataw aċċess għal tali informazzjoni. 2. Il-proċeduri għall-approvazzjoni tas-sigurtà għandhom jiġu maħsuba biex jiddeterminaw jekk individwu jistax ikollu aċċess għal informazzjoni klassifikata, b’kunsiderazzjoni tal-lealtà u l-affidabbiltà tiegħu/tagħha u kemm wieħed jista’ joqgħod fuqu/ha. Artikolu 8 Il-Partijiet għandhom jipprovdu għajnuna reċiproka fir-rigward tas-sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim u kwistjonijiet ta’ interess komuni ta’ sigurtà. Konsultazzjonijiet u spezzjonijiet reċiproċi ta’ sigurtà għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet kif definit fl-Artikolu 11 biex jistmaw l-effikaċja ta’ l-Arranġamenti tas-Sigurtà fil-ħdan tar-responsabbiltà rispettiva tagħhom li għandha tiġi stabbilita skond l-Artikoli 11 u 12. Artikolu 9 1. Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim: (a) Fir-rigward ta’ l-UE: kull korrispondenza għandha tintbagħat lill-Kunsill fl-indirizz li ġej: Council of the European Union Chief Registry Officer Rue de la Loi/Wetstraat, 175 B-1048 Brussell. Kull korrispondenza għandha tintbagħat mill-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Kunsill lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea bla ħsara għall-paragrafu 2. (b) Fir-rigward tar-Repubblika tal-Bulgarija: kull korrispondenza għandha tiġi indirizzata lir-Reġistru Ċentrali fil-Kummissjoni ta’ l-Istat dwar Sigurtà ta’ Informazzjoni u mibgħuta, fejn xieraq, permezz tal-Missjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija lill-Unjoni Ewropea, fl-indirizzi li ġejjin: State Commission on Information Security Central Registry Angel Kunchev St. 1 Sofia 1040.Mission of the Republic of Bulgaria to the European Union Registry Officer Rue d’Arlon 108 B-1040 Brussels. 2. B’mod eċċezzjonali, korrispondenza minn Parti waħda li hi aċċessibbli biss għal uffiċjali, organi jew servizzi kompetenti speċifiċi ta’ dik il-Parti tista’, għal raġunijiet operazzjonali, tiġi indirizzata u tkun aċċessibbli biss għal uffiċjali, organi jew servizzi kompetenti speċifiċi tal-Parti l-oħra nnominati b’mod speċifiku bħala riċevituri, waqt li jittieħed kont tal-kompetenzi tagħhom u skond il-prinċipju li jistabbilixxi l-ħtieġa li jkunu jafu. Sa fejn għandha x’taqsam l-Unjoni Ewropea, din il-korrispondenza għandha tiġi trasmessa permezz ta’ l-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Kunsill. Artikolu 10 Il-Kummissjoni ta’ l-Istat dwar is-Sigurtà ta’ l-Informazzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u s-Segretarji-Ġenerali tal-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jissorveljaw l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Artikolu 11 Sabiex jiġi implimentat dan il-Ftehim: 1. Il-Kummissjoni ta’ l-Istat dwar is-Sigurtà ta’ l-Informazzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija, li taġixxi f’isem il-Gvern tar-Repubblika tal-Bulgarija u taħt l-awtorità tiegħu, għandha tkun responsabbli għall-iżvilupp ta’ Arranġamenti ta’ Sigurtà għall-protezzjoni u s-salvagwardja ta’ informazzjoni klassifikata provduta lir-Repubblika tal-Bulgarija taħt dan il-Ftehim. 2. L-Uffiċċju tas-Sigurtà tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (minn issa ‘l quddiem: "GSC Uffiċċju tas-Sigurtà"), taħt it-tmexxija u f’isem is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, li jaġixxi f’isem il-Kunsill u taħt l-awtorità tiegħu, għandu jkun responsabbli għall-iżvilupp ta’ Arranġamenti ta’ Sigurtà għall-protezzjoni u s-salvagwardja ta’ informazzjoni klassifikata provduta lill-UE taħt dan il-Ftehim. 3. Id-Direttorat għas-Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea, li jaġixxi f’isem il-Kummissjoni Ewropea u taħt l-awtorità tagħha, għandu jkun responsabbli għall-iżvilupp ta’ Arranġamenti ta’ Sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata provduta jew skambjata taħt dan il-Ftehim fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea u fil-bini tagħha. Artikolu 12 L-Arranġamenti ta’ Sigurtà li għandhom jiġu stabbiliti skond l-Artikolu 11 bi ftehim bejn it-tliet Uffiċċji konċernati għandhom jistabbilixxu l-istandards ta’ protezzjoni reċiproka ta’ sigurtà għal informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim. Għall-UE, dawn l-istandards għandhom ikunu soġġetti għall-approvazzjoni mill-Kumitat tas-Sigurtà tal-Kunsill. Artikolu 13 L-Awtoritajiet definiti fl-Artikolu 11 għandhom jistabbilixxu proċeduri li jridu jiġu segwiti fil-każ li jiġi ppruvat jew suspettat li l-informazzjoni klassifikata ġiet kompromessa bla ħsara għal dan il-Ftehim. Artikolu 14 Qabel ma tingħata informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim bejn il-Partijiet, l-awtoritajiet tas-sigurtà responsabbli definiti fl-Artikolu 11 iridu jaqblu li l-Parti li tirċievi hi kapaċi tipproteġi u tissalvagwardja l-informazzjoni soġġetta għal dan il-Ftehim b’mod konsistenti ma’ l-arranġamenti li għandhom jiġu stabbiliti skond l-Artikoli 11 u 12. Artikolu 15 Dasn il-Ftehim bl-ebda mod ma jżomm lill-Partijiet milli jikkonkludu xi Ftehim ieħor relatat mal-provvediment jew l-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim sakemm dawn ma jkunux f’konflitt mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. Artikolu 16 Id-differenzi kollha bejn l-UE u r-Repubblika tal-Bulgarija li jinqalgħu mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu ttrattati permezz ta’ negozjati bejn il-Partijiet. Artikolu 17 1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum ta’ l-ewwel xahar wara li l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin dwar il-kompletar tal-proċeduri interni meħtieġa għal dan il-għan. 2. Dan il-Ftehim jista’ jiġi rivedut biex jiġu kkunsidrati emendi possibbli fuq talba ta’ kwalunkwe mill-Partijiet. 3. Kwalunkwe emenda għal dan il-Ftehim għandha ssir biss bil-miktub u bi ftehim komuni bejn il-Partijiet. Għandha tidħol fis-seħħ ma’ notifika reċiproca kif previst taħt il-paragrafu 1. Artikolu 18 Dan il-Ftehim jista’ jiġi ddenunzjat minn Parti waħda b’notifika bil-miktub ta’ denunzja mogħtija lill-Parti l-oħra. Tali denunzja għandha tibda sseħħ sitt xhur wara li l-Parti l-oħra tkun irċeviet in-notifika, iżda m’għandiex taffettwa obbligi diġà kkuntrattati taħt id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. B’mod partikolari, kull informazzjoni klassifikata provduta jew skambjata skond dan il-Ftehim għandha tibqa’ tiġi protetta skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fih. B’XHIEDA TA’ DAN, dawn hawn taħt iffirmati, debitament awtorizzati rispettivament, iffirmaw dan il-Ftehim. Magħmul fi Brussell, dan il- 25 ta’ April 2005 f’żewġ kopji t-tnejn bil-lingwa Ingliża. Għar-Repubblika tal-Bulgarija +++++ TIFF +++++ Għall-Unjoni Ewropea +++++ TIFF +++++ --------------------------------------------------