Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0038

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/38 tal-14 ta' Jannar 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 555/2008 fejn għandu x'jaqsam mal-limitu massimu tal-pagamenti akkont bil-quddiem b'appoġġ għall-investiment u l-innovazzjoni fil-kuntest tal-programmi nazzjonali ta' appoġġ fis-settur tal-inbid

ĠU L 11, 16.1.2016, pp. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/38/oj

16.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 11/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/38

tal-14 ta' Jannar 2016

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 555/2008 fejn għandu x'jaqsam mal-limitu massimu tal-pagamenti akkont bil-quddiem b'appoġġ għall-investiment u l-innovazzjoni fil-kuntest tal-programmi nazzjonali ta' appoġġ fis-settur tal-inbid

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikulari l-punti (b), u (f) tal-Artikolu 54 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikoli 19(2) u 20c(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008 (2) jipprevedu d-dispożizzjonijiet dwar l-amministrazzjoni finanzjarja tal-appoġġ li jingħata għall-investiment u għall-innovazzjoni fil-kuntest tal-programmi nazzjonali ta' appoġġ fis-settur tal-inbid. Dawk id-dispożizzjonijiet jiffissaw il-limitu massimu tal-pagamenti akkont bil-quddiem għal 50 % għas-snin fiskali 2013, 2014 u 2015 rigward il-miżura dwar l-investimenti u għas-snin fiskali 2014 u 2015 rigward il-miżura dwar l-innovazzjoni. Din iż-żieda temporanja fuq il-limitu massimu ta' 20 % għandha tibqa' tapplika fl-2016 biex ittaffi l-implimentazzjoni ta' dawk il-miżuri fil-kuntest tal-qagħda finanzjarja mwiegħra li għadha teżisti f'ħafna Stati Membri.

(2)

Għaldaqstant ir-Regolment (KE) Nru 555/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(3)

Biex il-kundizzjonijiet rigward il-pagamenti akkont bil-quddiem stipulati għall-miżuri tal-investiment u tal-innovazzjoni jkomplu żgur kif inhuma u biex żgur ma ssir l-ebda diskriminazzjoni fost il-benefiċjarji, dan ir-Regolament għandu jibda japplika fl-1 ta' Jannar 2016.

(4)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 555/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 19(2), it-tieni sottoparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“L-ammont tal-pagamenti akkont bil-quddiem ma għandux jaqbeż l-20 % tal-għajnuna pubblika marbuta mal-investiment, u l-pagament tiegħu għandu jkun soġġett għall-istabbiliment ta' garanzija bankarja li tkun tikkorrispondi għal 110 % tal-ammont tal-pagament bil-quddiem. Madankollu, fil-każ ta' investimenti li dwarhom tittieħed id-deċiżjoni individwali biex jingħata l-appoġġ fis-snin finanzjarji 2013, 2014, 2015 jew 2016, l-ammont tal-pagamenti bil-quddiem jista' jitla' sa 50 % tal-għajnuna pubblika marbuta ma' dak l-investiment. Għall-finijiet tal-Artikolu 23 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 (*1) l-obbligu għandu jkun li jintefaq l-ammont totali avvanzat fl-implimentazzjoni tal-operazzjoni kkonċernata sentejn wara li jkun sar il-pagament.

(*1)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 tal-11 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 18).” "

(2)

Fl-Artikolu 20c(2), it-tieni sottoparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“L-ammont tal-pagamenti bil-quddiem ma għandux jaqbeż l-20 % tal-għajnuna pubblika marbuta mal-investiment fl-innovazzjoni, u l-ħlas tiegħu għandu jkun soġġett għall-istabbilment ta' garanzija bankarja jew garanzija ekwivalenti li tkun tikkorrispondi għal 110 % tal-ammont avvanzat. Madankollu, fil-każ ta' investimenti fl-innovazzjoni li dwarhom tittieħed id-deċiżjoni individwali biex jingħata l-appoġġ fis-snin finanzjarji 2014, 2015 jew 2016, l-ammont tal-pagamenti bil-quddiem jista' jitla' sa 50 % tal-għajnuna pubblika marbuta ma' dak l-investiment. Għall-finijiet tal-Artikolu 23 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 l-obbligu għandu jkun li jintefaq l-ammont totali avvanzat fl-implimentazzjoni tal-operazzjoni kkonċernata sentejn wara li jkun sar il-pagament.”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Japplika mill-1 ta' Jannar 2016.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Jannar 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008 tas-27 ta' Ġunju 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid fir-rigward ta' programmi ta' appoġġ, kummerċ ma' pajjiżi terzi, potenzjal tal-produzzjoni u kontrolli fis-settur tal-inbid (ĠU L 170, 30.6.2008, p. 1).


Top